Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

22.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fl-20 ta’ Ġunju 2012 — Finanzamt Düsseldorf-Mitte vs Ibero Tours GmbH

(Kawża C-300/12)

2012/C 287/31

Lingwa tal-kawża: il-Germaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Finanzamt Düsseldorf-Mitte.

Konvenuta: Ibero Tours GmbH.

Domandi preliminari

(1)

Skont il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs (C-317/94, Ġabra p. I-5339), il-fatt li intermedjarju (f’dan il-każ, aġent tal-ivvjaġġar) jagħti rimbors lill-konsumatur (f’dan il-każ, klijent li jkun sejjer fuq vjaġġ) fir-rigward tat-tranżazzjoni ppreparata minnu (f’dan il-każ, servizzi tal-operatur tal-ġiti pprovduti lill-imsemmi klijent) ta’ parti mill-prezz tat-tranżazzjoni ppreparata jwassal għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli fil-kuntest ta’ katina ta’ distribuzzjoni?

(2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Elida Gibbs (C-317/94, Ġabra p. I-5339) għandhom jiġu applikati wkoll jekk it-tranżazzjoni tal-operatur tal-ġiti, ippreparata mill-intermedjarju, taqa’ taħt l-iskema speċjali prevista fl-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (Direttiva 77/388/KEE (1)) filwaqt li s-servizzi intermedjarji tal-aġent tal-ivvjaġġar ma jaqgħux taħt din id-dispożizzjoni?

(3)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv anki għat-tieni domanda: jekk is-servizzi ppreparati mill-intermedjarju jkunu eżentati, Stat Membru li ttraspona b’mod korrett l-Artikolu 11 Ċ (1) tad-Direttiva 77/388/KEE jista’ jirrifjuta tnaqqis tal-ammont taxxabbli biss jekk, fl-eżerċizzju tal-possibbiltà mogħtija f’din id-dispożizzjoni, dan l-Istat Membru ppreveda kundizzjonijiet addizzjonali għar-rifjut tat-tnaqqis?


(1)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).