Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

4.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad — Veliko Tarnovo (il-Bulgarija) fl-4 ta’ Marzu 2013 — FIRIN OOD vs Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika”

(Kawża C-107/13)

2013/C 129/19

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad — Veliko Tarnovo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: FIRIN OOD

Konvenuta: Direktsia „Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika“

Domandi preliminari

(1)

F’każijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) marbuta mal-ħlas ta’ pagament akkont għal kunsinna futura ta’ merkanzija, identifikata b’mod ċar, tnaqqset b’mod immedjat u effettiv, huwa meħtieġ li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet, ikkunsidrati flimkien, tal-Artikolu 168(a) u tal-Artikoli 65, 90(1) u 185(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), tiġġustifika l-konklużjoni li d-dritt għal tnaqqis ma għandux jingħata fid-data li fiha jiġi eżerċitat, fid-dawl tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-prestazzjoni prinċipali, minħabba raġunijiet oġġettivi u/jew suġġettivi, inkonformità mal-kundizzjonijiet tal-kunsinna?

(2)

Minn din l-interpretazzjoni u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT jirriżulta li, f’tali sitwazzjoni, il-possibbiltà oġġettiva għall-fornitur li jirregolarizza l-VAT u/jew il-valur taxxabbli ffatturati skont il-fattura bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali hija importanti (jew le) f’din is-sitwazzjoni, u x’impatt jista’ jkollha tali regolarizzazzjoni fuq ir-rifjut li jingħata t-tnaqqis inizjali?

(3)

L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 205, ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 168(a) u 193, u fid-dawl ukoll tal-premessa 44, tad-Direttiva 2006/112, tawtorizza lill-Istati Membri jirrifjutaw tnaqqis tal-VAT fil-konfront tad-destinatarju ta’ kunsinna billi jinvokaw biss kriterji introdotti minnhom stess fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, kriterji li permezz tagħhom jiġi impost obbligu fuq persuna taxxabbli li ma tkunx il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT, u dan fl-għarfien li, f’tali każ, ir-riżultat fiskali finali jkun differenti minn dak li jirriżulta mill-osservanza stretta tar-regoli stabbiliti mill-Istat Membru?

(4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, l-implementazzjoni tal-Artikolu 205 tad-Direttiva 2006/112 tippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-VAT billi tuża preżunzjonijiet li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom ma humiex fatti oġġettivi li jistgħu jiġu ddeterminati direttament iżda huma kunċetti legali tad-dritt ċivili li t-tilwim dwarhom jiġi riżolt skont modalitajiet proċedurali oħrajn, u din il-leġiżlazzjoni hija kompatibbli mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità?


(1)  ĠU L 347, p. 1.