Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 13(1) — Nuqqas ta’ ssuġġettar — Kunċett ta’ ‘korp irregolat bid-dritt pubbliku’ — Kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata responsabbli mill-provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-ippjanar u tal-amministrazzjoni ta’ servizz tas-saħħa tar-reġjun awtonomu ta’ Açores — Determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ dawn is-servizzi, inkluż ir-remunerazzjoni tagħhom, f’kuntratti-qafas konklużi bejn din il-kumpannija u dan ir-reġjun”

Fil-Kawża C-174/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (qorti amministrattiva suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ April 2014, fil-proċedura

Saudaçor – Sociedade Gestora de Recursos e Equipamentos da Saúde dos Açores SA

vs

Fazenda Pública,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský u M. Safjan, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Saudaçor – Sociedade Gestora de Recursos e Equipamentos da Saúde dos Açores SA, minn G. Leite de Campos, M. Clemente u J. Batista Pereira, avukati,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u R. Campos Laires, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn P. Mantle, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Guerra e Andrade u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU L 134, p. 114), u tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Saudaçor – Sociedade Gestora de Recursos e Equipamentos da Saúde dos Açores SA (iktar ʼil quddiem “Saudaçor”) u l-Fazenda Pública (Teżor pubbliku), dwar l-issuġġettar ta’ din il-kumpannija għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fir-rigward tal-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-ippjanar u l-amministrazzjoni tas-servizz tas-saħħa tar-reġjun awtonomu tal-Azores (iktar ʼil quddiem ir-“RAA”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2006/112 ħassret u ssostitwiet, mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

4        Skont il-premessi 1 u 3 tad-Direttiva 2006/112, it-tfassil mill-ġdid tas-Sitt Direttiva kien neċessarju sabiex id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali fi struttura u b’diċitura riveduti mingħajr ma, fil-prinċipju, ikun hemm bidla sostantiva.

5        L-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li ġej:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[...]

c)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.”

6        Skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva:

“ʽPersuna taxxabbliʼ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ʽattività ekonomikaʼ. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

7        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew transazzjonijiet, huma għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jikkawża distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti.

2.      Stati Membri jistgħu iqisu attivitajiet ta’ dawn il-korpi li jkunu eżenti bl-Artikolu 132 bħala attivitajiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi. [...]”

8        Skont l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18:

“Awtoritajiet ʽkuntrattwaliʼ tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika;

ʽKorpi rregolati bil-liġi pubblikaʼ tfisser kull korp:

a)      stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

b)      li għandhom personalità legali; u

c)      ffinanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għas-supervizzjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill-autoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika.

Lista ta’ korpi li m’humiex eżawrjenti u kategoriji ta’ korpi rregolati bil-liġi pubblika li jissodisfaw il-kriterja riferuta fil-(a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu huma mniżżla fl-Anness III. [...]”

 Id-dritt Portugiż

 Il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-VAT

9        L-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-VAT (Código do IVA) jipprevedi li l-Istat u l-persuni ġuridiċi l-oħra rregolati mid-dritt pubbliku ma humiex suġġetti għall-VAT meta jwettqu tranżazzjonijiet billi jeżerċitaw is-setgħat ta’ awtorità tagħhom, anki jekk f’din l-okkażjoni huma jiġbru tariffi jew kull korrispettiv ieħor, sa fejn in-nuqqas ta’ ssuġġettar tagħhom ma jirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni.

10      L-Artikolu 2(3) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li l-Istat u l-persuni ġuridiċi l-oħra rregolati bid-dritt pubbliku huma fi kwalunkwe każ suġġetti għall-VAT meta jeżerċitaw ċerti attivitajiet u għat-tranżazzjonijiet taxxabbli li jirriżultaw minnhom, ħlief jekk jiġi stabbilit li huma jeżerċitawhom b’mod insinjifikattiv.

 Is-sistema ġuridika ta’ Saudaçor

11      Saudaçor ġiet stabbilita bid-Digriet Reġjonali Nru 41/2003/A tar-RAA, li ttrasformat l-istitut ta’ amministrazzjoni finanzjarja tas-saħħa tar-reġjun awtonomu ta’ Açores f’kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata b’kapital esklużivament pubbliku, imsejħa SAUDAÇOR – Sociedade Gestora de Recursos e Equipamentos da Saúde dos Açores SA, u emenda tad-Digriet Leġiżlattiv Reġjonali Nru 28/99/A tal-31 ta’ Lulju (Decreto Legislativo Regional n.° 41/2003/A, Transforma o Instituto de Gestão Financeira da Saúde da Região Autónoma dos Açores em sociedade anónima de capitais exclusivamente públicos, passando a designar-se SAUDAÇOR – Sociedade Gestora de Recursos e Equipamentos da Saúde dos Açores SA, e altera o Decreto Legislativo Regional n.° 28/99/A, de 31 de Julho), tas-17 ta’ Ottubru 2003, (Diário da República I, série A, Nru 257, tas-6 ta’ Novembru 2003, p. 7430), peress li l-kapital azzjonarju tagħha kien miżmum 100% mill-imsemmi reġjun.

12      Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv reġjonali, Saudaçor għandha l-missjoni li tipprovdi servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-qasam tas-saħħa. L-għan ta’ din il-missjoni huwa l-ippjanar u l-amministrazzjoni tas-sistema reġjonali tas-saħħa u tas-sistemi ta’ informazzjoni, infrastruttura u installazzjonijiet li jaqgħu fiha, kif ukoll it-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, ta’ konservazzjoni, ta’ riabilitazzjoni u ta’ rikostruzzjoni tal-unitajiet u tas-servizzi tas-saħħa, b’mod partikolari fir-reġjuni milquta minn katastrofi naturali u f’żoni meqjusa li huma żoni f’riskju.

13      Skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv reġjonali Nru 41/2003/A:

“Fil-kuntest tal-missjoni tal-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tagħha, il-kompetenzi ta’ Saudaçor huma s-segwenti:

a)      li twettaq b’mod ċentralizzat il-provvista tas-settur reġjonali tas-saħħa;

b)      li tipprovdi oġġetti u servizzi lill-entitajiet membri tas-sistema reġjonali tas-saħħa;

c)      li talloka finanzjamenti lill-unitajiet tas-saħħa, skont l-għanijiet tal-provvista ta’ kura li bihom kull unità hija marbuta, skont il-kuntratti ffirmati;

d)      li tistabbilixxi regoli u prinċipji gwida għall-amministrazzjoni tal-baġit tal-unitajiet tas-saħħa kif ukoll issegwi l-implementazzjoni tagħhom;

e)      li tevalwa l-amministrazzjoni ekonomika-finanzjarja tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi integrati fl-SRS jew iffinanzjati minn din tal-aħħar, u tipprepara rapporti perijodiċi dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u dwar l-amministrazzjoni tarriżorsi umani u materjali tagħha;

f)      li tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni għall-istituzzjonijiet li jiddependu fuq l-SRS;

g)      li twettaq xogħlijiet li jirrigwardaw l-SRS li t-twettiq tagħhom huwa opportun għall-interess pubbliku;

h)      li tipprovdi appoġġ għas-servizzi u għall-istabbilimenti tal-SRS fl-oqsma fejn dan jirriżulta neċessarju.”

14      L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv Reġjonali jipprevedi li Saudaçor hija rregolata minn dan l-att, mir-regolamenti annessi, mis-sistema ġuridika tas-settur tal-impriżi pubbliċi kif previst bid-Digriet-Liġi Nru 558/99 (Decreto-Lei n.° 558/99), tas-17 ta’ Diċembru 1999 (Diário da República I, série A, n° 292, tas-17 ta’ Diċembru 1999, p. 9012), u mid-dritt privat. Skont l-Artikolu 4(2) tal-istess digriet leġiżlattiv reġjonali, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, Saudaçor għandha tosserva r-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tas-servizz reġjonali tas-saħħa tar-RAA.

15      L-Artikolu 10 tad-Digriet Leġiżlattiv reġjonali Nru 41/2003/A jipprevedi li, għat-twettiq ta’ dawn il-kompetenzi, Saudaçor għandha l-istess prerogattivi ta’ setgħa pubblika bħar-RAA u sussegwentement jelenka, bħala eżempju, uħud minn dawn il-prerogattivi fosthom dik tal-esproprjazzjoni.

16      Skont l-Artikolu 7 tad-Digriet-Liġi Nru 558/99, kif emendat, l-impriżi pubbliċi huma taxxabbli u ntaxxati direttament u indirettament, skont is-sistema komuni. Dispożizzjoni identika tinsab fl-Artikolu 9(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Reġjonali Nru 7/2008/A, li għandha regola għal impriżi fis-settur pubbliku tar-reġjun awtonomu ta’ Açores (Decreto Legislativo Regional n.º 7/2008/A, Regime do sector público empresarial da Região Autónoma dos Açores), tal-5 ta’ Marzu 2008 (Diário da República I, série A, n° 58, tal-24 ta’ Marzu 2008, p. 1649), fir-rigward ta’ impriżi pubbliċi reġjonali.

17      Saudaçor teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-kuntest ta’ kuntratti-qafas konklużi mal-gvern tar-RAA, skont l-Artikolu 20(1) tar-regolamenti tagħha, li fihom huma ddefiniti, b’mod partikolari, is-servizzi li għandhom ikunu pprovduti minn Saudaçor fil-qasam tal-ippjanar u tal-amministrazzjoni tas-servizz reġjonali tas-saħħa, kif ukoll il-kumpens, imsejjaħ “kontribuzzjoni finanzjarja”, li għandha titħallas mill-imsemmi reġjun bħala korrispettiv ta’ dawn is-servizzi u sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ funzjonament ta’ Saudaçor.

18      B’hekk, l-ewwel kuntratt-qafas kien konkluż fit-23 ta’ Lulju 2004, li jkopri l-perijodu 2004-2008, li kien jipprovdi kumpens globali ta’ EUR 15 905 000, jew somma ta’ EUR 3 990 000 għas-sena 2007 u somma ta’ EUR 4 050 000 għas-sena 2008. Il-klawżola 5 ta’ dan il-kuntratt jipprovdi li dan l-ammont globali jista’ jiġi rivedut b’ordni konġunta tal-membri tal-gvern responsabbli mill-finanzi u mis-saħħa, minħabba tibdil dovut għaċ-ċirkustanzi, dan l-ammont ikun manifestament insuffiċjenti għat-twettiq tal-imsemmi kuntratt. It-tieni kuntratt-qafas kien konkluż fl-1 ta’ Jannar 2009, li jkopri l-perijodu 2009-2012, li kien jipprovdi kumpens annwali ta’ EUR 8 500 000, kif ukoll klawżola ta’ reviżjoni simili għal dik stipulata fil-kuntratt preċedenti. Permezz ta’ ordni konġunta tal-membri tal-gvern tar-RAA, responsabbli mill-finanzi u mis-saħħa, dan l-ammont tnaqqas għal EUR 6 599 147 għas-sena 2009.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Fit-2 ta’ Marzu 2011, it-teżor pubbliku Portugiż irrediġa abbozz ta’ rapport ta’ stħarriġ li jipproponi rettifiki dwar il-VAT dovuta minn Saudaçor fir-rigward tas-snin 2007 sal-2010 għal ammont totali ta’ EUR 4 750 586.24.

20      Fis-6 ta’ April 2011, dan ir-rapport ta’ stħarriġ ġie adottat, wara li nstemgħet Saudaçor.

21      F’dan ir-rapport, it-Teżor Pubbliku b’mod partikolari kkunsidra li, meta tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema ġuridika tagħha, Saudaçor ma setgħetx tinvoka r-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT tal-korpi rregolati bid-dritt pubbliku kif prevista fl-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-VAT, dispożizzjoni intiża għat-traspożizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112.

22      Skont din l-amministrazzjoni, is-servizzi pprovduti minn Saudaçor fil-qasam tal-ippjanar u tal-amministrazzjoni tas-servizz reġjonali tas-saħħa fil-kuntest tal-kuntratti-qafas jirrigwardaw oqsma ta’ attività li jaqgħu taħt inizjattiva privata, u dan jimplika wkoll li n-nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT jista’ jagħti lok għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dan ikun japplika pereżempju fil-każ tal-amministrazzjoni u taż-żamma tas-sistema informatika tas-saħħa ta’ reġjun. Din fir-realtà hija attività ta’ natura ekonomika, hekk li l-kontribuzzjonijiet stabbiliti mill-kuntratti-qafas u mħallsa bħala korrispettiv ta’ dawn is-servizzi mill-awtoritajiet reġjonali jkunu suġġetti għall-VAT. Saudaçor barra minn hekk ammettiet l-issuġġettar tagħha għal VAT ladarba hija talbet somma totali ta’ EUR 2 300 273.17 fir-rigward ta’ tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri tagħha ta’ oġġetti u ta’ servizzi.

23      Saudaçor ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Ponta Delgada (qorti amministrattiv u fiskali ta’ Ponte Delgada, il-Portugall) kontra l-atti ta’ likwidazzjoni tal-VAT u tal-interessi kumpensatorji, fir-rigward tas-snin 2007 sa 2010 li għalihom intalbet tħallas l-ammont totali ta’ EUR 5 157 249.72.

24      Permezz tas-sentenza tagħha, l-imsemmija qorti ċaħdet dan ir-rikors, b’mod partikolari, għar-raġuni li għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT tal-korpi rregolati bid-dritt pubbliku prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, ma hemmx lok li jsir riferiment għall-kunċett ta’ “korp irregolat bid-dritt pubbliku” iddefinit, fil-kuntest tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 peress li l-aċċettazzjoni ta’ dan il-kunċett huwa wiesa’ filwaqt li l-kunċett ta’ “korp irregolat bid-dritt pubbliku” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat b’mod strett bħala parti mill-applikazzjoni tar-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT peress li din tal-aħħar tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali ta’ tassazzjoni ta’ kull attività ekonomika.

25      Skont din l-istess qorti, din ir-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT ma tkoprix entità bħal Saudaçor li, għalkemm kienet stabbilita mir-RAA, hija kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, distinta mir-reġjun, suġġetta għar-regoli tad-dritt privat u li ssegwi l-funzjonijiet u l-għanijiet tagħha b’mod indipendenti.

26      It-Tribunal Administrativo e Fiscal de Ponta Delgada (Qorti amministrattiv u fiskali ta’ Ponta Delgada) qies ukoll li s-servizzi pprovduti minn Saudaçor fil-kuntest tal-kuntratti-qafas jikkostitwixxu attività ta’ natura ekonomika peress li huma pprovduti bi ħlas. Il-kontribuzzjonijiet imħallsa mir-RAA jirrappreżentaw fil-fatt il-korrispettiv ta’ servizzi pprovduti minn Saudaçor ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu trasferimenti bejn entitajiet pubbliċi.

27      Adita minn appell minn din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-kwistjoni ċentrali fil-kawża prinċipali hija dik dwar jekk entità bħal Saudaçor tistax tinvoka r-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT ta’ korpi rregolati bid-dritt pubbliku prevista mill-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-VAT, li l-kontenut tagħha jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, u li tiddetermina jekk l-ammonti relattivi għall-atti kkontestati tal-likwidazzjoni tal-VAT humiex trasferimenti baġitarji bejn entitajiet pubbliċi.

28      Hija tikkunsidra li, għalkemm huwa stabbilit b’mod ċar fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dawk esklużi mill-issuġġettar tal-VAT huma biss l-attivitajiet ta’ korpi rregolati bid-dritt pubbliku li jaġixxu fil-kwalità ta’ awtoritajiet pubbliċi, din il-ġurisprudenza ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk entità bħal Saudaçor, fid-dawl tal-istatut ġuridiku tagħha bħala kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata li rriżultat mit-trasformazzjoni ta’ entità tal-Istat, taqax fl-imsemmi kunċett ta’ korp irregolat bid-dritt pubbliku. B’mod partikolari tqum il-mistoqsija jekk il-portata tal-imsemmi kunċett taqbilx ma’ dik tal-kunċett ta’ “korpi irregolat bil-liġi pubblika” kif previst fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, fil-kuntest ta’ definizzjonijiet ta’ kategoriji differenti ta’ “awtoritajiet ʽkuntrattwaliʼ”.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (qorti amministrattiva superjuri) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-kunċett ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat [...] b’riferiment għall-kunċett leġiżlattiv ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku stabbilit [kif iddefinit] fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18?

2)      Entità kkostitwita taħt il-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, b’kapital esklużivament pubbliku, 100 % proprjetà tar-[RAA], u li l-għan tal-kumpannija jikkonsisti fl-attività ta’ konsulenza u ta’ amministrazzjoni tal-qafas tas-sistema reġjonali tas-saħħa bil-ħsieb tal-promozzjoni u tar-razzjonalizzazzjoni tagħha, implementata bis-saħħa tal-kuntratti-qafas konklużi mal-[imsemmi reġjun], u li għandha, permezz ta’ delega, is-setgħat ta’ awtorità [...] u li għandhu, oriġinarjament, l-obbligu li jipprovdi s-servizz pubbliku tas-saħħa [...] jaqa’ taħt il-kunċett ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi fil-kwalità tiegħu bħala awtorità pubblika, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112?

3)      Fid-dawl ta’ dak li ntqal fl-imsemmija direttiva, il-korrispettiv irċevut minn din il-kumpannija, li jikkorrispondi fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-mezzi finanzjarji neċessarji għall-implementazzjoni ta’ dawn il-kuntratti-qafas, jista’ jiġi kkunsidrat bħala ħlas għal servizzi pprovduti għall-finijiet ta’ ssuġġettar għall-VAT?

4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-kumpannija tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji sabiex tibbenefika mir-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tielet domanda

30      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi attività ekonomika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija li tipprovdi lil reġjun servizzi ta’ fil-qasam tal-ippjanar u tal-amministrazzjoni tas-servizzi reġjonali tas-saħħa konformement mal-kuntratti-qafas konklużi bejn din il-kumpannija u dan ir-reġjun.

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-istruttura u mill-għan tal-imsemmija direttiva, kif ukoll mill-post tal-Artikolu 13 tal-istess direttiva fis-sistema komuni tal-VAT stabbilita mis-Sitt Direttiva jirriżulta li kull attività ekonomika hija, bħala prinċipju, taxxabbli. Huma suġġetti għall-VAT, bħala regola ġenerali u konformement mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112, il-provvista ta’ servizzi bi ħlas, inklużi dawk ipprovduti mill-korpi rregolati bid-dritt pubbliku. L-Artikoli 9 u 13 ta’ din id-direttiva jassenja b’hekk kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi C-79/09, EU:C:2010:171, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-possibbiltà li provvista ta’ servizzi tiġi kklassifikata bħala tranżazzjoni bi ħlas tippreżumi biss l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn din il-provvista u korrispettiv li fir-realtà tirċievi l-persuna taxxabbli. Tali rabta diretta hija stabbilita meta jekk ikun hemm relazzjoni legali bejn il-prestatarju u l-benefiċjarju li matulha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-prestatarju tkun il-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Serebryannay vek, C-283/12, EU:C:2013:599, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fid-dawl tan-natura tal-analiżi li għandha ssir u kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, hija l-qorti nazzjonali li għandha tikklassifika l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-kriterji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Fazenda Pública, C-446/98, EU:C:2000:691, punt 23, u d-digriet Gmina Wrocław, C-72/13, EU:C:2014:197, punt 18).

34      F’dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk mill-elementi tal-proċess u, b’mod partikolari, mill-kuntratti-qafas konklużi bejn Saudaçor u r-RAA jirriżultax li l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija twettqux bi ħlas u, għaldaqstant, għandhomx natura ekonomika. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil din il-qorti, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jippermettulha li tiddeċiedi.

35      F’dan ir-rigward, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, skont il-kliem stess tal-imsemmija kuntratti, ir-RAA huwa marbut li jħallas lil Saudaçor, “bħala korrispettiv” ta’ servizzi fil-qasam tal-ippjanar u tal-amministrazzjoni tas-servizzi reġjonali tas-saħħa reġjonali li għandhom jiġu pprovduti minnha, kumpens, imsejjaħ “kontribuzzjoni finanzjarja”, li l-ammont tiegħu huwa speċifikat f’dawn il-kuntratti.

36      Fir-rigward tan-natura permanenti u kontinwa tal-provvisti ta’ ppjanar u amministrazzjoni pprovduti minn Saudaçor, il-fatt li dan il-kumpens huwa stabbilit mhux skont il-provvisti individwalizzati iżda fil-forma ta’ somma f’daqqa u fuq bażi annwali sabiex ikopri l-ispejjeż operattivi ta’ din il-kumpannija ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jaffettwa r-rabta diretta eżistenti bejn il-provvista tas-servizzi effettwati u l-korrispettiv irċevut, fejn l-ammont huwa stabbilit minn qabel u skont kriterji stabbiliti fis-sod (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Le Rayon d’Or, C-151/13, EU:C:2014:185, punti 36 u 37).

37      L-eżistenza ta’ din ir-rabta diretta ma jidhirx li tista’ tiġi kkontestata minħabba l-fatt li l-kuntratti-qafas konklużi bejn Saudaçor u r-RAA fihom ċerti klawżoli li jipprovdu li l-ammont tal-kumpens dovut lil Saudaçor jista’ jiġi aġġustat meta, minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi, dan l-ammont huwa manifestament insuffiċjenti għall-implementazzjoni ta’ dawn il-kuntratti.

38      Fil-fatt, sa fejn dawn il-klawżoli huma intiżi li jiġi ddeterminat bil-quddiem il-livell ta’ dan il-kumpens skont kriterji stabbiliti ferm li jiggarantixxu li dan il-livell ikun suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż operattivi ta’ Saudaçor, jista’ jitqies li huma intenzjonati sabiex jadattaw l-ammont tal-korrispettiv b’rata fissa għall-provvisti pprovduti b’mod kontinwu u permanenti minn din il-kumpannija. Barra minn hekk, għalkemm, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, għall-2009, il-kumpens annwali previst inizjalment tnaqqas mir-RAA, il-Gvern Portugiż spjega, fis-seduta, mingħajr ma ġie kontradett minn Saudaçor, li dan it-tnaqqis kien intiż biss sabiex jikkoreġi żball manifest ta’ kalkolu.

39      Ir-rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi mwettqa u l-korrispettiv riċevut ma tidhirx li tista’ tiġi kkontestata minħabba l-fatt li, kif issostni Saudaçor, l-attività ta’ din tal-aħħar għandha l-għan li teżegwixxi obbligu kostituzzjonali impost esklużivament u direttament fuq l-Istat skont il-Kostituzzjoni Portugiża, jiġifieri l-obbligu li jiġi implementat servizz nazzjonali tas-saħħa għal kulħadd u potenzjalment bla ħlas li għandu jiġi essenzjalment iffinanzjat minn riżorsi pubbliċi.

40      Fil-fatt, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, titqies persuna taxxabbli kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq attività ekonomika, ikunu x’ikunu l-għanijiet u r-riżultati ta’ din l-attività.

41      Barra minn hekk, għalkemm l-iskop tal-implementazzjoni ta’ servizz nazzjonali tas-saħħa universali u potenzjalment bla flus li għandu jkun iffinanzjat primarjament minn riżorsi pubbliċi ttieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sistema komuni tal-VAT, sa fejn, skont l-Artikolu 132(1) tal-imsemmija direttiva, ċerti provvisti ta’ kura żgurati, b’mod partikolari, minn korpi pubbliċi, għandhom ikunu eżenti mill-VAT, huwa paċifiku li l-attività ta’ ppjanar u ta’ ġestjoni tas-servizz tas-saħħa reġjonali inkwistjoni ma taqax taħt waħda minn dawn l-eżenzjonijiet.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li tipprovdi lil reġjun servizzi ta’ ppjanar u amministrazzjoni tas-servizz tas-saħħa konformement mal-kuntratti-qafas konklużi bejn il-kumpannija u l-imsemmi reġjun.

 Fuq l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domandi

43      Permezz tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt ir-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT, prevista f’din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li tipprovdi lil reġjun servizzi ta’ ppjanar u ta’ amministrazzjoni tas-servizz reġjonali tas-saħħa konformement mal-kuntratti-qafas konklużi bejn il-kumpannija u l-imsemmi reġjun, fil-każ fejn din l-attività tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva.

44      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, kif issostni Saudaçor, il-kunċett ta’ “korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, għandux jiġi interpretat b’riferiment għad-definizzjoni tal-kunċett leġiżlattiv ta’ “korpi rregolati bil-liġi pubblika” stipulata fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.

45      Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/12 ma tistax tiġi aċċettata.

46      Fil-fatt, l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, meta jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ “korpi rregolati bil-liġi pubblika” u konsegwentement, dak ta’ “awtoritajiet ʽkuntrattwaliʼ”, għandu l-għan li jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva mod wiesa’ biżżejjed sabiex jiżgura li r-regoli fil-qasam, b’mod partikolari, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni jkunu imposti fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi japplikaw għal numru ta’ entitajiet tal-Istat li ma humiex parti mill-amministrazzjoni pubblika iżda li madankollu huma kkontrollati mill-Istat, b’mod partikolari permezz tal-finanzjament jew l-amministrazzjoni tagħhom.

47      Issa, il-kuntest li fih jinsab il-kunċett ta’ “korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku” li jinsab fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 huwa fundamentalment differenti.

48      Fil-fatt, dan il-kunċett ma huwiex intiż biss li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT iżda jagħmel deroga għar-regola ġenerali li fuqha hija bbażata s-sistema komuni ta’ din it-taxxa, jiġifieri dik li skontha l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija taxxa hija ddefinita b’mod wiesa’ ħafna sabiex tkopri s-servizzi kollha pprovduti bi ħlas, inklużi dawk ipprovduti mill-korpi rregolati bid-dritt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-79/09, EU:C:2010:171, punti 76 u 77).

49      Bħala deroga mir-regola ġenerali tal-issuġġettar għall-VAT ta’ kwalunkwe attività ta’ natura ekonomika, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Isle of Wight Council et, C-288/07, EU:C:2008:505, punt 60, kif ukoll id-digriet Gmina Wrocław, C-72/13, EU:C:2014:197, punt 19).

50      Minn dan isegwi li hemm lok, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet fit-test stess tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura u l-għan ta’ din id-direttiva, kif ukoll il-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sistema komuni tal-VAT stabbilita minn din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Isle of Wight Council et, C-288/07, EU:C:2008:505, punt 25).

51      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, analiżi tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva turi li żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti flimkien sabiex tista’ tiġi applikata r-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ attivitajiet minn korp pubbliku u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet magħmula fil-kwalità ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet Mihal, C-456/07, EU:C:2008:293, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-79/09, EU:C:2010:171, punt 79).

52      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex billi jitqies il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fish Legal u Shirley, C-279/12, EU:C:2013:853, punt 42) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fish Legal u Shirley, C-279/12, EU:C:2013:853, punt 42).

53      Issa hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 ma għandu l-ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri.

54      Minn dan isegwi li l-kunċetti li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, fosthom dak ta’ “korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku”, għandhom jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi.

55      Barra minn hekk, peress li, kif tfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu, bħala deroga, jiġi interpretat b’mod strett, għandu jitqies li l-enumerazzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni hija eżawrjenti, il-kunċett ta’ “korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku” jikkostitwixxi kategorija residwali ta’ korpi li jaqgħu fl-awtorità pubblika għajr dawk imsemmija speċifikament f’din id-dispożizzjoni.

56      Fir-rigward speċifikament tal-ewwel miż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri dak dwar il-klassifika ta’ korp pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li persuna li twettaq atti li jaqgħu taħt il-prerogattivi tal-awtorità pubblika b’mod indipendenti, li ma tagħmilx parti mill-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, ma tistax tiġi kklassifikata bħala korp irregolat bid-dritt pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet Mihal, C-456/07, EU:C:2008:293, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-fatt biss li l-klassifika ta’ “korp irregolat bid-dritt pubbliku” ma tistax tirriżulta mill-fatt biss li l-attività inkwistjoni tikkonsisti fit-twettiq ta’ atti li jaqgħu fil-prerogattivi tas-setgħa pubblika (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet Mihal, C-456/07, EU:C:2008:293, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Jibqa’ l-fatt li, għalkemm il-fatt li l-korp ikkunsidrat għandu, skont id-dritt applikabbli, prerogattivi ta’ setgħa pubblika ma huwiex determinanti għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, huwa jikkostitwixxi madankollu, sa fejn huwa karatteristika essenzjali speċifika għal kull awtorità pubblika, indikazzjoni ta’ ċertu importanza sabiex jiġi stabbilit li dan il-korp għandu jiġi kklassifikat bħala korp pubbliku.

59      Issa, l-Artikolu 10 tad-Digriet Leġiżlattiv reġjonali Nru 41/2003/A jipprevedi li, għat-twettiq ta’ dawn il-kompetenzi, Saudaçor għandha l-istess prerogattivi ta’ setgħa pubblika bħar-RAA u sussegwentement jelenka, bħala eżempju, uħud minn dawn il-prerogattivi fosthom dik tal-esproprjazzjoni.

60      Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 56 iktar ʼil fuq u meta jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali applikabbli, ma jidhirx, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li jista’ jiġi eskluż li Saudaçor għandha titqies li tagħmel parti mill-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tar-RAA.

61      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-proċess prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Saudaçor, sa fejn ġiet stabbilita mill-Istat fil-forma ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata bħala riżultat ta’ operazzjoni ta’ trasformazzjoni permezz ta’ deċentralizzazzjoni funzjonali ta’ korp tal-Istat eżistenti, huwa simili f’ċerti aspetti għal persuna ġuridika rregolata taħt id-dritt privat u għandu ċerta’ awtonomija fir-rigward tal-Istat fl-operat tiegħu u fl-amministrazzjoni tiegħu ta’ kuljum.

62      Madankollu, u dejjem suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ċerti karatteristiċi ta’ Saudaçor jidhru li jargumentaw favur klassifika tagħha bħala korp irregolat taħt id-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112.

63      Fil-fatt, l-awtonomija reali ta’ Saudaçor tidher limitata minħabba l-fatt li l-kapital tagħha, li ma huwiex miftuħ għall-parteċipazzjoni mill-individwi, huwa miżmum 100 % mir-RAA li, bl-eċċezzjoni ta’ servizzi pprovduti lit-terzi bħala parti mill-attivitajiet imsejħa “aċċessorji” li huwa paċifiku li huma ta’ importanza marġinali, hija barra minn hekk l-unika klijent tagħha. Dawn l-elementi huma tali li jindikaw li r-RAA hija kapaċi li teżerċita influwenza determinanti fuq l-attivitajiet ta’ Saudaçor.

64      Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li, konformement mal-klawżola 3(a) tal-kuntratti-qafas li saru bejn Saudaçor u RAA u mal-klawżola 3(1)(a) tat-tieni wieħed minn dawn il-kuntratti, din il-kumpannija qdiet il-missjoni tagħha konformement mal-linji gwida stabbiliti mir-RAA, u li, skont il-klawżola 3(h) tal-ewwel wieħed mill-imsemmija kuntratti u l-klawżola 3(1)(g) tat-tieni, il-kumpannija hija sottomessa għall-kontroll tar-RAA.

65      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) ta’ Digriet Leġiżlattiv reġjonali Nru 41/2003 jipprovdi li Saudaçor hija rregolata minn dan l-att, mir-regolamenti annessi, mis-sistema ġuridika tas-settur tal-impriżi pubbliċi kif previst mid-Digriet Liġi Nru 558/99 u mid-dritt privat. Jidher għalhekk li, fil-kuntest b’hekk definit, il-post tad-dritt privat huwa sekondarju mqabbel ma’ dak li hemm fir-regoli li jiddefinixxu s-sistema ġuridika ta’ Saudaçor bħala impriża pubblika.

66      Barra minn hekk, għalkemm il-modalitajiet tal-provvista tas-servizzi fil-qasam tal-ippjanar u tal-amministrazzjoni tas-servizz reġjonali tas-saħħa għandhom ikunu suġġetti għal kuntratt-qafas, b’mod partikolari fir-rigward tal-kumpens pagabbli għal dawn is-servizzi, li jista’ jissuġġerixxi li Saudaçor topera fis-suq ikkunsidrat f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati oħra, jibqa’ l-fatt li, fir-RAA, l-imsemmija servizzi huma esklużivament imwettqa minn Saudaçor konformement mal-missjoni tagħha skont l-Artikolu 2(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 41/2003/A u ma humiex allokati lil operaturi privati permezz ta’, pereżempju, proċedura ta’ sejħa għal offerti.

67      Barra minn hekk, rabta organika tidher li teżisti bejn Saudaçor u r-RAA, mill-fatt biss li din il-kumpannija kienet stabbilita minn att leġiżlattiv adottat mil-leġiżlatur ta’ dan ir-reġjun sabiex jipprovdu lil dan tal-aħħar “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-qasam tas-saħħa”, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Digriet Leġiżlattiv reġjonali Nru 41/2003/A.

68      B’riżerva tal-verifika ta’ dawn l-elementi mill-qorti tar-rinviju, ma jistax għaldaqstant jiġi eskluż li, fid-dawl ta’ evalwazzjoni ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali applikabbli għal Saudaçor, din il-qorti tasal għall-konklużjoni li din tal-aħħar tista’ tiġi kklassifikata bħala korp irregolat bid-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112.

69      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, sabiex tista’ tiġi applikata r-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT prevista mill-imsemmija dispożizzjoni, it-tieni kundizzjoni stabbilita għal din id-dispożizzjoni tkun issodisfatta, jiġifieri li jkunu eżenti mill-VAT biss l-attivitajiet imwettqa minn korp irregolat bid-dritt pubbliku li jaġixxi fil-kwalità ta’ awtorità pubblika.

70      Skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu tali attivitajiet l-attivitajiet imwettqa minn dawn il-korpi fil-kuntest tas-sistema legali partikolari għalihom, ħlief għal dawk l-attivitajiet li huma jeżerċitaw fl-istess kundizzjonijiet legali bħall-operaturi ekonomiċi privati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li s-suġġett jew l-għan tal-attività huwa irrilevanti f’dan ir-rigward u li l-fatt li l-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni jinvolvi l-użu ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika jippermetti li jistabbilixxi li din l-attività hija suġġetta għal sistema ta’ dritt pubbliku (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Fazenda Pública, C-446/98, EU:C:2000:691, punti 17, 19 u 22).

71      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-eżenzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu l3(1) tad-Direttiva 2006/112 tirreferi prinċipalment għall-attivitajiet imwettqa mill-korpi rregolati bid-dritt pubbliku inkwantu awtoritajiet pubbliċi li, filwaqt li huma ta’ natura ekonomika, huma marbutin fil-qrib mal-użu ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika (sentenza Isle of Wight Council et, C-288/07, EU:C:2008:505, punt 31).

72      Issa, it-tieni kundizzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva ma tintlaħaqx jekk, kif isostni l-Gvern Portugiż u suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-prerogattivi ta’ setgħa pubblika li għandha Saudaçor skont l-Artikolu 10 tad-Digriet Leġiżlattiv reġjonali Nru 41/2003/A ma jikkostitwixxux strument li jista’ jintuża minnha sabiex jitwettqu l-attivitajiet ta’ ppjanar u ta’ amministrazzjoni tas-servizz reġjonali tas-saħħa reġjonali li l-issuġġettar tagħhom għall-VAT hija kkontestata, peress li huma jservu sabiex jitwettqu attivitajiet oħra.

73      Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li għandu jiġi konkluż li Saudaçor hija korp irregolat bid-dritt pubbliku, u li jitqies li teżerċita l-attività ekonomika inkwistjoni bħala awtorità pubblika, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 li korp bħal Saudaçor madankollu ma jkunx eżenti mill-VAT li kieku kien ikkonstatat li n-nuqqas ta’ ssuġġettar tagħha jwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ta’ ċerta importanza.

74      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-distorsjonijiet ta’ ċerta importanza li għalihom iwassal in-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-attività inkwistjoni, inkwantu tali, mingħajr ma din l-evalwazzjoni tirrigwarda suq partikolari, kif ukoll fir-rigward mhux biss tal-kompetizzjoni attwali, iżda ukoll tal-kompetizzjoni potenzjali, sa fejn il-possibbiltà għal operatur privat li jidħol fis-suq rilevanti tkun reali, u mhux purament ipotetika (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C-79/09, EU:C:2010:171, punt 91).

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel, it-tieni u r-raba’ domandi, li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt ir-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT, prevista f’din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li tipprovdi lil reġjun servizzi ta’ ppjanar u ta’ amministrazzjoni tas-servizz reġjonali tas-saħħa konformement mal-kuntratti-qafas konklużi bejn il-kumpannija u l-imsemmi reġjun, fil-każ fejn din l-attività tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jekk, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan, jista’ jiġi kkunsidrat li l-imsemmija kumpannija għandha tiġi kklassifikata bħala korp irregolat bid-dritt pubbliku u li hija twettaq l-imsemmija attività bħala awtorità pubblika, sakemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-eżenzjoni tal-attività msemmija ma hijiex tali li twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ta’ ċerta importanza.

F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, ma għandux jiġi interpretat b’riferiment għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “korpi rregolati bil-liġi pubblika” stabbilit fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.

 Fuq l-ispejjeż

76      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li tipprovdi lil reġjun servizzi ta’ ppjanar u amministrazzjoni tas-servizz tas-saħħa konformement mal-kuntratti-qafas konklużi bejn il-kumpannija u l-imsemmi reġjun.

2)      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt ir-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista f’din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li tipprovdi lil reġjun servizzi ta’ ppjanar u ta’ amministrazzjoni tas-servizz reġjonali tas-saħħa konformement mal-kuntratti-qafas konklużi bejn il-kumpannija u l-imsemmi reġjun, fil-każ fejn din l-attività tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jekk, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan, jista’ jiġi kkunsidrat li l-imsemmija kumpannija għandha tiġi kklassifikata bħala korp irregolat bid-dritt pubbliku u li hija twettaq l-imsemmija attività bħala awtorità pubblika, sakemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-eżenzjoni tal-attività msemmija ma hijiex tali li twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ta’ ċerta importanza.

F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, ma għandux jiġi interpretat b’riferiment għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “korpi rregolati bil-liġi pubblika” stabbilit fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi].

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.