Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

7.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 212/14


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

(Kawża C-161/14)

2014/C 212/14

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Soulay, M. Clausen, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet tar-rikorrenti

(1)

tiddikjara li

billi applika rata tal-VAT imnaqqsa għal provvisti ta’ servizzi ta’ installazzjoni ta’ “materjali li jiffrankaw l-enerġija” u għal provvisti ta’ “materjali li jiffrankaw l-enerġija” minn persuna li tinstalla dawk il-materjali f’akkomodazzjonijiet residenzjali, sa fejn dawk il-provvisti ma jistgħux jitqiesu bħala “il-forniment, il-kostruzzjoni, ir-rennovazzjoni u t-tibdil [l-alterazzjoni] tad-djar, bħala parti minn politika soċjali” għall-finijiet tal-Kategorija (10) tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT (1),

billi applika rata tal-VAT imnaqqsa għal provvisti ta’ servizzi ta’ installazzjoni ta’ “materjali li jiffrankaw l-enerġija” u provvisti ta’ “materjali li jiffrankaw l-enerġija” minn persuna li tinstalla dawk il-materjali f’akkomodazzjonijiet residenzjali, sa fejn dawk il-provvisti jaqgħu barra mill-iskop ta’ rinnovazzjoni u ta’ tiswija ta’ djar privati għall-finijiet tal-Kategorija (10) tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT,

billi applika rata tal-VAT imnaqqsa għal provvisti ta’ servizzi ta’ installazzjoni ta’ “materjali li jiffrankaw l-enerġija” u provvisti ta’ “materjali li jiffrankaw l-enerġija” minn persuna li tinstalla dawk il-materjali f’akkomodazzjonijiet residenzjali, sa fejn dawk il-provvisti, anki jekk ikunu jaqgħu taħt l-iskop ta’ rinnovazzjoni u ta’ tiswija ta’ djar privati għall-finijiet tal-Kategorija (10) tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, jinkludu materjali li jifformaw parti sinjifikattiva mill-valur tas-servizzi pprovduti, ir-Renju tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 98, moqri flimkien mal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT;

(2)

tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Taħt l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT, ir-rata standard tal-VAT stabbilita minn kull Stat Membru, suġġetta għal rata minima ta’ 15 %, hija applikabbli għall-provvisti kollha ta’ merkanzija u servizzi. Rata li ma hijiex ir-rata standard tista’ tiġi applikata biss sa fejn dan huwa permess minn dispożizzjonijiet oħra tad-direttiva. L-Artikolu 98 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni tqis li s-sistema ta’ rati mnaqqsa applikabbli għall-provvisti ta’ materjali li jiffrankaw l-enerġija u l-installazzjoni tagħhom, stabbilita fit-Taqsima 29A tal-Att dwar il-VAT 1994, kif speċifikat fl-Iskeda 7A ta’ dak l-Att, taqbeż il-possibbiltajiet offruti lill-Istati Membri mill-Kategoriji (10) u (10a) tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, li rispettivament ikopru “il-forniment, il-kostruzzjoni, ir-rennovazzjoni u t-tibdil [l-alterazzjoni] tad-djar, bħala parti minn politika soċjali” u “tiġdid [rinnovazzjoni] u tiswija ta’ djar privati, għajr il-materjali li jiffurmaw parti sinifikanti mill-valur tas-servizz ipprovdut”.

L-iskema tar-Renju Unit ta’ rata mnaqqsa kif deskritta fil-Grupp 2 tal-Parti 2 tal-Iskeda 7A tal-Att dwar il-VAT 1994 ma tistax tkun marbuta direttament ma’ kwistjonijiet ta’ akkomodazzjoni bħala parti minn politika soċjali, u għaldaqstant tmur lil hinn mill-iskop permess mill-Kategorija (10) tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

Il-Grupp 2 tal-Parti 2 tal-Iskeda 7A tal-Att dwar il-VAT 1994, billi japplika rata mnaqqsa għall-provvista ta’ servizzi ta’ installazzjoni ta’ “materjali li jiffrankaw l-enerġija” u għall-provvista ta’ “materjali li jiffrankaw l-enerġija” minn persuna li tinstalla dawk il-materjali f’akkomodazzjonijiet residenzjali, fejn dawk il-provvisti jinkludu l-provvista, il-kostruzzjoni u l-alterazzjoni ta’ djar privati u mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur proporzjonali ta’ dawk il-materjali mal-valur totali tas-servizz ipprovdut, imur lil hinn mir-rekwiżit stabbilit fil-Kategorija (10a), li jipprovdi li rata mnaqqsa tista’ biss tiġi applikata għar-rinnovazzjoni u t-tiswija ta’ djar privati, esklużi materjali li jifformaw parti sinjifikattiva mill-valur tas-servizz ipprovdut.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).