Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ rimbors bl-interessi tat-taxxi miġbura indebitament – Eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrigwardaw tali drittijiet għal rimbors ibbażati fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni – Rimbors permezz ta’ pagament akkont fuq ħames snin –Rimbors suġġett għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ fondi miġbura minn taxxa – Assenza ta’ possibbiltà ta’ eżekuzzjoni forzata”

Fil-Kawża C-200/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Sibiu (qorti reġjonali ta’ Sibiu, ir-Rumanija, permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2014, fil-proċedura

Silvia Georgiana Câmpean

vs

Administrația Finanțelor Publice a Municipiului Mediaș, li saret Serviciul Fiscal Municipal Mediaş,

Administrația Fondului pentru Mediu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S. G. Câmpean, minn D. Târşia, avukat,

–        għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu, bħala aġent, assistit minn V. Angelescu u minn D. M. Bulancea, konsulenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal, G.-D. Balan u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 TUE, tal-prinċipji li għalihom ir-rimbors tat-taxxi nazzjonali miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jissodisfa, kif ukoll tal-Artikoli 17, 20, tal-Artikolu 21(1) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Silvia Georgiana Câmpean u l-Administraţia Finanţelor Publice a Municipiului Mediaş (amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-muniċipalità ta’ Mediaş, ir-Rumanija) u l-Administrația Fondului pentru Mediu (amministrazzjoni tal-Fondi għall-ambjent, ir-Rumanija) rigward ir-rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni li S.G. Câmpean kellha tħallas matul ir-reġistrazzjoni fir-Rumanija ta’ karozza li kienet ġejja minn Stat Membru ieħor kif ukoll il-ħlas tal-interessi relatati magħha.

 Il-kuntest ġuridiku Rumen

3        La Legea nr. 9 privind taxa pentru emisiile poluante provenite de la autovehicule (liġi nru 9, dwar it-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu tal-karozzi), tas-6 ta’ Jannar 2012(Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 17 tal-10 ta’ Jannar 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 9/2012”), stabbilixxiet taxxa fuq it-tniġġis għall-vetturi tal-kategoriji M1 sa M3 u N1 sa N3. Skont l-Artikolu 4(1) ta din il-liġi, l-obbligu li titħallas din it-taxxa jirriżulta b’mod partikolari mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ karozza fir-Rumanija.

4        L-Artikolu XV tal-Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr. 8 pentru modificarea și completarea unor acte normative și alte măsuri fiscal-bugetare (digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 8, li jemenda u jissupplimenta ċerti atti leġiżlattivi u miżuri fiskali u baġitarji oħra), tas-26 ta’ Frar 2014 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 151 tat-28 ta’ Frar 2014, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 8/2014”), jipprovdi:

“1.      Is-somom stabbiliti b’deċiżjoni ġudizzjarja relatata mal-ħlas lura tat-taxxa fuq it-tniġġis minn vetturi bil-mutur u tat-taxxa fuq emissjonijiet li jniġġsu minn vetturi bil-mutur, interessi sad-data tal-ħlas kollu u spejjeż legali, u s-somom l-oħra kollha kif jistgħu jiġu stabbiliti mill-qorti, li jsiru eżegwibbli sal-31 ta’ Diċembru 2015, għandhom jitħallsu tul perijodu ta’ ħames snin kalendarji permezz ta’ ħlas annwali ta’ 20 % tal-ammont pagabbli.

2.      Applikazzjonijiet għal ħlas lura minn persuni taxxabbli kif ipprovdut fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ttrattati, skont id-dispożizzjonijiet tal-[Ordonanţa Guvernului nr. 92 privind Codul de procedură fiscală (digriet tal-Gvern Nru 92 dwar kodiċi ta’ proċedura fiskali), tal-24 ta’ Diċembru 2003 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 941 tad-29 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem l-“OG Nru 92/2003”], kif sussegwentement emendat u ssupplimentat, fi żmien 45 jum minn meta jkunu ntbagħtu, u l-pagamenti akkont annwali għandhom isiru skont it-tabella stabbilita mill-Uffiċċju tal-Fondi għall-ambjent.

3.      Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 jibda jiddekorri mid-data li fiha t-terminu previst fil-paragrafu 2 ikun skada.

4.      Matul il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni kollha għandhom jiġu sospiżi skont il-liġi.

5.      Is-somom imsemmija fil-paragrafu 1, imħallsa lura skont dan id-digriet ta’ urġenza, għandhom jiġu aġġustati abbażi tal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum ippubblikat mill-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika.

6.      Il-proċedura li għandha tiġi segwita għal ħlas bħala titoli eżekuttivi għandha tiġi stabbilita mill-ministru għall-Ambjent u għall-Bidla fil-Klima u mill-ministru tal-Finanzi Pubbliċi flimkien, fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 1.

7.      Il-bilanċ tas-somom b’rabta mat-titoli eżekuttivi maħruġa sad-data li fiha dan id-digriet ta’ urġenza jkun daħal fis-seħħ u li għalih ma jkunux inbdew proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzati għandu jitħallas skont il-paragrafi 1 sa 6.”

5        Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-OUG Nru 8/2014, l-adozzjoni tiegħu kienet iġġustifikata, b’mod partikolari, mid-“diffikultajiet li rriżultaw f’dak il-jum dwar l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom bħala suġġett il-ħlas tal-ammont tat-taxxa fuq it-tniġġis tal-karozzi u tat-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu tal-karozzi, fid-dawl tal-effett negattiv tal-eżekuzzjoni forzata ta’ titoli eżekuttivi, fil-kundizzjonijiet tad-dritt komuni, kemm fuq il-baġit tal-amministrazzjoni tal-Fondi għall-ambjent kif ukoll fuq il-baġit ġenerali kkonsolidat, [u] fir-rigward tan-neċessità li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi, ta’ tul ta’ applikazzjoni limitat, fil-qasam ta’ eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jordnaw il-pagament tal-ammont tat-taxxa fuq it-tniġġis tal-karozzi u tat-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu tal-karozzi. Fil-fatt, l-assenza ta’ tali dispożizzjonijiet għandha bħala konsegwenza l-impossibbiltà li jinżamm l-ekwilibriju baġitarju, u impliċitament, in-nuqqas ta’ osservanza tal-impenji interni meħuda mill-amministrazzjoni tal-Fondi għall-ambjent u tal-obbligi tar-Rumanija fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent fil-kwalità tagħha bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea”.

6        L-Ordinul nr. 365/741 al ministrului mediului şi schimbărilor climatice şi al ministrului finanţelor publice privind aprobarea Procedurii de efectuare a plăţilor sumelor prevăzute prin hotărâri judecătoreşti având ca obiect restituirea taxei pe poluare pentru autovehicule şi a taxei pentru emisiile poluante provenite de la autovehicule şi a modelului şi conţinutului unor formulare şi pentru modificarea anexei nr. 4 la Ordinul ministrului mediului şi schimbărilor climatice şi al viceprim-ministrului, ministrul finanţelor publice, nr. 490/407/2013 pentru aprobarea Procedurii de restituire a sumelor prevăzute la art. 7, 9 şi 12 din Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr. 9/2013 privind timbrul de mediu pentru autovehicule, precum şi a sumelor stabilite de instanţele de judecată prin hotărâri definitive şi irevocabile (Digriet Nru 365/741 tal-Ministru tal-Ambjent u għall-Bidla fil-Klima u tal-Ministru tal-Finanzi Pubbliċi, dwar approvazzjoni tal-proċedura ta’ ħlas tas-somom previsti mid-deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom bħala suġġett il-ħlas lura tat-taxxa fuq it-tniġġis tal-karozzi u tat-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu tal-karozzi, li jirrigwardaw ukoll approvazzjoni tal-mudell u tal-kontenut ta’ ċerti formoli u li jemendaw l-Anness 4 tad-Digriet Nru 490/407/2013 tal-ministru għall-Ambjent u għall-Bidla fil-Klima u tal-Viċi Prim Ministru, ministru tal-Finanzi Pubbliċi, rigward approvazzjoni tal-proċedura ta’ ħlas lura tas-somom imsemmija fl-Artikoli 7, 9 u 12 tad-digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 9/2013, li jistabbilixxi dazju ambjentali għall-karozzi, kif ukoll somom iffissati mill-qrati ġudizzjarji fid-deċiżjonijiet finali u irrevokabbli), tad-19 ta’ Marzu 2014 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 365/741/2014”) ġie adottat skont l-Artikolu XV(6) tal-OUG Nru 8/2014 u jipprevedi modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu XV.

7        L-Artikolu 1(2) u (3) ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“2.      Is-somom stabbiliti b’deċiżjoni ġudizzjarja relatata mal-ħlas lura tat-taxxa fuq it-tniġġis minn karozzi u tat-taxxa fuq emissjonijiet li jniġġsu minn karozzi, interessi kkalkolati sad-data tal-ħlas kollu u spejjeż legali, u s-somom l-oħra kollha kif jistgħu jiġu stabbiliti mill-qrati ġudizzjarji, li jsiru eżegwibbli sal-31 ta’ Diċembru 2015, għandhom jitħallsu tul perijodu ta’ ħames snin kalendarji permezz ta’ ħlas annwali ta’ 20 % tal-ammont ta’ din is-somma, skont l-Artikolu XV tal-[OUG Nru 8/2014].

3.      It-talbiet għal ħlas lura tas-somom imsemmija fil-paragrafu 2, imressqa mill-persuni taxxabbli, għandhom jiġu ttrattati skont id-dispożizzjonijiet tal-[OG Nru 92/2003], mill-45 jum tal-preżentazzjoni tagħhom, u l-pagamenti akkont annwali għandhom isiru skont it-tabella tal-akkont annwali tal-ħlasijiet lura approvata għal dan il-għan.”

8        L-Artikolu 3 tal-imsemmi digriet jipprovdi:

“Is-somom imħallsa fl-Artikolu 1(2), inkluż kull ammont korrettiv tagħhom li jirriżulta mill-aġġornament imwettaq fid-data tal-ħlas, huma koperti mis-somom miġbura, skont id-dazju [ambjentali], dwar il-baġit tal-Fondi għall-ambjent.”

9        L-Anness I tad-Digriet Nru 365/741/2014 jistabbilixxi, fil-Kapitolu 1 tiegħu, il-proċedura applikabbli għall-ħlas tas-somom imsemmija fl-Artikolu XV(1) tal-OUG Nru 8/2014 previsti mid-deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom bħala suġġett il-ħlas lura tat-taxxa fuq it-tniġġis tal-karozzi u tat-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu tal-karozzi.

10      Skont il-punti 7 u 19 tal-Kapitolu 1 ta’ dan l-Anness 1:

“7.      It-talba ta’ ħlas lura tinkludi, għall-finijiet ta’ verifika, id-dokumenti li ġejjin:

a)       kopja awtentikata konformi ta’ sentenza eżekuttiva;

b)       id-dokument ta’ identità tal-persuna fiżika jew tar-rappreżentant tal-persuna ġuridika, flimkien ma’ kopja tas-setgħa mogħija lilu;

[...]

19.      Għall ħlas ta’ kull pagament akkont annwali, konformement mal-iskeda tal-ammonti aġġornati u tal-interessi stabbiliti fil-punt 11, l-awtorità fiskali kompetenti titratta u twettaq l-eventwali kumpensi billi tieħu inkunsiderazzjoni kull passiv fiskali li jidher fl-isem tal-persuna li tħallas fl-iskadenza prevista għall-ħlas ta’ kull pagament akkont [...]”

11      L-Ordonanţa Guvernului nr. 22 privind executarea obligaţiilor de plată ale instituţiilor publice, stabilite prin titluri executorii (digriet tal-Gvern Nru 22, dwar l-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet pubbliċi, ikkonstatati permezz ta’ strument ta’ eżekuzzjoni), tat-30 ta’ Jannar 2002 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 81 tal-1 ta’ Frar 2002), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“OG Nru 22/2002”), jistabbilixxi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.      Talbiet ikkonstatati skont titolu eżekuttiv kontra awtoritajiet jew istituzzjonijiet pubbliċi għandhom jiġu deċiżi billi jintużaw l-ammonti approvati għal dak il-għan fil-baġits tagħhom, jew, skont il-każ, fit-titoli ta’ nfiq li fihom jaqa’ d-dejn ikkonċernat.

2.      Talbiet ikkonstatati skont titolu eżekuttiv kontra awtoritajiet jew istituzzjonijiet pubbliċi ma għandhomx jitħallsu billi jintużaw ammonti intiżi, skont il-baġit approvat, sabiex jiġi kopert infiq organizzattiv jew operattiv, inklużi spejjeż tal-persunal, li l-għan tiegħu jkun li l-awtorità jew l-istituzzjoni tkun tista’ twettaq ix-xogħlijiet u l-għanijiet statutorji li għalihom tkun ġiet stabbilita.”

12      L-Artikolu 2 tal-imsemmija digriet jipprovdi:

“Meta l-eżekuzzjoni ta’ talbiet ikkonstatati skont titolu eżekuttiv ma tinbediex jew ma titkompliex minħabba nuqqas ta’ fondi, l-istituzzjoni debitriċi jkun jeħtiġilha tieħu, fi żmien 6 xhur, il-passi meħtieġa sabiex tkun konformi mal-obbligi tagħha ta’ ħlas. Dak il-perijodu jibda jiddekorri mid-data li fiha d-debitur ikun irċieva l-ordni sabiex iħallas mingħand il-korp eżekutur kompetenti, fuq talba tal-kreditur.”

13      Skont l-Artikolu 3 tal-OG Nru 22/2002:

“Meta l-istituzzjonijiet pubbliċi jonqsu li jkunu konformi mal-obbligu tagħhom ta’ ħlas fil-perjodu msemmi fl-Artikolu 2, il-kreditur jista’ jitlob l-eżekuzzjoni forzata skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u/jew skont obbligi statutorji rilevanti oħra.”

14      L-Ordinul ministrului finanţelor publice nr. 2336 pentru aprobarea Procedurii de punere în aplicare a titlurilor executorii în baza cărora se solicită înfiinţarea popririi conturilor autorităţilor şi instituţiilor publice deschise la nivelul unităţilor Trezoreriei Statului (digriet tal-ministru tal-Finanzi Pubbliċi Nru 2336 dwar l-adozzjoni tal-proċeduri ta’ implementazzjoni tat-titoli eżekuttivi li abbażi tagħhom jintalab li jkun hemm sekwestru tal-kontijiet miżmuma minn awtoritajiet jew istituzzjonijiet pubbliċi mat-Teżor tal-Istat), tad-19 ta’ Lulju 2011, kif emendat u supplimentat sussegwentement (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2336/2001”) jipprovdi, fl-Artikolu 10a tiegħu:

“1.      Jekk il-qorti tkun ivvalidat is-sekwestru, l-eżekuzzjoni tkun relatata biss mas-somom sekwestrati, miżmuma mid-debitur jew dovuti lid-debitur minn terzi li jistgħu jintużaw biex jitħallsu talbiet iddikjarati eżegwibbli kontra awtoritajiet jew istituzzjonijiet pubbliċi, bla ħsara għal-limiti stabbiliti bl-Artikolu 1(2) tal-[OG] Nru 22/2002, approvat kif issupplimentat skont il-Liġi Nru 288/2002, kif emendata u sussegwentement supplimentata.

2.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-proċedura ta’ implementazzjoni tat-titoli eżekuttivi msemmija fl-Artikoli 1 sa 10 tiġi applikata mutatis mutandis.

15      Il-proċedura fiskali hija stabbilita mill-OG Nru 92/2003.

16      L-Artikolu 116 ta’ dan id-digriet, intitolat “Kumpens” jipprovdi, fil-paragrafi 1, 2, 4 u 6 tiegħu:

“1.      It-talbiet tal-Istat jew tad-diviżjonijiet amministrattivi u territorjali u tat-taqsimiet sussidjarji tagħhom jirrappreżentaw imposti, taxxi, kontribuzzjonijiet jew kull somma oħra dovuta lill-baġit ġenerali kkonsolidat jispiċċaw permezz ta’ tpaċija mat-talbiet tad-debitur li jirrappreżentaw somom li għandhom jiġu rrimborsati, jitħallsu lura jew li għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Istat, sa limitu tal-iżgħar somom, meta ż-żewġ partijiet huma reċiprokament kredituri u debituri, bil-kundizzjoni li t-talbiet inkwistjoni jiġu amministrati mill-istess awtoritajiet pubbliċi, inklużi d-diviżjonijiet sussidjarji tagħhom.

2.      It-talbiet fiskali tad-debitur jiġu paċuti ma’ obbligi li jaqgħu taħt l-istess baġit, u d-differenza li tibqa tpaċi obbligi li jaqgħu taħt baġits oħrajn, proporzjonalment, bla ħsara għall-kundizzjonijiet previsti filparagrafu 1.

[...]

4.      Sakemm il-liġi ma tipprevedihiex mod ieħor, it-tpaċija sseħħ ipso iure fid-data li fiha t-talbiet jeżistu simultanjament, huma ċerti, stabbiliti u dovuti.

[...]

6.      It-tpaċija hija kkonstatata mis-servizz fiskali kompetenti, fuq it-talba tad-debitur jew fuq inizjattiva tagħha stess [...]”

17      L-Artikolu 24 de la Legea contenciosului administrativ nr. 554 (Liġi Nru 554 dwar il-kontenzjuż amministrattiv), tat-2 ta’ Diċembru 2004 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 1154 tas-7 ta’ Diċembru 2004), kif emendata, intitolat “Obbligu ta’ eżekuzzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk, wara l-ammissjoni ta’ rikors, awtorità pubblika hija obbligata li tadotta, li tissostitwixxi jew li temenda att amministrattiv jew li tadotta att ieħor jew li twettaq ċerti tranżazzjonijiet amministrattivi, l-eżekuzzjoni tas-sentenza finali ssir volontarjament fit-terminu previst minnha u, fl-assenza ta’ tali terminu, mhux iktar tard minn 30 jum wara d-data li fiha s-sentenza tkun saret finali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      S.G. Câmpean irreġistrat fir-Rumanija karozza użata mixtrija fil-Ġermanja. Għall-finijiet ta’ din ir-reġistrazzjoni, S.G. Câmpean ħallset, fit-18 ta’ Jannar 2012, is-somma ta’ 2 737 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 615) bħala taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu tal-karozzi prevista mil-Liġi Nru 9/2012.

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2012, quddiem it-Tribunalul Sibiu (qorti reġjonali ta’ Sibiu, ir-Rumanija), S. G. Câmpean talbet ir-rimbors ta’ din is-somma kif ukoll il-ħlas tal-interessi relatati magħha, ikkalkolati sad-data tar-rimbors effettiv, minħabba li din it-taxxa hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

20      Il-qorti tar-rinviju, billi kellha dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din it-taxxa mad-dritt tal-Unjoni, permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2012, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari.

21      Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Frar 2012, Câmpean u Ciocoiu (C-97/13 u C-214/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:229), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa bħal dik dwar l-emissjonijiet li jniġġsu tal-karozzi prevista mil-Liġi Nru 9/20102. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx l-effetti tad-deċiżjoni tagħha ratione temporis.

22      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinivju, fil-kuntest tal-istess tilwima, kellha dubji rigward il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ma’ ċerti strumenti adottati mill-Kunsill tal-Ewropa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata sussegwentement dan id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, rigward il-modalitajiet tal-ħlas lura tat-taxxi mħallsa indebitament, u b’mod partikolari tal-Artikolu XV tal-OUG Nru 8/2014.

23      Din il-leġiżlazzjoni tipprevedi b’mod partikolari, pagament akkont tar-rimbors tas-somma miġbura indebitament fuq perijodu ta’ ħames snin flimkien ma’ pagamenti annwali ta’ 20 % tas-somma mitluba kollha, kif ukoll interessi u spejjeż legali. Skont il-qorti tar-rinviju, tali leġiżlazzjoni, sa fejn ma tippermettix l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’terminu raġoneovli, tippreġudika b’mod partikolari d-dritt għal rimbors effettiv tat-taxxi miġbura indebitament, id-dritt għall-proprjetà kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Sibiu (qorti reġjonali ta’ Sibiu), fit-22 ta’ April 2014, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel l-ewwel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

25      Sussegwentement, din il-qorti fetħet mill-ġdid il-proċedura orali fit-tilwima pendenti quddiemha. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet li, fid-dawl, minn naħa, tad-dħul fis-seħħ tal-atti li jimplementaw l-Artikolu XV tal-OUG Nru 8/2014 kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-atti applikabbli għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata kontra l-Istat fl-assenza ta’ dan l-Artikolu XV, ikun neċessarju li l-qorti tar-rinviju tissupplimenta t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha. Billi kkunsidrat li dawn l-atti jkollhom bħala konsegwenza li jdewmu r-rimbors lill-individwi ta’ taxxi miġbura indebitament, mingħjar ma jkollhom bħala korrispettiv il-possibbiltà li jitolbu l-eżekzzjoni forzata tad-deċiżjonijiet li jikkonstataw it-talbiet tagħhom, il-qorti tar-rinviju ssupplimentat l-ewwel domanda preliminari tagħha b’ħames domandi oħra.

26      Konsegwentement għal dak li ntqal, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab adita mit-Tribunalul Sibiu (qorti reġjonali ta’ Sibiu) bid-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 6 TUE, l-Artikoli 17, 20, l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 47 tal-[Karta], il-prinċipju ta’ ħlas lura tat-taxxi pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Rakkomandazzjoni 16/2003 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u r-Riżoluzzjoni Nru 1787/2011 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropea, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu regola bħall-Artikolu XV ta[l-OUG Nru 8/2014]?

2)      Id-dritt tal-Unjoni li jsir riferiment għalih [fl-ewwel domanda], ir-Rakkomandazzjoni Nru 16/2003 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-Riżoluzzjoni Nru 1787/2011 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropea u r-Rakkomandazzjoni Nru (80)2 tal-Kumitat tal-Ministri jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik tad-[Digriet Nru 365/741/2014], l-Artikoli 1, 2, 3 [tal-OG Nru 22/2002] u d-[Digriet Nru 2336/2011]?

3)      Il-liġijiet tal-Unjoni msemmija hawn fuq u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [(sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256)] jistgħu jiġu interpretati bħala li jfissru li s-servizzi tal-amministrazzjoni interna (fiskali u tal-ambjent – fil-każ ineżami) għandhom jeżegwixxu awtomatikament u immedjatament id-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fil-qasam amministrattiv u fiskali mingħajr ma l-persuna intitolata għall-ħlas lura tkun obbligata titlob eżekuzzjoni forzata jew tissodisfa rekwiżiti proċedurali oħra imposti mid-debitur konvenut?

4)      Kemm ‘immedjatament’ għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom l-awtoritajiet amministrattivi domestiċi jeżegwixxu deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji amministrattivi fiskali, jew ipaċu t-talbiet ta’ persuni intitolati għal ħlasijiet lura ma’ obbligi reċiproki oħra dovuti lill-Istat?

5)      Id-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi interpretat bħala li jfisser li penalitajiet bħal dawk imsemmija fil-Kapitolu II(b) tar-Rakkomandazzjoni Nru 2003(16) tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (speċifikatament il-multa msemmija fl-Artikolu 24(3) tal-Liġi Nru 554/2004) [Liġi Nru 554 dwar il-kontenzjuż amministrattiv] jistgħu jiġu applikati wkoll f’każijiet meta ma jitwettqux obbligi finanzjarji li l-awtoritajiet amministrattivi jkollhom iwettqu skont deċiżjoni ġudizzjarja?

6)      Fil-każ tal-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja kontra l-awtoritajiet amministrattivi pubbliċi, liema assi jistgħu jinqabdu skont il-Kapitolu II(2)(d) tar-Rakkomandazzjoni Nru 16/2003 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

27      Il-Gvern Rumen jeċċepixxi l-inammissibbiltà tad-deċiżjoni preliminari fl-intier tagħha, sa fejn ir-risposta għad-domandi magħmula tkun inutli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Dan jikkunsidra li dawn id-domandi jirreferu għall-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li din il-qorti hija mitluba tagħti f’din it-tilwima, li s-suġġett tagħha jikkonċerna esklużivament it-talba għal rimbors minn individwu ta’ taxxa miġbura indebitament mill-Istat. Peress li l-fażi kontenzjuża għadha ma spiċċatx u fin-nuqqas ta’ provi li juru li S.G. Câmpean kienet talbet lill-qorti tar-rinivju li tadotta miżuri kawtelatorji dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li hija kienet ser tagħti, ma hemmx lok, għal din il-qorti, li tistaqsi dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

28      Sussidjarjament, dan il-Gvern jeċċepixxi l-inammissibbiltà parzjali tat-talba għal deċiżjoni preliminari, sa fejn ċerti domandi preliminari jirrigwardaw l-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn dawn tal-aħħar ma jagħmlux parti mid-dritt tal-Unjoni.

29      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. B’mod partikolari, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li tivverifika jew li tikkontesta mill-ġdid l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti nazzjonali, peress li din l-interpretazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, meta tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali kif ikun ġie espost lilha minn din il-qorti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C-69/14, EU:C:2015:662, punti 12 u 13 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Minbarra dan, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi utilment għad-domandi magħmula lilha (sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2015, Verder LabTec, C-657/13, EU:C:2015:331, punt 29, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C-69/14, EU:C:2015:662, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, jekk kellu jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern Rumen, li l-qorti tar-rinviju ma tistax, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tagħti deċiżjoni dwar il-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li hija ser tagħti fir-rigward tat-talba għal rimbors ifformulata minn S.G. Câmpean, dan iwassal sabiex issir interpretazzjoni tad-dritt nazzjoniali, li taqa’ unikament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju.

32      Fil-fatt, jirriżulta ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mis-suppliment tagħha, li l-qorti tar-rinviju tqis lilha nnifisha kompetenti sabiex tapplika l-leġiżlazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar il-mertu li hija ser tagħti, fil-fażi tal-proċedura li tinsab fiha t-tilwima pendenti quddiemha. Barra minn hekk, S. G. Câmpean issostni fl-osservazzjonijiet tagħha li hija talbet lil din il-qorti li d-deċiżjoni dwar il-mertu li ser tingħata jkollha natura eżekuttiva immedjata u inkondizzjonata u li l-Artikolu XV tal-OUG Nru 8/2014 ma japplikax għall-eżekuzzjoni tagħha.

33      F’dawn iċ-ċirkuftanzi u fin-nuqqas ta’ elementi oħra li jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari mhux ser ikunu utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li jgawdu minnha dawn id-domandi, imfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, ma tistax tinbidel.

34      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument li abbażi tiegħu l-Gvern Rumen jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-istrumenti tal-Kunsill tal-Unjoni msemmija mid-domandi preliminari, hemm lok li jitfakkar li s-setgħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti interpretazzjonijiet permezz ta’ deċiżjonijiet preliminari, kif jirriżulta mill-Artikolu 267 TFUE, tapplika biss għar-regoli li jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C-533/08, EU:C:2010:243, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata), li ma huwiex il-każ tal-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju fl-ewwel, fit-tieni, fil-ħames u fis-sitt domandi preliminari tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi sa fejn dawn jirrigwardaw direttament l-interpretazzjoni ta’ tali strumenti.

35      Bla ħsara għall-preċiżjoni miġjuba għall-punt preċedenti, hemm lok li jiġi ddikjarat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi prelimnari u li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

36      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ rimbors bl-interessi tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-ammont tagħhom ġie kkonstatat minn deċiżjonijiet ġudizzjarji eżekuttivi, bħas-sistema prevista fl-Artikolu XV tal-OUG Nru 8/2014 u fid-Digriet Nru 365/741/2014 jew, sussidjarjament, fl-Artikoli 1 sa 3 tal-OG Nru 22/2002 u fl-Artikolu 10a tad-Digriet Nru 2336/2011.

37      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni huwa l-konsegwenza u jissupplimenta drittijiet mogħtija lill-partijiet fil-kawża mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi, hekk kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, obbligati jirrimborsaw it-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni bl-interessi relatati magħhom (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C-69/14, EU:C:2015:662, punti 24 u 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali miġbura indebitament, huwa l-obbligu ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, li jindika l-qrati kompetenti u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji maħsuba sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-persuni taxxabbli jgawdu skont id-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C-69/14, EU:C:2015:662, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Il-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet li huma intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu skont id-dritt tal-Unjoni ma għandhomx madankollu jkunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw azzjonijiet simili previsti mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jitfasslu b’tali mod li fil-prattika jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C-69/14, EU:C:2015:662, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, Stat Membru ma jistax jadotta dispożizzjonijiet li jissuġġettaw ir-rimbors ta’ taxxa, li ġiet iddikjarata kontra d-dritt tal-Unjoni minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-inkompatibbiltà tagħha ma’ dan id-dritt tirriżulta minn tali sentenza, għal kundizzjonijiet li jikkonċernaw speċifikament din it-taxxa u li huma inqas favorevoli minn dawk li ġew applikati, fl-assenza tagħhom, għal tali rimbors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2002, Prisco u CASER, C-216/99 u C-222/99, EU:C:2002:472, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et, C-147/01, EU:C:2003:533, punt 87).

41      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati d-domandi tal-qorti tar-rinviju.

 Fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

42      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu XV tal-OUG Nru 8/2014 u d-Digriet Nru 365/74/2014, fejn dan tal-aħħar jipprevedi r-regoli ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu XV, huma sussegwenti għad-digriet tat-3 ta’ Frar 2014, Câmpean u Ciocoiu (C-97/13 u C-214/13 mhux ippubblikat, EU:C:2014:229), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 110 TFUE jipprekludi taxxa bħat-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu tal-karozzi u li din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata, b’mod partikolari, minħabba diffikultajiet fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li kellhom bħala għan ir-rimbors tal-ammont tat-taxxi għalhekk miġbura indebitament. Din il-leġiżlazzjoni hija intiża, f’dan ir-rigward, sabiex tistabbilixxi modalitajiet proċedurali speċifikament applikabbli għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoniijet ġudizzjarji li għandhom tali għan.

43      F’dawn iċ-ċirksutanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-modalitajiet proċedurali humiex inqas favorevoli minn dawk li jiġu applikati, fl-assenza tagħhom, għal rimbors bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

44      Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet li jissuġġettaw ir-rimbors ta’ taxxa, li tkun ġiet iddikjarata li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew li l-inkompatibbiltà tagħha ma’ dan id-dritt tirriżulta minn tali sentenza, għal kundizzjonijiet li jikkonċernaw speċifikament din it-taxxa u li huma inqas favorevoli minn dawk li jiġu applikati, fl-assenza tagħhom, għal tali rimbors, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika f’dan il-każ.

 Fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza

45      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza timplika li l-Istati Membri ma jipprevedux modalitajiet proċedurali inqas favorevoli għat-talbiet għal rimbors ta’ taxxa bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dawk li huma applikabbli għal azzjonijiet simili, fid-dawl tal-iskop tagħhom, il-motiv tagħhom u l-karatteristiċi essenzjali tagħhom, ibbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, EU:C:2012:478, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Bħala prinċipju hija l-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali ddestinati sabiex jiżguraw, fid-dritt nazzjonali, il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu skont id-dritt tal-Unjoni, li għandha tivverifika li dawn huma konformi mal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fid-dawl tal-evalwazzjoni li l-qorti tar-rinivju għandha twettaq, tipprovdilha ċerti elementi fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C-326/96, EU:C:1998:577, punti 39 u 40, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, EU:C:2012:478, punt 31).

47      Mill-Artikolu XV(1) tal-OUG Nru 8/2014 jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tirregola l-modalitajiet ta’ ħlas tas-somom stabbiliti mid-deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom bħala għan il-ħlas lura tat-taxxi miġbura indebitament, l-interessi kkalkolati sad-data ta’ ħlas sħiħ ta’ dawn is-somom u l-ispejjeż legali relatati magħhom, kif ukoll kull somma oħra stabbilita mill-istanzi ġudizzjarji. Dan l-Artikolu XV jipprevdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu, li l-ħlas ta’ dawn is-somom isir permezz ta’ pagament akkont tul ħames snin permezz ta’ ħlas matul is-snin kollha ta’ 20 % tal-ammont totali tagħhom, li t-talbiet għal ħlas lura huma pproċessati fil-45 jum minn meta jitressqu u li kull proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata hija sospiża matul it-terminu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni.

48      L-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 365/741/2014 jippreċiża li s-somom dovuti huma koperti mis-somom miġbura bħala dazju ambjentali, mill-baġit tal-Fondi għall-ambjent. Barra minn hekk, skont il-punt 7 tal-Anness 1 tad-Digriet Nru 365/741/2014, kull talba għal ħlas lura tinkludi, għall-finijiet ta’ verifika, ċerti dokumenti, bħala kopja awtentikata ta’ sentenza eżekuttiva u d-dokument ta’ identità tal-persuna fiżika. Il-punt 19 ta’ dan l-Anness 1 jipprevedi li l-awtorità fiskali kompetenti tipproċessa u twettaq l-eventwali kumpensi, għall-ħlas ta’ kull pagament akkont annwali, billi tieħu inkunsiderazzjoni kull passiv fiskali li jidher f’isem min iħallas fl-iskadenza prevista għall-ħlas ta’ kull pagament akkont.

49      Sabiex jintwera li dawn il-modalitajiet proċedurali huma analogi għal dawk li huma applikabbli għal azzjonijiet simili, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali, il-Gvern Rumen espona, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ pagament akkont fuq tul ta’ ħames snin tad-drittijiet salarjali dovuti skont id-dritt nazzjonali mill-amministrazzjoni pubblika lill-individwi.

50      Dan il-Gvern sostna wkoll li t-terminu ta’ 45 jum, li fih għandha tiġi pproċessata talba ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tirrigwarda r-rimbors ta’ taxxi miġbura indebitament, jikkorrispondi mat-terminu ta’ 45 jum ġeneralment applikabbli għall-ipproċessar tat-talbiet ta’ rimbors tas-somom fir-rigward tal-baġit nazzjonali.

51      Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ekwivalenza humiex osservati fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, fl-ewwel lok, jekk l-azzjonijiet li għalihom japplikaw modalitajiet proċedurali li l-Gvern Rumen jikkunsidra bħala analogi għal dawk previsti fl-Artikolu XV tal-OUG Nru 8/2014 u mid-Digriet Nru 365/741/2014 humiex, mill-perspettiva tal-motiv tagħhom, tal-iskop tagħhom kif ukoll tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom, simili għal rikors ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

52      Dan ma jidhirx li huwa l-każ, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward ta’ rikors intiż għar-rimbors tal-arretrati ta’ salarji dovuti mill-amministrazzjoni pubblika, ħaġa madankollu li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

53      Ladarba identifikati r-rikors jew ir-rikorsi nazzjonali simili għar-rikors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, fit-tieni lok, jekk il-modalitajiet proċedurali applikabbli għal tali rikorsi nazzjonali fir-realta humiex iktar favorevoli minn dawk applikabbli fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu XV tal-OUG Nru 8/2014 u d-Digriet Nru 365/741/2014.

54      Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni nazzjonali li ser tkun, skont il-qorti tar-rinviju, applikabbli fil-kawża pendenti quddiemha jekk din il-qorti kellha tikkunsidra li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprekludi l-Artikolu XV tal-OUG Nru 8/2014 u d-Digriet Nru 365/741/2014, jiġifieri l-Artikoli 1 sa 3 tal-OG Nru 22/2002 u l-Artikolu 10a tad-Digriet Nru 2336/2011, ebda element fi-proċess f’’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż li din il-leġiżlazzjoni tapplika b’mod differenti għat-tilwimiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, ibbażati fuq id-dritt nazzjonali, peress li din il-leġiżlazzjoni kienet tidher tikkostitwixxxi leġiżlazzjoni ġeneralment applikabbli għall-kontenzjuż amministrattiv, kif ġie kkonfermat ukoll mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali waqt is-seduta.

55      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ ċerti argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li jistgħu jinftehmu fis-sens li l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrigwardaw drittijiet ibbażati fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom ikunu identiċi irrispettivament min-natura tal-kontenzjuż, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza timplika trattament ugwali tar-rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u ta’ dawk, simili, ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, u mhux l-ekwivalenza tar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal kontenzjuż ta’ natura differenti jew li jaqgħu taħt żewġ oqsma ta’ dritt differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute, C-61/14, EU:C:2015:655, punt 67, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C-69/14, EU:C:2015:662, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jipprevedi modalitajiet proċedurali inqas favorevoli għat-talbiet ta’ rimbors ta’ taxxa bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għar-rikorsi simili bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali. Hija l-qorti tar-rinivju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan il-prinċipju f’dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni applikabbli għat-tilwima pendenti quddiemha.

 Fuq il-prinċipju ta’ effettività

57      Fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk sistema ta’ rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħas-sistema stabbilita mir-regoli previsti fl-Artikolu XV tal-OUG Nru 8/2014 u mid-Digriet Nru 365/741/20014, tagħmilx eċċessivament diffiċli jew impossibbli fil-prattika l-eżerċizzju tad-drittijiet ibbażati fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ dawn ir-regoli fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment ta’ din tal-aħħar u tal-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli quddiem il-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C-93/12, EU:C:2013:432, punt 48, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C-69/14, EU:C:2015:662, punti 36 u 37).

58      Hemm lok li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, skont din il-leġiżlazzjoni, il-parti fil-kawża li ġiet rikonoxxuta, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, dritt għar-rimbors tat-taxxa inkwistjoni għandha tindirizza ruħha quddiem l-awtorità pubblika kompetenti sabiex tressaq talba għal rimbors tal-ammont imħallas skont din it-taxxa, flimkien mad-dokumenti neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li din l-awtorità għandha skont dan it-titolu eżekuttiv. Kuntrarjament għal dak li tidher li tikkunsidra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tali rekwiżit ma jidhirx, waħdu, u fl-assenza ta’ indikazzjoni relatata b’mod partikolari mal-eżistenza ta’ eventwali ostakoli li jikkonċerna, pereżempju, l-ispejjeż eżorbitanti ta’ tali proċedura, li jagħmel ir-rimbors ta’ tali taxxi eċċessivament diffiċli, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħu.

59      Is-sitwazzjoni tkun differenti jekk parti fil-kawża li tkun kisbet tali titolu eżekuttiv fi tmiem proċedura ġudizzjarja u li tkun talbet l-eżekuzzjoni tiegħu quddiem l-awtorità pubblika kompetenti, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikollha tistenna terminu ta’ ħames snin qabel ma tikseb ir-rimbors sħiħ tas-somom dovuti, li jkollu bħala konswegwenza li tinżamm is-sitwazzjoni ta’ illegalità minflok ma tiġi rrimedjata fl-iqsar żmien possibbli.

60      Barra minn hekk, ir-rimbors tas-somom dovuti jiddependi, skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 365/741/2014, u hekk kif irrilevaw il-persuni kkonċernati waqt is-seduta, mid-disponibbiltà tal-fondi miġbura fir-rigward ta’ taxxa fuq il-vetturi, jiġifieri d-dazju ambjentali. Il-parti fil-kawża ma għandhiex, f’dan ir-rigward, kwalunkwe motiv li jippermettilha li ġġiegħel lill-awtorità pubblika kompetenti li twettaq l-obbligi tagħha meta hija tieqaf milli teżegwixxihom volontarjament, peress li l-eżekuzzjoni forzata ta’ dritt komuni hija, skont din l-istess leġiżlazzjoni, eskluża matul dan it-terminu ta’ ħames snin.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li tali sistema ta’ rimbors tas-somom miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni flimkien mal-interessi tagħhom, li l-ammont tagħhom ġie kkonstatat b’deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva, meħuda fl-intier tagħha, tqiegħed lill-parti fil-kawża f’sitwazzjoni ta’ inċertezza estiża fir-rigward tad-data li fiha hija tkun ser tikseb ir-rimbors sħiħ tal-ammont tat-taxxa mħallsa indebitament, mingħajr ma jkollha l-mezzi li jippermettulha li ġġiegħel lill-awtorità pubblika li teżegwixxi l-obbligu tagħha jekk hija ma tipproċedix volontarjament għal dan, kemm jekk minħabba raġunijiet marbuta man-nuqqas ta’ fondi jew minħabba raġunijiet oħra.

62      Għalhekk, sistema ta’ rimbors tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu XV tal-OUG Nru 8/2014 u mid-Digriet Nru 365/741/2014, tagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet ibbażati fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni eċċessivament diffiċli u ma tissodisfax l-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jiggarantixxu li jingħata effett sħiħ għal tali drittijiet.

63      Il-Gvern Rumen jillimita ruħu li jiġġustifika l-istabbiliment ta’ tali sistema essenzjalment minħabba l-eżistenza ta’ diffikultajiet ekonomiċi u l-iffriżar istituzzjonali rigward l-eżekuzzjoni malajr tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji eżekuttivi li jirrigwardaw ir-rimbors tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

64      Issa, huwa biżżejjed li jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Istati Membri li jkunu ġabru taxxi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni huma, fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, obbligati li jirrimborsawhom bl-interessi. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi ammess, hekk kif essenzjalment irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, li Stat Membru, fil-kwalità tiegħu bħala debitur f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jibbaża ruħu fuq insuffiċjenza ta’ fondi sabiex jiġġustifika l-impossibbiltà li tiġi eżegwita deċiżjoni ġudizzjarja li tirrikonoxxi lil parti fil-kawża dritt ibbażat fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

65      Bl-istess mod, l-awtonomija proċedurali rikonoxxuta lill-Istati Membri fir-rigward tal-adozzjoni tal-modalitajiet proċedurali li jirregolaw ir-rimbors tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni bl-interessi relatati magħhom ma tistax tiġi estiża sabiex fil-prattika jkunu jistgħu jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli, minħabba raġunijiet relatati mad-diffikultajiet tal-implementazzjoni jew għal raġunijiet purament ekonomiċi, l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet.

66      Isegwi li l-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ rimbors bl-interessi tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-ammont tagħhom ġie kkonstatat permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji eżekuttivi, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi pagament akkont fuq ħames snin tar-rimbors ta’ dawn it-taxxi u li tikkundizzjona l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjonijiet fuq id-disponibbiltà tal-fondi miġbura minn taxxa oħra, mingħajr ma l-parti fil-kawża jkollha l-possibbilta li ġġiegħel lill-awtoritajiet pubbliċi milli jwettqu l-obbligi tagħhom jekk huma ma jagħmlux dan volontarjament.

67      F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-Artikoli 1 sa 3 tal-OG Nru 22/2002 u l-Artikolu 10a tad-Digriet Nru 2336/2011, jiġifieri l-leġiżlazzjoni li hija, skont il-qorti tar-rinviju, applikabbli għall-kawża pendenti quddiemha fl-ipoteżi fejn l-Artikolu XV tal-OUG Nru 8/2014 u d-Digriet Nru 365/741/2014 ma jkunux applikabbli, din il-qorti tesponi mingħajr preċiżazzjonijiet oħra li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ddewwem jew tipprekludi l-ħlas lura effettiv tas-somom dovuti mill-amministrazzjoni pubblika.

68      Madankollu, ma jidhirx li terminu ta’ sitt xhur, bħal dak previst mill-Artikoli 2 u 3 tal-OG Nru 22/2002, mogħti lill-awtorità pubblika sabiex twettaq volontarjament l-obbligi tagħha skont titolu eżekuttiv jagħmel, waħdu, eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu skont id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, huwa possibbli għal tali partijiet fil-kawża li jagħtu lok, wara l-iżvolgiment ta’ dan it-terminu, għal proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata kontra l-awtorità pubblika debitriċi, jekk din tal-aħħar ma twettaqx l-obbligi tagħha fit-terminu mogħti għall-eżekuzzjoni volontarja.

69      Issa, jekk, hekk kif sostniet ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikoli 1 sa 3 tal-OG Nru 22/2002 u l-Artikolu 10a tad-Digriet Nru 2336/2011, testendi l-eżekuzzjoni ta deċiżjoni ġudizzjarja li tirrigwarda d-drittijiet ibbażati fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni lil hinn mit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikoli 2 u 3 tal-OG Nru 22/2002, mis-sempliċi fatt tal-assenza ta’ fondi fil-baġit previst għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ tali somom, mingħajr ma l-parti fil-kawża jkollha l-fakulta li ġġiegħel lill-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu l-obbligi tagħhom, irrispettivament minn talba ta’ miżuri ta’ sekwestru jew permezz ta’ mezzi oħra intiżi sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni tal-obbligi tal-awtorjitaet pubbliċi previsti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali, tali leġiżlazzjoni ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività, peress li tagħmel ir-rimbors eċċessivament diffiċli, jew anki fil-prattika impossibbli. Hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

70      Minkejja l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Karta għal sitwazzjoni legali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn is-suġġett tal-kawża prinċipali jikkonċerna r-rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tal-Artikolu 110 TFUE u li l-Istati Membri huma obbligati, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li jirrimborsaw tali taxxa u l-interessi relatati magħha, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, peress li l-elementi li jippreċedu jippermettu lil din il-qorti li tagħti deċiżjoni dwar il-kawża prinċipali.

71      Minn dan kollu jirriżulta li:

–        Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet li jissuġġettaw ir-rimbors ta’ taxxa, li tkun ġiet iddikjarata kontra d-dritt tal-Unjoni minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizja jew li l-inkompatibbiltà tagħha ma’ dan id-dritt tirriżulta minn tali sentenza, għal kundizzjonijiet li jikkonċernaw speċifikament din it-taxxa u li huma inqas favorevoli minn dawk li jiġu applikati, fl-assenza tagħhom, għal tali rimbors, fejn l-osservanza ta’ dan il-prinċipju għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinivju f’dan il-każ.

–        Il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jipprevedi modalitajiet proċedurali inqas favorevoli għat-talbiet ta’ rimbors ta’ taxxa bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għal azzjonijiet simili bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan il-prinċipju f’dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni applikabbli għat-tilwima pendenti quddiemha.

–        Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ rimbors bl-interessi tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-ammont tagħhom ġie kkonstatat minn deċiżjonijiet ġudizzjarji eżekuttivi, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi pagament akkont fuq ħames snin tar-rimbors ta’ dawn it-taxxi u li tikkundizzjona l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjonijiet fuq id-disponibbiltà tal-fondi miġbura minn taxxa oħra, mingħajr ma l-parti fil-kawża jkollha l-possibbiltà li ġġiegħel lill-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu l-obbligi tagħhom jekk huma ma jagħmlux dan volontarjament. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk leġiżlazzjoni, bħal dik li hija applikabbli fil-kawża prinċipali fl-assenza ta’ tali sistema ta’ rimbors, tissodisfax ir-rekwiżti tal-prinċipju ta’ effettività.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet li jissuġġettaw ir-rimbors ta’ taxxa, li tkun ġiet iddikjarata kontra d-dritt tal-Unjoni minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizja jew li l-inkompatibbiltà tagħha ma’ dan id-dritt tirriżulta minn tali sentenza, għal kundizzjonijiet li jikkonċernaw speċifikament din it-taxxa u li huma inqas favorevoli minn dawk li jiġu applikati, fl-assenza tagħhom, għal tali rimbors, fejn l-osservanza ta’ dan il-prinċipju għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinivju f’dan il-każ.

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jipprevedi modalitajiet proċedurali inqas favorevoli għat-talbiet ta’ rimbors ta’ taxxa bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għal azzjonijiet simili bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan il-prinċipju f’dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni applikabbli għat-tilwima pendenti quddiemha.

Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ rimbors bl-interessi tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-ammont tagħhom ġie kkonstatat minn deċiżjonijiet ġudizzjarji eżekuttivi, bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi pagament akkont fuq ħames snin tar-rimbors ta’ dawn it-taxxi u li tikkundizzjona l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjonijiet fuq id-disponibbiltà tal-fondi miġbura minn taxxa oħra, mingħajr ma l-parti fil-kawża jkollha l-possibbiltà li ġġiegħel lill-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu l-obbligi tagħhom jekk huma ma jagħmlux dan volontarjament. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk leġiżlazzjoni, bħal dik li hija applikabbli fil-kawża prinċipali fl-assenza ta’ tali sistema ta’ rimbors, tissodisfax ir-rekwiżti tal-prinċipju ta’ effettività.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.