Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

23.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 344/46


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Settembru 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-479/13)

2013/C 344/80

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Dintilhac u C. Soulay, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

tikkonstata li billi applikat rata mnaqqsa ta’ VAT għall-kotba diġitali (jew elettroniċi), ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 96 u 98 tad-Direttiva tal-VAT (1), moqrija flimkien mal-Annessi II u III ta’ din id-direttiva u mar-Regolament ta’ implementazzjoni tagħha (2);

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqajjem ilment wieħed insostenn tar-rikors tagħha bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva tal-VAT mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal rata mnaqqsa ta’ 7 % sa mill-1 ta’ Jannar 2012, u wara ta’ 5,5 % sa mill-1 ta’ Jannar 2013, il-provvista ta’ kotba elettroniċi.

Il-Kummissjoni tirreleva li skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT, ir-rati mnaqqsa tal-VAT jistgħu jiġu applikati biss għall-kunsinni ta’ beni u għall-provvisti ta’ servizzi inklużi fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Issa, il-kategorija 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT ma ssemmix li l-provvista ta’ kotba diġitali tista’ tkun suġġetta għal rata mnaqqsa tal-VAT. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li l-provvista ta’ kotba diġitali għandha għalhekk tiġi suġġetta għal rata normali ta’ VAT skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT. Dan huwa wkoll ikkonfermat, skont il-Kummissjoni, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2), li jeskludi speċifikatament mill-benefiċċju ta’ rati mnaqqsa tal-VAT is-servizzi pprovduti b’mezz elettroniku. Fl-aħħar nett, insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tirreleva li l-Kumitat tal-VAT adotta b’unanimità, fid-9 ta’ Frar 2011, linji gwida li permezz tagħhom ir-rati mnaqqsa ta’ VAT ma japplikawx għall-provvista ta’ kotba diġitali.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011, tal-15 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, p. 1).