Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ April 2015 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Taxxa fuq il-valur miżjud — Is-Sitt Direttiva 77/388/KEE — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 132(1)(a) u 135(1)(h) — Eżenzjonijiet — Servizzi postali pubbliċi — Bolli — Direttiva 97/67/KE”

Fil-Kawża C-114/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Enegren u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn U. Persson u A. Falk, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J.-C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u K. Jürimäe, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma jeżentax mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) il-provvisti ta’ servizzi u l-kunsinni ta’ oġġetti aċċessorji għal dawn il-provvisti, ħlief għat-trasport ta’ persuni u għat-telekomunikazzjonijiet, imwettqa mis-servizzi postali pubbliċi, kif ukoll il-kunsinni, fuq il-bażi tal-valur nominali tagħhom, ta’ bolli validi għall-użu tas-servizzi postali fit-territorju nazzjonali, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt, rispettivament, l-Artikoli 132(1)(a) u 135(1)(h) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2006/112

2        It-Titolu IX tad-Direttiva 2006/112, intitolat “Eżenzjonijiet”, jinkludi l-Kapitolu 2, dwar l-“Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”. L-Artikolu 132, li jinsab f’dan it-titolu, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-provvista mis-servizzi postali pubbliċi ta’ servizzi barra t-trasport ta’ passiġġieri u s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni, u l-provvista ta’ merkanzija inċidentali għalihom”.

3        L-Artikolu 135 tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-kapitolu segwenti intitolat “Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(h) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(h)      il-provvista b’valur nominali ta’ bolli tal-posta validi għall-użu tas-servizzi postali fit-territorju rispettiv tagħhom, bolli fiskali, u bolli simili oħrajn”.

4        Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 2 u 3 ta’ din is-sentenza huma identiċi għal dawk, li kienu applikabbli preċedentement, tal-Artikolu 13A(1)(a) u tal-Artikolu 13B(e) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2006/112.

 Id-Direttiva 97/67/KE

5        Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 316, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/67”), tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, regoli komuni dwar b’mod partikolari l-provvista ta’ servizz postali universali fi ħdan il-Komunità Ewropea u l-kriterji li jiddefinixxu s-servizzi li jistgħu jiġu rriżervati għall-fornituri tas-servizz universali.

6        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 97/67 huwa fformulat b’dan il-mod:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu d-dritt ta’ servizz universali li jinvolvi il-provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifikata fil-punti kollha fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha.”

7        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 97/67 jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-forniment ta’ servizz universali jkun garantit u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-passi li jkun ħa sabiex jissodisfa dan l-obbligu u, b’mod partikolari, l-identità tal-fornitur/i tiegħu tas-servizz universali. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi skond il-liġi tal-Komunità l-obbligi u d-drittijiet assenjati lill-fornitur/i ta’ servizz universali u għandu jippublikhom.”

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8        Fl-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Isvezja fejn akkużatu li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13A(1)(a) u taħt l-Artikolu 13B(e) tas-Sitt Direttiva 77/388, peress li ma kien jeżenta mill-VAT la l-provvisti ta’ servizzi u l-kunsinni ta’ oġġetti aċċessorji għal dawn il-provvisti, ħlief għat-trasport ta’ persuni u għat-telekomunikazzjonijiet, imwettqa mis-servizzi postali pubbliċi, u lanqas il-kunsinni, fuq il-bażi tal-valur nominali tagħhom, ta’ bolli validi għall-użu tas-servizzi postali fit-territorju nazzjonali.

9        Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006, l-awtoritajiet Svediżi wieġbu għal din l-ittra filwaqt li kkontestaw li kienu naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt is-Sitt Direttiva 77/388.

10      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni, li ma kinitx issodisfatta b’din it-tweġiba, bagħtet lir-Renju tal-Isvezja opinjoni motivata fejn stednitu jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni.

11      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Settembru 2007, ir-Renju tal-Isvezja wieġeb għall-opinjoni motivata filwaqt li sostna li l-eżenzjoni tal-provvisti mwettqa mis-servizzi postali pubbliċi prevista mid-Direttiva 2006/112, bl-istess kliem bħas-Sitt Direttiva 77/388, ma kinitx applikabbli fis-suq Svediż peress li tali servizzi ma jeżistux.

12      Peress li qieset li l-pożizzjoni meħuda minn dan l-Istat Membru ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors ineżami quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

13      Ir-Renju tal-Isvezja, b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ bħala Awla Manja.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112

 L-argumenti tal-partijiet

14      Il-Kummissjoni ssostni li hemm lok li r-Renju tal-Isvezja jeżenta mill-VAT is-servizzi u l-kunsinni ta’ oġġetti aċċessorji, ħlief għat-trasport ta’ persuni u għat-telekomunikazzjonijiet, li għandhom jiġu pprovduti minn Posten AB inkonformità mad-Direttiva 97/67.

15      Hija ssostni li s-servizzi pprovduti minn fornitur tas-servizz universali inkonformità mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 3 sa 6 tad-Direttiva 97/67 jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “provvista mis-servizzi postali pubbliċi” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.

16      F’dan ir-rigward, hija tosserva li Posten AB, kumpannija rregolata mid-dritt privat, kienet magħżula bħala fornitur tas-servizz postali universali fl-Isvezja. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-kawżi bejn Posten AB u l-amministrazzjoni Svediża tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li mal-awtorizzazzjoni mogħtija lil Posten AB sabiex teżerċita attività postali torbot kundizzjonijiet marbuta mal-għażla tagħha bħala fornitur tas-servizz universali. Skont il-Kummissjoni, mis-sentenza mogħtija mill-Kammarrätten i Stockholm (Qorti tal-appell amministrattiva ta’ Stokkolma) jirriżulta b’mod ċar li, b’dan il-mod, l-operazzjonijiet imwettqa minn Posten AB huma differenti minn dawk imwettqa minn operaturi oħra fis-suq Svediż.

17      Skont il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Isvezja huwa obbligat jimplementa l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, u dan minkejja li dan l-Istat Membru jqis li jista’ jiżgura n-newtralità fiskali aħjar b’metodi oħra għajr l-eżenzjoni. F’dan ir-rigward hija tibbaża ruħha fuq is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C-204/03, EU:C:2005:588, punt 28).

18      Barra minn hekk, mis-sentenza TNT Post UK (C-357/07, EU:C:2009:248), il-Kummissjoni tiddeduċi li l-eżenzjoni mill-VAT inkwistjoni ma tippreġudikax il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

19      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tispeċifika li ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni, jekk jitqies li fil-fatt hemm tali distorsjoni, ma tista’ teħles lir-Renju tal-Isvezja mill-obbligu tiegħu li japplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, li n-natura inkundizzjonata tagħha tiddistingwixxiha minn dispożizzjonijiet oħra tal-istess direttiva. Il-Kummissjoni ssostni li, għall-kuntrarju, hija preċiżament l-eżistenza ta’ sitwazzjoni fejn l-Istati Membri kollha, ħlief għal wieħed minnhom, japplikaw din l-eżenzjoni li tista’ potenzjalment toħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

20      Għall-kuntrarju, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li jekk Posten AB tiġi eżentata mill-VAT bis-saħħa tad-deroga prevista fir-rigward tas-servizzi postali pubbliċi, dan ikun imur kontra d-Direttiva 2006/112, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kompetizzjoni kif ukoll l-għanijiet tad-Direttiva 97/67.

21      F’dan ir-rigward, huwa jsostni li fl-Isvezja hemm madwar tletin impriża li joperaw, f’kundizzjonijiet finanzjarji identiċi, f’suq postali li ilu lliberalizzat għal ħafna żmien — saħansitra qabel l-adeżjoni tar-Renju tal-Isvezja mal-Unjoni Ewropea — u li ma għadux jinvolvi “servizz postali pubbliku”. B’mod partikolari, Posten AB ma tirċevix kumpens mill-Istat fir-rigward tal-obbligi ta’ servizz universali tagħha, kif madankollu tippermetti t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67.

22      Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li s-suq Svediż tas-servizzi postali huwa differenti mis-suq Britanniku eżaminat fil-kawża li wasslet għas-sentenza TNT Post UK (C-357/07, EU:C:2009:248), sa fejn, fid-data meta ngħatat dik is-sentenza, diversi servizzi postali pubbliċi fi ħdan l-Unjoni kienu fdati lil impriżi pubbliċi f’sitwazzjoni ta’ monopolju, filwaqt li dan ma għadux il-każ minn meta l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 temm il-possibbiltà li jingħataw drittijiet esklużivi jew speċjali f’dan is-settur.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju tal-Isvezja jqis li jekk Posten AB tiġi eżentata mill-VAT, dan iwassal sabiex din tingħata, meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, vantaġġ artifiċjali fir-relazzjoni bejn il-kompetittività u l-prezz li jista’ jilħaq ir-rata tal-VAT applikabbli, jiġifieri 20 %, vantaġġ dan li jnaqqas il-pressjoni kompetittiva fis-suq postali għad-detriment tal-konsumatur finali. Barra minn hekk, tali eżenzjoni twassal għal żieda fil-prezz tas-servizzi esterni użati minn Posten AB peress li ma tkunx tista’ tibqa’ tnaqqas il-VAT tal-input fuq l-akkwisti tagħha, u dan jista’ għalhekk iwassalha sabiex torganizza mill-ġdid l-attivitajiet tagħha sabiex tibda twettaq hija stess, internament, iktar servizzi.

24      Dan l-Istat Membru jsostni li, barra minn hekk, il-VAT ilha tinġabar fuq is-servizzi postali kollha fl-Isvezja sa mill-1993, mingħajr ma din is-sistema ma ġiet ikkontestata — ħlief mis-settur tal-banek/assigurazzjoni minħabba, preċiżament, l-eżenzjoni mill-VAT li minnha jibbenefika dan is-settur u li tipprekludih milli jnaqqas il-VAT tal-input fuq is-servizzi postali użati minnu.

25      Fl-aħħar nett, huwa jsostni li din il-kawża tirrigwarda, prinċipalment, il-funzjonament tas-suq postali u li, sabiex dan is-suq ikun jista’ jiffunzjona bl-aħjar mod possibbli, id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-eżenzjoni mill-VAT ma humiex neċessarji.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-Renju tal-Isvezja jibbaża ruħu fuq id-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008 (ĠU L 52, p. 3). Madankollu, din id-direttiva tal-aħħar kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi eżaminat abbażi tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2002/39.

27      Huwa paċifiku li r-Renju tal-Isvezja jqis li, minn meta temm il-monopolju tal-operatur storiku tiegħu fl-1993, fit-territorju tiegħu ma għadx hemm “servizz postali pubbliku” fis-sens tad-Direttiva 2006/112, u, għaldaqstant, ma għadx hemm l-obbligu li jiġi eżentat mill-VAT xi fornitur ta’ servizz postali jew ieħor. Għalhekk, dan l-Istat Membru ssuġġetta għall-VAT il-provvisti ta’ servizzi u l-kunsinni ta’ oġġetti aċċessorji mwettqa mill-fornituri kollha ta’ servizzi postali.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-frażi “servizzi postali pubbliċi”, li tintuża fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, li l-kliem tiegħu huma riprodotti b’mod identiku fl-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-operaturi, pubbliċi jew privati, li jimpenjaw ruħhom li jiżguraw fi Stat Membru is-“servizz postali universali” kollu jew partijiet minnu, fis-sens tad-Direttiva 97/67 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TNT Post UK, C-357/07, EU:C:2009:248, punt 40).

29      Issa, ma huwiex ikkontestat li, meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat-18 ta’ Lulju 2007, Posten AB kienet magħżula bħala “fornitur tas-servizz postali universali” fl-Isvezja, fis-sens tad-Direttiva 97/67.

30      Barra minn hekk, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-Renju tal-Isvezja jirriżulta li, kif jipprovdi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 97/67, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta lil Posten AB għal obbligi speċifiċi maħsuba sabiex jiġi ggarantit li din tiżgura s-servizz postali universali fis-sens ta’ din id-direttiva fit-territorju kollu ta’ dan l-Istat Membru.

31      Minn dan isegwi li Posten AB, peress li tiżgura fl-Isvezja s-“servizz postali universali” kollu jew partijiet minnu, fis-sens tad-Direttiva 97/67, għandha tiġi kklassifikata bħala “servizz postali pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, u li, għaldaqstant, il-provvisti ta’ servizzi u l-kunsinni ta’ oġġetti aċċessorji għal dawn il-provvisti, ħlief għat-trasport ta’ persuni u għat-telekomunikazzjonijiet, li din il-kumpannija twettaq bħala fornitur tas-servizz universali għandhom ikunu eżentati mill-VAT.

32      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argument tar-Renju tal-Isvezja fis-sens li l-prinċipju ta’ newtralità jipprekludi l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/112 proposta mill-Kummissjoni, sa fejn is-sitwazzjoni tas-suq postali f’dan l-Istat Membru hija differenti ħafna minn dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza TNT Post UK (C-357/07, EU:C:2009:248) minħabba li l-provvisti ta’ Posten AB ma humiex differenti minn dawk imwettqa minn operaturi oħra fis-suq Svediż.

33      Fil-fatt, mill-punti 37 sa 39 tas-sentenza TNT Post UK (C-357/07, EU:C:2009:248) jirriżulta li d-differenza bejn is-“servizzi postali pubbliċi” u l-operaturi l-oħra ma tirriżultax min-natura tas-servizzi pprovduti iżda mill-fatt li l-operaturi li jiżguraw is-servizz postali universali kollu jew partijiet minnu huma suġġetti għal qafas legali partikolari li jinkludi obbligi speċifiċi. Issa, mill-punt 30 ta’ din is-sentenza jirriżulta li Posten AB hija effettivament suġġetta għal tali obbligi.

34      Il-konklużjoni milħuqa fil-punt 31 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija kkontestata permezz tal-fatt li s-sentenza TNT Post UK (C-357/07, EU:C:2009:248) ingħatat wara d-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat-18 ta’ Lulju 2007 sabiex tiġi żgurata l-konformità tad-dritt Svediż.

35      Fil-fatt, fil-każ li obbligu jirriżulta minn interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tkun ippreċiżat u ċċarat it-tifsira u l-portata tar-regola kif din kien imissha ġiet interpretata u applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha, b’tali mod li l-Istati Membri kienu mistennija, sa minn dak il-mument, jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni kif jirriżulta mis-sentenza, anki jekk sussegwenti, tal-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali, tkun illimitat b’mod eċċezzjonali għall-passat il-possibbiltà li d-dritt kif tkun interpretatu jiġi invokat sabiex jiġu kkontestati relazzjonijiet legali (ara s-sentenza Denkavit italiana, 61/79, EU:C:1980:100, punti 16 u 17), li ma huwiex il-każ tas-sentenza TNT Post UK (C-357/07, EU:C:2009:248).

36      Għaldaqstant, l-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 135(1)(h) tad-Direttiva 2006/112

 L-argumenti tal-partijiet

37      Il-Kummissjoni ssostni li hemm lok li r-Renju tal-Isvezja jeżenta mill-VAT il-kunsinni, fuq il-bażi tal-valur nominali tagħhom, ta’ bolli validi għall-użu tas-servizzi postali fit-territorju nazzjonali.

38      Hija ssostni li l-bolli jikkostitwixxu mezz ta’ pagament għas-servizz postali u li l-portata tal-eżenzjoni prevista fir-rigward tagħhom għandha, fi kwalunkwe każ, tikkorrispondi għal dik mogħtija lill-eżenzjoni prevista għas-servizzi postali pubbliċi.

39      Ir-Renju tal-Isvezja juża l-istess argument tal-Kummissjoni iżda minnu jasal għall-konklużjoni, li hija kuntrarja għal dik li għaliha tasal il-Kummissjoni, li, peress li s-servizzi postali pubbliċi ma għandhomx ikunu eżentati mill-VAT, dan għandu jgħodd ukoll għall-bolli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 135(1)(h) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT il-kunsinni, fuq il-bażi tal-valur nominali tagħhom, ta’ bolli validi għall-użu tas-servizzi postali fit-territorju nazzjonali.

41      Minn naħa, mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat-18 ta’ Lulju 2007, il-leġiżlazzjoni Svediża ma kinitx tipprovdi għall-eżenzjoni tal-bolli prevista fl-Artikolu 135(1)(h) tad-Direttiva 2006/112.

42      Min-naħa l-oħra, insostenn tat-talbiet tiegħu għaċ-ċaħda tal-ilment, ir-Renju tal-Isvezja jsostni biss, essenzjalment, li l-kunsinni, fuq il-bażi tal-valur nominali tagħhom, ta’ bolli validi għall-użu tas-servizzi postali fit-territorju nazzjonali ma humiex eżentati mill-VAT bħala konsegwenza tal-fatt li huma suġġetti għall-VAT il-kunsinni ta’ oġġetti aċċessorji għall-provvisti mwettqa mis-servizzi postali pubbliċi, ħlief għat-telekomunikazzjonijiet u għat-trasport ta’ persuni. Issa, fil-punti 26 sa 32 ta’ din is-sentenza, għadu kemm ġie kkonstatat li tali ssuġġettar huwa kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment għandu jintlaqa’ wkoll.

44      Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni huwa fondat fl-intier tiegħu.

45      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, billi ma jeżentax mill-VAT il-provvisti ta’ servizzi u l-kunsinni ta’ oġġetti aċċessorji għal dawn il-provvisti, ħlief għat-trasport ta’ persuni u għat-telekomunikazzjonijiet, imwettqa mis-servizzi postali pubbliċi, kif ukoll il-kunsinni, fuq il-bażi tal-valur nominali tagħhom, ta’ bolli validi għall-użu tas-servizzi postali fit-territorju nazzjonali, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt, rispettivament, l-Artikoli 132(1)(a) u 135(1)(h) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112.

 Fuq l-ispejjeż

46      Skont l-Artikolu 138 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tal-Isvezja tilef il-kawża, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma jeżentax mit-taxxa fuq il-valur miżjud il-provvisti ta’ servizzi u l-kunsinni ta’ oġġetti aċċessorji għal dawn il-provvisti, ħlief għat-trasport ta’ persuni u għat-telekomunikazzjonijiet, imwettqa mis-servizzi postali pubbliċi, kif ukoll il-kunsinni, fuq il-bażi tal-valur nominali tagħhom, ta’ bolli validi għall-użu tas-servizzi postali fit-territorju nazzjonali, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt, rispettivament, l-Artikoli 132(1)(a) u 135(1)(h) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

2)      Ir-Renju tal-Isvezja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.