Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

5.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (Bulgarija) fis-14 ta’ Frar 2012 — “Evita-K” EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Sofia

(Kawża C-78/12)

2012/C 133/30

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti:“Evita-K” EOOD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Sofia

Domandi preliminari

(1)

Il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija” skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, flimkien mal-Artikolu 345 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jawtorizza li l-kunsinnatarju jakkwista d-dritt li jiddisponi mill-merkanzija (beni mobbli speċifikati biss skont it-tip tagħhom) billi jikseb is-sjieda ta’ din il-merkanzija permezz ta’ pussess bona fide ta’ din il-merkanzija, akkwistat b’titolu oneruż mingħand persuna li ma hijiex il-proprjetarju, sitwazzjoni leċita permissibbli skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, tenut kont ukoll tal-fatt li skont din il-liġi, id-dritt tas-sjieda ta’ din il-merkanzija jiġi ttrasferit permezz tal-kunsinna tagħha?

(2)

Il-prova li saret “provvista ta’ merkanzija” skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 permezz ta’ fattura speċifika, inkonnessjoni mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa effettivament imħallsa u indikata fuq din il-fattura skont l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva, teħtieġ li l-kunsinnatarju juri t-titolu ta’ sjieda tal-fornitur meta l-provvista tikkonċerna beni mobbli speċifikati skont it-tip tagħhom u meta, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, it-titolu ta’ sjieda fuq din il-merkanzija jiġi ttrasferit mal-kunsinna tagħha, tenut kont tal-fatt li din il-liġi nazzjonali tippermetti wkoll l-akkwist tat-titolu ta’ sjieda fuq din il-merkanzija mingħand persuna li ma tkunx il-proprjetarju permezz ta’ pussess akkwistat b’titolu oneruż u b’bona fide?

Għall-finijiet tat-tnaqqis tat-taxxa skont id-Direttiva, “provvista ta’ merkanzija” għandha tiġi kkunsidrata bħala pprovata, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, meta l-kunsinnatarju jkun wettaq kunsinna sussegwenti tal-istess merkanzija (annimali suġġetti għal identifikazzjoni) permezz ta’ esportazzjoni b’dikjarazzjoni doganali, u meta ma tirriżulta ebda prova li tindika drittijiet ta’ terzi persuni fuq din il-merkanzija?

(3)

Għall-finijiet ta’ prova li saret “provvista ta’ merkanzija” skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 permezz ta’ fattura speċifika, inkonnessjoni mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa effettivament imħallsa u indikata fuq din il-fattura skont l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva, għandu jiġi kkunsidrat li l-fornitur u l-kunsinnatarju, li ma humiex produtturi agrikoli, qed jaġixxu in mala fide meta, fil-mument meta twasslet il-merkanzija, ma ntwera ebda dokument mis-sid preċedenti li jsemmi t-tikketti ta’ widnejn l-annimali skont ir-rekwiżiti tad-dispoizzjonijiet veterinarji tal-Unjoni Ewropea, u meta dawn it-tikketti ma jissemmewx fiċ-ċertifikat veterinarju li jkun inħareġ minn awtorità amministrattiva u li jakkumpanja lill-annimali waqt li jiġu ttrasportati għall-finijiet tal-provvista speċifika msemmija?

Meta l-fornitur u l-kunsinnatarju, b’mod indipendenti, ikunu elenkaw it-tikketti tal-widnejn tal-annimmali li kienu kkunsinnati lilhom, għandu jiġi kkunsidrat li ssodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Unjoni Ewropea jekk l-awtorità amministrattiva ma tkunx semmiet it-tikketti ta’ widnejn l-annimali fiċ-ċertifikat veterinarju li jakkumpanja lill-annimali waqt il-kunsinna tagħhom?

(4)

Il-fornitur u l-kunsinnatarju fil-kawża prinċipali, li t-tnejn li huma ma humiex produtturi agrikoli, huma obbligati, skont l-Artikolu 242 tad-Direttiva 2006/112, jindikaw fil-kontijiet tagħhom l-oġġetti tal-kunsinna (annimali soġġetti għal identifikazzjoni jew “merkanzija bioloġika”) skont l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 41, “Agrikoltura”, u huma obbligati jagħtu prova taż-żamma tal-kontroll tal-merkanzija skont dan l-istandard?

(5)

L-Artikolu 226(6) tad-Direttiva 2006/112 jirrikjedi li f’fatturi fiskali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissemmew ukoll it-tikketti tal-widnejn tal-annimali, li huma suġġetti għal identifikazzjoni skont il-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ma tispeċifikax b’mod ċar din l-obbligu u li l-persuni involuti fil-kunsinna ma humiex produtturi agrikoli?

(6)

Huwa permissibbli skont l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2006/112 li, abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, titnaqqas it-taxxa akkont tal-konklużjoni li d-dritt tas-sjieda tal-fornitur fuq il-merkanzija li tifforma l-kontenut tal-kunsinna ma kienx ippruvat, meta l-kunsinna ma ġiet ikkanċellata minn ebda waħda mill-partijiet, meta l-kunsinnatarju sussegwentement wettaq kunsinna tal-istess merkanzija, meta ma hemmx prova ta’ drittijiet mitluba minn terzi persuni fuq din il-merkanzija (annimali suġġetti għal identifikazzjoni), meta ma hija allegata ebda mala fide min-naħa tal-kunsinnatarju u meta, skont il-liġi nazzjonali, id-dritt ta’ sjieda fuq tali merkanzija speċifikata biss skont it-tip tagħha jiġi ttrasferiti mal-kunsinna ta’ din il-merkanzija?