Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

14.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija) fit-12 ta’ April 2012 — Alfred Hirmann vs Immofinanz AG

(Kawża C-174/12)

2012/C 209/03

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Handelsgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Alfred Hirmann

Konvenuta: Immofinanz AG

Intervenjenti: Aviso Zeta AG

Domandi preliminari

(1)

Regola nazzjonali li tipprevedi r-responsabbiltà ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata fir-rigward ta’ xerrej ta’ azzjonijiet, inkwantu ħarġet dawn l-azzjonijiet, abbażi ta’ ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni imposti mid-dritt tas-swieq kapitali skont id-dispożizzjonijeit li ġejjin li jinsabu fi

l-Artikoli 6 u 25 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, fil-verżjoni tad-Direttiva 2008/11/KE tal-11 ta’ Marzu 2008 (1);

l-Artikoli 7, 17 u 28 tad-Direttiva 2004/109/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2004;

l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/6/KE (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003,

hija kompatibbli mal-Artikoli 12, 15, 16, 19 u 42 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE (4), tal-31 ta’ Jannar 1977, fil-verżjoni attwali tagħha?

(2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12, 15, 16 u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 18, 19 u 42 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tal-31 ta’ Jannar 1977, fil-verżjoni attwali tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, skont ir-responsabbiltà msemmija fil-paragrafu 1, li tirrimborsa lix-xerrej il-prezz ta’ xiri u li tieħu lura l-azzjonijiet mixtrija?

(3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12, 15, 16, 18, 19 u 42 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tal-31 ta’ Jannar 1977, fil-verżjoni attwali tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-responsabbiltà tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata msemmija fil-paragrafu 1

tista’ tiġi estiża għall-kapital użat mill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata (kapital sottoskritt biż-żieda tar-riżervi fis-sens tal-Artikolu 15(1)(a) tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq), u

tista’ teżisti wkoll meta hija tista’ twassal għall-insolvenza tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata?

(4)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2009/101/CE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi annullament retroattiv tal-kisba tal-azzjonijiet, b’mod li għandu jiġi kkunsidrat, f’każ ta’ annullament tal-kuntratt ta’ xiri ta’ azzjonijiet, li dan jipproduċi effetti ex nunc (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2010 fil-Kawża C-215/08 “E. Friz GmbH”)?

(5)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12, 15, 16, 18, 19 u 42 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tal-31 ta’ Jannar 1977, fil-verżjoni attwali tagħha, u tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-responsabbiltà hija limitata għall-valur tal-azzjonijiet — jekk il-kumpannija hija kkwotata fil-borża, il-prezz ta’ dawk l-azzjonijiet fil-borża — fil-mument meta ssir it-talba, bir-riżultat li l-azzjonist jirkupra, f’ċerti każijiet, somma inqas mill-prezz inizjalment imħallas għall-azzjonijiet tiegħu?


(1)  Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356), fil-verjżjoni emendata bid-Direttiva 2008/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 (ĠU L 76, p. 37).

(2)  Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2004, dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, p. 38).

(3)  Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367).

(4)  It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8).

(5)  Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, p. 11).