Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

2.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 194/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd (ir-Repubblika Slovakka) fl-4 ta’ April 2011 — Daňové riaditeľstvo Slovenskej republiky vs Profitube spol. s.r.o.

(Kawża C-165/11)

2011/C 194/12

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Najvyšší súd

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Daňové riaditeľstvo Slovenskej republiky

Konvenuta: Profitube spol. s.r.o.

Domandi preliminari

(1)

F’sitwazzjoni fejn, matul is-snin 2005 u 2006, importatur ta’ Stat Membru importa f’maħżen doganali pubbliku ta’ dan l-Istat Membru merkanzija li toriġina mit-territorju ta’ Stat mhux membru tal-Unjoni Ewropea (l-Ukraina) li sussegwentement ġiet ipproċessata f’dan il-maħżen doganali taħt is-sistema ta’ perfezzjonament attiv taħt forma ta’ sistema ta’ sospensjoni, u li l-prodott li rriżulta minn dan ma ġiex direttament esportat fis-sens tal-Artikolu 114 tar-Regolament Nru 2913/92, iżda, kuntrarjament, inbigħ mill-proċessatur tal-merkanzija f’dan l-istess maħżen lil kumpannija oħra li toriġina minn dan l-Istat Membru, li min-naħa tagħha ma poġġitux f’ċirkulazzjoni ħielsa mill-maħżen doganli msemmi, iżda reġgħet poġġitu taħt is-sistema tal-maħżen doganali, il-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja dejjem tapplika unikament għall-bejgħ imsemmi iktar ’il fuq f’dan il-maħżen doganali, jew il-bejgħ tal-merkanzija inkwistjoni biddel, f’dan il-punt, is-sitwazzjoni legali fis-sens li t-tranżazzjoni msemmija iktar ’il fuq taqa’ diġà taħt is-sistema tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977 (77/388/KEE) (1), jiġifieri li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud tas-Sitt Direttiva, li l-maħżen doganali pubbliku li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru jkun jagħmel parti mit-territorju tal-Komunità, jiġifieri tat-territorju ta’ dan l-Istat Membru fis-sens tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 tas-Sitt Direttiva?

(2)

Is-sitwazzjoni inkwistjoni iktar ’il fuq tista’ tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-duttrina tal-abbuż ta’ dritt żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li tikkonċerna l-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva (Kawża C-255/02, Halifax), fis-sens li r-rikorrenti, permezz tal-bejgħ tal-merkanzija fil-maħżen doganali pubbliku li jinsab fit-territorju tar-Repubblika Slovakka, diġà effettwat kunsinna ta’ beni bi ħlas fuq it-territorju nazzjonali?

(3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, fis-sens li t-tranżazzjoni inkwistjoni taqa’ diġà taħt is-sistema tas-Sitt Direttiva, din it-tranżazzjoni tiġġenera t-taxxa

(a)

skont l-Artikolu 10(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, meta mqabbla mal-eżiġibbiltà tat-taxxa, minħabba li saret kunsinna ta’ beni f’maħżen doganali li jinsab fuq it-territorju tar-Repubblika Slovakka, jew

(b)

minħabba li, wara li l-merkanzija ġiet importata minn pajjiż terz (Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva), matul il-ħażna f’dan il-maħżen doganali, kienet diġà intemmet il-proċedura doganali permezz tal-bejgħ tal-merkanzija maħżuna lil persuna oħra tal-Istat Membru?

(4)

L-għanijiet tas-Sitt Direttiva espressi fil-preambolu tagħha, fejn l-għanijiet tal-GATT (WTO), huma sodisfatti jekk il-bejgħ tal-merkanzija importata minn pajjiż terz lejn maħżen doganali, li sussegwentement ġiet ipproċessata, mibjugħa lil persuna oħra ta’ dan l-Istat Membru f’maħżen doganali fuq it-territorju ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea ma jaqax taħt is-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dan l-Istat Membru?


(1)  Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).