Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 TFUE, 54 TFUE, 107 TFUE u 108(3) TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Għajnuna mill-Istat – Tassazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji – Akkwist ta’ sehem fil-kapital ta’ sussidjarja – Deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża – Limitazzjoni fl-ishma f’kumpanniji residenti”

Fil-Kawża C-66/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

Finanzamt Linz

vs

Bundesfinanzgericht, Außenstelle Linz,

fil-preżenza ta’:

IFN-Holding AG,

IFN Beteiligungs GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal IFN-Holding AG u IFN Beteiligungs GmbH, minn A. Damböck u B. Stürzlinger, Steuerberater,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Bauer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u R. Sauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE, 54 TFUE, 107 TFUE u 108(3) TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Finanzamt Linz (uffiċċju tat-taxxa ta’ Linz, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju tat-taxxa”) u l-Bundesfinanzgericht, Außenstelle Linz (li qabel kien l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Linz), dwar deċiżjoni tal-uffiċċju tat-taxxa li tiċħad, fil-każ tal-intaxxar ta’ grupp ta’ kumpanniji, lil kumpannija li takkwista sehem f’kumpannija mhux residenti milli tipproċedi għad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża.

 Il-kuntest ġuridiku Awstrijak

3        Fid-dritt Awstrijak, il-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz), tas-7 ta’ Lulju 1988 (BGB1. 401/1988), kif emendata bil-liġi dwar ir-riforma fiskali tal-2005 (Steuerreformgesetz 2005, BGB1. I, 57/2004, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988”) tipprevedi, fl-Artikolu 9 tagħha, sistema ta’ tassazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, kumpannija tista’ tifforma grupp ta’ kumpanniji mas-sussidjarji tagħha u ma’ kumpanniji kkontrollati oħrajn, sakemm hija jkollha mill-inqas 50 % tal-kapital tagħhom. F’dan il-każ, ir-riżultati fiskali (qligħ u telf) tal-kumpanniji li jappartjenu għal dan il-grupp jitqiesu bħala dawk tal-kumpannija parent biss u jiġu intaxxati lil din tal-aħħar.

4        L-Artikolu 9(7) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988 jipprevedi:

“[...] Fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem [...] minn membru ta’ grupp ta’ kumpanniji jew mill-kumpannija parent, jew anki minn kumpannija li tista’ tkun parti minn grupp ta’ kumpanniji, f’kumpannija suġġetta kompletament għat-tassazzjoni u li twettaq attività [...], ħlief jekk dan is-sehem ikun mixtri, direttament jew indirettament, għal kumpannija li tagħmel parti mill-grupp ta’ kumpanniji jew anki, direttament jew indirettament, għal azzjonist li jeżerċita influwenza dominanti, minn meta din il-kumpannija tibda tagħmel parti mill-grupp ta’ kumpanniji, għandu jsir deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża tal-membru tal-grupp ta’ kumpanniji li jkollu s-sehem direttament, jew tal-kumpannija parent, u dan bil-mod li ġej:

–        Il-valur kummerċjali tal-kumpannija jitqies li huwa d-differenza, li tikkorrispondi għall-perċentwali tas-sehem, bejn l-ekwità fis-sens tad-dritt kummerċjali tal-kumpannija li fiha jkun miżmum is-sehem, miżjud bir-riżorsi moħbija miżmuma f’assi tanġibbli li ma humiex suġġetti għal deprezzament, u l-ispiża fiskalment rilevanti tal-akkwist, iżda mhux iktar minn 50 % ta’ din l-ispiża tal-akkwist. Il-valur kummerċjali tal-impriża li jista’ jitnaqqas għandu jitnaqqas b’mod kostanti fuq perijodu ta’ 15-il sena.

[...]

–        Jekk l-akkwist tas-sehem iwassal għal valur kummerċjali negattiv, dan tal-aħħar għandu jiġi rkuprat fil-profitt fir-rapport tad-dħul [...].

–        L-ammont ta’ wieħed minn ħmistax għandu jnaqqas jew iżid l-ammont nominali rilevanti għall-finijiet tat-taxxa.”

5        L-Artikolu 10 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988, dwar il-holdings internazzjonali, jgħid, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“(2)      Qligħ minn ishma ta’ kwalunkwe tip f’kumpanniji b’holding internazzjonali huwa eżentat mit-taxxa fuq il-kumpanniji. Ikun hemm holding internazzjonali meta jiġi stabbilit li persuni taxxabbli li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(3), kellhom, għal perijodu mingħajr waqfien ta’ minn tal-inqas sena, fil-forma ta’ kapital azzjonarju, minn tal-inqas wieħed minn għaxra tal-kapital:

a)      ta’ kumpanniji mhux residenti, li huma komparabbli ma’ kumpannija b’kapital azzjonarju residenti,

b)      ta’ kumpanniji oħrajn mhux residenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet [...] tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990 [dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), fil-verżjoni applikabbli. It-terminu ta’ sena msemmi iktar ’il fuq ma għandux japplika għall-azzjonijiet miksuba minħabba żieda fil-kapital, jekk din tal-aħħar ma tkunx wasslet għal żieda fil-parti tal-kapital miżmuma.

(3)      Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-qligħ, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul, it-telf u bidliet oħra fil-valur minn holdings internazzjonali fis-sens tal-paragrafu 2. Dan ma jikkonċernax it-telf attwali u definittiv ikkawżat bl-għajbien (stralċ jew falliment) tal-kumpannija mhux residenti. Il-qligħ minn ishma ta’ kwalunkwe tip li huma eżentati mit-taxxa riċevut fil-ħames eżerċizzji qabel il-ftuħ ta’ stralċ jew ta’ bidu tal-insolvenza għandu jitnaqqas mit-telf. [...] In-newtralità fiskali tas-sehem ma tapplikax fil-każijiet segwenti:

1.      Meta tippreżenta d-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-persuna taxxabbli tiddikjara li, għas-sena li fiha jiġi akkwistat holding internazzjonali jew tal-kostituzzjoni ta’ holding internazzjonali bl-akkwist ta’ ishma addizzjonali, il-qligħ, it-telf u bidliet oħra fil-valur għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-taxxa (għażla favur it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sehem għall-finijiet tat-taxxa).

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li IFN Beteiligungs GmbH (iktar ’il quddiem “IFN”) għandha 99.71 % tal-kapital azzjonarju ta’ IFN-Holding AG (iktar ’il quddiem “IFN-Holding”), li, min-naħa tagħha, għandha holding maġġoritarju f’numru ta’ kumpanniji permezz ta’ ishma suġġetti parzjalment jew kompletament għat-taxxa. Matul is-snin 2006 u 2007, IFN-Holding kellha 100 % tal-kapital ta’ CEE Holding GmbH (iktar ’il quddiem “CEE”) li, fl-2005, kienet akkwistat 100 % tal-kapital ta’ HSF s.r.o. Slowakei (iktar ’il quddiem “HSF”), kumpannija stabbilita s-Slovakkja. Mis-sena 2005, għal waħda, u mill-2006, għall-oħra, CEE u HSF saru membri ta’ grupp ta’ kumpanniji, fis-sens tal-Artikolu 9 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988. Wara amalgamazzjoni bejn IFN-Holding u CEE, li saret b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2007, IFN-Holding ħadet id-drittijiet u l-obbligi kollha ta’ CEE, inkluż il-holding f’HSF.

7        Fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji għas-snin 2006 sa 2010, CEE, u sussegwentement IFN-Holding, ipproċedew kull darba, fir-rigward tal-imsemmi sehem, għal deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża, fis-sens tal-Artikolu 9(7) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, li jikkorrispondi għal wieħed fi ħmistax ta’ nofs il-prezz (jiġifieri EUR 5.5 miljuni). F’anness għad-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji tagħhom, huma indikaw li l-limitazzjoni, prevista f’din id-dispożizzjoni, tad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża għal ishma f’kumpanniji residenti biss kienet tikser il-libertà ta’ stabbiliment u kienet, konsegwentement, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

8        Fl-avviżi ta’ taxxa tiegħu, l-uffiċċju tat-taxxa, bħala awtorità tal-ewwel istanza, ma rrikonoxxiex dawn id-deprezzamenti tal-valur kummerċjali tal-impriża għar-raġuni li, skont l-Artikolu 9(7) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988, huma biss l-ishma f’kumpanniji suġġetti kompletament għat-taxxa li jagħtu dritt għal tali deprezzament.

9        Wara rikorsi mressqa minn IFN-Holding u IFN kontra dawn l-avviżi, l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Linz, b’deċiżjoni tas-16 ta’ April 2013, annulla d-deċiżjonijiet tal-uffiċċju tat-taxxa. Huwa qies li l-limitazzjoni tad-deprezzamenti tal-valur kummerċjali tal-impriża għal ishma f’kumpanniji suġġetti kompletament għat-taxxa biss, prevista fl-Artikolu 9(7) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988, kienet tikser il-libertà ta’ stabbiliment u ma setgħetx tiġi ġġustifikata permezz ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Skont hu, sabiex wieħed ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni, id-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża kellu jkun estiż għall-ishma f’kumpanniji residenti fi Stat Membru ieħor.

10      Adita mill-uffiċċju tat-taxxa b’appell minn din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, fuq il-kwistjoni ta’ jekk id-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża, previst fl-Artikolu 9(7) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988, huwiex kompatibbli mal-Artikoli 107 TFUE u 108(3) TFUE. Hija tqis li l-imsemmi deprezzament jivvantaġġja lill-benefiċjarju, iżda tistaqsi jekk dan il-vantaġġ għandux jitqies li jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet.

11      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża, previst fl-Artikolu 9(7) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988, mal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE. Hija tixtieq tkun taf jekk din il-miżura, li hija tqis li tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment, tistax madankollu tiġi ġġustifikata għar-raġuni li hija tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

12      Fir-rigward tal-argument tal-uffiċċju tat-taxxa li s-sitwazzjoni tal-kumpanniji residenti u dik ta’ kumpanniji mhux residenti, membri ta’ grupp ta’ kumpanniji, ma humiex komparabbli, peress li, għal kumpanniji residenti, ir-riżultat (qligħ u telf) huwa imputat kompletament lill-kumpannija parent filwaqt li, għal dawk mhux residenti, huwa biss it-telf li jiġi imputat u, barra minn hekk, biss fi prorata tas-sehem, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rikonoxximent, jew ir-rifjut ta’ rikonoxximent, tad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża huwiex marbut ma’ din id-differenza fis-sitwazzjoni taż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji, membri ta’ grupp ta’ kumpanniji. Fil-fatt, fi grupp ta’ kumpanniji, id-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża huwa permess, kemm jekk is-sussidjarja tagħmel qligħ kif ukoll jekk tbati telf u kemm jekk il-valur tas-sehem ikun inbidel jew le.

13      Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li d-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża jwassal għal tnaqqis tal-ammont nominali, rilevanti għall-finijiet tat-taxxa, tas-sehem u jirriżulta b’hekk f’riżors suġġett għal taxxa ogħla fil-każ ta’ trasferiment sussegwenti ta’ dan is-sehem. Madankollu, b’mod ġenerali, l-ishma strateġiċi jinżammu għal żmien twil u, anki fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid tas-sehem, id-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża jagħti vantaġġ monetarju lill-kumpannija parent, biex b’hekk is-sitwazzjoni tagħha tkun aħjar fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija residenti milli fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor.

14      Dwar l-argument tal-uffiċċju tat-taxxa li ma jeżistux ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment fir-rigward tal-holdings internazzjonali li għalihom ma ġietx eżerċitata l-possibbiltà li dawn il-holdings jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-taxxa, prevista fl-Artikolu 10(3) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988, il-qorti tar-rinviju tesponi li l-persuna taxxabbli tista’, b’din il-possibbiltà li tista’ tiġi eżerċitata darba biss, tagħżel bejn in-newtralità fiskali tal-qligħ u t-telf li jirriżultaw mit-trasferiment tas-sehem, minn naħa, u t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom għall-finijiet tat-taxxa, min-naħa l-oħra. Madankollu hija tinnota li, anki fil-każ li tiġi eżerċitata l-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-taxxa, id-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża ma jkunx permess għal sehem f’kumpannija mhux residenti.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 107 TFUE [...] u tal-Artikolu 108(3) TFUE [...] jipprekludu miżura nazzjonali li tipprevedi li, fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ grupp ta’ impriżi, għandu jsir deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża (li jnaqqas il-valur taxxabbli u għaldaqstant l-ammont tat-tassazzjoni) wara l-akkwist ta’ sehem f’kumpannija residenti, meta, f’każijiet oħra ta’ tassazzjoni tad-dħul u tal-kumpanniji, wara l-akkwist ta’ [sehem], tali deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża ma huwiex awtorizzat?

2)      Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 49 TFUE [...] u tal-Artikolu 54 TFUE [...] jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li jipprevedu li, fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ grupp ta’ impriżi, għandu jsir deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża wara l-akkwist ta’ sehem f’kumpannija residenti, meta, wara l-akkwist ta’ sehem f’kumpannija mhux residenti (b’mod partikolari f’kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor [...]), ma jkunx possibbli li jsir tali deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda

16      IFN-Holding u l-Kummissjoni Ewropea jqisu li l-ewwel domanda ma hijiex ammissibbli, peress li r-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju għandha bżonn risposta għal din id-domanda sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha ma jidhrux b’mod ċar.

17      Filwaqt li tirreferi għas-sentenza P (C-6/12, EU:C:2013:525, punt 39), IFN-Holding issostni, b’mod partikolari, li, fil-kawżi ta’ għajnuna mill-Istat, il-qrati nazzjonali għandhom ir-rwol uniku li jissalvagwardaw id-drittijiet tal-partijiet fil-kawża sakemm tingħata deċiżjoni finali mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Issa, tali sitwazzjoni ma tqumx f’dan il-każ, peress li ebda waħda mill-partijiet fil-kawża ma ssottomettiet talbiet abbażi tal-Artikoli 107 TFUE et seq.

18      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tqis li IFN-Holding u IFN ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jinvokaw, quddiem il-qorti nazzjonali, l-illegalità tar-regola stabbilita fl-Artikolu 9(7) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988 fir-rigward tad-dritt fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

19      Għandu jitfakkar li talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli biss jekk jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Belvedere Costruzioni, C-500/10, EU:C:2012:186, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      L-ewwel domanda tirrigwarda l-kompatibbiltà mal-Artikoli 107 TFUE u 108(3) TFUE ta’ miżura fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lil kumpannija, fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija residenti, li tipproċedi għad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża.

21      Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li d-debituri ta’ taxxa ma jistgħux jeċċepixxu li miżura fiskali li jibbenefikaw minnha impriżi oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevadu l-ħlas ta’ din it-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, EU:C:2006:403, punt 43).

22      Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda indikazzjoni li minnha jkun jista’ jiġi dedott li, minkejja l-impossibbiltà għal IFN u IFN-Holding li japprofittaw minn ksur potenzjali tal-Artikoli 107 TFUE u 108(3) TFUE, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari hija madankollu neċessarja għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha.

23      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jitqies li jidher b’mod manifest li l-ewwel domanda ma għandha l-ebda konnessjoni mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

24      Għaldaqstant, l-ewwel domanda hija inammissibbli.

 Fuq it-tieni domanda

25      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji, tippermetti li kumpannija parent, fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija residenti li ssir membru ta’ tali grupp, tipproċedi għad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża sa 50 % tal-prezz tax-xiri tas-sehem, minkejja li hija tipprojbixxi dan fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija mhux residenti.

26      Anki jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi sabiex jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, huma jipprekludu xorta waħda li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ kumpannija stabbilita f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha, b’mod partikolari permezz ta’ sussidjarja. B’mod partikolari, il-libertà ta’ stabbiliment hija ostakolata jekk, skont leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kumpannija residenti li għandha sussidjarja fi Stat Membru ieħor jew fi Stat ieħor kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3) iġġarrab differenza żvantaġġjuża fit-trattament fiskali meta mqabbla ma’ kumpannija residenti li għandha sussidjarja fl-ewwel Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nordea Bank Danmark, C-48/13, EU:C:2014:2087, punti 18 u 19).

27      Hemm lok li jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li toħloq vantaġġ fiskali għal kumpannija parent li takkwista sehem f’kumpannija residenti, meta l-valur kummerċjali ta’ din tal-aħħar ikun pożittiv. Fil-fatt, bħalma osservat il-qorti tar-rinviju, il-fatt li wieħed ikun jista’ jipproċedi għad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża, fis-sens tal-Artikolu 9(7) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988, inaqqas il-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent u, konsegwentement, l-ammont tat-taxxa tagħha.

28      Billi ma tagħtix, f’dawn l-istess ċirkustanzi, dan il-vantaġġ fiskali lil kumpannija parent li takkwista sehem f’kumpannija mhux residenti, din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament fiskali bejn kumpanniji parent għad-detriment ta’ dawk li jakkwistaw sehem f’kumpannija mhux residenti.

29      Din id-differenza fit-trattament hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju, minn kumpannija parent li takkwista sehem f’kumpannija mhux residenti, tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, billi tiskoraġġiha milli takkwista jew li twaqqaf sussidjarji fi Stati Membri oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-172/13, EU:C:2015:50, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Tali differenza fit-trattament tista’ tiġi ammessa biss jekk tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew jekk hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Nordea Bank Danmark, C-48/13, EU:C:2014:2087, punt 23).

31      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk is-sitwazzjonijiet inkwistjoni humiex oġġettivament komparabbli, hemm lok li jitfakkar li n-natura komparabbli ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni nazzjonali għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-342/10, EU:C:2012:688, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Bħalma tesponi l-Verwaltungsgerichthof fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, billi adotta l-liġi dwar ir-riforma fiskali tal-2005, il-leġiżlatur Awstrijak ried joħloq inċentiv fiskali għat-twaqqif ta’ gruppi ta’ kumpanniji billi jiżgura ugwaljanza fit-trattament bejn ix-xiri ta’ attiv kurrenti (“asset deal”) u x-xiri tas-sehem fil-kumpannija li għandha l-attiv (“share deal”).

33      Issa, peress li, skont leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, grupp ta’ kumpanniji jista’ jitwaqqaf minn kumpanniji kemm residenti kif ukoll mhux residenti, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija parent li tixtieq twaqqaf tali grupp ma’ sussidjarja residenti u dik ta’ kumpannija parent residenti li tixtieq twaqqaf grupp ta’ kumpanniji ma’ sussidjarja mhux residenti huma, fid-dawl tal-għan ta’ sistema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, oġġettivament komparabbli peress li t-tnejn li huma jfittxu li jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ din is-sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza X Holding, C-337/08, EU:C:2010:89, punt 24).

34      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata bl-eżistenza, li għaliha tirreferi r-Repubblika tal-Awstrija, ta’ differenza fl-imputazzjoni, fuq id-dħul tal-kumpannija parent, tal-qligħ u tat-telf tas-sussidjarji residenti, minn naħa, u ta’ sussidjarji mhux residenti, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji.

35      Fil-fatt, bħalma rrimarkat il-qorti tar-rinviju, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tawtorizza lill-kumpannija parent sabiex tipproċedi għad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża, indipendentement mill-fatt ta’ jekk il-kumpannija li fiha jinkiseb sehem tagħmilx profitt jew issofrix telf.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, l-imputazzjoni, jew in-nuqqas ta’ imputazzjoni, fuq id-dħul ta’ kumpannija parent, ta’ qligħ u telf ta’ kumpannija li fiha jinkiseb sehem, ma tistax titqies li hija kriterju rilevanti sabiex tiġi kkomparata s-sitwazzjoni taż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji parent ikkonċernati fid-dawl tal-għan imfittex minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37      Il-konstatazzjoni li saret fil-punt 33 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija kkontestata mill-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li l-għan ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni huwa dak li jingħata lix-“share deal” l-istess trattament bħal dak mogħti lill-“asset deal”. Skont dan l-Istat Membru, il-fatt li l-kumpannija parent titħalla, fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija mhux residenti li ssir membru ta’ grupp ta’ kumpanniji, tipproċedi għad-deprezzament tal-valur tal-impriża jpoġġi x-“share deal”, f’sitwazzjoni transkonfinali, f’pożizzjoni iktar favorevoli mill-“asset deal”.

38      Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li dan ikun il-każ, xorta jibqa’ l-fatt li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq differenza fit-trattament bejn kumpannija parent li takkwista sehem f’kumpannija residenti, minn naħa, u kumpannija parent li takkwista sehem f’kumpannija mhux residenti, min-naħa l-oħra, minkejja li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji jsibu ruħhom f’sitwazzjoni komparabbli fid-dawl ta’ dak li jikkostitwixxi, bħalma jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-għan stess ta’ din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri dak li jinħoloq inċentiv fiskali għall-kostituzzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji.

39      Il-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’, għalhekk, tkun tikkonsisti biss f’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, huwa neċessarju, f’dan il-każ, li d-differenza fit-trattament tkun adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan li hija għandha u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara s-sentenza Nordea Bank Danmark, C-48/13, EU:C:2014:2087, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li d-differenza fit-trattament, stabbilita minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ġġustifikata bil-prinċipju tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, peress li hija ma għandhiex is-setgħa li tintaxxa l-qligħ ta’ kumpanniji mhux residenti li huma membri tal-grupp ta’ kumpanniji.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jiddefinixxu, bilateralment jew unilateralment, il-kriterji ta’ tqassim tas-setgħa tagħhom ta’ tassazzjoni, bil-għan, b’mod partikolari, li jeliminaw it-taxxa doppja, u li l-ħarsien ta’ dan it-tqassim huwa għan leġittimu rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Nordea Bank Danmark, C-48/13, EU:C:2014:2087, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Madankollu, bħalma diġà ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tawtorizza lill-kumpannija parent tipproċedi għad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża, indipendentement mill-fatt ta’ jekk il-kumpannija li fiha jinkiseb sehem tagħmilx profitt jew issofrix telf. Fl-għoti tal-imsemmi vantaġġ fiskali, din il-leġiżlazzjoni b’hekk ma tirrigwarda la l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tassazzjoni fid-dawl tal-qligħ u t-telf tal-kumpannija li fiha jinkiseb sehem, u lanqas, konsegwentement, it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

43      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni wkoll li d-differenza fit-trattament li tirriżulta minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali.

44      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-ħtieġa li tiġi mħarsa l-koerenza ta’ sistema fiskali tista’ tiġġustifika restrizzjoni tal-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat. Sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jintlaqa’, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu teżiġi rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali inkwistjoni u l-kumpens ta’ dak il-vantaġġ permezz ta’ taxxa speċifika, peress li n-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, l-ewwel nett, li tali rabta diretta teżisti, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn il-vantaġġ fiskali li jikkonsisti fid-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża, minn naħa, u l-imputazzjoni fiskali lill-kumpannija parent tad-dħul tal-kumpannija residenti, min-naħa l-oħra.

46      Dan l-argument ma jistax mandankollu jintlaqa’. Fil-fatt, għall-istess raġuni bħal dik imsemmija diġà fil-punti 35 u 42 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li teżisti rabta diretta bejn l-imsemmi vantaġġ fiskali u l-piż fiskali li jikkonsisti fl-imputazzjoni fiskali lill-kumpannija parent ta’ qligħ magħmul mill-kumpannija li jinkiseb sehem fiha, anki jekk wieħed jassumi li din tal-aħħar dejjem tagħmel qligħ u mhux telf.

47      It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li teżisti rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, bejn il-vantaġġ fiskali inkwistjoni, minn naħa, u t-tassazzjoni tar-riżorsi tal-kumpannija parent fil-każ ta’ trasferiment tas-sehem fil-kumpannija residenti, min-naħa l-oħra. Fil-każ ta’ newtralità fiskali tas-sehem miżmum minn kumpannija parent f’kumpannija mhux residenti, ma jkunx hemm din it-tassazzjoni, b’mod li jkun iġġustifikat li ma jingħatax il-vantaġġ fiskali marbut direttament ma’ din l-istess tassazzjoni.

48      Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-vantaġġ fiskali li jikkonsisti fid-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża jipproduċi effetti immedjati għall-kumpannija parent, minkejja li t-tassazzjoni tar-riżorsi fil-każ ta’ trasferiment tas-sehem fil-kumpannija residenti huwa ta’ natura mbiegħda u aleatorja, bil-qorti tar-rinviju tirrimarka barra minn hekk f’dan ir-rigward li, b’mod ġenerali, l-ishma strateġiċi jinżammu għal żmien twil. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li huwa possibbli li wieħed jipproċedi għat-tassazzjoni tar-riżorsi fil-każ ta’ trasferiment tas-sehem ma jikkostitwixxix kunsiderazzjoni ta’ koerenza fiskali li tista’ tiġġustifika rifjut tal-imsemmi vantaġġ fiskali fil-każ ta’ akkwist minn kumpannija parent ta’ sehem f’kumpannija mhux residenti li ssir membru ta’ grupp ta’ kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rewe Zentralfinanz, C-347/04, EU:C:2007:194, punt 67, kif ukoll DI. VI. Finanziaria di Diego della Valle & C., C-380/11, EU:C:2012:552, punt 49).

49      Min-naħa l-oħra, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dritt nazzjonali jipprekludi li kumpannija parent tibbenefika mid-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża, anki meta l-kumpannija parent teżerċita d-dritt tagħha li tagħżel li sehem f’kumpannija mhux residenti jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-taxxa, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 10(3) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1988 u li, b’hekk, it-trasferiment ta’ tali sehem jiġi intaxxat.

50      Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistabbilixxix, fiha nnifisha, rabta diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ fiskali li jikkonsisti fid-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża u, min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni li tikkonsisti fit-tassazzjoni tal-kumpannija parent tar-riżorsi fil-każ ta’ trasferiment tas-sehem fis-sussidjarja tagħha, b’mod li ma jistax jitqies li d-differenza fit-trattament, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-269/09, EU:C:2012:439, punt 87).

51      It-tielet nett, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, huwa ġġustifikat, sabiex tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali Awstrijaka, li tipprekludi li jitnaqqsu spejjeż relatati ma’ dħul li ma huwiex taxxabbli, li jiġi miċħud il-benefiċċju tad-deprezzament imsemmi iktar ’il fuq fil-każ ta’ ishma fiskalment newtrali f’kumpanniji mhux residenti. Fil-fatt, fil-każ oppost, dawn l-ishma jkunu jibbenefikaw minn vantaġġ doppju, li jkun inkompatibbli mal-imsemmija sistema.

52      Madankollu, dan l-argument, ibbażat fuq l-assenza ta’ setgħa ta’ tassazzjoni fir-rigward tal-qligħ tal-kumpanniji mhux residenti, ma jikkonċernax l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn vantaġġ u impożizzjoni, iżda jikkoinċidi, fir-realtà, ma’ dak ibbażat fuq il-prinċipju ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, imsemmi fil-punt 40 ta’ din is-sentenza. Għalhekk għandu jiġi miċħud għall-istess raġuni bħal dik imsemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

53      Peress li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li differenza fit-trattament, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, hemm lok li titqies li hija inkompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment.

54      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji, tippermetti li kumpannija parent, fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija residenti li ssir membru ta’ tali grupp, tipproċedi għad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża sa 50 % tal-prezz tax-xiri tas-sehem, minkejja li hija tipprojbixxi dan fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija mhux residenti.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji, tippermetti li kumpannija parent, fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija residenti li ssir membru ta’ tali grupp, tipproċedi għad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża sa 50 % tal-prezz tax-xiri tas-sehem, minkejja li hija tipprojbixxi dan fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija mhux residenti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.