Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sitt Direttiva tal-VAT — Eżenzjonijiet — Artikolu 13(B)(d)(3) u (5) — Kunċetti ta’ ‘sigurtajiet oħrajn’ u ta’ ‘strumenti oħrajn negozzjabbli’ — Skema ta’ promozzjoni tal-bejgħ — Kard ta’ tnaqqis — Valur taxxabbli”

Fil-Kawża C-461/12,

li tirrigwarda talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Granton Advertising BV

vs

Inspecteur van de Belastingdienst Haaglanden/kantoor Den Haag,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrell, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cordewener u E. Manhaeve, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23 iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Granton Advertising BV (iktar ’il quddiem “Granton Advertising) u l-Inspecteur van de Belastingdienst Haaglanden/kantoor den Haag (spettur tad-dipartiment tat-taxxi ta’ Haaglanden/uffiċċju ta’ den Haag, iktar ’il quddiem l-“ispettur”), dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ kards ta’ tnaqqis mwettqa minn Granton Advertising matul is-snin 2001 sa 2005.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Taħt it-Titoli VIII “Ammont taxxabbli” tas-Sitt Direttiva, l-Artikolu 11A tagħha, intitolat “Fit-territorju tal-pajjiż”, jipprovdi fil-paragrafu 3:

“L-ammont taxxabbli m’għandux jinkludi:

[...]

b)      roħs fil-prezz u tnaqqis permess lill-klijent u kalkolat għalihom fiż-żmien tal-provvista;

[...]”

4        Taħt it-Titolu X “Eżenzjonijiet” ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 13 tagħha, intitolat “Eżenzjonijiet fit-territorju tal-pajjiż”, jinkludi il-partijiet A (“Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”), B (“Eżenzjonijet oħrajn”) u C (“Għażliet”).

5        Skont l-Artikolu 13B ta’ din id-Direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw […]:

[...]

d)      it-transazzjonijet li ġejjin:

[...]

3.      transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;

[...]

5      transazzjonijiet, inklużi negozjar, eskluż l-immaniġġjar u l-ħażna assigurata, fl-ishma, interessi f’kumpanniji jew assoċjazzjonijiet, debentures u sigurtajiet oħrajn, esklużi:

— dokumenti li jistabbilixxu titolu għall-oġġetti,

— id-drittijiet jew sigurtajiet msemmija fl-Artikolu 5(3);

[...]”

 Id-dritt Olandiż

6        L-Artikolu 11 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Wet op de omzetbelasting), tat-28 ta’ Ġunju 1968 (Staatsblad 1968, Nru 329), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1.      Huma eżenti mit-taxxa f’kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni ta’ implementazzjoni:

[...]

i.      il-forniment tal-merkanzija u l-provvista tas-servizzi li ġejjin:

[...]

2°      it-tranżazzjonijiet, inkluż in-negozjar, iżda bl-eċċezzjoni tal-kustodja u l-ġestjoni, li jirrigwardaw it-titoli trasferibbli u t-titoli l-oħra, bl-esklużjoni tad-dokumenti li jistabbilixxu titolu għall-oġġetti;

[...]

j.      il-provvista tas-servizzi segwenti:

[...]

2°      it-tranżazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, bl-esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Il-fatti relatati mal-kawża prinċipali seħħew matul perijodu bejn l-2001 u l-2005, fejn matulu Granton Advertising, kumpannija tad-dritt Olandiż bl-isem Granton Marketing BV, sas-7 ta’ Ġunju 2004, ħarġet u biegħet kards imsejħa “Granton” (iktar ’il quddiem il-“kards Granton). Dawn il-kards, li kienu jinbiegħu lill-konsumaturi għal prezz li jvarja bejn EUR 15 sa EUR 25, kienu jagħtuhom id-dritt, imbagħad, għall-akkwist jew għall-prestazzjoni ta’ ċertu numru ta’ oġġetti u ta’ servizzi għal kundizzjonijiet preferenzjali mingħand negozjanti u intrapriżi, bħal restoranti, ċinema, lukandi jew sauna, li kienu kkonkludew ftehim f’dan ir-rigward ma’ Granton Advertising (iktar ’il quddiem l-“intrapriżi affiljati”. Il-kards Granton kienu disponibbli f’uffiċċji ta’ bejgħ li kienu remunerati minn Granton Advertising għal kull kard Granton li kienu jbigħu.

8        Mit-termini tal-ftehim standard konkluż bejn Granton Advertising u l-intrapriża affiljata msemmi mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-impriżi affiljati kellhom l-għan, meta kkollaboraw ma’ Granton Advertising, li jattiraw klijenti li jixtru l-oġġetti u s-servizzi tagħhom. L-intrapriżi affiljati kienu jintrabtu, għal dan il-għan, li jaċċettaw il-kards Granton validi li jiġu ppreżentati lilhom u li jipprovdu l-oġġetti u/jew servizzi ppreċiżati fuq kull kard Granton, sal-limitu massimu indikat fuq din.

9        Barra minn hekk, mit-termini ta’ dan il-ftehim standard jirriżulta li Granton Advertising kienet responsabbli għall-fabbrikazzjoni, il-produzzjoni, it-tqassim, il-promozzjoni u l-bejgħ tal-kards Granton. Ladarba kien jiġi ffirmat il-ftehim, Granton Advertising ma kienet tiffattura l-ebda somma għall-kards Granton tal-impriżi affiljati u ma kienet tirċievi l-ebda ħlas mingħandhom.

10      Fir-rigward tal-karatteristiċi tal-imsemmija kards, il-qorti tar-rinviju tindika li kull kard Granton kienet tagħti dritt lid-detentur tagħha għal tnaqqis fil-prezz fuq l-ordnijiet magħmula għand l-impriżi affiljati li isimhom kien jidher fuq il-kard inkwistjoni. It-tnaqqis kien jingħata fuq l-offerti msemmija fuq kull kard, peress li dawn l-offerti kienu ta’ natura differenti skont il-ftehim magħmul bejn l-impriża affiljata kkonċernata u Granton Advertising. Dan it-tnaqqis kien jinkiseb fuq preżentazzjoni tal-kard, fuq l-għoti ta’ kupun imwaħħal magħha jew billi l-kard tiġi ffirmata mill-intrapriża kkonċernata. Id-detenturi tal-kard Granton setgħu wkoll jiksbu, bħala vantaġġi oħra, f’ħafna każijiet, żewġ unitajiet tal-prodott jew tas-servizz propost għall-prezz ta’ unità waħda minn dan. Barra minn hekk, il-kards Granton kienu maħsuba b’tali mod li d-detentur tagħhom kien jibbenefika mill-vantaġġi tagħha sa mill-ewwel użu tal-kard. F’ċertu numru ta’ każijiet, il-kard kienet tippermetti, matul il-validità kollha tagħha, jiġifieri ħafna drabi sitt xhur, li wieħed jirrispondi diversi drabi, anki kuljum, għall-offerta jew offerti li jkun fiha.

11      Barra minn hekk, il-kards Granton ma kinux personali iżda trasferibbli. Madankollu, ma setgħux jiġu skambjati għal flus jew oġġetti.

12      Matul l-2005, l-ispettur wettaq verifika tal-kontabbiltà ta’ Granton Advertising. Peress li qies li l-bejgħ tal-kards Granton minn din l-intrapriża kien jikkostitwixxi tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, l-ispettur bagħtilha tfakkira sabiex tħallas il-VAT. Wara l-ilment imressaq minn Granton Advertising, l-ammont tal-imsemmi tfakkir jitla’ għal EUR 643 567.

13      Peress li hija tikkunsidra, min-naħa tagħha, li l-bejgħ ta’ kards Granton huwa eżenti mill-VAT, Granton Advertising ippreżentat rikors quddiem ir-Rechtbank Breda (il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Breda) kontra din id-deċiżjoni tal-ispettur. Ir-Rechtbank Breda madankollu ċaħdet ir-rikors ta’ Granton Adverstising billi kkunsidrat li l-kards Granton ma kinux jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “sigurtajiet oħrajn” jew ta’ “strumenti oħrajn negozzjabbli”, fis-sens tas-Sitt Direttiva, fid-dawl b’mod partikolari tal-kuntest ta’ din id-direttiva li jaqgħu fih dawn il-kunċetti u tas-sens tagħhom fl-Olandiż kif ukoll f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tagħha. Barra minn hekk, skont ir-Rechtbank Breda, dawn il-kunċetti kellhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

14      Granton Advertising ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni tar-Rechtbank Breda quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (qorti tal-appell ’s-Hertogenbosch). Din il-qorti tikkunsidra li interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “sigurtajiet oħrajn” u ta’ “strumenti oħrajn negozzjabbli” iktar wiesa’ minn dik adottata mir-Rechtbank Breda tista’ tkun possibbli. L-imsemmija qorti tikkonstata madankollu li la l-oriġini tad-direttiva, la d-duttrina u lanqas il-ġurisprudenza eżistenti ma jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata ta’ dawn il-kunċetti f’kuntest bħal dak fil-kawża prinċipali.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof ’s-Gravenhage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kliem “sigurtajiet oħrajn” li jidher fl-Artikolu 13(B)(d)(5) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi karta Granton, karta trasferibbli użata sabiex jitħallsu (parzjalment) oġġetti u servizzi, u jekk dan huwa l-każ, il-ħruġ u l-bejgħ ta’ tali karta huma eżentati mill-VAT?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda negattiva, il-kliem “strumenti oħrajn negozzjabbli” li jidher fl-Artikolu 13(B)(d)(3) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi karta Granton, karta trasferibbli użata sabiex jitħallsu (parzjalment) oġġetti u servizzi, u jekk dan huwa l-każ, il-ħruġ u l-bejgħ ta’ tali karta huma eżentati mill-VAT)?

3)      Jekk il-karta Granton hija “sigurtà oħra” jew “strument ieħor negozzjabbli” fis-sens iċċitat iktar ’il fuq, il-fatt li huwa prattikament impossibbli li, meta din il-karta tintuża, tinġabar il-VAT relatata mal-(ma’ parti proporzjonali tal-) prezz imħallas għall-karta, jaffettwa l-kwistjoni tal-eżenzjoni tal-VAT fuq il-ħruġ u l-bejgħ tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

16      Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-bejgħ ta’ kard ta’ tnaqqis, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxix tranżazzjoni relatata ma’ “sigurtajiet oħrajn” jew “strumenti oħrajn negozzjabbli”, fis-sens, rispettivament, tal-punti 5 u 3 ta’ din id-dispożizzjoni, li jinkludu ċerti tranżazzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT.

 Osservazzjonijiet preliminari

17      Għandu jiġi rrelevat li l-kwistjoni tal-issuġġettar tal-kards Granton għall-VAT u tal-kalkolu eventwali tagħha jiddependi mill-karatteristiċi legali u ekonomiċi ta’ dawn il-kards (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-427/98, EU:C:2002:581, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, għalkemm id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni tal-eventwali eżenzjoni tat-tranżazzjoni li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ tali kards, għandhom jiġu ppreċiżati, b’mod preliminari, il-kundizzjonijijiet li jirregolaw il-bejgħ tal-imsemmija kards, sa fejn dawn l-elementi għandhom effett fuq l-identifikazzjoni tat-tranżazzjoni taxxabbli kif ukoll fuq l-evalwazzjoni tan-natura tagħha.

18      F’dan ir-rigward, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li d-detentur ta’ kard Granton jista’ jikseb oġġetti jew servizzi offruti mill-impriżi affiljati fuq kundizzjonijiet preferenzjali, miftiehma bejn dawn tal-aħħar u Granton Advertising, inkluż b’mod partikolari tnaqqis fuq il-prezz. Issa, filwaqt li l-formulazzjoni tad-domandi preliminari tindika li l-kard Granton hija “użata sabiex jitħallsu (parzjalment)” oġġetti u servizzi, jidher, abbażi ta’ elementi oħra fid-digriet tar-rinviju, li fuq preżentazzjoni ta’ din il-karta mid-detentur tagħha, l-intrapriża affiljata tirrinunzja preċiżament milli teżiġi parti mill-prezz normali, b’mod li l-imsemmi detentur ma jwettaq l-ebda ħlas sal-limitu tal-ammont ta’ dan it-tnaqqis.

19      Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-impriża affiljata taċċetta li tirrinunzja milli ddaħħal is-somma korrispondenti għat-tnaqqis miksub abbażi tal-imsemmija kundizzjonijiet preferenzjali jikkostitwixxi, kif issostni wkoll il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tnaqqis tal-prezz, fis-sens tal-Artikolu 11A(3)(b) tas-Sitt Direttiva. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali tnaqqis, li ma għandux jiġi inkluż fil-valur taxxabbli tat-tranżazzjoni inkwistjoni, jirreferi b’mod partikolari, għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ normali bl-imnut u s-somma ta’ flus effettivament miġbura min-negozzjant (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Boots Company, C-126/88, EU:C:1990:136, punt 22, u Argos Distributors, C-288/94, EU:C:1996:398, punt 16).

20      Barra minn hekk, fir-rigward tal-valur taxxabbli tat-tranżazzjoni li tikkonsisti fil-bejgħ tal-kards Granton, għandu jiġi rrelevat li l-ammonti mħallsa mill-konsumaturi lil Granton Advertising għall-akkwist ta’ karta Granton ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu indirettament il-valur ta’ skambju jew parti minnu, ta’ prestazzjonijiet li l-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minnhom ulterjorment mingħand l-intrapriżi affiljati. Fil-fatt, ma teżistix rabta biżżejjed diretta bejn l-ammont imħallas, minn dawn il-konsumaturi, sabiex jiksbu l-kard Granton u l-oġġetti jew il-prestazzjonijiet ta’ servizzi eventwalment miksuba, minn dawn l-istess konsumaturi, min-naħa tal-intrapriżi affiljati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Coöperatieve Aardappelenbewaarplaats, 154/80, EU:C:1981:38, punt 12, u Hotel Scandic Gåsabäck, C-412/03, EU:C:2005:47, punt 22).

21      F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li ma jeżisti l-ebda ftehim bejn id-detenturi tal-kards Granton u l-intrapriżi affiljati u li dawn l-aħħar impriżi ma jirċievu l-ebda parti mid-dħul miksub minn Granton Advertising mill-bejgħ tal-kards, ma teżisti, barra minn hekk, l-ebda rabta neċessarja bejn il-ħlas, mill-konsumatur lill-Granton Advertising, sabiex jikseb il-kard Granton, u l-valur tat-tnaqqis eventwalment miksub, mill-istess konsumatur, mingħand l-intrapriżi affiljati. L-ammont tal-eventwali tnaqqis, li jiddependi b’mod partikolari mill-użu tal-imsemmija kard kif ukoll mid-disponibbiltà tal-offerti għand l-intrapriżi affiljati, hija aleatorja u prattikament impossibbli li tiġi ddeterminata minn qabel (ara, b’analoġija, is-sentenzi Tolsma, C-16/93, EU:C:1994:80, punt 17, u Lebara, C-520/10, EU:C:2012:264, punt 38).

22      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li kuntrarjament għal dak li tindika l-qorti tar-rinviju, l-użu ta’ kard Granton ma jistax jikkostitwixxi “ħlas”, għall-finijiet tas-Sitt Direttiva, peress li dan huwa, fil-fatt, tnaqqis tal-prezz, it-tieni nett, li t-tnaqqis fil-prezz mogħti mill-intrapriżi affiljati ma huwiex inkluż fil-valur taxxabbli tat-tranżazzjonijiet eventwali magħmula bejn dawn tal-aħħar u d-detenturi ta’ kard Granton, u, it-tielet nett, li l-kwistjonijiet imqajma mill-imsemmija qorti għandhom l-għan li jiddeterminaw, b’mod partikolari, jekk it-tranżazzjoni ta’ bejgħ tal-kards Granton lill-konsumaturi — indipendentement minn tranżazzjonijiet oħra potenzjalment magħmula mill-istess konsumaturi fir-rigward tal-intrapriżi affiljati — għandhiex tiġi eżentata mill-VAT jew le.

 Fuq l-eżenzjoni tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ tal-kards Granton

23      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tranżazzjoni tal-bejgħ tal-kards Granton għandhiex tiġi eżentata jew le mill-VAT, għandu jiġi ddeterminat jekk tali kards ta’ tnaqqis jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “sigurtajiet oħrajn” jew “strumenti oħrajn negozzjabbli” li jinsabu, rispettivament, fil-punti 5 u 3 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva.

24      Il-partijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, il-Gvern Olandiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, iqisu li l-kards ta’ tnaqqis, bħall-kards Granton, ma jaqgħux taħt l-imsemmija kunċetti u, għaldaqstant, li l-bejgħ tagħhom ma jikkostitwixxix tranżazzjoni eżenti mill-VAT.

25      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-termini użati sabiex jiġu magħżula l-eżenzjonijiet msemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (sentenza Nordea Pankki Suomi, C-350/10, EU:C:2011:532, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), u li dawn it-termini għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li l-imsemmija eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali skont liema l-VAT tinġabar fuq kull prestazzjoni ta’ servizz effettwata bi ħlas minn persuna taxxabbli (sentenzi Stichting Uitvoering Financiële Acties, 348/87, EU:C:1989:246, punt 13, u Skandinaviska Enskilda Banken, C-540/09, EU:C:2011:137, punt 20).

26      Sabiex jiġi ddeterminat jekk kards ta’ tnaqqis, bħall-kards Granton, jaqgħux, minn naħa, taħt il-kunċett ta’ “sigurtajiet oħrajn” jew, min-naħa l-oħra, taħt dak ta’ “strumenti oħra negozzjabbli”, bħal dawk il-kunċetti li jinsabu fl-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, jaqbel li jiġu evalwati b’mod partikolari l-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-kuntest li jaqgħu fih dawn il-kunċetti kif ukoll il-finalitajiet tal-eżenzjoni li hija tipprovdi (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12; ebookers.com Deutschland, C-112/11, EU:C:2012:487, punt 12, kif ukoll RVS Levensverzekeringen, C-243/11, EU:C:2013:85, punt 23).

 Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kards Granton jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “sigurtajiet oħrajn”

27      Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-eżenzjoni inkwistjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jeżentaw b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet relatati ma’ “l-ishma, interessi f’kumpanniji jew assoċjazzjonijiet, debentures u sigurtajiet oħrajn”. Għalkemm din l-eżenzjoni hija speċifikatament, minn naħa, dwar sigurtajiet li jagħtu dritt għall-proprjetà fuq persuni ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, dwar sigurtajiet li jirrappreżentaw dejn, xorta jibqa’ l-fatt li s-“sigurtajiet l-oħrajn” imsemmija minn din id-dispożizzjoni għandhom jiġu kkunsidrati, tal-inqas, li huma wkoll “sigurtajiet”. Għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati li huma ta’ natura komparabbli meta mqabbla mas-sigurtajiet speċifikatament imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

28      Din l-aħħar konstatazzjoni hija kkorraborata mis-sigurtajiet espressament esklużi mill-eżenzjoni prevista f’din l-istess dispożizzjoni, jiġifieri dawk li jirrappreżentaw merkanzija kif ukoll il-partijiet tal-interessi u l-ishma, li pussess tagħhom jiżgura fid-dritt jew fil-fatt l-attribuzzjoni fi proprjetà jew użu ta’ proprjetà immobbli jew frazzjoni ta’ sehem minn proprjetà immobbli, sakemm dawn tal-aħħar ikunu kkunsidrati bħala beni materjali mill-Istat Membru skont l-Artikolu 5(3)(c) tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza DTZ Zadelhoff, C-259/11, EU:C:2012:423, punt 42). Fil-fatt, in-natura ta’ dawn tal-aħħar “sigurtajiet, sa fejn jirrappreżentaw, b’mod partikolari, drittijiet ta’ proprjetà fuq beni mobbli jew immobbli, tikkostitwixxi, minkejja l-esklużjoni tal-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, indikazzjoni ta’ dak li għandu jinftiehem b’“sigurtajiet”, għall-finijiet tal-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva.

29      Fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema t-tranżazzjonijiet eżenti mill-VAT skont l-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva huma, min-natura tagħhom, tranżazzjonijiet finanzjarji. Minkejja li tali tranżazzjonijiet, iddefiniti skont in-natura tal-prestazzjonijiet ta’ servizzi pprovduti, ma għandhomx neċessarjament jiġu effettwati mill-banek jew l-istabbilimenti finanzjarji, huma jaqgħu, madankollu, kollha kemm huma, taħt il-qasam tat-tranżazzjonijiet finanzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Velvet & Steel Immobilien, C-455/05, EU:C:2007:232, punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għandu jiingħad ukoll, fir-rigward tal-għanijiet tal-imsemmija dispożizzjoni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan tal-eżenzjoni mill-VAT tat-tranżazzjonijiet finanzjarji elenkati fl-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva huwa b’mod partikolari li jikkumpensa d-diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-valur taxxabbli kif ukoll tal-ammont tal-VAT li jista’ jitnaqqas (sentenzi Velvet & Steel Immobilien, EU:C:2007:232, punt 24, u Skandinaviska Enskilda Banken, EU:C:2011:137, punt 21).

31      F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, kard ta’ tnaqqis, bħall-kard Granton, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala “sigurtajiet oħrajn”, fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi rrelevat, qabelxejn, li meta konsumatur jixtri tali kard, huwa la jakkwista dritt għall-proprjetà tal-kumpannija Granton Advertising, la dritt fuq il-kreditu ta’ din l-intrapriża, u lanqas ebda dritt relatat ma’ dawn id-drittijiet. Fil-fatt, il-kard Granton hija kkaratterizzata mill-fatt li tagħti lid-detentur tagħha sempliċiment id-dritt li jikseb tnaqqis fuq il-prezzijiet tal-oġġetti u tas-servizzi offerti mill-intrapriża affiljata.

32      Sussegwentement, minn eżami tal-karatteristiċi essenzjali tal-kard Granton, kif jirriżultaw mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din ma għandha l-ebda valur nominali u li ma tistax tiġi skambjata għal flus jew oġġetti għand l-intrapriżi affiljati. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-bejgħ ta’ tali kard lill-konsumaturi ma jikkostitwixxix, min-natura tiegħu, tranżazzjoni finanzjarja fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Velvet & Steel Immobilien, EU:C:2007:232, punti 22 u 23, kif ukoll Nordea Pankki Suomi, EU:C:2011:532, punti 24 sa 27).

33      Fl-aħħar nett, sa fejn il-valur taxxabbli tat-tranżazzjoni taxxabbli jikkorrispondi għall-kontroparti mħallsa mill-konsumaturi għall-akkwist tal-kard Granton, il-kalkolu tal-VAT fuq dan il-valur ma għandux jippreżenta diffikultajiet partikolari.

34      Peress li t-termini tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva huma ta’ interpretazzjoni stretta, kif tfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li kards ta’ tnaqqis, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “sigurtajiet oħrajn” fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(5) ta’ din id-Direttiva.

 Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kards Granton jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “strumenti oħrajn negozzjabbli”

35      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jeżentaw it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw b’mod partikolari “d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli”.

36      Kif intqal fil-punt 29 ta’ din is-sentenza rigward il-kunċett ta’ “sigurtajiet oħrajn”, imsemmi fl-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi kkunsidrat li t-tranżazzjonijiet eżenti skont il-punt 3 ta’ din id-dispożizzjoni jaqgħu wkoll taħt il-qasam tat-tranżazzjonijiet finanzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Velvet & Steel Immobilien, EU:C:2007:232, punt 22).

37      Għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva jikkonċerna, b’mod partikolari, strumenti ta’ ħlas bħal ċekkijiet. Issa, kif tfakkar fil-punti 18 u 31 ta’ din is-sentenza, għalkemm il-kards Granton jagħtu dritt għal tnaqqis ta’ prezz, huma ma jikkostiwixxux, minnhom infushom, strument ta’ ħlas għall-finijiet tal-imsemmija direttiva. B’mod partikolari, kif sostna l-Gvern tar-Renju Unit, anki jekk tali kards huma trasferibbli u jistgħu jerġgħu jinbiegħu għal ċertu prezz, il-funzjonament tagħhom ma jimplika l-ebda trasferiment ta’ flus, kuntrarjament għall-ħlas, trasferimenti u ċekkijiet.

38      F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li t-termini tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod strett, kif tfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-kards ta’ tnaqqis, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “strumenti oħrajn negozzjabbli” fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bejgħ ta’ kard ta’ tnaqqis, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix tranżazzjoni relatata ma’ “sigurtajiet oħrajn” jew li tikkonċerna “strumenti oħrajn negozzjabbli” fis-sens, rispettivament, tal-punti 5 u 3 ta’ din id-dispożizzjoni, li tinkludi tranżazzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT.

 Fuq l-ispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bejgħ ta’ kard ta’ tnaqqis, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix tranżazzjoni relatata ma’ “sigurtajiet oħrajn” jew li tikkonċerna “strumenti oħrajn negozzjabbli” fis-sens, rispettivament, tal-punti 5 u 3 ta’ din id-dispożizzjoni, li tinkludi tranżazzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jeżentaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.