Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

14.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja) fl-10 ta’ April 2012 — TNT Express Worldwide (Poland) Sp. z o.o. vs Ministrowi Finansów

(Kawża C-169/12)

2012/C 209/02

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: TNT Express Worldwide (Poland) Sp. z o.o.

Konvenut: Ministrowi Finansów

Domandi preliminari

(1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 66(a), (b) u (c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, kif emendata) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta persuna taxxabbli toħroġ fattura li tirreġistra l-provvista ta’ servizz kopert mis-setgħa mogħtija lill-Istati Membri minn dan l-artikolu (b’deroga mill-Artikoli 63, 64 u 65 tad-Direttiva 2006/112), l-impożizzjoni tat-taxxa (l-obbligu li titħallas it-taxxa) tista’ tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-Artikolu 66(b) tad-Direttiva 2006/112 bħala li timmaterjalizza fid-data li jsir il-ħlas iżda mhux iktar tard minn 30 jum mid-data li fiha jiġi pprovdut is-servizz?

(2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 66(a) u (b) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-dispożizzjonijiet nazzjonali Pollakki li jinsabu fl-Artikolu 19(13)(2)(a) u (b) tal-Ustawa o podatku od towarów i usług (Liġi dwar it-taxxa fuq il-merkanzija u s-servizzi) tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dziennik Ustaw Nru 54, entrata 535, kif emendata) u li jipprovdu li l-mument meta jimmaterjalizza l-obbligu li titħallas it-taxxa (l-avveniment li meta jseħħ jiskatta l-impożizzjoni tat-taxxa fir-rigward ta’ ċerti tranżazzjonijiet) huwa, fir-rigward ta’ servizzi ta’ trasport u ta’ kunsinna, meta jiġi riċevut il-ħlas sħiħ jew parzjali iżda mhux iktar tard minn 30 jum mid-data li fiha jiġu pprovduti dawn is-servizzi, u dan anki meta fattura li tindika terminu sussegwenti għall-ħlas tinħareġ u tingħata lix-xerrej mhux iktar tard minn sebat ijiem wara l-provvista tas-servizz u x-xerrej tas-servizz ikollu d-dritt li jnaqqas it-taxxa tal-input matul il-perijodu li fih ikun irċieva l-fattura, irrispettivament minn jekk ikunx ħallas għas-servizz jew le?