Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikolu 45 TFUE — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 7(4) — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Żieda fil-paga mħallsa lill-ħaddiema li jitqiegħdu taħt skema ta’ xogħol part-time li tippreċedi l-irtirar mhux volontarju — Ħaddiema transkonfinali suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Istat Membru ta’ residenza — Teħid inkunsiderazzjoni fittizju tat-taxxa fuq is-salarji tal-Istat Membru tal-impjieg”

Fil-Kawża C-172/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeitsgericht Ludwigshafen am Rhein (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ April 2011, fil-proċedura

Georges Erny

vs

Daimler AG — Werk Wörth,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. Erny, minn G. Turek, avukat,

–        għal Daimler AG — Werk Wörth, minn U. Baeck u N. Kramer, avukati,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 TFUE u 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ talba bejn G. Erny, ċittadin Franċiż residenti fi Franza u li jaħdem fil-Ġermanja, u min jimpjegah, Daimler AG — Werk Wörth, (iktar ’il quddiem “Daimler”), dwar il-kalkolu ta’ żieda fis-salarju (iktar ’il quddiem iż-“żieda”) dovuta lilu fil-kuntest ta’ skema msejħa “irtirar kmieni progressiv”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

[...]

4.      Kwalunkwe klawsola ta’ ftehim kollettiv jew individwali jew ta’ kwalunkwe regolament kollettiv ieħor li jikkonċerna l-eliġibilità għall-impjieg, rimunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra ta’ xogħol jew tkeċċija għandhom ikunu nulli u vojta jekk tasal tniżżel jew tawtorizza kondizzjonijiet diskriminatorji fir-rigward ta’ ħaddiema ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħra.”

4        Ir-Regolament Nru 1612/68 ġie mħassar u ssostitwit, mis-16 ta’ Ġunju 2011, bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1).

 Id-dritt nazzjonali

 Il-liġi dwar l-irtirar kmieni progressiv

5        L-Artikolu 1 tal-liġi dwar l-irtirar kmieni progressiv (Altersteilzeitgesetz) jipprovdi:

“1.      L-irtirar kmieni progressiv huwa intiż sabiex jiffaċilita lill-ħaddiema ta’ ċerta età l-passaġġ progressiv mill-ħajja attiva għall-irtirar.

2.      Il-Bundesanstalt für Arbeit (Uffiċċju Federali tax-Xogħol) jiffinanzja, permezz ta’ benefiċċji previsti minn din il-liġi, ix-xogħol part-time tal-ħaddiema ta’ ċerta età li, mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, inaqqsu l-ħin tax-xogħol tagħhom ladarba jilħqu l-età ta’ 55 sena u jippermetti għalhekk ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema li, fin-nuqqas ta’ dan, isibu ruħhom qiegħda.”

6        Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2004, l-Artikolu 3(1)(1)(a) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Id-dritt għall-benefiċċju msemmi fl-Artikolu 4 [rimbors taż-żieda sa limitu tal-ammont legali mill-Uffiċċju Federali tax-Xogħol] jippreżupponi li:

1.      il-persuna li timpjega, abbażi ta’ ftehim kollettiv, […] ta’ ftehim ta’ impriża jew ta’ ftehim konkluż mal-ħaddiem,

a)      ikun żied is-salarju b’20 % tal-inqas matul il-perijodu ta’ irtirar kmieni progressiv, is-salarju l-ġdid għandu madankollu jikkorrispondi tal-inqas għal 70 % tas-salarju preċedenti […] (ammont nett minimu kif iddefinit fl-Artikolu 6(1)) imnaqqas bi tnaqqis legali abitwalment imħallas mill-ħaddiem. […]”

7        Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15 tal-istess liġi:

“Il-Bundesministerium für Arbeit und Soziales (Ministeru Federali tax-Xogħol u tal-Affarijiet soċjali) jista’ jistabbilixxi, permezz ta’ digriet, l-ammonti netti minimi previsti fl-Artikolu 3(1)(1)(a), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2004 […]”

 Id-digriet dwar is-salarju nett minimu

8        Abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Artikolu 15 tal-liġi dwar l-irtirar kmieni progressiv, il-Ministru Federali kompetenti adotta d-digriet dwar is-salarju nett minimu (Mindesnettoentgeltverordnung), li l-verżjoni applikabbli tiegħu fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mid-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2007 (BGBl. 2007 I, p. 3040).

9        Hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, dan id-digriet jinkludi tabella li tippreżenta s-salarji gross arrotondati għal ammont ogħla diviżibbli b’ħamsa u espress f’euro u li tattribwixxilhom ammonti netti minimi, strutturati skont klassijiet tat-taxxa fuq is-salarji. It-taxxa fuq id-dħul (mingħajr kunsiderazzjoni tat-tnaqqis fiskali individwali) kif ukoll il-kontribuzzjoni soċjali ta’ solidarjetà jitnaqqsu minn dawn l-ammonti skont il-klassi fiskali kkonċernata. Rata fissa ta’ 21 % titnaqqas għall-kontribuzzjonijiet soċjali sa limitu tas-salajru ta’ kull xahar li huwa l-bażi tal-kalkolu tal-benefiċċji tax-xjuħija. L-ammonti netti minimi huma għalhekk ikkalkolati sa limitu ta’ 70 % fl-imsemmija tabella.

 Il-ftehim kollettiv dwar l-irtirar kmieni progressiv

10      L-Artikolu 7 tal-ftehim kollettiv dwar l-irtirar kmieni progressiv (Tarifvertrag zur Altersteilzeit), konkluż fit-23 ta’ Novembru 2004, bejn l-Assoċjazzjoni tal-industrija metallurġika u elettriku tal-Palatinat u d-Direttorat Reġjonali tas-sindakat tal-Industrija metallurġika (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv”), jistipula:

“Skont il-verżjoni fis-seħħ tal-Artikolu 3(1)(1)(a) tal-liġi dwar l-irtirar kmieni progressiv, il-ħaddiem jirċievi żieda, minbarra s-salarju tiegħu ta’ rtirar kmieni progressiv. Din iż-żieda għandha madankollu tiġi kkalkolata b’tali mod li s-salarju nett fix-xahar jitla’ tal-inqas għal 82 % tas-salarju fix-xahar gross preċedenti […], imnaqqas bi tnaqqis legali abitwalment imħallas mill-ħaddiema.”

 Il-ftehim ta’ grupp ta’ stabbilimenti

11      Il-ftehim ta’ grupp ta’ stabbilimenti (Gesamtbetriebsvereinbarung), dwar l-implementazzjoni tal-irtirar kmieni progressiv (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ grupp”), ġie konkluż fl-24 ta’ Lulju 2000 fi ħdan il-kumpannija DaimlerChrysler AG (li saret Daimler) li tella’ ż-żieda minn 82 % għal 85 %.

12      Il-punt 8.3 ta’ dan il-ftehim jipprovdi:

“Iż-żieda għandha tiġi kkalkolata b’tali mod li l-ħaddiem għandu jirċievi, matul il-fażi ta’ xogħol, tal-inqas 85 % tas-salarju preċedenti (kif iddefinit fl-Artikolu 8.2.2) imnaqqas bi tnaqqis legali abitwalment imħallas mill-ħaddiema u, matul il-fażi ta’ eżenzjoni mix-xogħol, tal-inqas 85 % tas-salarju preċedenti (kif iddefinit fl-Artikolu 8.2.3) imnaqqas bi tnaqqis legali abitwalment imħallas mill-ħaddiema.”

 Il-ftehim ta’ rtirar kmieni progressiv

13      Il-ftehim ta’ rtirar kmieni progressiv konkluż bejn il-partijiet (Altersteilzeitvertrag der Parteien), jinkludi l-Artikolu 5, intitolat “benefiċċji addizzjonali tal-persuna li timpjega”, li l-paragrafu 1 jipprovdi:

“Skont il-[ftehim ta’ grupp], ir-remunerazzjoni fix-xahar netta dovuta matul l-irtirar kmieni progressiv titnaqqas għal 85 % tar-remunerazzjoni fix-xahar netta fissa full-time (bażi: digriet dwar is-salarju nett minimu fil-verżjoni fis-seħħ tiegħu). Minbarra r-remunerazzjoni netta ddefinita fl-Artikolu 4, l-impjegat għalhekk jirċievi żieda kull xahar.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      G. Erny huwa ħaddiem transkonfinali fis-sens tal-ftehim konkluż bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ħelsien mit-taxxa doppja. Id-dħul tiegħu miġbur fil-Ġermanja huwa suġġett għat-taxxa fi Franza, wara tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa fil-Ġermanja. Peress illi r-rata tat-taxxa fuq is-salarji hija iktar baxxa fi Franza milli fil-Ġermanja, ħaddiem bħal G. Erny jirċievi dħul nett ogħla minn dak ta’ ħaddiem paragunabbli residenti fil-Ġermanja.

15      Fis-17 ta’ Novembru 2006, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew ftehim ta’ rtirar kmieni progressiv li permezz tiegħu il-kuntratt ta’ xogħol inizjali full-time ta’ G. Erny sar, mill-1 ta’ Settembru 2007, kuntratt ta’ xogħol part-time.

16      Skont dan il-ftehim, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-partijiet mhux ser tapplika iktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2012. Matul il-perijodu ta’ rtirar kmieni progressiv, G. Erny ser jirċievi, minbarra r-remunerazzjoni part-time, iż-żieda. Skont l-Artikolu 5 ta’ dan il-ftehim, ir-remunerazzjoni fix-xahar netta part-time “hija miġjuba għal 85 % tar-remunerazzjoni fix-xahar netta fissa full-time (bażi: digriet dwar is-salarju nett minimu fil-verżjoni fis-seħħ tiegħu).”

17      Kif ġie rrilevat fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, id-digriet dwar is-salarju nett minimu jinkludi tabella li tassoċja mas-salarji gross dak li ġie miftiehem li jissejħu ammonti netti minimi strutturati skont klassijiet ta’ tassazzjoni Ġermaniżi. It-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża (minbarra t-tnaqqis fiskali individwali), il-kontribuzzjoni soċjali ta’ solidarjetà u rata fissa ta’ 21 % skont il-kontribuzzjonijiet soċjali jitnaqqsu mis-salarju gross skont il-klassi ta’ tassazzjoni. 70 % tas-salarju nett hekk stabbilit huwa indikat fit-tabella bħala ammont nett minimu.

18      Skont il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz), iż-żidiet imħallsa lill-ħaddiema taxxabbli fil-Ġermanja huma eżentati mit-taxxa u għalhekk ma humiex iktar suġġetti għall-kontribuzzjonijiet soċjali Ġermaniżi, minkejja li ż-żieda tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata r-rata ta’ taxxa applikabbli.

19      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont taż-żieda, Daimler tiddefinixxi, fl-ewwel lok, bħala bażi ta’ kalkolu, salarju fittizju ekwivalenti għal 85 % tar-remunerazzjoni fix-xahar netta fissa mħallsa għal xogħol part-time. Biex tagħmel dan, hija tiddetermina, skont is-salarju gross li G. Erny jirċievi li kieku ma kienx f’irtirar kmieni, salarju fiss nett ta’ 70 % peremzz tal-użu tat-tabella tal-ammonti netti minimi u ġġib is-salarju tiegħu sussegwentement għal 85 %. Fil-kawża prinċipali, il-persuna li timpjega, sabiex tistabbilixxi ammonti korrispondenti f’din it-tabella, tbbaża ruħha b’mod fittizju fuq il-klassi III ta’ tassazzjoni fil-Ġermanja (ħaddiem miżżewweġ).

20      Fit-tieni lok, il-persuna li timpjega tistabbilixxi, għall-ħaddiem ikkonċernat “salarju nett individwali ta’ rtirar kmieni progressiv”. Fil-każijiet tal-ħaddiema taxxabbli fil-Ġermanja, hija tnaqqas għal dan il-għan it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali realment dovuti mir-remunerazzjoni relatata mal-irtirar kmieni progressiv (ugwali għal 50 % tas-salarju gross irċevut qabel l-irtirar kmieni). F’dak li jikkonċerna l-ħaddiema transkonfinali, hija tnaqqas il-kontribuzzjonijiet soċjali realment dovuti u, b’mod fittizju, it-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża. Dan l-aħħar ammont jikkorrispondi għat-taxxa fuq is-salarji li għandu jħallas ħaddiem taxxabbli fil-Ġermanja u għandu jippreżenta l-istess karatteristiċi personali bħall-ħaddiem transkonfinali (salarju gross, sitwazzjoni tal-familja).

21      Fl-aħħar nett, iż-żieda tikkorrispondi għad-differenza bejn is-salarju fittizju ekwivalenti għal 85 % tar-remunerazzjoni fix-xahar netta fissa għal impjieg full-time u s-salarju nett individwali ta’ rtirar kmieni progressiv.

22      Daimler tqis li l-metodu ta’ kalkolu tagħha jippermetti li tiġi stabbilita bażi ta’ kalkolu uniformi għall-ħaddiema kollha f’irtirar kmieni progressiv. L-ammont individwali tat-taxxa ma jittieħedx inkunsiderazzjoni għal ebda ħaddiem, peress li hija t-taxxa fissa għas-salarji li tapplika, u ebda ħaddiem, anki jekk huwa taxxabbli fil-Ġermanja, ma jirċievi 85 % eżattament tal-ammont nett tas-salarju li kien jitħallas lilu qabel. L-użu tar-rata fissa jservi, qabel kollox, sabiex tiġi evalwata t-taxxa globali, sabiex issir ekonomija fuq l-ispejjeż amministrattivi u sabiex tiġi ssemplifikata l-proċedura. Kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Merida (C-400/02, Ġabra p. I-8471), iż-żieda ma għandhiex funzjoni kumpensatorja u Daimler lanqas ma ħadet impenn sabiex tħallas salarju nett iggarantit li fuqu hija kellha tħallas totalment jew parzjalment it-taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali relatati miegħu.

23      G. Erny jallega, kuntrarjament għal Daimler, li ż-żieda hija suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fi Franza u li t-taxxa doppja de facto li tirriżulta mill-metodu ta’ kalkolu inkwistjoni twassal għal diskriminazzjoni, peress li sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati bl-istess mod.

24      Konsegwentement, G. Erny ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jikseb mingħand il-persuna li timpjegah il-ħlas ta’ żieda iktar għolja minn dik li jirċievi u li l-ammont tagħha huwa jikkalkolah kif isegwi.

25      Fl-ewwel lok, huwa jiddefinixxi s-salarju fittizju ekwivalenti għal 85 % billi jnaqqas mill-aħħar salarju gross tiegħu li jikkorrispondi għal impjieg full-time ir-rata fissa ta’ 21% bħala kontribuzzjonijiet soċjali, iżda mhux, b’mod fittizju, it-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża skont it-tabella tal-ammont netti minimi riprodotti fid-digriet dwar is-salarju nett minimu. Minbarra dan huwa jiddetermina l-ammont korrispondenti għal 85 % tar-riżultat hekk miksub. Fit-tieni lok, huwa jikkalkola s-salarju nett individwali ta’ rtirar kmieni progressiv billi jnaqqas mir-remunerazzjoni tiegħu ta’ rtirar kmieni progressiv, li hija ugwali għal nofs is-salarju gross għal impjieg full-time, l-imposti soċjali realment dovuti, iżda mingħajr ma jnaqqas, b’mod fittizju, it-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża. Skont dan il-metodu ta’ kalkolu, id-differenza bejn iż-żieda li Daimler tħallas lil G. Erny u l-ammont li jirriżulta minn dan il-metodu ta’ kalkolu tirrappreżenta nuqqas ta’ EUR 424.40 fix-xahar li għandu jiġi rkuprat.

26      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ħaddiema transkonfinali taxxabbli fi Franza jirċievu ammont nettament inferjuri għal 85 % tad-dħul nett li huma kienu jirċievu qabel il-bidu tal-irtirar kmieni progressiv, filwaqt li l-ħaddiema taxxabbli fil-Ġermanja jirċievu ammont li jikkorrispondi b’mod fiss għal 85 % tad-dħul nett preċedenti tagħhom. Din is-sitwazzjoni tispjega ruħha prinċipalment mill-fatt li r-rati ta’ tassazzjoni Ġermaniżi huma ogħla mir-rati ta’ taxxa fi Franza. Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li persuni fis-sitwazzjoni ta’ G. Erny għandhom iħallsu wkoll it-taxxa fuq iż-żieda fi Franza.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeitsgericht Ludwigshafen am Rhein, fid-dawl tas-sentenza Merida, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Klawżola inkluża fi ftehim individwali dwar l-irtirar kmieni progressiv, li tipprovdi li ż-żieda miftiehma għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tad-digriet dwar is-salarju nett minimu anki fir-rigward tal-ħaddiema transkonfinali minn Franza — kif previst fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim dwar l-irtirar kmieni progressiv konkluż bejn il-partijiet —, tikser l-Artikolu 45 TFUE, kif implementat permezz tal-Artikolu 7(4) tar-[Regolament Nru 1612/68]?

2)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 45 TFUE, kif implementat permezz tal-Artikolu 7(4) tar-[Regolament Nru 1612/68], dispożizzjonijiet analogi li jinsabu fi ftehim, bħall-Artikolu 8.3 tal-[Ftehim ta’ grupp] u bħall-Artikolu 7 tal-[Ftehim kollettiv], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward tal-ħaddiema transkonfinali, iż-żieda ma għandhiex tiġi kkalkolata fuq il-bażi tat-tabella prevista fid-digriet imsemmi iktar ’il fuq?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

28      Daimler issostni li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex dubju dwar il-portata tad-dritt tal-Unjoni, iżda titlob fir-realtà lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tgħinha tinterpreta l-leġiżlazzjoni Ġermaniża rilevanti kif ukoll il-ftehim ta’ grupp u l-ftehim kollettiv. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

29      Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

30      Ċertament, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ klawżoli ta’ ftehim jew ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas dwar il-konformità ta’ tali klawżoli jew dispożizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Madankollu, hekk kif il-qorti tar-rinviju espressament irrilevat, it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-“interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” u, iktar preċiżament, l-Artikoli 45 TFUE u 7(4) tar-Regolament Nru 1612/68.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tillimita l-eżami tagħha għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi tipprovdi interpretazzjoni tagħhom li tkun utli għall-qorti tar-rinviju li, min-naħa tagħha, għandha tevalwa l-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-klawżoli ta’ ftehim tal-imsemmi dritt (sentenza Attanasio Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

33      Fid-dawl ta’ dan kollu, għandha tingħata risposta għad-domandi preliminari.

 Fuq il-mertu

34      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 45 TFUE u 7(4) tar-Regolament Nru 1612/68 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu klawżoli ta’ ftehim kollettivi u individwali, fejn skont dawn, żieda bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li titħallas mill-persuna li timpjega fil-kuntest ta’ skema ta’ rtirar kmieni progressiv, għandha tiġi kkalkolata b’tali mod li t-taxxa fuq is-salarji dovuta mill-ħaddiem fl-Istat Membru ta’ impjieg titnaqqas b’mod fittizju waqt id-determinazzjoni tal-bażi ta’ kalkolu ta’ din iż-żieda, filwaqt li, skont ftehim fiskali għall-ħelsien mit-taxxa doppja, il-pagi, is-salarji u r-remunerazzjonijiet analogi mħallsa lill-ħaddiema li ma jirrisjedux fl-Istat Membru ta’ impjieg huma taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar. F’każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema huma l-konsegwenzi għall-kalkolu taż-żieda dovuta lil dawn il-ħaddiema.

35      L-Artikolu 45(2) TFUE jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jikkonċerna l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

36      Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni tapplika mhux biss għall-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, iżda wkoll għal kull ftehim li huwa intiż sabiex jirregola b’mod kollettiv l-impjieg bi ħlas, kif ukoll għall-kuntratti bejn individwi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli, C-94/07, Ġabra p. I-5939, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1612/68, li jiċċara u jimplementa ċerti drittijiet li l-ħaddiema migranti jgawdu taħt l-Artikolu 45 TFUE (sentenza Merida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19), jipprovdi li kull klawżola ta’ ftehim kollettiv jew individwali li tikkonċerna, b’mod partikolari, ir-remunerazzjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u tat-tkeċċija hija nulla ipso iure sa fejn tipprevedi kundizzjonijiet diskriminatorji fir-rigward ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

38      Benefiċċju bħaż-żieda, li titħallas minbarra r-remunerazzjoni mogħtija lill-ħaddiema li jitqiegħdu taħt skema ta’ rtirar kmieni progressiv, jaqa’ inkontestabbilment, bħala element tar-remunerazzjoni, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti, indipendentement mill-fatt li, skont il-liġi dwar l-irtirar kmieni progressiv, il-finanzjament taż-żieda huwa, parzjalment, żgurat minn fondi pubbliċi fil-forma ta’ rimbors lill-persuna li timpjega. Ħaddiem transkonfinali li jsib ruħu fis-sitwazzjoni ta’ G. Erny jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ tali żieda (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Merida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

39      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, tipprekludi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ovvji, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda anki kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, effettivament twassal għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn, C-237/94, Ġabra p. I-2617, punt 17).

40      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma jitlobx biss li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti iżda wkoll li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali (ara, b’mod partikolari is-sentenza Merida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

41      Ħlief jekk tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan segwit, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew klawżola ta’ ftehim għandha titqies bħala indirettament diskriminatorja meta, min-natura tagħha stess, tista’ taffettwa iktar lill-ħaddiema migranti milli l-ħaddiema nazzjonali u, għaldaqstant, ikun hemm riskju li tal-ewwel tiżvantaġġahom iktar partikolarment (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Merida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). Sabiex miżura tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li hija jkollha bħala l-effett li tiffavorixxi ċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li tisfavorixxi biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra bl-esklużjoni taċ-ċittadini nazzjonali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-542/09, punt 38).

42      F’dan il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni fittizju tat-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża għandu impatt sfavorevoli fuq is-sitwazzjoni tal-ħaddiema transkonfinali, peress li t-tnaqqis fittizju ta’ din it-taxxa waqt id-determinazzjoni tal-bażi ta’ kalkolu taż-żieda jiżvantaġġa l-persuni li, bħal G. Erny, jirrisjedu u huma taxxabbli fi Stat Membru għajr ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta pparagunati mal-ħaddiema li għandhom ir-residenza tagħhom u huma taxxabbli f’dan l-Istat tal-aħħar.

43      Fil-fatt, skont il-konstatazzjonijiet imwettqa mill-qorti tar-rinviju, meta ż-żieda hija kkalkolata abbażi tad-digriet dwar is-salarju nett minimu, l-impjegati li jinsabu f’irtirar kmieni progressiv taxxabbli fil-Ġermanja jirċievu ammont li jikkorrispondi approssimattivament għal 85 % tad-dħul nett li huma kienu jirċievu preċedentement skont l-aħħar impjieg full-time tagħhom. Ir-raġuni hija li, billi d-digriet huwa bbażat fuq il-klassijiet u l-karatteristiċi tat-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża, is-sitwazzjoni fiskali li fiha dawn l-impjegati kienu jinsabu qabel l-ammissjoni tagħhom fl-iskema ta’ rtirar kmieni progressiv tittieħed inkunsiderazzjoni u hija riflessa fil-metodu ta’ kalkolu.

44      Min-naħa l-oħra fir-rigward tal-ħaddiema transkonfinali, l-ammont irċevut huwa nettament inqas mill-85 % tad-dħul nett li huma kienu jirċievu sa dak iż-żmien. Skont il-qorti tar-rinviju, dan huwa spjegat prinċipalment mill-fatt li t-tabella li tidher f’dan id-digriet tinkludi r-rati tat-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża, applikabbli meta daħal fis-seħħ ta’ din id-digriet, u li dawn ir-rati huma ogħla mir-rati ta’ tassazzjoni paragunabbli fi Franza. Il-metodu ta’ kalkolu taż-żieda huwa bbażat għalhekk fuq sitwazzjoni fiskali “fittizja” li ma għandha ebda relazzjoni mad-dħul li dawn il-ħaddiema transkonfinali kienu jirċievu preċedentement skont l-aħħar impjieg li huma kienu jeżeċitaw full-time.

45      Konsegwentement, fil-każ tal-ħaddiema transkonfinali, l-applikazzjoni fittizja tar-rata tat-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża tipprekludi li l-ammont imħallas jikkorrispondi approssimattivament għal 85 % tar-remunerazzjoni netta li ħaddiem irċieva qabel għal impjieg full-time, kuntrarjament għal dak li huwa ġeneralment il-każ għall-ħaddiema residenti fil-Ġermanja.

46      Barra minn hekk, hekk kif ġie rrilevat minn G. Erny mingħajr ma dan ġie kkontestat minn Daimler waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġutsizzja, iż-żieda mħallsa lill-ħaddiema transkonfinali bħal G. Erny hija taxxabbli fi Franza.

47      Sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu għall-ħaddiema transkonfinali, Daimler tressaq id-diffikultajiet amministrattivi li toħloq l-applikazzjoni ta’ metodi differenti ta’ kalkolu abbażi tar-residenza tal-persuna kkonċernata u l-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq is-salarji Ġermaniża.

48      Issa, dawn il-ġustifikazzjonijiet, ibbażati fuq iż-żieda tal-imposti finanzjarji u ta’ eventwali diffikultajiet amministrattivi, għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, tali motivazzjonijiet ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 45 TFUE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Merida, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30), peress illi n-natura pubblika jew privata tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma għandha ebda impatt fuq il-portata jew il-kontenut ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 19959, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 86).

49      Daimler tinvoka minbarra dan l-awtonomija li għandhom jibbenefikaw minnha l-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

50      Madankollu, għalkemm jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 152 TFUE li l-Unjoni Ewropea tosserva l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, xorta jibqa’ l-fatt li, kif huwa stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt tal-ħaddiema u tal-persuni li jimpjegaw, jew tal-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa għandu jiġi eżerċitat fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C-447/09, Ġabra p. I-8003, punt 47) u, għaldaqstant, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

51      Fl-aħħar nett, ma huwiex rilevanti l-fatt li l-ħaddiema li sabu ruħhom fis-sitwazzjoni ta’ G. Erny kienu ġew informati minn qabel bil-metodu ta’ kalkolu taż-żieda mill-persuna li timpjegahom u li huma setgħu jirrinunzjaw għall-benefiċċju tal-iskema ta’ rtirar kmieni progressiv. Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 45 TFUE tapplika, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, għall-ftehim kollha intiżi sabiex jirregolaw kollettivament ix-xogħol imħallas u l-kuntratti konklużi bejn individwi.

52      Skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1612/68, klawżoli ta’ ftehim kollettivi jew individwali li jistabbilixxu diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità huma nulli ipso iure.

53      La l-Artikolu 45 TFUE u lanqas id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1612/68 ma jimponu fuq l-Istati Membri jew fuq persuna li timpjega privata bħal Daimler miżura speċifika fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet iħallulhom il-libertà li jagħżlu minn fost id-diversi soluzzjonijiet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li huwa intiż minnhom rispettivament, skont sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jippreżentaw ruħhom (sentenza Raccanelli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li l-Artikoli 45 TFUE u 7(4) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprekludu li klawżoli ta’ ftehim kollettivi u individwali, li skonthom żieda fil-paga bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li titħallas mill-persuna li timpjega fil-kuntest ta’ skema ta’ rtirar kmieni progressiv, għandha tiġi kkalkolata b’tali mod li t-taxxa fuq is-salarji dovuta fl-Istat Membru ta’ impjieg titnaqqas b’mod fittizju waqt id-determinazzjoni tal-bażi ta’ kalkolu ta’ din iż-żieda, filwaqt li, skont ftehim fiskali għall-ħelsien mit-taxxa doppja, il-pagi, is-salarji u r-remunerazzjonijiet analogi mħallsa lill-ħaddiema li ma jirrisjedux fl-Istat Membru ta’ impjieg huma taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar. Skont l-imsemmi Artikolu 7(4), tali klawżoli huma nulli ipso iure. L-Artikolu 45 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1612/68 jħallu lill-Istati Membri jew lill-imsieħba soċjali l-libertà li jagħżlu minn fost id-diversi soluzzjonijiet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan intiż minn dawn id-dispożizzjonijiet rispettivi.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’u tiddeċiedi:

L-Artikoli 45 TFUE u 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, jipprekludu li klawżoli ta’ ftehim kollettivi u individwali, li skonthom żieda fil-paga bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li titħallas mill-persuna li timpjega fil-kuntest ta’ skema ta’ rtirar kmieni progressiv, għandha tiġi kkalkolata b’tali mod li t-taxxa fuq is-salarji dovuta fl-Istat Membru ta’ impjieg titnaqqas b’mod fittizju waqt id-determinazzjoni tal-bażi ta’ kalkolu ta’ din iż-żieda, filwaqt li, skont ftehim fiskali għall-ħelsien mit-taxxa doppja, il-pagi, is-salarji u r-remunerazzjonijiet analogi mħallsa lill-ħaddiema li ma jirrisjedux fl-Istat Membru ta’ impjieg huma taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar. Skont l-imsemmi Artikolu 7(4), tali klawżoli huma nulli ipso iure. L-Artikolu 45 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1612/68 jħallu lill-Istati Membri jew lill-imsieħba soċjali l-libertà li jagħżlu minn fost id-diversi soluzzjonijiet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan intiż minn dawn id-dispożizzjonijiet rispettivi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.