Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

7.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 212/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall) fid-9 ta’ April 2014 – Saudaçor – Sociedade Gestora de Recursos e Equipamentos de Saúde dos Açores SA vs Fazenda Pública

(Kawża C-174/14)

2014/C 212/16

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Supremo Tribunal Administrativo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Saudaçor – Sociedade Gestora de Recursos e Equipamentos de Saúde dos Açores SA

Konvenuta: Fazenda Pública

Domandi preliminari

1)

Il-kunċett ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1), tat-28 ta’ Novembru 2006, għandu jiġi interpretat mill-qorti nazzjonali b’riferiment għall-kunċett leġiżlattiv ta’ organu rregolat mid-dritt pubblik stabbilit fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004?

2)

Entità kkostitwita taħt il-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, b’kapital esklużivament pubbliku, 100 % proprjetà tar-Reġjun Awtonomu tal-Açores, u li l-għan tal-kumpannija jikkonsisti fl-attività ta’ konsulenza u ta’ amministrazzjoni tal-qafas tas-sistema reġjonali tas-saħħa bil-ħsieb tal-promozzjoni u tar-razzjonalizzazzjoni tagħha, implementata bis-saħħa tal-kuntratti-qafas konklużi mar-Reġjun Awtonomu tal-Açores, u li għandha, permezz ta’ delega, is-setgħat ta’ awtorità li f’din iż-żona jaqgħu taħt ir-Reġjun Awtonomu – u li għandhu, oriġinarjament, l-obbligu li jipprovdi s-servizz pubbliku tas-saħħa – jaqa’ taħt il-kunċett ta’ organu rregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi fil-kwalità tiegħu bħala awtorità pubblika, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006?

3)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal fl-imsemmija direttiva, il-korrispettiv irċevut minn din il-kumpannija, li jikkorrispondi fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-mezzi finanzjarji neċessarji għall-implementazzjoni ta’ dawn il-kuntratti-qafas, jista’ jiġi kkunsidrat bħala ħlas għal servizzi pprovduti għall-finijiet ta’ ssuġġettar għall-VAT?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-kumpannija tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji sabiex tibbenefika mir-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

(2)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).