Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

23.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brugge (il-Belġju) fl-20 ta’ Diċembru 2012 — Jetair NV, BTW-eenheid BTWE Travel4you vs FOD Financiën

(Kawża C-599/12)

2013/C 86/13

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank van eerste aanleg te Brugge

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Jetair NV, BTW-eenheid BTWE Travel4you

Konvenut: FOD Financiën

Domandi preliminari

(1)

Il-leġiżlatur Belġjan jista’ jemenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jintaxxa provvista ta’ servizzi eżentata (f’dan il-każ, il-vjaġġi magħmula barra mill-UE) fi żmien (l-1 ta’ Diċembru 1977) immedjatament qabel id-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva tal-VAT (1) (l-1 ta’ Jannar 1978) u b’hekk jevita l-klawżola ta’ “stand still” imsemmija fl-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva (Artikolu 370 tad-Direttiva 2006/112/KE (2)), li jipprovdi li l-vjaġġi inkwistjoni jistgħu jkomplu jiġu ntaxxati biss jekk kienu ntaxxati qabel id-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva?

(2)

Il-leġiżlatur Belġjan kellu jibqa’ lura mit-13 ta’ Ġunju 1977 (data tal-pubblikazzjoni tas-Sitt Direttiva) milli jintaxxa vjaġġi magħmula barra mill-UE?

(3)

Il-leġiżlatur Belġjan jikser l-Artikolu 309 tad-Direttiva 2006/112/KE meta ma jikkunsidrax lill-aġenziji tal-ivvjaġġar bħala intermedjarji għat-tranżazzjonijiet tagħhom magħmula barra mill-Komunità u meta xorta jkompli jintaxxa dawn il-provvisti ta’ servizzi?

(4)

L-Artikoli 309, 153, 370 u l-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE jiksru l-prinċipji ġenerali tad-Dritt Komunitarju, il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ proporzjonalità, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi, b’mod partikolari l-Artikoli 43 u 56 KE, meta jħallu lill-Istati Membri l-għażla li jintaxxaw jew le s-servizzi marbuta mal-vjaġġi magħmula barra mill-Komunità?

(5)

L-Istat Belġjan aġixxa bi ksur tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali tal-VAT, meta, permezz tad-Digriet Irjali tat-28 Novembru 1999, intaxxa biss lill-aġenziji tal-ivvjaġġar għall-vjaġġi magħmula barra mill-UE, iżda mhux lill-intermedjarji?


(1)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23)

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)