Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

2.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (Ir-Renju Unit) fil-5 ta’ Novembru 2012 — The Bridport and West Dorset Golf Club Limited vs The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

(Kawża C-495/12)

2013/C 32/04

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: The Bridport and West Dorset Golf Club Limited

Konvenuti: The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

Domandi preliminari

(1)

Meta jkunu japplikaw id-dispożizzjonijiet mandatorji tal-Artikolu 134 għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva prinċipali tal-VAT (1) f’ċirkustanzi fejn entita’ kkunsidrata bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li tipprovdi drittijiet tal-użu ta’ art għall-golf, liema huma l-provvisti, jekk hemm, li jikkostitwixxu “tranżazzjonijiet eżenti”?

(2)

Huwa leġittimu li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) tiġi limitata skont jekk is-servizzi tal-għoti ta’ drittijiet tal-użu ta’ art għall-golf jingħatawx lil membru ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ?

(3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 134 għandhom jiġu interpretati bħala li jillimitaw l-eżenzjoni biss għal provvisti li huma “marbuta mill-qrib” (fis-sens periferiku) mat-“tranżazzjonijiet eżenti” jew ma’ kwalunkwe provvista li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 132(1) sa (m)?

(4)

Fiċ-ċirkustanzi fejn organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ b’riferiment għall-iskopijiet tagħha ddikjarati pubblikament, tagħti l-opportunità fuq bażi regolari u konsistenti lil dawk li ma humiex membri sabiex jilgħabu l-golf, liema għandha tkun l-interpretazzjoni li għandha tingħata lit-termini “l-iskop bażiku” li jobbliga lil dawk li ma humiex membri iħallsu?

(5)

Għall-iskopijiet tal-Artikolu 134(b) għal xiex għandu jkun addizzjonali d-“dħul addizzjonali”?

(6)

Jekk id-dħul li ġej mill-għoti tal-aċċess għall-faċilità sportiva lil dawk li ma humiex membri ma għandux jiġi meqjus bħala “dħul addizzjonali” għall-iskop tal-Artikolu 134(b), l-Artikolu 133(d) jagħti l-opportunità lil Stat Membru li jeskludi tali dħul mill-eżenzjoni jekk hemm possibbiltà li dan ser iwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bi żvantaġġ għall-impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT, filwaqt li fl-istess ħin ma jirtirax l-eżenzjoni għad-dħul li ġej mill-affiljazzjonijiet għall-istess organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ jekk ir-reġistrazzjoni nnifisha tal-membri hija suxxettibbli li twassal għal ċerta distorsjoni fil-kompetizzjoni?

(7)

B’mod partikolari, huwa neċessarju li kull kundizzjoni implementata taħt l-Artikolu 133(d) tkun tapplika għas-servizzi kollha pprovduti mill-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li inkella kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni jew huwa possibbli li jkun hemm restrizzjoni parzjali, jiġifieri li tingħata eżenzjoni għall-provvista ta’ drittijiet tal-użu ta’ art għall-golf lil membri iżda mhux lil dawk li ma humiex membri, fejn kemm il-provvisti lil dawk li huma msieħba kif ukoll dawk li ma humiex, huma f’kompetizzjoni mal-organizzazzjonijiet kummerċjali?

(8)

X’inhi d-differenza, jekk teżisti differenza, bejn il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 133(d) li jirrikjedi possibbiltà ta’ “distorsjoni tal-kompetizzjoni”, u dik fl-Artikolu 134(b)li jirreferi biss għall-eżistenza ta’ kompetizzjoni diretta?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).