Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Protezzjoni ġudizzjarja — Prinċipju ta’ effettività — Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament — Rimedji ġudizzjarji — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Tnaqqis tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-rimedji ġudizzjarji applikabbli mingħajr avviż minn qabel u b’mod retroattiv”

Fil-Kawża C-362/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation

vs

Commissioners of Inland Revenue,

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund (Relatur), A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għat-Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation, minn G. Aaronson, QC, assistit minn P. Freund u P. Farmer, barristers, inkarigati minn S. Whitehead, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn D. Ewart, QC, u minn K. Bacon, barrister,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn it-Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation (iktar ’il quddiem it-“Test Claimants”) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs dwar ir-rimedji ġudizzjarji għall-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament li huma disponibbli għall-persuni taxxabbli fir-rigward ta’ taxxi ddikjarati inkompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-moviment libertu tal-kapital.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, id-dritt Ingliż kien jipprevedi żewġ rimedji ġudizzjarji bbażati fuq il-“common law” fir-rigward tal-ħlas lura ta’ taxxi fuq il-kumpanniji miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

4        L-ewwel rimedju ġudizzjarju, rikonoxxut mill-House of Lords fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Lulju 1992, Woolwich Equitable Building Society vs Inland Revenue Commissioners ([1993] AC 70, iktar ’il quddiem ir-“rimedju Woolwich”), jikkostitwixxi kawża għall-ħlas lura tat-taxxa miġbura b’mod illegali.

5        Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi tal-1980 dwar il-preskrizzjoni (Limitation Act 1980, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1980”), it-terminu ta’ preskrizzjoni għal dan ir-rimedju huwa ta’ sitt snin mill-fatt li jagħti lok għal dan ir-rimedju.

6        It-tieni rimedju ġudizzjarju, rikonoxxut fis-sentenza tal-House of Lords tad-29 ta’ Ottubru 1998, Kleinwort Benson vs Lincoln City Council ([1999] 2 AC 349, iktar ’il quddiem ir-“rimedju Kleinwort Benson”), jippermetti r-rimbors tas-somom imħallsa b’konsegwenza ta’ żball ta’ liġi.

7        Skont l-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi tal-1980, it-terminu ta’ preskrizzjoni għal din it-tip ta’ azzjoni huwa ta’ sitt snin mid-data li fiha r-rikorrent jiskopri l-iżball ta’ liġi jew seta’ jiskoprih bl-eżerċizzju ta’ diliġenza raġonevoli.

8        Mill-aħħar tas-snin 1990, ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar l-impożizzjoni ta’ kumpanniji residenti fir-Renju Unit ġew ikkontestati fid-dawl tal-kompatibbiltà tagħhom mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-moviment liberu tal-kapital.

9        F’dan il-kuntest tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċerti aspetti tar-regoli dwar il-ħlas antiċipat tat-taxxa fuq il-kumpanniji (“advance corporation tax”, iktar ’il quddiem l-“ACT”), applikati fir-Renju Unit matul il-perijodu bejn l-1973 u l-1999, kienu inkompatibbli mal-imsemmija libertajiet.

10      Kien fil-kuntest ta’ proċedura sussegwenti marbuta mal-istess dispożizzjonijiet fiskali li l-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2003, Deutsche Morgan Grenfell vs Inland Revenue Commissioners ([2003] 4 All ER 645), iddikjarat, għall-ewwel darba, li r-rimedju Kleinwort Benson seta’ jiġi invokat sabiex jinkiseb il-ħlas lura ta’ taxxa mħallsa b’konsegwenza ta’ żball ta’ liġi. Sa dakinhar, tali rimedju ġudizzjarju ma kienx permess fil-konfront tal-amministrazzjoni fiskali.

11      B’hekk, dik il-qorti kkunsidrat li t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-imsemmi rimedju ġudizzjarju kien dak previst fl-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi ta’ 1980, jiġifieri sitt snin mid-data li fiha r-rikorrent jiskopri l-iżball ta’ liġi jew seta’ jiskoprih bl-eżerċizzju ta’ diliġenza raġonevoli.

12      Fit-8 ta’ Settembru 2003, il-Gvern tar-Renju Unit ħabbar proposta leġiżlattiva dwar l-azzjonijiet għall-ħlas lura ta’ taxxi meta jkunu saru pagamenti b’konsegwenza ta’ żball ta’ liġi. Din il-proposta wasslet għall-Artikolu 320 tal-Liġi dwar il-finanzi tal-2004, adottata fl-24 ta’ Ġunju 2004 (Finance Act 2004, iktar ’il quddiem l-“Artikolu 320”).

13      L-imsemmi Artikolu 320 jipprovdi:

“L-Artikolu 32(1)(c) [tal-Liġi tal-1980] [...] (terminu estiż għall-preżentata ta’ rikors f’każ ta’ żball) ma japplikax fir-rigward ta’ żball ta’ dritt dwar kwistjoni fiskali li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Commissioners [...].

Din id-dispożizzjoni tapplika għall-azzjonijiet ippreżentati mit-8 ta’ Settembru 2003 ’l quddiem.”

14      Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Frar 2005, il-Court of Appeal (England & Wales) annullat is-sentenza tal-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, Deutsche Morgan Grenfell vs Inland Revenue Commissioners, iċċitata iktar ’il fuq. L-imsemmija sentenza tal-Court of Appeal ġiet imbagħad annullata mill-House of Lords fil-25 ta’ Ottubru 2006. Din tal-aħħar stabbilixxiet mill-ġdid is-sentenza tal-High Court u kkonfermat li, sabiex jitolbu l-ħlas lura tat-taxxa imħallsa indebitament, il-persuni taxxabbli setgħu jużaw jew ir-rimedju ġudizzjarju Woolwich, ibbażat fuq il-ġbir ta’ taxxa imposta indebitament u suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt snin mid-data tal-ħlas tat-taxxa, jew ir-rimedju ġudizzjarju Kleinwort Benson, ibbażat fuq żball ta’ liġi u suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt snin mid-data li fiha r-rikorrent jiskopri l-iżball ta’ liġi jew seta’ jiskoprih bl-eżerċizzju ta’ diliġenza raġonevoli.

15      Sussegwentement għas-sentenza tal-House of Lords tal-25 ta’ Ottubru 2006, iċċitata iktar ’il fuq, il-Gvern tar-Renju Unit talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tiftaħ mill-ġdid il-kawża li kienet wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753), sabiex jikseb limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ dik is-sentenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din it-talba fis-6 ta’ Diċembru 2006.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva mressqa quddiem il-qrati tar-Renju Unit mit-Test Claimants. Qabel din it-talba diġà tressqu żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari li wasslu għas-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-35/11), dwar il-possibbiltà li t-trattament fiskali tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji parent stabbiliti fir-Renju Unit minn sussidjarji li ma kinux stabbiliti f’dan l-Istati Membru huwa inkompatibbli mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat FUE, b’mod partikolari mal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE u mal-moviment liberu tal-kapital previst fl-Artikolu 63 TFUE.

17      Il-kawżi magħżula mis-Supreme Court of the United Kingdom bħala kawżi piloti għall-finijiet ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw talbiet għall-ħlas lura tal-ACT, imħallsa indebitament, imressqa mill-membri tal-grupp ta’ kumpanniji Aegis (iktar il quddiem “Aegis”). Dawn il-kawżi jikkonċernaw talba għall-ħlas lura ta’ pagamenti mwettqa iktar minn sitt snin qabel ma Aegis ressaq l-azzjoni tiegħu.

18      Sussegwentement għas-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq, u għas-sentenza tal-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, Deutsche Morgan Grenfell vs Inland Revenue Commissioners, iċċitata iktar ’il fuq, Aegis, fit-8 ta’ Settembru 2003, ressaq azzjoni għal ħlas lura permezz tar-rimedju ġudizzjarju Kleinwort Benson sabiex jirkupra l-ammonti tal-ACT imħallsa indebitament matul il-perijodu bejn l-1973 u l-1999.

19      Skont l-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi tal-1980, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal dan ir-rimedju ġudizzjarju kien jibda jiddekorri mill-iskoperta tal-iżball ta’ liġi li jkun ikkawża l-ħlas tat-taxxa, f’dan il-każ mid-data tal-għoti tas-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri mit-8 ta’ Marzu 2001.

20      L-Artikolu 320 kellu l-effett li jeskludi l-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni itwal previst fl-Artikolu 32(1)(c) tal-Liġi tal-1980 għall-proċeduri intiżi għall-irkupru ta’ somom imħallsa fil-kuntest ta’ żball ta’ liġi meta l-azzjoni tikkonċerna kwistjoni fiskali li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Commissioners. Dan l-artikolu, adottat fl-24 ta’ Ġunju 2004, daħal fis-seħħ b’mod retroattiv fit-8 ta’ Settembru 2003, data li tikkorrispondi mad-data tat-tħabbir tal-proposta li jiġi adottat dan l-artikolu kif ukoll mad-data tat-tressiq tal-azzjoni ta’ Aegis.

21      Fl-appell tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, Aegis sostna, essenzjalment, li mis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C-62/00, Ġabra p. I-6325), jirriżulta li l-Artikolu 320 huwa kuntrarju għall-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, prinċipji previsti mid-dritt tal-Unjoni.

22      Skont Aegis, il-ksur ta’ dawn il-prinċipji jinsab fil-fatt li l-esklużjoni, mingħajr avviż minn qabel u b’mod retroattiv, tal-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-rimedju Kleinwort Benson għall-azzjonijiet ibbażati fuq żball ta’ liġi marbut ma’ kwistjoni fiskali li taqa’ fil-kompetenzi tal-Commissioners, introdotta permezz tal-Artikolu 320, ċaħditu mill-possibbiltà li jressaq azzjoni, li altrimenti kienet titressaq fit-termini mogħtija, b’tali mod li għamlet l-eżerċizzju tad-drittijiet li huwa jgawdi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni eċċessivament diffiċli jekk mhux ukoll impossibbli.

23      Il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs sostnew, essenzjalment, li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi biss l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv bl-iskop li jiġu invokati d-drittijiet misluta mid-dritt tal-Unjoni. Skonthom, dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt mir-rimedju Woolwich. Sakemm tali rimedju jibqa’ aċċessibbli, ma huwiex importanti l-fatt li l-Artikolu 320 neħħa t-terminu ta’ preskrizzjoni itwal applikabbli għal rimedju ġudizzjarju nazzjonali sussidjarju, b’tali mod li dan it-terminu sar konformi mat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rimedju Woolwich.

24      Peress li għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 320 mad-dritt tal-Unjoni, is-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Meta, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, persuna taxxabbli tista’ tagħżel bejn żewġ rimedji alternattivi sabiex titlob il-ħlas lura ta’ taxxi miġbura bi ksur tal-Artikoli 49 [TFUE] u 63 TFUE u meta wieħed minn dawn ir-rimedji għandu terminu ta’ preskrizzjoni itwal, il-fatt li dan l-Istat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tnaqqas dan it-terminu ta’ preskrizzjoni itwal mingħajr avviż minn qabel u b’effett retroattiv mid-data tal-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida proposta, huwa kompatibbli mal-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi?

2)      Il-fatt li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors mill-persuna taxxabbli li qed tinvoka r-rimedju li għandu terminu ta’ preskrizzjoni itwal, il-possibbiltà li dan ir-rimedju jintuża abbażi tad-dritt nazzjonali kienet ġiet irrikonoxxuta biss i) reċentement u ii) minn qorti inferjuri u li kien biss sussegwentement li ġiet ikkonfermata b’mod definittiv mill-ogħla qorti, jaffettwa r-risposta mogħtija għall-ewwel domanda?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni fejn il-persuni taxxabbli, skont id-dritt nazzjonali, ikunu jistgħu jagħżlu bejn żewġ rimedji ġudizzjarji possibbli għall-ħlas lura ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, fejn wieħed minn dawn ir-rimedji jkollu terminu ta’ preskrizzjoni itwal, il-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludux li leġiżlazzjoni nazzjonali tnaqqas dan it-terminu ta’ preskrizzjoni mingħajr avviż minn qabel u b’mod retroattiv.

26      F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit iqis li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li rimedji ġudizzjarji supplimentari għall-ħlas lura tat-taxxa miġbura b’mod żejjed, previsti fid-dritt nazzjonali u kkunsidrati waħedhom, għandhom jissodisfaw il-prinċipju ta’ effettività. B’mod partikolari, il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, ma japplikawx għat-tilwima fil-kawża prinċipali. L-esklużjoni tal-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-rimedju Kleinwort Benson għall-azzjonijiet ibbażati fuq żball ta’ liġi marbut ma’ kwistjoni fiskali ma kellha ebda impatt fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rimedju Woolwich, li fih innifsu jissodisfa l-prinċipju ta’ effettività u li għalih Aegis kellu dritt kontinwu li jirrikorri sabiex jirkupra t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

27      Il-Gvern tar-Renju Unit iżid li l-possibbiltà li jiġu rkuprati t-taxxi miġbura fuq il-bażi ta’ żball ta’ liġi saret ċerta biss bis-sentenza tal-House of Lords tal-25 ta’ Ottubru 2006, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri wara li Aegis ressaq l-azzjoni tiegħu. F’tali sitwazzjoni, il-persuni raġonevolment avżati ma setgħux jikkunsidraw li kienu ser jirkupraw dak li kienu ħallsu żejjed billi jibbażaw ruħhom fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni itwal applikabbli għar-rimedju Kleinwort Benson. Għaldaqstant ma kienx hemm ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

28      Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm xebh kbir bejn it-tilwima fil-kawża prinċipali u dik li wasslet għas-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq. Hija tqis li, anki jekk ir-rimedju Woolwich, fih innifsu, jikkostitwixxi rimedju ġudizzjarju effettiv, dan ma jfissirx li r-rimedju Kleinwort Benson jista’ jiġi eliminat mingħajr avviż minn qabel u b’mod retroattiv.

29      Skont il-Kummissjoni, anki jekk, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tar-rimedju Kleinwort Benson għall-qasam fiskali setgħet tqajjem dibattitu, kien raġonevoli għall-persuni taxxabbli li jikkunsidraw li l-portata ta’ dan ir-rimedju fil-każ ta’ żball ta’ liġi kienet ġenerali u, għaldaqastant, li dan ir-rimedju kien applikabbli wkoll fil-qasam fiskali. Għaldaqstant, l-Artikolu 320 jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività kif ukoll kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Sabiex ikunu osservati dawn il-prinċipji kien meħtieġ li jingħata terminu raġonevoli bejn it-tħabbir tal-proposta ta’ adozzjoni tal-Artikolu 320 u d-dħul fis-seħħ tiegħu, b’mod li jippermetti lir-rikorrenti potenzjali jinvokaw id-drittijiet tagħhom.

 Fuq il-prinċipju ta’ effettività

30      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa l-konsegwenza u l-komplement tad-drittijiet mogħtija lill-persuni taxxabbli mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, Stat Membru huwa obbligat, bħala prinċipju, jirrimborsa t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali miġbura indebitament, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li għandu jindika l-qrati kompetenti u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali għar-rimedji ġudizzjarji maħsuba sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-persuni taxxabbli jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C-93/12, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għalhekk, il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji maħsuba sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-persuni taxxabbli jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rimedji ġudizzjarji simili tad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u lanqas ma għandhom ikunu organizzati b’tali mod li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C-317/08 sa C-320/08, Ġabra p. I-2213, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza Agrokonsulting-04, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

33      Fir-rigward ta’ dan il-prinċipju tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli għat-tressiq tal-azzjoni bil-konsegwenza ta’ dekadenza fil-każ li dawn it-termini ma jkunux osservati, u dan fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli u kemm lill-amministrazzjoni kkonċernati. Fil-fatt, tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, sabiex jissodisfa l-funzjoni tiegħu li jiżgura ċ-ċertezza legali, terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi ffissat minn qabel (sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fir-rigward tal-ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali miġbura indebitament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li terminu nazzjonali ta’ dekadenza ta’ tliet snin li jiddekorri mid-data tal-ħlas ikkontestat jidher li huwa raġonevoli (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile, C-228/96, Ġabra p. I-7141, punt 19, u tal-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana, C-255/00, Ġabra p. I-8003, punt 34). B’hekk, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt snin, bħal dak applikat għar-rimedju Woolwich, li jiddekorri mid-data tal-ħlas tat-taxxi indebiti, jidher, fih innifsu, raġonevoli.

35      Il-prinċipju ta’ effettività lanqas ma jipprojbixxi, b’mod ġenerali, applikazzjoni retroattiva ta’ terminu ġdid iqsar għat-tressiq ta’ azzjoni u li jkun, jekk ikun il-każ, iktar restrittiv għall-persuni taxxabbli mit-terminu preċedentement applikabbli, u dan sa fejn tali applikazzjoni tikkonċerna l-azzjonijiet għall-ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni li jkunu għadhom ma tressqux fil-mument tad-dħul fis-seħħ tat-terminu l-ġdid iżda tkun tikkonċerna s-somom imħallsa meta kien applikabbli t-terminu preċedenti (sentenza Grunding Italiana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

36      Fil-fatt, peress li l-modalitajiet tal-ħlas lura tat-taxxi nazzjonali miġbura indebitament jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali, il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ applikazzjoni retroattiva ta’ tali modalitajiet taqa’ wkoll taħt dan id-dritt sakemm din l-eventwali applikazzjoni retroattiva ma tikkompromettix l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività (sentenza Grundig Italiana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

37      Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 38 tas-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, għalkemm il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tnaqqas it-terminu li matulu jista’ jintalab ir-rimbors ta’ somom imħallsa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, dan huwa suġġett mhux biss għall-kundizzjoni li t-terminu l-ġdid ikun ta’ natura raġonevoli iżda wkoll li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tinkludi regoli tranżitorji li jagħtu lill-individwi terminu suffiċjenti, wara l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jressqu t-talbiet għal rimbors li kellhom dritt iressqu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti. Tali regoli tranżitorji huma neċessarji peress li l-applikazzjoni immedjata għal dawn it-talbiet ta’ terminu ta’ preskrizzjoni iqsar minn dak preċedentement fis-seħħ ikollha l-effett li ċċaħħad b’mod retroattiv ċerti indivdwi mid-dritt għal rimbors tagħhom jew li tħallilhom biss terminu qasir wisq sabiex jinvokaw dan id-dritt.

38      Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tnaqqas, b’effett retroattiv u mingħajr regoli tranżitorji, it-terminu li fih jista’ jintalab ir-rimbors ta’ somom imħallsa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

39      Il-fatt li fil-kawża li wasslet għas-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, il-persuna taxxabbli kellha biss rimedju ġudizzjarju wieħed, filwaqt li fil-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli għandha żewġ rimedji ġudizzjarji, ma jistax, f’ċirkustanzi bħal dawk imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, iwassal għal riżultat differenti.

40      F’dan il-każ, għandhom jiġu eżaminati d-drittijiet mogħtija lill-persuni taxxabbli bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tagħhom qabel l-adozzjoni tal-emenda leġiżlattiva inkwistjoni u l-konsegwenzi ta’ tali emenda fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-ħlas lura mogħti lilhom mid-dritt tal-Unjoni.

41      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sal-adozzjoni tal-Artikolu 320, il-persuni taxxabbli kellhom il-possibbiltà li jressqu azzjonijiet ibbażati fuq żball ta’ liġi, fil-forma tar-rimedju Kleinwort Benson, bl-iskop li jintalab il-ħlas lura ta’ taxxi mħallsa indebitament, matul perijodu ta’ sitt snin li jiddekorri mill-iskoperta tal-iżball li jkun wassal għall-ħlas tat-taxxa msemmija. L-adozzjoni tal-artikolu msemmi kellha l-konsegwenza li ċċaħħadhom minn din il-possibbiltà, b’mod retroattiv u mingħajr regoli tranżitorji, sa fejn dan l-artikolu jipprovdi li t-terminu itwal sabiex titressaq azzjoni fil-każ ta’ żball ta’ liġi ma japplikax fir-rigward ta’ żball ta’ liġi marbut ma’ kwistjoni fiskali li taqa’ fil-kompetenza tal-Commissioners. It-talba tagħhom għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament setgħet tikkonċerna biss il-perijodu bejn l-1997 u l-1999.

42      Issa, għalkemm il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tnaqqas it-terminu li matulu jista’ jintalab il-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament u għalkem terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt snin li jiddekorri mid-data tal-ħlas tat-taxxi indebiti, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, jidher li fih innifsu huwa raġonevoli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, huwa meħtieġ ukoll li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tipprevedi regoli tranżitorji li jagħtu lill-persuni taxxabbli terminu suffiċjenti, wara l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida, sabiex ikunu jistgħu jressqu t-talbiet li kellhom dritt iressqu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti.

43      Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkollha l-effett li tnaqqas il-perijodu li matulu jkunu jistgħu jitressqu azzjonijiet sabiex jintalab il-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament, minn sitt snin li jiddekorru mill-iskoperta tal-iżball li jkun wassal għall-ħlas tat-taxxa indebita għal sitt snin li jiddekorru mill-jum tal-ħlas tagħha, filwaqt li tipprovdi li tali effett japplika immedjatament għat-talbiet kollha mressqa wara d-data tal-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni kif ukoll għat-talbiet introdotti bejn din id-data tal-aħħar u data preċedenti, li f’dan il-każ tikkorrispondi għad-data li fiha tħabbret il-proposta ta’ adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, li tikkostitwixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni, ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ regoli tranżitorji. Tali leġiżlazzjoni tagħmel prattikament impossibbli l-eżerċizzju ta’ dritt għar-rimbors ta’ taxxi mħallsa indebitament li l-persuni taxxabbli kellhom preċedentement. Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività.

 Fuq il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

44      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-korollarju tiegħu huwa l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeżiġi li leġiżlazzjoni li jkollha konsegwenzi sfavorevoli għall-individwi għandha tkun ċara u preċiża u li l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-individwi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 80). Kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi ffissat minn qabel sabiex jaqdi l-funzjoni tiegħu li jiżgura ċ-ċertezza legali.

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludi li emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċaħħad lil persuna taxxabbli, b’effett retroattiv, mid-dritt li kellha qabel l-imsemmija emenda li tikseb ir-rimbors ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

46      Fil-kawża ineżami, kif jirriżulta mill-punt 41 ta’ din is-sentenza, qabel l-adozzjoni tal-Artikolu 320, il-persuni taxxabbli, sabiex jitolbu r-rimbors ta’ taxxi mħallsa indebitament, kellhom id-dritt li jirrikorru għar-rimedju Kleinwort Benson quddiem il-qrati nazzjonali u setgħu jistennew li l-kwistjoni ta’ jekk l-azzjonijiet tagħhom kinux iġġustifikati jew le tinqata’ minn dawn il-qrati.

47      Issa, l-adozzjoni tal-Artikolu 320 kellha l-konsegwenza li ċċaħħadhom minn dan id-dritt b’mod retroattiv u mingħajr regoli tranżitorji. Din il-leġiżlazzjoni b’hekk introduċiet bidla li affettwat b’mod negattiv is-sitwazzjoni tagħhom mingħajr ma setgħu jippreparaw ruħhom għaliha.

48      Minn dan isegwi li tali emenda leġiżlattiva tippreġudika l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula hija li, f’sitwazzjoni fejn il-persuni taxxabbli, skont id-dritt nazzjonali, ikunu jistgħu jagħżlu bejn żewġ rimedji ġudizzjarji possibbli għall-ħlas lura ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, fejn wieħed minn dawn ir-rimedji jkollu terminu ta’ preskrizzjoni itwal, il-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali tnaqqas dan it-terminu ta’ preskrizzjoni mingħajr avviż minn qabel u b’mod retroattiv.

 Fuq it-tieni domanda

50      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk huwiex rilevanti għar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda l-fatt li, fil-mument li fih il-persuna taxxabbli ressqet l-azzjoni tagħha, il-possibbiltà li jintuża r-rimedju ġudizzjarju li joffri t-terminu ta’ preskrizzjoni itwal kienet ġiet irrikonoxxuta biss reċentement minn qorti inferjuri u li din il-possibbiltà kienet ikkonfermata biss sussegwentement mill-ogħla awtorità ġudizzjarja.

51      Għandu jiġi osservat li tali ċirkustanzi ma humiex rilevanti. Dak li huwa rilevanti huwa li, kif indikat il-qorti tar-rinviju, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-persuni taxxabbli kellhom, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, id-dritt li jressqu azzjoni għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament billi jibbażaw ruħhom fuq tali rimedju ġudizzjarju.

52      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li ma huwiex rilevanti għar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda l-fatt li, fil-mument li fih il-persuna taxxabbli ressqet l-azzjoni tagħha, il-possibbiltà li jintuża r-rimedju ġudizzjarju li joffri t-terminu ta’ preskrizzjoni itwal kienet ġiet irrikonoxxuta biss reċentement minn qorti inferjuri u li din il-possibbiltà kienet ikkonfermata biss sussegwentement mill-ogħla awtorità ġudizzjarja.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      F’sitwazzjoni fejn il-persuni taxxabbli, skont id-dritt nazzjonali, ikunu jistgħu jagħżlu bejn żewġ rimedji ġudizzjarji possibbli għall-ħlas lura ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, fejn wieħed minn dawn ir-rimedji jkollu terminu ta’ preskrizzjoni itwal, il-prinċipji ta’ effettività, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali tnaqqas dan it-terminu ta’ preskrizzjoni mingħajr avviż minn qabel u b’mod retroattiv.

2)      Ma huwiex rilevanti għar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda l-fatt li, fil-mument li fih il-persuna taxxabbli ressqet l-azzjoni tagħha, il-possibbiltà li jintuża r-rimedju ġudizzjarju li joffri t-terminu ta’ preskrizzjoni itwal kienet ġiet irrikonoxxuta biss reċentement minn qorti inferjuri u li din il-possibbiltà kienet ikkonfermata biss sussegwentement mill-ogħla awtorità ġudizzjarja.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.