Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

26.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 151/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad-Plovdiv (il-Bulgarija) fis-7 ta’ Marzu 2012 — AES-3C Maritza East 1 EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Plovdiv

(Kawża C-124/12)

2012/C 151/34

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad-Plovdiv

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AES-3C Maritza East 1 EOOD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Plovdiv

Domandi preliminari

(1)

Għandha tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mal-Artikolu 168(a), u mal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112/KE (1) regola bħal dik prevista fl-Artikolu 70(1)(2) taz-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud), li tipprovdi li l-persuna taxxabbli ma għandiex tingħata d-dritt li tnaqqas il-VAT għal servizzi ta’ trasport, għal ħwejjeġ tax-xogħol u għal mezzi ta’ protezzjoni għall-ħaddiema u għal spejjeż għall-missjonijiet, minħabba li s-servizzi huma pprovduti mingħajr ħlas lil persuni fiżiċi li jaħdmu għall-persuna taxxabbli, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

il-persuna taxxabbli ma kkonkludietx kuntratt mal-ħaddiema, iżda użat il-forza lavorattiva tagħhom permezz ta’ kuntratt ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal” konkluż ma’ persuna taxxabbli oħra li, min-naħa tagħha, hija l-impjegatur tal-ħaddiema;

is-servizzi ta’ trasport ipprovduti huma użati għat-trasport, l’hemm u l’hawn, tal-ħaddiema minn punti ta’ ġbir speċjali f’diversi żoni residenzjali sal-post tax-xogħol tagħhom u ma jeżistix trasport pubbliku li jippermetti lill-ħaddiema jaslu sal-post tax-xogħol tagħhom;

l-obbligu li jiġu pprovduti ħwejjeġ tax-xogħol u mezzi ta’ protezzjoni jirriżultaw mill-Kodeks na truda (Kodiċi industrijali) u miz-Zakon za zdravoslovni i bezopasni yslovia na trud (liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol);

fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport, tal-ħwejjeġ tax-xogħol, tal-mezzi ta’ protezzjoni u tal-ispejjeż tal-missjonijiet, it-tnaqqis tal-VAT ma jkunx ikkontestat li kieku dawn jiġu pprovduti jew imwettqa mill-impjegatur tal-ħaddiema. Madakollu, fil-każ inkwistjoni, dawn huma pprovduti minn persuna taxxabbli li ma hijiex l-impjegatur, iżda li tagħmel qliegħ mix-xogħol imwettaq u li hija responsabbli għall-ispejjeż relatati miegħu permezz ta’ kuntratt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal?

(2)

L-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112/KE jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jintroduċu, fil-waqt tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea, kundizzjoni li tillimita l-eżerċizzju tad-dritt għall-kreditu ta’ taxxa bħal dik tal-Artikolu 70(1)(2) taz-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost, fir-rigward tal-“oġġetti jew is-servizzi (…) intiżi għal kunsinni jew servizzi pprovduti mingħajr ħlas”, filwaqt li din il-limitazzjoni ma hijiex prevista fil-verżjoni tal-liġi fis-seħħ fid-data tal-adeżjoni?

(3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, minn dan għandu jiġi dedott li l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti huma intiżi għal “kunsinni jew servizzi pprovduti mingħajr ħlas” meta dawn ikunu akkwistati għall-bżonnijiet tal-attività ekonomika, iżda li, minħabba n-natura tagħhom, l-użu tagħhom jirrikjedi li jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu fl-impriża tal-persuna taxxabbli?


(1)  ĠU C 347, 11 ta’ Diċembru 2006, p. 1.