Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

5.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 135/26


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja

(Kawża C-114/14)

2014/C 135/31

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Enegren u L. Lozano Palacios, bħala aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Isvezja

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstatata li, billi ma eżentax il-provvisti ta’ servizzi postali magħmula mis-servizzi postali pubbliċi, u l-provvista ta’ oġġetti inċidentali għal dawn il-provvisti, u meta ma eżentax il-provvisti, għall-valur nominali tagħhom, ta’ bolli tal-posta validi għall-pustaġġ fit-territorju nazzjonali, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 132(1)(a) u 135(1)(h) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1).

tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rikors kontra r-Renju tal-Isvezja skont l-Artikolu 258 TFUE għall-motivi li ġejjin.

L-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvisti ta’ servizzi u l-provvisti ta’ oġġetti inċidentali għal dawn il-provvisti magħmula mis-servizzi postali pubbliċi.

L-Artikolu 135(1)(h) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvisti, għall-valur nominali tagħhom, ta’ bolli tal-posta validi għall-pustaġġ.

Ir-Renju tal-Isvezja afda lil Posten AB bl-obbligi ta’ servizz universali li jikkorrispondu għal offerta ta’ servizzi postali ta’ kwalità ddeterminata pprovduti b’mod permanenti fil-punti kollha tat-territorju bi prezzijiet raġonevoli għall-utenti kollha, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/67/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (2).

Il-Kummissjoni tikkunsidra li Posten AB, peress li hija nkarigata mill-obbligi ta’ servizz universali msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/67, tikkostitwixxi servizz pubbliku skont l-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112.

Ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jeżenta l-provvisti ta’ servizzi postali pprovduti minn Posten AB kif ukoll il-provvisti, għall-valur nominali tagħhom, ta’ bolli tal-posta validi għall-pustaġġ fit-territorju nazzjonali.


(1)  ĠU L 347, p. 1.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71.