Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

15.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 389/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Ottubru 2012 — Metropol Spielstätten Unternehmergesellschaft (haftungsbeschränkt) vs Finanzamt Hamburg-Bergedorf

(Kawża C-440/12)

2012/C 389/06

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Metropol Spielstätten Unternehmergesellschaft (haftungsbeschränkt)

Konvenut: Finanzamt Hamburg-Bergedorf

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 401 (moqri flimkien mal-Artikolu 135(1)(i)) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-VAT u t-taxxa speċjali nazzjonali fuq il-logħob tal-ażżard jistgħu jinġabru biss b’mod alternattiv u mhux kumulattiv?

(2)

Unikament f’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda (1):

Fil-każ fejn, skont dispożizzjonijiet nazzjonali, il-logħob tal-ażżard jagħti lok għall-ġbir kemm tal-VAT kif ukoll ta’ taxxa speċjali, dan iwassal għan-nuqqas ta’ ġbir tal-VAT jew in-nuqqas ta’ ġbir tat-taxxa speċjali, kif ukoll il-kwistjoni dwar liema miż-żewġ taxxi ma tistax tinġabar għandha tiġi deċiża skont id-dritt nazzjonali?

(3)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni jew prattika nazzjonali li, għat-tħaddim ta’ apparat tal-logħob bil-possibbiltà ta’ rebħa, il-kontenut fi flus kontanti (kontenut tal-“flus kontanti li jingħaddu elettronikament”) tal-apparat wara li jgħaddi perijodu partikolari huwa kkunsidrat bħala valur taxxabbli?

(4)

Unikament f’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda (3):

Kif, minflok dan, il-valur taxxabbli għandu jiġi kkalkolat?

(5)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ġbir tal-VAT jippreżupponi li l-impriża tista’ tgħaddi din it-taxxa lix-xerrej? Jekk ikun il-każ, x’għandu jinftiehem bil-possibbiltà li din it-taxxa tgħaddi lejn persuna oħra? Din il-possibbiltà tinkludi b’mod partikolari l-fakultà, fid-dritt, li jiġi applikat prezz daqstant iktar għoli għall-beni jew is-servizz ikkonċernat?

(6)

Huwa biss fil-każ fejn, fil-kuntest tad-domanda (5), il-ġbir tal-VAT jippreżupponi l-possibbiltà, fid-dritt, li jiġi applikat prezz iktar għoli:

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jillimitaw ir-remunerazzjoni għal beni jew servizzi suġġetti għall-VAT għandha sseħħ, sabiex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod li r-remunerazzjoni ffissata ma testendix għall-VAT inkluża, iżda għall-VAT addizzjonali, anki jekk dawn huma dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-remunerazzjoni li ma jipprovdux bil-miktub espressament għal din l-aħħar regola?

(7)

Huwa biss fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda (5) u negattiva fid-domandi (6) u (3):

F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ ġbir ta’ VAT japplika għad-dħul mill-bejgħ kollu tal-apparat tal-logħob jew unikament għall-parti tiegħu li għaliha l-VAT ma tistax tiġi mgħoddija, u kif din il-parti għandha għaldaqstant tiġi ddeterminata, pereżempju skont liema tranżazzjonijiet il-flus li jintlagħbu għal kull logħba ma setgħux jiżdiedu jew skont liema tranżazzjonijiet il-flus kontanti fis-siegħa ma setgħux jiżdiedu?

(8)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi interpreatat fis-sens li jipprekludi sistema nazzjonali li tirregola taxxa mhux armonizzata li tipprovdi li l-VAT dovuta hija imputata eżattament fuq din it-taxxa?

(9)

Unikament f’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda (8):

L-imputazzjoni tal-VAT fuq taxxa nazzjonali mhux armonizzata għall-impriżi suġġetti għal din it-taxxa għandha bħala konsegwenza li l-VAT ma tkunx tista’ tinġabar mingħand il-kompetituri tagħha li, għalkemm mhux suġġetti għal din it-taxxa, huma suġġetti għal taxxa speċjali oħra u li għalihom tali imputazzjoni ma hijiex prevista?


(1)  ĠU L 347, p. 1.