Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

9.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 204/15


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ April 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-193/11)

2011/C 204/28

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Lozano Palacios u K. Herrmann, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tikkonstata li, billi applikat sistema partikolari tal-VAT lill-aġenziji tal-ivvjaġġar fil-każ ta’ bejgħ ta’ servizzi turistiċi lill-benefiċjarji għajr vjaġġaturi, skont l-Artikolu 119(3) tal-Liġi tal-11 ta’ Marzu dwar it-taxxi fuq il-beni u s-servizzi (iktar ’il quddiem il-“il-Liġi Pollakka dwar il-VAT”), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/11/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1);

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont il-Kummissjoni, l-applikazzjoni mir-Repubblika tal-Polonja ta’ sistema partikolari tal-VAT għall-aġenziji tal-ivvjaġġar, abbażi tal-Artikolu 119 tal-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2004, dwar it-taxxa fuq il-beni u s-servizzi, fil-każ ukoll fejn il-klijenti tas-servizzi turistiċi huma persuni oħra għajr vjaġġaturi, ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ tal-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva 2006/112/KE.

Insostenn tal-argument tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva 2006/11/KE jikkorrispondu għall-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Ħames mis-sitt verżjonijiet lingwistiċi li kien hemm dakinhar (jiġifieri, il-verżjonijiet kollha minbarra l-verżjoni bl-Ingliż) kienu kompletament koerenti u kienu jużaw il-kelma “vjaġġatur” (“turysta”) b’mod konsistenti fit-test tal-Artikolu 26. Il-kelma “klijent” (“nabywca”) kienet biss inkluża f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 306 ibbażati fuq il-verżjoni Ingliża (“customer”). Madankollu, f’dawn il-każijiet, id-dispożizzjonijiet sussegwenti li jikkonċernaw sistema partikolari (Artikoli 307 sa 310) jużaw il-kelma “vjaġġatur” (“turysta”, “traveller”), u din tikkostitwixxi indikazzjoni tal-użu żbaljat tal-kelma “klijent” fl-Artikolu 306.

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-għan tas-sistema partikolari tal-VAT għall-aġenziji tal-ivvjaġġar, jiġifieri, s-semplifikazzjoni tal-ġbir, jitwettaq aħjar bl-interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-klijenti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din is-sistema ma tistax tiġi bbażata biss fuq interpretazzjoni teoloġika li tmur kontra d-deċiżjoni ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tirriżulta mill-kliem tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.


(1)  ĠU L 347, p. 1.