Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Lulju 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ – Kamp ta’ applikazzjoni – Eżenzjoni – Kunċett ta’ ‘[operazzjonijiet ta’] assigurazzjoni’ – Kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ – Somma f’daqqa mħallsa sabiex tiggarantixxi ħsara f’vettura użata”

Fil-Kawża C-584/13,

li għandha bħala s-suġġett tagħha talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-qorti ta’ kassazzjoni (Franza), bid-deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Novembru 2013, fil-Kawża

Directeur général des finances publiques

vs

Mapfre asistencia compania internacional de seguros y reaseguros SA,

u

Mapfre warranty SpA

vs

Directeur général des finances publiques,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas (Relatur), E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Mapfre asistencia compania internacional de seguros y reaseguros SA u Mapfre warranty SpA, minn G. Hannotin, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J.-S. Pilczer u D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 13 B(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991 (ĠU L 376, p. 1, iktar ʼil quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, id-Directeur général des finances publiques kontra Mapfre asistencia compania internacional de seguros y reaseguros SA (iktar ʼil quddiem “Mapfre asistencia”), kumpannija stabbilita taħt id-dritt Spanjol, u, min-naħa l-oħra, Mapfre warranty SpA (iktar ʼil quddiem “Mapfre warranty”), kumpannija stabbilita taħt id-dritt Taljan, kontra d-Directeur général des finances publiques, dwar it-tassazzjoni tal-operazzjonijiet mwettqa minn dawn iż-żewġ kumpanniji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi li:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud [iktar ʼil quddiem il-‘VAT’]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

2.      l-importazzjoni ta’ oġġetti.”

4        Skont l-Artikolu 13B(a) tas-Sitt Direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

a)      assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;”

5        L-Artikolu 33(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, b’mod partikolari dawk stabbiliti fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ li għandhom x’jaqsmu ma’ l-arranġementi ġenerali għaż-żamma, ċaqliq u ssorveljar ta’ prodotti suġġetti għal dazju, din id-Direttiva ma żżommx Stat Membru milli jħalli jew idaħħal taxxi fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni, taxxi fuq imħatri u logħob, dazji ta’ sisa, bolol u iktar ġenerali, kull taxxa, dazju jew spejjeż li ma jistgħux ikunu kkaratterizzati bħala taxxi fuq turnover sakemm dawk it-taxxi, dazji jew spejjeż, f’negozju bejn Stati Membri ma jdaħħlux formalitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-qsim ta’ fruntieri.”

 Id-dritt Franċiż

6        L-Artikolu 256 I, tal-code général des impôts (Kodiċi ġenerali tat-taxxi), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem is-“CGI”), jipprovdi:

“Huma suġġetti għall-[VAT] il-provvisti ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi mwettqa b’titolu oneruż fi ħdan il-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.”

7        L-Artikolu 261 tas-CGI jipprovdi:

“Huma eżentati [mill-VAT]:

[...]

2       L-operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni kif ukoll il-provvisti ta’ servizzi marbuta ma’ dawn l-operazzjonijiet mwettqa mill-brokers u mill-aġenti tal-assigurazzjoni;

[...]”

8        L-Artikolu 991 tal-BGB kien jipprovdi:

“Kull ftehim ta’ assigurazzjoni konkluż ma’ kumpannija tal-assigurazzjonijiet jew ma’ kull assiguratur Franċiż jew barrani huwa suġġett, ikun xi jkun il-post jew id-data li fihom dan ikun ġie konkluż, għal taxxa annwali u obbligatorja li permezz tal-ħlas tagħha kull att li jikkonstata l-istabbiliment tiegħu, it-tibdil tiegħu jew it-terminazzjoni tiegħu, kif ukoll il-ħruġ, estratti jew kopji li jingħataw, huma, indipendentement mill-post fejn dan ikun redatt, eżentati mill-ħlas tal-boll u għandhom jiġu rreġistrati mingħajr ħlas meta din il-formalità tkun rikjesta.

It-taxxa għandha tinġabar biss fuq l-ammont tas-somom stabbiliti favur l-assiguratur u tal-aċċessorji kollha li jibbenefika minnhom dan tal-aħħar direttament jew indirettament inkonnessjoni mal-assigurat.”

9        L-Artikolu 1001-5a, tas-CGI jispeċifika li t-tariffa tat-taxxa speċjali fuq il-kuntratti tal-assigurazzjonijiet hija ta’ 18 % għall-assigurazzjonijiet għar-riskji ta’ kwalunkwe natura marbuta mal-vetturi tal-art bil-mutur.

10      Barra minn hekk jirriżulta mill-Artikolu 1001-6, tas-CGI li t-tariffi tad-dritt komuni tat-taxxa speċjali fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjonijiet hija ta’ 9 %.

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

11      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li negozjanti li jbigħu karozzi użati pproponew lix-xerrejja ta’ dawn il-vetturi, bl-involviment tal-kumpannija NSA Sage, li saret Mapfre warranty, garanzija għal tiswijiet ta’ ħsara mekkanika li tolqot lill-imsemmija vetturi.

12      Peress li qieset li twettaq provvista ta’ servizzi, Mapfre warranty ġabret il-VAT. Mapfre asistencia, min-naħa tagħha, ħallset it-taxxa fuq il-ftehimiet ta’ assigurazzjoni, bir-rata tad-dritt komuni ta’ 9 %, fuq il-primjums imħallsa minn Mapfre warranty.

13      L-awtorità fiskali nnotifikat lil Mapfre warranty bi proposta ta’ rettifika li tikklassifika l-provvisti pprovduti minnha ta’ operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni suġġetti għat-taxxa fuq l-assigurazzjoni skont l-Artikolu 991 tas-CGI, bir-rata ta’ 18 %, prevista, għall-assigurazzjonijiet tal-vetturi, mill-Artikolu 1001-5a tas-CGI.

14      Barra minn hekk, peress illi Mapfre warranty kienet issottoskriviet assigurazzjoni għan-nom tal-persuna kkonċernata favur ix-xerrejja tal-vetturi mingħand Mapfre asistencia, li s-suġġett tagħha kien il-kopertura tar-riskju ta’ ħsara mekkanika, l-imsemmija awtorità nnotifikat lil Mapfre asistencia b’nota ta’ aġġustament, li tikkalkula t-taxxa fuq il-ftehimiet ta’ assigurazzjoni bir-rata ta’ 18 % fuq is-somom imħallsa minn dawn ix-xerrejja.

15      Wara li ġie miċħud l-ilment tagħhom, dawn iż-żewġ kumpanniji ppreżentaw quddiem it-tribunal de grande instance de Lyon u sussegwentement quddiem il-cour d’appel de Lyon, bil-għan li jiġu meħlusa minn dawn it-taxxi.

16      Huwa jsostnu li l-bejjiegħa tal-vetturi użati kienu jagħti b’sub-kuntratt lil Mapfre warranty parti mis-servizz tagħhom ta’ wara l-bejgħ u li din tal-aħħar kienet assigurat ma’ Mapfre asistencia r-riskju tagħha ta’ telf finanzjarju.

17      Permezz taż-żewġ sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, il-cour d’appel de Lyon ikkonfermat iż-żewġ sentenzi mogħtija mit-tribunal de grande instance de Lyon tal-31 ta’ Marzu 2010 u ddikjarat, fir-rigward tal-ewwel waħda, il-klassifikazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, suġġetti għat-taxxa fuq il-ftehimiet ta’ assigurazzjoni bir-rata ta’ 18 %, fir-rigward tal-provvisti offruti minn Mapfre warranty u, fir-rigward tat-tieni waħda, ir-rata ta’ 9 % għat-taxxa fuq il-ftehimiet ta’ assigurazzjoni imposta fuq Mapfre asistencia.

18      Mill-motivi tal-partijiet fil-kawża prinċipali annessi mad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-cour d’appel de Lyon kkonstatat b’mod partikolari li, meta x-xerrej ta’ vettura użata jkun iddeċieda li jissottoskrivi garanzija addizzjonali proposta mix-xerrej, bi ħlas tal-korrispettiv ta’ ammont addizzjonali mitlub, dan jingħata formula inkluża fil-fuljett tal-garanzija bl-intestatura ta’ NSA Sage, li saret Mapfre warranty. Skont din il-qorti, Mapfre warranty kienet tirċievi r-rapport dwar il-ħsara mill-garaxx approvat li jkun intuża mix-xerrej, tivverifika l-validità tal-garanzija u tiżgura li l-ispiża tal-istima kienet konformi mar-regoli, u sussegwentement kienet tawtorizza it-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-parti difettuża.

19      Il-cour d’appel de Lyon enfasizzat li ma kien jirriżulta minn ebda dispożizzjoni ċċitata mill-partijiet u lanqas minn xi prova oħra li tirriżulta mill-proċeduri li x-xerrej kellu d-dritt li jirrikjedi lill-bejjiegħ li dan jassigura s-servizz f’każ ta’ difetti previsti mill-garanzija, b’mod partikolari fil-każ fejn id-debitur imsemmi fil-kuntratt ifalli. Skont dik il-qorti, il-bejjiegħ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li ta b’sub-kuntratt l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li ma kienx impost fuqu. Għall-kuntrarju, tkun ġiet stabbilita rabta kuntrattwali bejn ix-xerrej u Mapfre warranty meta jinħareġ il-fuljett tal-garanzija, peress li x-xerrej jista’ jirrikjedi li din il-kumpannija, u hija biss, tipproċedi bl-intervent mwiegħed u tbati l-ispejjeż ta’ dan l-intervent. Peress li konkluż bejn ix-xerrej u intervenjent li ma kienx parti kontraenti fil-bejgħ, dan l-obbligu kuntrattwali kien isegwi għan proprju u jikkostitwixxi għan fih innifsu. Sa fejn, permezz tal-ħlas ta’ somma maqbula, Mapfre warranty impenjat ruħha, fil-każ tal-okkorrenza, każwali, ta’ ħsara fl-oġġett assigurat, li tipprovdi lill-assigurat is-servizz maqbul fil-konklużjoni tal-kuntratt, din il-kumpannija kienet qiegħda tipprovdi attività ta’ assigurazzjoni.

20      Barra minn hekk, il-cour d’appel de Lyon ikkonstatat li Mapfre warranty kienet issottoskriviet polza ta’ assigurazzjoni ma’ Mapfre asistencia li kellha l-għan li tassigura r-rimbors tat-telf finanzjarju li jirriżulta minn ħsara ggarantita mill-kuntratt fuq il-vetturi mixtrija minn bejjiegħ ta’ karozzi użati u li għalihom kien inħareġ fuljett tal-garanzija. Skont il-cour d’appel de Lyon, din il-polza madankollu ma kinitx tistabbilixxi “assigurazzjoni favur ħaddieħor” u ma kinitx taqa’ taħt riskji ta’ kwalunkwe natura marbuta mal-vetturi tal-art bil-mutur previsti fl-Artikolu 1001, 5-a tas-CGI.

21      Mapfre warranty ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra s-sentenza tal-cour d’appel de Lyon li kklassifikat is-servizzi tagħha bħala operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, suġġetti għat-taxxa fuq il-ftehimiet ta’ assigurazzjoni bir-rata ta’ 18 %.

22      Id-direttur ġenerali tal-finanzi pubbliċi, min-naħa tiegħu, ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra s-sentenza tal-cour d’appel de Lyon li kkunsidrat li r-rata tat-taxxa fuq il-ftehimiet ta’ assigurazzjoni imposta fuq Mapfre asistencia ma kinitx dik ta’ 18 % kif qieset l-awtorità fiskali, iżda ta’ 9 %.

23      Fid-dawl tal-konnessjoni bejn dawn iż-żewġ appelli, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tismagħhom flimkien.

24      Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, li ma huwiex iddefinit mis-Sitt Direttiva, il-qorti ta’ kassazzjoni ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 2 u 13 B(a) tas-Sitt Direttiva [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista li tikkonsisti, għal operatur ekonomiku indipendenti mill-bejjiegħ ta’ vetturi użati, u permezz tal-ħlas ta’ somma f’daqqa, f’garanzija għall-ħsara mekkanika li tista’ tirriżulta f’ċerti partijiet mill-vetturi użati taqa’ fil-kategorija ta’ operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud jew, għall-kuntrarju, taqa’ fil-kategorija tal-provvisti ta’ servizzi?”

 Fuq id-domanda preliminari

25      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi operazzjoni ta’ assigurazzjoni eżentata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-provvista ta’ servizzi minn operatur ekonomiku indipendenti ta’ bejjiegħ ta’ vettura użata, li jikkonsisti, permezz tal-ħlas ta’ somma f’daqqa, fil-garanzija li tkopri l-ħsara mekkanika li tista’ tirriżulta f’ċerti partijiet ta’ din il-vettura.

26      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilta, it-termini użati sabiex jiddeskrivu l-eżenzjonijiet inklużi fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini għandha tkun konformi mal-għanijiet segwiti mill-imsemmija eżenzjonijiet u tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT. Għalhekk, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissrix li t-termini użati għad-definizzjoni tal-eżenzjonijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu 13 għandhom jiġu interpretati b’mod li dawn jiġu mċaħħda mill-effett tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Barra minn hekk, l-operazzjonijiet li huma suġġetti għall-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, bil-għan li jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT bejn Stat Membru u ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CPP, C-349/96, EU:C:1999:93, punt 15; Taksatorringen, C-8/01, EU:C:2003:621, punt 37; Il-Kummissjoni vs Il-Greċja , C-13/06, EU:C:2006:765, punt 9, u BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 56).

28      Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-kunċett ta’ “[operazzjonijiet ta’] assigurazzjoni”, li jinsab fl-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva, li ma huwa mkien iddefinit f’din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li operazzjoni ta’ assigurazzjoni hija kkaratterizzata, b’mod ġeneralment aċċettat, mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, bi ħlas bil-quddiem ta’ primjum, li jipprovdi lill-assigurat, fil-każ li jseħħ ir-riskju assigurat, is-servizz miftiehem meta ġie konkluż il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Taksatorringen, C-8/01, EU:C:2003:621, punt 39; Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-13/06, EU:C:2006:765, punt 10, u BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 58).

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni jimplikaw min-natura tagħhom l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni u l-persuna li r-riskji tagħha jkunu koperti mill-assigurazzjoni, jiġifieri l-persuna assigurata (ara s-sentenzi Skandia, C-240/99, EU:C:2001:140, punt 41; Taksatorringen, C-8/01, EU:C:2003:621, punt 41, u BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 58).

30      Barra minn hekk, l-imsemmi kunċett ta’ “[operazzjonijiet ta’] assigurazzjoni” huwa fil-prinċipju wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi l-għoti ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni minn persuna taxxabbli li ma huwiex huwa stess assiguratur, iżda li, fil-kuntest ta’ assigurazzjoni kollettiva, jipprovdi lill-klijenti tiegħu tali kopertura billi juża s-servizzi ta’ assiguratur li jassumi r-riskju assigurat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CPP, C-349/96, EU:C:1999:93, punt 22, u BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 59).

31      Fir-rigward tal-eżami ta’ din id-domanda preliminari, jeħtieġ li jitfakkar li mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex twassal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha fl-ewwel lok, tinkludi sommarju tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju, jew, minn tal-inqas, deskrizzjoni tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-domandi. Din għandha, fit-tieni lok, tinkludi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jkunu applikabbli fil-kawża prinċipali u, fejn applikabbli, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju għandha tesponi r-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, id-Digriet Municipiul Piatra Neamț, C-13/14, EU:C:2014:2000, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fil-kawża odjerna, il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ma kkonstatatx fatti dwar in-natura tal-provvista tas-servizzi fil-kawża prinċipali, iżda sempliċiment annettiet mad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha l-aggravji tal-appell invokati quddiemha, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi, b’mod definittiv, jekk il-provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix effettivament operazzjoni ta’ assigurazzjoni eżentata fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza.

33      Minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ tali konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju dwar l-eżistenza ta’ eventwali interess transkonfinali ċert ma twassalx għall-inammissibbiltà tat-talba jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, jidhrilha li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et, C-113/13, ECLI:EU:C:2014:2440, punt 48).

34      Fir-rigward ta’ provvista bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li Mapfre warranty tobbliga ruħha, għall-korrispettiv tal-ħlas ta’ ammont f’daqqa, li tkopri l-ispiża tat-tiswija ta’ vettura użata fil-każ tal-okkorrenza ta’ ħsara mekkanika li tista’ tirriżulta f’ċerti partijiet ta’ din il-vettura u ddefinita f’“fuljett tal-garanzija” maħruġ lix-xerrej tal-imsemmija vettura.

35      Madakollu, Mapfre warranty u Mapfre asistencia jikkontestaw l-eżistenza, fil-kawżi prinċipali, ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn Mapfre warranty u x-xerrej ta’ vettura użata. Dawn iż-żewġ kumpanniji jenfasizzaw b’mod partikolari li teżisti biss relazzjoni kuntrattwali bejn Mapfre warranty u l-bejjiegħ ta’ din il-vettura. Dan tal-aħħar sempliċiment jafda lil Mapfre warranty bil-kompitu li teżegwixxi favur ix-xerrej l-obbligi impostu fuqu, bħala bejjiegħ, skont dispożizzjonijiet legali jew kuntrattwali. Skont Mapfre warranty u Mapfre asistencia, huwa bl-istess mod il-bejjiegħ tal-vettura użata li huwa d-debitur, fir-rigward ta’ Mapfre warranty, għall-ammont tal-primjum dovut abbażi tal-garanzija pprovduta minn din il-kumpannija. Il-bejjiegħ inaqqas dan l-ammont mill-marġni miksub, u dan sabiex irendi iktar attraenti l-vettura użata.

36      F’dan ir-rigward, b’riżerva għal verifika, mill-qorti tar-rinviju, tan-natura eżatta tar-relazzjonijiet bejn il-persuni differenti li jintervjenu fil-kuntest tal-provvista inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, li l-bejjiegħ tal-vettura użata ma jipparteċipax fl-implementazzjoni tal-ftehim ta’ garanzija. Fil-fatt fil-każ tal-okkorrenza ta’ ħsara mekkanika koperta mill-garanzija, ix-xerrej tal-vettura użata kkonċernat ma huwiex obbligat li jsewwi din il-vettura f’garaxx li jappartjenti lil dan il-bejjiegħ jew li jkun indikat minnu. Il-garaxx magħżul mix-xerrej tal-imsemmija vettura sabiex isewwiha għandu, min-naħa tiegħu, jidħol f’kuntatt dirett ma’ Mapfre warranty bil-għan li din il-kumpannija tivvalida l-istima proposta minn dan il-garaxx.

37      Min-naħa l-oħra, anki jekk, kif isostnu Mapfre warranty u Mapfre asistencia, is-somma f’daqqa li toħloq id-dritt għall-garanzija hija inkluża fil-prezz tal-bejgħ tal-vettura użata, l-imsemmija somma titħallas definittivament mix-xerrej ta’ din il-vettura.

38      Fi kwalunkwe każ, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-ftehim huwiex konkluż mix-xerrej tal-vettura użata u Mapfre warranty fejn il-bejjiegħ ta’ din il-vettura għandu biss rwol ta’ intermedjarju, jew jekk dan il-bejjiegħ jikkonkludix il-ftehim f’ismu proprju iżda għan-nom tax-xerrej, jew inkella jekk il-bejjiegħ jittrasferixxix lix-xerrej id-drittijiet naxxenti mill-ftehim li huwa jkun ikkonkluda f’ismu proprju u fl-interessi tiegħu ma’ Mapfre warranty, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 u  30 ta’ din is-sentenza, jirriżulta b’mod partikolari li l-kunċett ta’ “[operazzjoni ta’] assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva, huwa wiesa’ biżżejjed sabiex ikopri kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet.

39      Fil-fatt, l-elementi karatteristiċi tal-operazzjoni ta’ assigurazzjoni, naxxenti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, huma preżenti f’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet. Għalhekk, l-assiguratur, f’dan il-każ Mapfre warranty, huwa operatur ekonomiku indipendenti mill-bejjiegħ tal-vettura użata u l-assigurat huwa x-xerrej ta’ din il-vettura. Barra minn hekk, ir-riskju jikkonsisti fin-neċessità tax-xerrej tal-vettura użata li jħallas għat-tiswija f’każ tal-okkorrenza ta’ ħsara mekkanika li tkun koperta mill-garanzija, li l-assiguratur obbliga ruħu li jħallas l-ispejjeż marbuti magħha. Fl-aħħar, il-primjum huwa kkostitwit mis-somma f’daqqa mħallsa mix-xerrej tal-vettura użata, kemm jekk inkluż fil-prezz tax-xiri ta’ din il-vettura jew bi ħlas addizzjonali.

40      Il-preżenza ta’ dawn l-elementi tippermetti, b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li jiġi konkluż li teżisti bejn l-assiguratur u l-assigurat ir-relazzjoni legali rikjesta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex provvista tiġi kkunsidrata bħala “[operazzjoni ta’] assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva.

41      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu essenzjalment Mapfre warranty u Mapfre asistencia, il-klassifikazzjoni ta’ provvista ta’ “[operazzjoni ta’] assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva, ma tistax tiddependi fuq il-mod kif l-assiguratur jiġġestixxi l-portata tar-riskju li huwa obbliga ruħu li jkopri u jikkalkula l-ammont eżatt tal-primjums.

42      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu u anki kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-essenza stess tal-“[operazzjoni ta’] assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva, tinsab fil-fatt li l-assigurat jipproteġi ruħu mir-riskju ta’ telf finanzjarju, li huwa inċert iżda potenzjalment kunsiderevoli, permezz ta’ primjum li l-ħlas tiegħu huwa, min-naħa tiegħu, ċert iżda limitat.

43      F’dan il-każ, jidher li jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-ammont iffatturat minn Mapfre warranty fil-forma ta’ primjum ma jiġix irrimborsat lix-xerrej ta’ vettura użata jekk, fi tmiem il-perijodu tal-garanzija, ma tiġi kkonstatata ebda ħsara jew jekk l-ispiża tat-tiswija tkun inqas minn dak il-primjum. Bl-istess mod, f’każ ta’ ħsara li l-ispiża tagħha teċċedi l-ammont tal-primjum mħallas, ix-xerrej tal-vettura ma huwiex obbligat li jħallas il-parti li teċċedi dak il-primjum. Il-primjums iffatturati minn Mapfre warranty jidhru b’hekk, b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju, bħala li jikkostitwixxu verament primjums ta’ assigurazzjoni, li l-ħlas tagħhom jillibera b’mod sħiħ lill-assigurat mir-riskju kopert. Barra minn hekk Mapfre warranty assigurat, ma’ Mapfre asistencia, ir-riskju ta’ telf finanzjarju li tbati hija stess f’dan ir-rigward.

44      F’dan il-kuntest, il-metodu tal-kalkolu tal-primjums u tal-ġestjoni tal-ispejjeż hija kwistjoni li taqa’ taħt l-organizzazzjoni interna ta’ Mapfre warranty u li ma tistax tiddetermina l-klassifikazzjoni li għandhom jingħataw il-provvisti fornuti minnha.

45      Fl-aħħar, Mapfre warranty u Mapfre asistencia jsostnu li, meta l-manifatturi jew il-bejjiegħa tal-vetturi jipproponu huma stess lill-klijenti tagħhom garanzija addizzjonali, dawn l-operaturi huma kkunsidrati bħala li qegħdin jipproponu servizzi ta’ wara l-bejgħ, suġġetti għall-VAT, meta huma madankollu jkunu qegħdin jipprovdu provvista simili għal dik offruta minn Mapfre warranty lix-xerrejja tal-vetturi użati. Issa, tali provvisti għandhom jiġu ssuġġettati għal trattament identiku.

46      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat, minn naħa, li dan l-argument huwa bbażat fuq elementi fattwali, b’mod partikolari t-trattament fiskali tal-garanziji pprovduti mill-bejjiegħ, li ma humiex inklużi fid-deċiżjoni tar-rinviju u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar ma tinkludi l-ebda sommarju ta’ tali argument. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jirriżulta mill-Artikolu 94 tar-regoli tal-proċedura tagħha li, fl-assenza tal-imsemmija elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrispondi għal tali argument.

47      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li provvista bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher, b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “[operazzjoni ta’] assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva.

48      Jeħtieġ madankollu li jiġi rrilevat li Mapfre warranty u Mapfre asistencia jsostnu wkoll li, anki jekk jiġi preżunt li tali provvista kellha tiġi kklassifikata bħala operazzjoni ta’ assigurazzjoni, hija xorta waħda tibqa’ suġġetta għall-VAT peress li hija marbuta b’mod indiviżibbli mal-bejgħ ta’ vettura użata u għandha, għalhekk, tkun suġġetta għall-istess trattament fiskali bħal dan il-bejgħ.

49      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, għall-finijiet tal-VAT, kull operazzjoni għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala distinta u indipendenti, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aktiebolaget NN, C-111/05, EU:C:2007:195, punt 22; Field Fisher Waterhouse, C-392/11, EU:C:2012:597, punt 14, u BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 29).

50      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, diversi servizzi formalment distinti, li jistgħu jiġu pprovduti separatament u li b’hekk jagħtu lok, separatament, għal tassazzjoni jew għal eżenzjoni, għandhom jitqiesu li huma tranżazzjoni unika meta ma jkunux indipendenti. Ikun hemm tranżazzjoni unika, partikolarment meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli jkunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli u li x-xoljiment tagħha jkun artifiċjali. Dan ikun ukoll il-każ meta element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali, filwaqt illi, bil-kontra, element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala provvista jew provvisti anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li tapplika għall-provvista prinċipali (ara s-sentenza BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni tippreżenta, min-natura tagħha stess, rabta mal-oġġett li hija għandha l-għan li tkopri. Madankollu, tali rabta ma tistax fiha nnifisha tkun suffiċjenti sabiex tiddetermina jekk teżistix jew le provvista unika kumplessa għall-finijiet tal-VAT. Fil-fatt, li kieku kull tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni kienet suġġetta għall-VAT skont l-inċidenza għal dik it-taxxa tal-provvisti li jirrigwardaw l-oġġett li hija tkopri, l-għan stess tal-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri l-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, jitpoġġa f’dubju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 36).

52      Skont ir-regola msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, li tistabbilixxi li kull operazzjoni għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala distinta u indipendenti, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-prinċipju, il-bejgħ ta’ vettura użata u l-provvista, minn operatur ekonomiku indipendenti tal-bejjiegħ ta’ din il-vettura, ta’ garanzija marbuta mal-ħsara mekkanika li tista’ tirriżulta f’ċerti partijiet tal-imsemmija vettura ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala marbuta daqstant mill-qrib tant li jiffurmaw operazzjoni unika. Fil-fatt, il-fatt li ssir evalwazzjoni separata ta’ tali provvisti ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, diviżjoni artifiċjali ta’ tranżazzjoni ekonomika unika, li tista’ tbiddel il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT.

53      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk jeżistux raġunijiet marbuta maċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li l-elementi kkonċernati jikkostitwixxu operazzjoni unika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 40).

54      F’din il-perspettiva, jeħtieġ li jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-kunċett ta’ operazzjoni unika, kif imfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, provvista għandha titqies li hija anċillari għall-provvista prinċipali meta ma tkunx tikkostitwixxix għan fiha nnifisha għall-klijenti, iżda mezz sabiex jitgawda aħjar is-servizz prinċipali (ara s-sentenza BGŻ Leasing, C-224/11, EU:C:2013:15, punt 41).

55      Għalkemm huwa veru li, bis-saħħa ta’ garanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-riskju ta’ telf finanzjarju li jista’ jaffaċċja x-xerrej ta’ vettura użata huwa ridott meta mqabbel mar-riskju assunt f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm tali garanzija, xorta jibqa’ l-fatt li din iċ-ċirkustanza tirriżulta min-natura stess tal-garanzija. Issa, l-imsemmija ċirkustanza, waħedha, ma timplikax li jeħtieġ li jitqies li tali provvista hija ta’ natura anċillari meta mqabbla mal-bejgħ ta’ vettura użata.

56      Kif jidher li jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija pprovduta mill-bejjiegħ ta’ vettura użata permezz ta’ operatur li huwa indipendenti mill-bejjiegħ ta’ din il-vettura u li ma huwiex parti kontraenti fil-bejgħ, b’tali mod li din il-garanzija ma tistax, b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju, tiġi kkunsidrata bħala garanzija pprovduta mill-bejjiegħ. Barra minn hekk, ix-xerrej ta’ vettura użata jista’ jixtri din il-vettura mingħajr ma jissottoskrivi wkoll għal din il-garanzija u għandu l-fakultà wkoll, mingħajr l-intervent tal-bejjiegħ tal-imsemmija vettura, li jikkonkludi ftehim ta’ garanzija ma’ kumpannija oħra minbarra Mapfre warranty. Fl-aħħar, jirriżulta mill-fuljett tal-garanzija ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Franċiż waqt is-seduta li Mapfre warranty, f’ċerti ċirkustanzi, tirriżerva d-dritt li tittermina l-ftehim ta’ garanzija, b’tali mod li tali terminazzjoni ma tkunx tidher li tinċidi fuq il-kuntratt ta’ bejgħ tal-vettura.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju, garanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li hija marbuta daqstant mill-qrib mal-bejgħ tal-vettura użata li dawn iż-żewġ operazzjonijiet, barra minn hekk ipprovduti minn żewġ fornituri differenti, jikkostitwixxu provvista ekonomika indiviżibbli, li jekk tiġi xolta jkollha natura artifiċjali. Konsegwentement, huma għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala operazzjonijiet distinti u indipendenti għall-finijiet tal-VAT.

58      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi operazzjoni ta’ assigurazzjoni eżentata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-provvista ta’ servizz minn operatur ekonomiku indipendenti mill-bejjiegħ ta’ vettura użata, li jikkonsisti fl-għoti ta’ garanzija, bil-ħlas ta’ somma f’daqqa, li tkopri l-ħsara mekkanika li tista’ tirriżulta f’ċerti partijiet ta’ din il-vettura. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex tali provvista. Il-provvista ta’ tali servizz u l-bejgħ ta’ vettura użata għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provvisti separati u indipendenti li għandhom jiġu ttrattati separatament mill-perspettiva tal-VAT. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, il-bejgħ ta’ vettura użata u l-garanzija pprovduta minn operatur ekonomiku indipendenti mill-bejjiegħ ta’ din il-vettura li tkopri l-ħsara mekkanika li tista’ tirriżulta f’ċerti partijiet ta’ din tal-aħħar humiex daqstant marbuta flimkien li għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu operazzjoni unika jew jekk, għall-kuntrarju, jikkostitwixxux operazzjonijiet indipendenti.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13 B(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991, għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi operazzjoni ta’ assigurazzjoni eżentata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-provvista ta’ servizzi minn operatur ekonomiku indipendenti mill-bejjiegħ ta’ vettura użata, li jikkonsisti fl-għoti ta’ garanzija, bil-ħlas ta’ somma f’daqqa, li tkopri l-ħsara mekkanika li tista’ tirriżulta f’ċerti partijiet ta’ din il-vettura. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex tali provvista. Il-provvista ta’ tali servizz u l-bejgħ ta’ vettura użata għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provvisti separati u indipendenti li għandhom jiġu ttrattati separatament mill-perspettiva tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawżi prinċipali, il-bejgħ ta’ vettura użata u l-garanzija pprovduta minn operatur ekonomiku indipendenti mill-bejjiegħ ta’ din il-vettura li tkopri l-ħsara mekkanika li tista’ tirriżulta f’ċerti partijiet ta’ din tal-aħħar humiex daqstant marbuta flimkien li għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu operazzjoni unika jew jekk, għall-kuntrarju, jikkostitwixxux operazzjonijiet indipendenti.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.