Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

22.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 85/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fl-10 ta’ Diċembru 2013 — Delphi Hungary Autóalkatrész Gyártó Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Nyugat-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága (NAV)

(Kawża C-654/13)

2014/C 85/18

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Delphi Hungary Autóalkatrész Gyártó Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Nyugat-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága (NAV)

Domandi preliminari

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KEE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), b’mod partikolari l-Artikolu 183 tagħha, kif ukoll l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni u prattika nazzjonali li jeskludu l-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont tal-VAT li ma kienx irkuprat minħabba kundizzjoni legali li fil-frattemp ġiet iddikjarata kuntrarja għad-dritt Komunitarju f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi abitwalment il-ħlas ta’ interessi fil-każ ta’ rimbors tardiv tal-VAT li tista’ tiġi rkuprata?

(2)

Għandu jiġi kkunsidrat bħala kontra l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza prattika ta’ qrati nazzjonali li jwarrbu l-possibbiltà li jinkiseb rimedju b’mezz amministrattiv — peress li l-persuna taxxabbli leża ma għandhiex għażla oħra ħlief li tagħmel azzjoni għad-danni li l-eżitu tagħha fl-ordinament ġuridiku nazzjonali madankollu huwa fil-prattika eskluż — biss għar-raġuni li ma teżisti ebda dispożizzjoni konkreta li tista’ tiġi applikata, għal dan il-għan, għal dan il-każ speċifiku, minkejja li t-trattament ta’ lmenti simili fir-rigward ta’ interessi, kif ukoll il-likwidazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-amministrazzjoni fiskali?

(3)

Jekk ir-risposta mogħtija għat-tieni domanda hija pożittiva, il-qrati nazzjonali huma obbligati li jinterpretaw u li japplikaw ir-regoli eżistenti tad-dritt intern, fil-prinċipju mhux rilevanti għal dan il-każ speċifiku, b’mod konformi mad-dritt Komunitarju sabiex tiġi ggarantita l-posssibbiltà ta’ rimedju ekwivalenti u effettiv?

(4)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komuntarju ċċitati fl-ewwel domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt ta’ ġbir ta’ interessi fuq taxxa miġbura, miżmuma jew mhux irrimborsata bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju huwa dritt tal-persuna taxxabbli li jirriżulta direttament mid-dritt Komunitarju stess u li din il-persuna taxxabbli tista’ tikseb sodisfazzjoni billi tibbaża direttament fuq id-dritt Komuntarju quddiem il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali, inkluż fil-każ fejn id-dritt intern ma jimponix il-ħlas ta’ interessi f’dan il-każ konkret, u li huwa suffiċjenti, sabiex din l-allegazzjoni tiġi sostnuta, li tiġi prodotta l-prova tal-ksur tad-dritt Komunitarju, kif ukoll tal-ġbir, taż-żamma, jew tan-nuqqas ta’ rimbors tat-taxxa?


(1)  ĠU L 347, p. 1.