Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

25.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/11


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-591/13)

2014/C 24/20

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Mölls, W. Roels, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE u taħt l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE (1), billi adottat u żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet li permezz tagħhom it-tassazzjoni ta’ riżervi kapitali ġġenerati mill-bejgħ b’titolu oneruż ta’ ċerti assi tiġi posposta billi tiġi “ttrasferita” fuq assi ġodda, akkwistati jew prodotti, sal-mument tal-bejgħ tagħhom, sa fejn dawn l-assi jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti ta’ persuna taxxabbli li tinsab fit-territorju nazzjonali filwaqt li tali posponiment ma huwiex possibbli jekk l-istess assi jkunu jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti ta’ persuna taxxabbli li tinsab fi Stat Membru ieħor jew fi Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea.

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi, fil-każ ta’ bejgħ ta’ ċerti assi operazzjonali, il-qligħ kapitali ġġenerat minn dan il-bejgħ ma jiġix intaxxat immedjatament jekk fi żmien ċertu perijodu l-persuna taxxabbli takkwista jew tipproduċi ċerti assi operazzjonali ġodda. F’dan il-każ, it-tassazzjoni tal-imsemmija qligħ kapitali ġġenerat mill-bejgħ tal-assi oriġinali tiġi posposta permezz ta’ “trasferiment” tar-riżervi kapitali korrispondenti sal-bejgħ tal-assi akkwistati jew prodotti ġodda. Madankollu, dan il-posponiment jista’ jsir biss jekk l-assi akkwistati jew prodotti ġodda jkunu jagħmlu parti mill-assi kapitali ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali, iżda mhux jekk l-istabbiliment permanenti inkwistjoni jkun jinsab fi Stat Membru ieħor jew fi Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-Kummissjoni tqis li din id-dispożizzjoni tmur kontra l-libertà ta’ stabbiliment.


(1)  Ftehim, tat-2 ta’ Mejju 1992, dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3).