Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

26.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 159/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-18 ta’ Marzu 2014 – Staatssecretaris van Financiën vs Het Oudeland Beheer BV

(Kawża C-128/14)

2014/C 159/21

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Staatssecretaris van Financiën

Konvenuta: Het Oudeland Beheer BV

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz tax-xiri tal-art jew ta’ oġġetti jew ta’ materjali oħra li fuqhom il-persuna taxxabbli ħallset il-VAT fuq ix-xiri, li f’dan il-każ seħħ permezz tal-istabbiliment ta’ dritt in rem li jagħti setgħa ta’ użu fuq proprjetà immobbli, ma jaqax taħt il-valur taxxabbli ta’ provvista fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva? Il-pożizzjoni tkun differenti jekk il-persuna taxxabbli naqqset din il-VAT fuq ix-xiri skont id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali – sew jekk dawn huma kuntrarji, jew le, għas-Sitt Direttiva dwar dan il-punt?

2)

F’każ bħal dak ineżami, fejn l-art inxtrat b’bini li qiegħed jinbena permezz tal-istabbiliment ta’ dritt in rem imsemmi fl-Artikolu 5(3)(b) tas-Sitt Direttiva, l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-valur taċ-ċens, jiġifieri l-valur tal-ammonti dovuti minn sena għal sena matul it-tul kollu jew matul iż-żmien li jifdal tad-dritt in rem, jaqa’ taħt il-valur taxxabbli ta’ provvista fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva?


(1)  Sitt Direttiva tal-Kunsill [77/388/KE], tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).