Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2012 (*)

“Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 49 TFUE — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kapital — Kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital — Telf tal-kwalità ta’ persuna taxxabbli suġġetta għat-taxxa fuq il-kapital wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija lejn Stat Membru ieħor — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali”

Fil-Kawża C-380/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, mressqa mit-Tribunal administratif (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

DI. VI. Finanziaria di Diego della Valle & C. SapA

vs

Administration des contributions en matière d’impôts,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann, L. Bay Larsen u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal DI. VI. Finanziaria di Diego della Valle & C. SapA, minn J.-P. Winandy, avukat,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz, bħala aġent, assistit minn M. Adams, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn DI. VI. Finanziaria di Diego della Valle & C. SapA (iktar ’il quddiem “DIVI”), kumpannija rregolata mid-dritt Taljan li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fl-Italja, kontra l-awtorità tat-taxxa Lussemburgiża fir-rigward tat-tneħħija, minħabba t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannijà DA. DV. Family Holding Sàrl (iktar ’il quddiem “DADV”) lejn Stat Membru ieħor li ma huwiex il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital li minnu kienet tibbenefika din tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku Lussemburgiż

3        Il-Liġi tas-16 ta’ Ottubru 1934 dwar it-taxxa fuq il-kapital, kif emendata bil-Liġi tal-21 ta’ Diċembru 2001 li temenda ċerti dispożizzjonijiet fil-qasam tat-taxxi diretti u indiretti (Mémorial A 2001, 157, p. 3312, iktar ’il quddiem il-“LIF”), tirregola t-taxxa diretta fuq il-kapital.

4        Minn din il-liġi jirriżulta li l-organi ta’ natura kollettiva huma suġġetti għal din it-taxxa diretta.

5        Il-paragrafu 8a tal-imsemmija liġi jipprovdi l-possibbiltà li wieħed jibbenefika minn tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital u jirregola l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan it-tnaqqis, fir-rigward tal-persuni taxxabbli msemmija fil-punt 2 tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-LIF, li fosthom hemm l-organi ta’ natura kollettiva.

6        Il-paragrafu 8a tal-LIF jipprovdi:

“1.      Il-kontribwenti msemmija fil-punt 2 tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 li jimpenjaw ruħhom li jinkludu, billi jallokaw mill-qliegħ ta’ sena taxxabbli speċifika, riżerva fil-bilanċ tagħhom intiża li tinżamm għall-ħames snin taxxabbli segwenti, għandhom jibbenefikaw, fuq talba li għandha titressaq mad-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, minn tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital dovuta abbażi tal-istess sena taxxabbli. Dan it-tnaqqis jammonta għal 20 % tar-riżerva stabbilita, mingħajr, madankollu ma jaqbeż it-taxxa fuq id-dħul tal-kollettivitajiet, flimkien mal-kontribuzzjoni għall-fond għax-xogħol, dovuta qabel l-eventwali tnaqqis abbażi tal-istess sena taxxabbli. Ir-riżerva għandha tiġi stabbilità flimkien mad-dikjarazzjoni ta’ qliegħ tas-sena tal-operat, iżda l-iktar tard mal-għeluq tas-sena tal-operat ta’ wara dik li tat lok għad-dritt għat-tnaqqis.

[…]

3.       Fil-każ li din ir-riżerva tintuża qabel ma jgħaddi l-perijodu ta’ ħames snin għal finijiet oħrajn għajr l-inkorporazzjoni tal-kapital, il-kwota tat-taxxa fuq il-kapital tal-kontribwenti għas-sena taxxabbli inkwistjoni għandha tgħola bl-ammont ta’ 20 % tal-ammont tar-riżerva użata.

[…]

Fil-każ ta’ amalgamazzjoni jew ta’ assorbiment, il-kumpannija li tassorbi jew kwalukwe kumpannija tal-grupp tista’ tkompli r-riżerva li tidher fil-bilanċ tal-kumpannija li ġiet assorbita sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-perijodu ta’ żamma ta’ ħames snin.”

7        Fl-Artikolu 172 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dhul (Mémorial A 1967, 79, p. 1228, iktar ’il quddiem il-“LIR”) kif emendata, li jagħmel riferiment għall-Artikolu 169 ta’ din l-istess liġi, il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża tipprovdi lill-kumpanniji residenti l-possibbiltà li jitrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom lejn Stat ieħor u tindika l-konsegwenzi fiskali ta’ tali trasferiment.

8        L-Artikolu 172 tal-LIR jipprovdi:

“1.      Meta organu ta’ natura kollettiva residenti jittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat u l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu lejn pajjiż barrani u għal din ir-raġuni ma jibqax kontribwenti residenti, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 169 huma applikabbli. Il-valur stmat realizzabbli tal-assi kollha tal-attiv u tal-passiv tal-bilanċ fil-mument tat-trasferiment [għandu] għandu jitqies bħala r-riżultat nett ta’ likwidazzjoni.

[...]”

9        L-Artikolu 169 tal-LIR jipprovdi:

“1.       L-organi ta’ natura kollettiva li ġew xolti huma taxxabbli fuq il-profitt nett magħmul matul il-likwidazzjoni.

[...]

5.      L-attiv nett investit, meta seħħ ix-xoljiment, huwa dak tal-għeluq tas-sena tal-operat preċedenti għal dik tax-xoljiment, hekk kif ġie ddikjarat għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tal-kollettivitajiet. Jekk l-intaxxar ma seħħx fuq din il-bażi, dan għandu jiġi stabbilit ex officio permezz ta’ ntaxxar. L-attiv nett investit għandu jitnaqqas bl-ammont tal-profitt magħmul matul is-sena finanzjarja preċedenti li tqassam wara l-għeluq tas-sena finanzjarja.

[...]”

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      DADV hija kumpannija stabbilita skont id-dritt Lussemburgiż. L-uffiċċju rreġistrat tagħha kien jinsab, sat-12 ta’ Ottubru 2006, fil-Lussemburgu. F’din id-data hija ttrasferiet dan l-uffiċċju lejn l-Italja.

11      Għas-sena 2004, DADV ibbenefikat minn tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital ta’ EUR 50 965, li kien jikkorrispondi għall-ammont tat-taxxa fuq il-kapital dovuta minn din il-kumpannija minħabba bażi taxxabbli ta’ EUR 10 193 000. L-ammont tar-riżerva mhux distribwibbli stabbilita, skont il-paragrafu 8a(1) tal-LIF, b’allokazzjoni mill-qligħ ta’ sena taxxabbli 2004, kien ta’ EUR 254 825.

12      Mid-dikjarazzjoni tat-taxxa stabbilita minn DADV għas-sena finanzjarja 2005 jirriżulta li din indikat bażi taxxabbli ta’ EUR 9 364 604, li kienet tiġġenera taxxa fuq il-kapital ta’ EUR 46 820. Sabiex tiġi eżentata mill-ħlas tagħha hija stabbilixxiet riżerva mhux distribwibbli ta’ EUR 234 100.

13      Għas-sena 2006 DADV iddikjarat bażi taxxabbli ta’ EUR 249 987, li kienet tiġġenera taxxa fuq il-kapital ta’ EUR 1 245.

14      Matul Diċembru 2006, DADV ġiet assorbita b’amalgamazzjoni minn DIVI.

15      Inkwantu suċessur ta’ DADV, għall-perijodu li din kienet taxxabbli fil-Lussemburgu, DIVI talbet, abbażi tal-paragrafu 8a tal-LIF, it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital dovuta minn DADV għas-snin finanzjarji 2005 u 2006.

16      L-administration des contributions en matière d’impôts [Awtorità tal-kontribuzzjonijiet fil-qasam tat-taxxa] rrifjutat li tilqa’ dawn it-talbiet peress li l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 8a tal-LIF ma kinux sodisfatti.

17      Għalhekk, fil-15 ta’ Lulju 2009, l-uffiċċju tat-taxxa ħareġ, fir-rigward ta’ DADV, kont tat-taxxa għal kull sena kkonċernata. Fl-ewwel kont, dwar is-sena finanzjarja 2005, l-Awtorità tat-taxxa qieset li l-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija kienet, fl-1 ta’ Jannar 2005, ta’ EUR 9 364 000 u, konsegwentement, iffissat l-ammont tat-taxxa fuq il-kapital dovuta għal EUR 46 820.

18      Fit-tieni kont, dwar is-sena finanzjarja 2006, din l-awtorità ffissat il-bażi taxxabbli fl-1 ta’ Jannar 2006 għal EUR 9 131 000 u l-ammont tat-taxxa fuq il-kapital dovuta għal EUR 45 655.

19      Barra minn hekk, f’dan l-aħħar kont, l-uffiċċju tat-taxxa ddeċieda li DADV kienet iddistribwiet prematurament r-riżerva stabbilita skont il-paragrafu 8a tal-LIF b’allokazzjoni mill-qligħ ta’ sena taxxabbli 2004. Konsegwentement, dan l-uffiċċju eżieġa li DADV tħallas is-somma ta’ EUR50 965, ekwivalenti għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital li minnu kienet ibbenefikat din il-kumpannija abbażi tas-sena finanzjarja 2004.

20      Permezz ta’ lment imressaq fid-9 ta’ Ottubru 2009, DIVI talbet il-bdil jew l-annullament ta’ dawn iż-żewġ kontijiet tat-taxxa, billi sostniet li hija kellha tibbenefika minn tnaqqis tat-taxxa skont il-paragrafu 8a tal-LIF, sa fejn hija kienet stabbilixxiet riżerva mhux distribwibbli kif previst f’din id-dispożizzjoni.

21      Peress li l-administration des contributions en matière d’impôts ma rrispondietx għal dan l-ilment, fil-15 ta’ Ottubru 2009 DIVI ppreżentat rikors quddiem it-Tribunal administratif [Qorti amministrattiva] fejn talbet il-bdil jew l-annullament tal-imsemmija kontijiet tat-taxxa.

22      Quddiem din il-qorti DIVI sostniet li l-uffiċċju tat-taxxa kien għamel evalwazzjoni żbaljata tal-paragrafu 8a tal-LIF. Hija sostniet li fil-bilanċ tagħha DADV kienet stabbilixxiet riżerva speċjali għat-taxxa fuq il-kapital li kienet tikkorrispondi għal ħames darbiet l-ammont tat-taxxa dovuta għas-snin 2004, 2005 u 2006. Wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn l-Italja, DADV żammet din ir-riżerva fil-bilanc. Wara l-amalgamazzjoni, ir-riżerva reġgħet inżammet fost ir-riżervi ta’ amalgamazzjoni u kienet tinsab fil-kontijiet tal-kumpannija tal-kumpannija assorbenti fil-31 ta’ Diċembru 2008.

23      F’dan ir-rigward, quddiem il-qorti tar-rinviju, l-administration des contributions en matière d’impôts iddikjarat li t-tnaqqis tat-taxxa mitlub ma kienx ġie rrifjutat minħabba distribuzzjoni prematura tar-riżerva fis-sens tal-paragrafu 8a(3) tal-LIF iżda minħabba li l-kontribwenti li jitlob, skont il-paragrafu 8a tal-LIF, tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital għandu jkun stabbilit fil-Lussemburgu fil-mument ta’ meta jistabbilixxi l-imsemmija riżerva u għandu jibqa’ residenti hemmhekk matul il-perijodu kollu taż-żamma ta’ din ir-riżerva li jikkorrispondi għall-ħames snin taxxabbli segwenti. Issa, f’dan il-każ DADV ma kinitx suġġetta għat-taxxa fuq il-kapital matul il-perijodu kollu ta’ ħames snin ta’ żamma tar-riżerva, kif previst fil-paragrafu 8a(1) tal-LIF.

24      Skont il-qorti tar-rinviju, il-kontijiet tat-taxxa inkwistjoni nħarġu minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ ssuġġettar għat-taxxa fuq il-kapital Lussemburgiża matul il-perijodu kollu previst fil-paragrafu 8a tal-LIF.

25      Madankollu DIVI ssostni li l-interpretazzjoni li l-uffiċċju tat-taxxa għamel tal-paragrafu 8a tal-LIF tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ kontra l-libertà ta’ stabbiliment.

26      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-paragrafu 8a tal-LIF, u b’mod partikolari l-kundizzjoni li tissuġġetta l-benefiċċju tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital għaż-żamma tar-riżerva mdaħħla fil-bilanċ matul il-ħames snin taxxabbli segwenti, neċessarjament timplika li kumpannija li titlob li tibbenefika minn dan it-tnaqqis tibqa’ suġġetta għat-taxxa fuq il-kapital matul dan il-perijodu. Għalhekk, tali dispożizzjoni tista’ tagħmel l-istabbiliment ta’ kumpanniji residenti fi Stat Membru ieħor barra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu inqas attraenti.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal administratif iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni, bħal dik irregolata bil-paragrafu 8a[(1)] tal-[LIF] li […], [j]issuġġetta l-għoti tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital għal kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tibqa’ suġġetta għat-taxxa fuq il-kapital fil-Lussemburgu matul il-ħames snin taxxabbli sussegwenti?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jitrattaw il-libertà ta’ stabbiliment

28      Fil-kawża prinċipali huwa paċifiku li DADV, li hija kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu, sussegwentement ittrasferiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha mill-Lussemburgu lejn l-Italja. Il-qorti tar-rinviju tesponi li minħabba dan it-trasferiment DADV ma baqgħetx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ssuġġettar għat-taxxa fuq il-kapital Lussemburgiża matul il-perijodu kollu msemmi fil-paragrafu 8a tal-LIF, u din kienet ir-raġuni li għaliha nħarġu l-kontijiet tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tillimita ruħha li tipprovdi, għall-kumpanniji stabbiliti skont id-dritt nazzjonali, konsegwenzi fiskali fil-każ fejn dawn il-kumpanniji ma jibqgħux suġġetti għat-taxxa fuq il-kapital Lussemburgiża, b’mod partikolari wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom lejn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, Ġabra p. I-12273, punt 31).

30      Minn dan isegwi li DADV, inkwantu kumpannija stabbilita skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u peress li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea, tibbenefika, skont l-Artikolu 54 TFUE, mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u tista’ għalhekk tinvoka d-drittijiet mogħtija lilha mill-Artikolu 49 TFUE sabiex tikkontesta l-legalità tat-tneħħija, effettwata minħabba t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor, ta’ vantaġġ fiskali li minnu hija setgħet tibbenefika minħabba l-perijodu li matulu hija kellha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Lussemburgu u kienet għalhekk suġġetta għat-taxxa fuq il-kapital fl-imsemmi Stat Membru.

31      Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment japplikaw għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

32      L-Artikolu 49 TFUE jimponi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Għalkemm, skont il-kliemhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu wkoll lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija stabbilita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu (sentenzi National Grid Indus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Skont ġurisprudenza stabbilita għandhom jitqiesu wkoll bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 11; tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C-298/05, Ġabra p. I-10451, punt 34; tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, C-157/07, Ġabra p. I-8061, punt 30, u tal-15 ta’ April 2010, CIBA, C-96/08, Ġabra p. I-2911, punt 19).

34      Fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkonstatat li kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż li titrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha barra mit-territorju Lussemburgiż matul il-perijodu ta’ ħames snin wara s-sena taxxabbli li matulha jkun ingħatalha tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija suġġetta għal trattament żvantaġġuż meta mqabbla ma kumpannija simili li żżomm l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Lussemburgu.

35      Fil-fatt, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-trasferiment, lejn Stat Membru ieħor għajr il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż matul l-imsemmi perijodu jġib miegħu l-irtirar immedjat tal-benefiċċju tat-tnaqqis tat-taxxa, filwaqt li tali rtirar ma jseħħx meta tali kumpannija żżomm l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Lussemburgu. Il-benefiċċju tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital mogħti lill-kumpannija li żżomm l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat jiġi rtirat biss jekk ir-riżerva prevista fil-paragrafu 8a(3) tal-LIF tintuża, qabel ma jgħaddi l-perijodu ta’ ħames snin, għal finijiet oħrajn mill-inkorporazzjoni tal-kapital tal-kumpannija.

36      Din id-differenza fit-trattament f’dak li jirrigwarda l-iskema tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jista’ jkollha effetti negattivi fuq l-assi tal-kumpanniji li jixtiequ jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom barra mill-Lussemburgu, huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi lill-kumpanniji rregolati mid-dritt Lussemburgiż milli jwettqu t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom lejn Stat Membru ieħor matul il-perijodu ta’ ħames snin wara s-sena taxxabbli li matulha jkun ingħatalhom it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 46, tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C-470/04, Ġabra p. I-7409, punt 35 u tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-38/10, punt 28).

37      Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern Lussemburgiż, id-differenza fit-trattament ikkonstatata ma hijiex spjegata minn differenza ta’ sitwazzjoni oġġettiva. Fil-fatt, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li hija intiża li tagħti tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital li ġiet iġġenerata fit-territorju tiegħu, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija, stabbilita skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru, li tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor hija simili għal dik ta’ kumpannija, ukoll stabbilita skont il-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, li żżomm l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’dan l-Istat Membru, f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital li ġiet iġġenerata fl-ewwel Stat Membru qabel it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi National Grid Indus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

38      Il-Gvern Lussemburgiż għall-ewwel sostna li t-telf tal-benefiċċju mogħti mill-paragrafu 8a tal-LIF, u b’mod partikolari t-telf retroattiv tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital għal DIVI, ma huwiex konsegwenza tat-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ DADV barra mit-territorju Lussemburgiż iżda konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza taż-żewġ kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 8a(1) u (3) tal-LIF, li jeżiġu li r-riżerva tinżamm fil-bilanċ tal-kumpannija matul il-ħames snin ta’ wara li tiġi stabbilita u li din ma tintużax għal finijiet oħra.

39      Argument bħal dan ma jistax jintlaqa’. It-telf tal-benefiċċju tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex il-konsegwenza tal-użu tar-riżerva qabel l-għeluq tal-perijodu ta’ ħames snin għal finijiet differenti minn dawk previsti fil-paragrafu 8a(3) tal-LIF. Fil-fatt, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li DADV u, warajha, DIVI żammew fil-bilanċ tagħhom ir-riżerva prevista fil-paragrafu 8a(1) tal-LIF. Minn dan isegwi, kif ammetta iktar tard il-Gvern Lussemburgiż, li t-telf tal-vantaġġ previst fil-paragrafu 8a tal-LIF huwa l-konsegwenza tal-fatt li DADV ma kinitx suġġetta għat-taxxa fuq il-kapital Lussemburgiża matul il-perijodu ta’ ħames snin wara l-istabbiliment tar-riserva prevista fil-paragrafu 8a(1) tal-LIF. Li kieku DADV żammet l-uffiċċju rreġistrat tagħha fit-territorju Lussemburgiż, hija kienet tkompli tibbenefika minn dan il-vantaġġ fiskali.

40      Minn dan isegwi li d-differenza fit-trattament li, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma suġġetti għaliha l-kumpanniji rregolati mid-dritt Lussemburgiż li jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom lejn Stat Membru ieħor meta mqabbla mal-kumpanniji rregolati mid-dritt Lussemburgiż li jżommu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju Lussemburgiż, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment li bħala prinċipju hija pprojbita mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

41      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’din l-ipoteżi, li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li din ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex dan il-għan jintlaħaq (ara s-sentenza National Grid Indus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Skont il-Gvern Lussemburgiż, ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment hija ġġustifikata mill-għan intiż li jiżgura t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ territorjalità.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri huwa għan leġittimu rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza National Grid Indus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ikkonstatata ma tistax madankollu tkun iġġustifikata mir-rekwiżit ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

45      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni Ewropea, li l-fatt li kumpannija jitneħħielha t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital li hija kienet tibbenefika minnu u l-fatt li l-ħlas jintalab immedjatament fil-mument tat-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ din il-kumpannija lejn Stat Membru ieħor li ma huwiex il-Gran Dukat tal-Lussemburgu la jiggarantixxu s-setgħa li jintaxxa ta’ dan l-aħħar Stat Membru u lanqas it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati. Fil-fatt, in-natura nnifisha tal-mekkaniżmu ta’ rtirar ta’ vantaġġ tippresupponi li l-Istat Membru kien, minn qabel, aċċetta li jagħti dan il-vantaġġ u, konsegwentement, li jnaqqas it-taxxa fuq il-kapital tal-kontribwenti residenti jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 8a tal-LIF.

46      Ir-restrizzjoni inkwistjoni lanqas ma tista’ tkun iġġustifikata bin-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, koerenza li ġiet iddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249, punt 28, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-300/90, Ġabra p. I-305, punt 21).

47      Fil-fatt, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jintlaqa’, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali speċifika (ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali rabta diretta tkun nieqsa meta inkwistjoni jkun hemm, b’mod partikolari, taxxi separati jew trattament fiskali tal-kontribwenti differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2003, Bosal, C-168/01, Ġabra p. I-9409, punt 30, u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C-253/09, Ġabra p. I-12391, punt 77.

48      Issa, mill-eżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li ma teżistix rabta’ diretta bejn, minn naħa, l-għoti ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital lill-kumpannija li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 8a(1) tal-LIF u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet imfittxa minn din il-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari l-fatt li l-imsemmi vantaġġ fiskali jiġi mpaċi bi dħul addizzjonali fil-qasam ta’ taxxa fuq id-dħul tal-kollettivitajiet u fil-qasam ta’ taxxa kummerċjali fuq il-profitti mill-operat matul is-snin taż-żamma tar-riżerva prevista fil-paragrafu 8a(1) tal-LIF.

49      Minn dan isegwi, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, li n-natura mbiegħda u alleatorja ta’ tali taxxi addizzjonali ma tistax tiġġustifika l-ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment li jwassal għalih l-imsemmi paragrafu tal-LIF.

50      Fir-rigward tal-għan prinċipali mfittex mill-iskema fiskali prevista fil-paragrafu 8a tal-LIF, kif ifformulat fix-xogħol preparatorju għall-adozzjoni ta’ din il-liġi, jiġifieri x-xewqa li jiżdied id-dħul fiskali nazzjonali, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, it-tfittxija ta’ dħul fiskali ma tistax titqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li, bħala prinċipju, tmur kontra libertà fundamentali (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 28, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 59).

51      Mill-analiżi esposta iktar ’il fuq jirriżulta li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

52      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda magħmula hija li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-għoti ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jibqa’ suġġett għal din it-taxxa matul il-ħames snin taxxabbli segwenti.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-għoti ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-kapital huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jibqa’ suġġett għal din it-taxxa matul il-ħames snin taxxabbli segwenti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.