Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Ġunju 2016 * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 77/388/KEE – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) – Kamp ta’ applikazzjoni – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Oġġetti u servizzi użati kemm għat-tranżazzjonijiet taxxabbli kif ukoll għat-tranżazzjonijiet eżentati (oġġetti u servizzi għal użu mħallat) – Determinazzjoni tal-assenjazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi akkwistati għall-kostruzzjoni, għall-użu, għall-konservazzjoni u għall-manutenzjoni ta’ proprjetà immobbli li sservi, parzjalment, sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis u, parzjalment, tranżazzjonijiet li ma jagħtux dritt għal tnaqqis – Emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-proporzjon ta’ tnaqqis – Artikolu 20 – Aġġustament tat-tnaqqis – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C-332/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

Wolfgang und Dr. Wilfried Rey Grundstücksgemeinschaft GbR

vs

Finanzamt Krefeld,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Kraehling u L. Christie, bħala aġenti, assistiti minn R. Hill, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u G. Braun kif ukoll minn C. Soulay, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 17, 19 u 20 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 23) kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 274) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Wolfgang und Dr. Wilfried Rey Grundstücksgemeinschaft GbR (iktar ’il quddiem “Rey Grundstücksgemeinschaft”) u l-Finanzamt Krefeld (ċentru tal-finanzi pubbliċi ta’ Krefeld), rigward modalitajiet ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta jew imħallsa għall-oġġetti u għas-servizzi użati għall-kostruzzjoni, għall-manutenzjoni, għall-użu u għall-konservazzjoni ta’ proprjetà immobbli għal użu mħallat li sservi, parzjalment, sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis u, parzjalment, tranżazzjonijiet li ma jagħtux dritt għal tnaqqis (iktar ’il quddiem “proprjetà immobbli għal użu mħallat”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Oriġini u skop tad-dritt li tnaqqas” jipprovdi:

“1.      Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.

2.      Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a)      taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa ġewwa t-territorju tal-pajjiz rigward l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti jew li għad għandhom jiġu forniti lilu minn persuna taxxabli oħra;

[...]

5.      Fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi li għandhom ikunu wżati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet koperti b’paragrafi 2 u 3, fir-rigward ta’ li [liema] t-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas, u għal transazzjonijiet fir-rigward ta’ li [liema] t-taxxa fuq il-valur miżjud ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandu jkun imnaqqas kif hu attribwit għat-transazzjonijiet ta’ qabel.

Dan il-proporzjon għandu jkun determinat, b'mod konformi ma’ l-Artikolu 19, għat-transazzjonijiet kollha mwettqa minn persuna taxxabbli.

Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu:

jawtorizzaw lill-persuna taxxabbli biex tistabbilixxi proporzjon għal kull settur tan-negozju tiegħu, sakemm kontijiet separati huma miżmuma għal kull settur;

b)      iġiegħlu ‘l-persuna taxxabbli biex tiddetermina proporzjon għal kull settur tan-negozju tiegħu u żżomm kontijiet separati għal kull settur;

(ċ)       jawtorizzaw jew iġiegħlu l-persuna taxxabbli biex tagħmel it-tnaqqis fuq il-bażi ta’ l-użu ta’ kollha jew parti mill-oġġetti u s-servizzi;

(d)      jawtorizzaw lill-persuna taxxabbli mġiegħla tagħmel it-tnaqqis b’mod konformi mar-regola stabbilita fl-ewwel sub-paragrafu, fir-rigward ta’ l-oġġetti u s-servizzi kollha użati għal transazzjonijiet msemmija hemmhekk;

(e)      jipprovdu li fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud li m’hix imnaqqsa mill-persuna taxxabbli hi insinifikanti, hi għandha tkun trattata bħala xejn.

[...]”

4        L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kalkulazzjoni tal-proporzjon imnaqqas”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Il-proporzjon imnaqqas taħt l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 17(5) għandu jkun magħmul minn frazzjoni li jkollha:

–        bħala numeratur, l-ammont totali, esklussiv mit-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-bejgħ kull sena attribwit għat-transazzjonijet li fuqhom it-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas taħt l-Artikolu 17(2) u (3),

–        bħala denominatur, l-ammont totali, esklussiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-bejgħ kull sena attribwit lit-transazzjonijiet inklużi fin-numeratur u lit-transazzjonijiet fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud mhux imnaqqas.[…]

[...]”

5        L-Artikolu 20 tal-istess direttiva, intitolat “Aġġustamenti tat-tnaqqis”, jipprovdi:

“1.      It-tnaqqis inizzjali għandu jkun aġġustat b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri b’mod partikolari:

a)      fejn it-tnaqqis jkun ogħla jew inqas minn dak li għalih l-persuna taxxabbli hi ntitolata;

b)      fejn wara li jsir il-prospett xi tibdil isir fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, b’mod partikolari fejn ix-xirjiet huma kanċellati jew roħs fil-prezz hu miksub; […]

2.      Fil-każ ta’ oġġetti kapitali, l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluż dik meta l-oġġetti jkunu akkwistati jew fabbrikati. L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tat-taxxa imposta fuq l-oġġetti. L-aġġustament għandu jsir fuq bażi tal-varjazzjonijet fit-tnaqqis intitolat fis-snin konsekwenti b’ relazzjoni għal dik is-sena meta l-oġġetti kienu akkwistati jew fabbrikati.

Permezz ta’ deroga mis-sub-paragrafu preċedenti, Stati Membri jistgħu jibbażaw l-aġġustament fuq perjodu ta’ ħames snin sħaħ li jibdew miż-żmien meta l-oġġetti huma użati għall-ewwel darba.

Fil-każ ta’ proprjetà mobbli akkwistata bħala oġġetti kapitali, il-perjodu ta' aġġustament jista’ jiġi estiż sa 20 sena.

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

6        Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli fil-qasam tal-VAT jinsabu fl-Umsatzsteuergesetz 1999 (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tal-1999, BGBl. 1999 I, p. 1270, iktar ’il quddiem l-“UStG”).

7        L-Artikolu 15 tal-UStG jistabbilixxi:

“(1) L-imprenditur jista’ jnaqqas l-ammonti tat-taxxa tal-input li ġejjin:

1.      it-taxxa legalment dovuta għal kunsinni u prestazzjonijiet oħra li twettqu minn imprenditur ieħor għall-bżonnijiet tal-impriża tiegħu.

[...]

(2)      Hija eskluża mit-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa, it-taxxa fuq il-kunsinni, l-importazzjoni u l-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti kif ukoll fuq prestazzjonijiet oħra li l-imprenditur juża għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

1.      it-tranżazzjonijiet eżentati;

[...]

(4)      Jekk l-imprenditur ma jużax prodott jew prestazzjoni oħra, ikkunsinnati, importati jew akkwistati fil-Komunità ħlief parzjalment, għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet li ma jagħtux dritt għal tnaqqis, il-parti tal-ammonti ta’ taxxa tal-input ekonomikament marbuta ma’ dawn it-tranżazzjonijiet ma tagħtix dritt għal tnaqqis. L-imprenditur jista’ jagħmel stima raġonevoli tal-ammonti li ma jagħtux dritt għal tnaqqis.”

8        Is-Steueränderungsgesetz 2003 (liġi fiskali tal-2003 li wettqet l-emendi), tal-15 ta’ Diċembru 2003 (BGBl. 2003 I, p. 2645), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004, żiedet it-tielet sentenza għall-Artikolu 15(4) tal-UStG, li tinqara kif ġej:

“Determinazzjoni tal-parti li ma titnaqqasx mit-taxxa skont il-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ li ma jagħtix dritt għal tnaqqis meta pparagunat mad-dħul mill-bejgħ li jagħti dritt għal tnaqqis ma hijiex awtorizzata ħlief meta ebda forma oħra ta’ imputazzjoni ekonomika ma tkun possibbli.”

9        Il-motivi għal din l-emenda, kif esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, huma li ġejjin:

“Din id-dispożizzjoni għandha l-għan ta’ tqassim raġonevoli, waqt kunsinni jew prestazzjonijiet oħra, tat-taxxi tal-input imħallsa. Din is-sistema l-ġdida tirrestrinġi l-użu tal-kriterju ta’ tqassim ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ bħala l-uniku kriterju ta’ tqassim. Huwa biss meta ebda assenjazzjoni ekonomika oħra ma tkun possibbli li jista’ jintuża dan il-kriterju ta’ tqassim.

Din l-emenda hija meħtieġa peress li l-Bundesfinanzhof [(qorti federali tal-finanzi, il-Ġermanja)] iddeċidiet, permezz tas-sentenza tagħha tas-17 ta’ Awwissu 2001 […], li t-tqassim tal-ammonti tat-taxxa tal-input imħallsa abbażi tal-proporzjon bejn id-dħul mill-bejgħ tal-output kellu jiġi rrikonoxxut bħala stima raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 15(4) tal-[UStG].

Madankollu, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ bħala kriterju ġenerali ta’ tqassim twassal, b’mod partikolari fil-każ ta’ bini ta’ proprjetà immobbli b’użu mħallat, għal tqassim mhux eżatt; […]

Issa, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ bħala kriterju ġenerali ta’ tqassim ma hijiex prevista b’mod mandatorju fis-Sitt Direttiva. Din is-sistema ta’ “pro rata” […] ma hijiex mandatorja għall-Istati Membri, peress li dawn jistgħu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5), jistabbilixxu kriterji ta’ tqassim li ma josservawx din is-sistema.

Għall-akkwist ta’ proprjetà immobbli, it-tqassim tat-taxxa tal-input imħallsa abbażi tal-proporzjon bejn il-valuri produttivi u l-valuri fis-suq jibqa’ wkoll possibbli […].”

10      L-Artikolu 15a tal-UStG, intitolat “Aġġustament tat-taxxa tal-input imħallsa”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“(1) Meta l-modifiki tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis inizjalment imwettaq, isiru fil-ħames snin tal-ewwel użu ta’ oġġett ta’ investiment, għandu jingħata kumpens għal kull sena ċivili li tikkorrispondi ma’ dawn il-modifiki, permezz ta’ aġġustament tat-tnaqqis tal-ammonti ta’ taxxa tal-input imħallsa fuq l-ispejjeż ta’ akkwist jew ta’ twettiq. Fir-rigward ta’ proprjetà immobbli, inklużi l-komponenti essenzjali tagħha, drittijiet li għalihom id-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili dwar il-proprjetà immobbli huma applikabbli, u ta’ kostruzzjonijiet fuq l-art ta’ ħaddieħor, għandu japplika terminu ta’ għaxar snin minflok terminu ta’ ħames snin.

(2)      Għall-finijiet tal-aġġustament previst fil-paragrafu (1), hemm lok li jiġi rrikonoxxut, għal kull sena ċivili li tikkorrispondi mal-emendi, fil-każijiet imsemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, proporzjon ta’ wieħed minn kull ħamsa, u fil-każijiet imsemmija fit-tieni sentenza, ta’ wieħed minn kull għaxra, tal-ammonti ta’ taxxa tal-input imħallsa imposti fuq l-oġġett [...].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Matul il-perijodu bejn is-sena 1999 u s-sena 1999, Rey Grundstücksgemeinschaft, soċjetà rregolata mid-dritt ċivili li tinnegozja fi proprjetà immobbli wettqet, fuq art li kienet proprjetà tagħha, xogħlijiet ta’ twaqqigħ ta’ bini antik u ta’ kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli għal użu residenzjali u kummerċjali. Din il-proprjetà immobbli tlestiet matul is-sena 2004 u tinkludi fiha sitt unitajiet residenzjali u kummerċjali u għaxar spazji ta’ parkeġġ taħt l-art. Xi wħud minn dawn l-unitajiet u minn dawn l-ispazji nkrew mix-xahar ta’ Ottubru 2002.

12      Għas-snin fiskali għall-perijodu mis-sena 1999 sas-sena 2003, Rey Grundstücksgemeinschaft ikkalkolat id-dritt tagħha għal tnaqqis fuq il-VAT imħallsa għax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u ta’ kostruzzjoni permezz ta’ kriterju ta’ tqassim ikkalkolat abbażi tal-proporzjon eżistenti bejn id-dħul mill-bejgħ li kellu jiġi ġġenerat mill-attività, suġġetta għall-VAT, ta’ kiri tal-unitajiet kummerċjali jew dawk tal-postijiet ta’ parkeġġ marbuta magħhom, u dak li jirriżulta minn tranżazzjonijiet oħra ta’ kiri, eżentati mill-VAT (iktar ’il quddiem “il-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ”). Skont dan il-kriterju, il-parti li titnaqqas tal-VAT kienet tikkorrispondi ma’ rata ta’ 78.15 %. Wara żewġ rikorsi ppreżentati quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) fir-rigward tal-ammont tal-VAT li tista’ titnaqqas għas-snin finanzjarji 2001 u 2002, iċ-ċentru tal-finanzi pubbliċi ta’ Krefeld aċċetta dan il-kriterju ta’ tqassim.

13      Matul is-sena 2004, ċerti partijiet mill-proprjetà immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li inizjalment kien previst li dawn jiġu assenjati għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet intaxxati, ġew finalment mikrija eżentati mill-VAT. Sabiex taġġusta t-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa, Rey Grundstücksgemeinschaft ikkalkolat, fid-dikjarazzjoni fiskali tagħha għas-sena finanzjarja 2004, ammont bħala aġġustament, li hija stabbilixxiet billi applikat il-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ. F’din id-dikjarazzjoni, Rey Grundstücksgemeinschaft iddikjarat ukoll ammonti ta’ VAT li jitnaqqsu, li kienu imposti fuq oġġetti u servizzi akkwistati għall-użu, għall-konservazzjoni u għall-manutenzjoni ta’ din il-proprjetà immobbli. Bħala total, l-ammont tal-VAT li kellu jiġi rrimborsat lil Rey Grundstücksgemeinschaft kien jammonta, skont il-kalkoli ta’ din tal-aħħar, għal madwar EUR 3 500.

14      B’avviż fiskali ta’ rettifika tal-1 ta’ Settembru 2006, iċ-ċentru tal-finanzi pubbliċi ta’ Krefeld ikkontesta dan ir-riżultat għar-raġuni li, wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2004, tat-tielet sentenza tal-Artikolu 15(4) tal-UStG, il-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ seta’ jiġi applikat biss jekk ikun impossibbli li jsir riferiment għal metodu ieħor ta’ assenjazzjoni ekonomika oħra ta’ oġġetti u ta’ servizzi għal użu mħallat. Peress li huwa possibbli u iktar preċiż li l-assenjazzjoni ekonomika tal-oġġetti u tas-servizzi użati għat-twaqqigħ jew għall-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli tiġi ddeterminata billi jsir riferiment għal kriterju ta’ tqassim ugwali mal-proporzjon bejn is-superfiċji f’metri kwadri ta’ bini kummerċjali u dik ta’ bini għal użu residenzjali (iktar ’il quddiem “il-kriterju ta’ tqassim skont is-superfiċji”), dan iċ-ċentru qies li Rey Grundstücksgemeinschaft jmissha applikat dan il-kriterju. Konsegwentement, ġie stabbilit il-perċentwali ta’ tnaqqis tal-VAT għal 38.74 %, li jikkorrispondi mal-parti tas-superfiċji totali tal-proprjetà immobbli li l-kirja tagħha hija taxxabbli, u stabbilixxa l-ammont tal-VAT li kellu jiġi rrimborsat lil Rey Grundstücksgemeinschaft għas-sena 2004 għal madwar EUR 950.

15      Il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) annullat parzjalment dan l-avviż fiskali ta’ rettifika minħabba li l-kriterju ta’ tqassim skont is-superfiċji ma setax jiġi applikat ħlief sa fejn jikkonċerna l-VAT dovuta għall-ispejjeż sostnuti mill-1 ta’ Jannar 2004. Konsegwentement, hija stabbilixxiet għal ftit iktar minn EUR 1 700, l-ammont ta’ VAT li kellu jitħallas lura lil Rey Grundstücksgemeinschaft għas-sena 2004.

16      Iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali appellaw fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi), kontra din is-sentenza.

17      Skont il-qorti tar-rinviju, it-tilwima tqajjem, fl-ewwel lok, mistoqsijiet li huma marbuta mal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, BLC Baumark (C-511/10, EU:C:2012:689), tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva.

18      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tosserva li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma huwiex possibbli li jsir riferiment għal metodu ta’ tqassim ta’ oġġetti u ta’ servizzi għal użu mħallat li huwa differenti minn dak previst minn din id-direttiva, ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ, ħlief jekk dan il-metodu jippermetti determinazzjoni tad-dritt għal tnaqqis iktar preċiż. Issa, il-metodu li jikkonsisti li ssir tfittxija dwar liema parti mill-proprjetà immobbli ġiet esposta għall-VAT u li jiġi applikat kriterju ta’ tqassim unikament għall-ammonti ta’ VAT li ma huma relatati speċifikament ma ebda minn waħda dawn il-partijiet jew li huma relatati ma’ partijiet kollettivi ta’ proprjetà immobbli għal użu mħallat, iwassal għal riżultati iktar preċiżi. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali metodu għandux jiġi pprivileġġat.

19      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva, essenzjalment, li, fil-punt 19 tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, BLC Baumarkt (C-511/10, EU:C:2012:689), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li Stat Membru ma setax jagħmel riferiment għal metodu ta’ tqassim tal-oġġetti u tas-servizzi għal użu mħallat għajr dak previst mill-istess direttiva ħlief għal “operazzjoni partikolari, bħall kostruzzjoni ta’ bini ta’ użu mħallat”. Issa, il-metodu derogatorju adottat mill-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża sabiex jitqassmu l-oġġetti u s-servizzi użati għall-kostruzzjoni jew għall-akkwist ta’ proprjetà immobbli għal użu mħallat huwa applikabbli wkoll għall-oġġetti u għas-servizzi akkwistati għall-użu, għall-konservazzjoni jew għall-manutenzjoni ta’ tali proprjetajiet immobbli. Konsegwentement, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk huwiex konformi mas-Sitt Direttiva li jiġi applikat l-istess metodu għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ spejjeż.

20      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tirrikonoxxi li emenda leġiżlattiva tista’ ġġib magħha l-obbligu ta’ aġġustament ta’ ċertu tnaqqis ta’ VAT, hija tat deċiżjoni biss, sal-ġurnata tal-lum, fir-rigward ta’ emendi leġiżlattivi li jaffettwaw l-eżistenza stess tad-dritt għal tnaqqis. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeżistu dubji dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru sa fejn din timponi aġġustament tal-VAT wara l-bidla, minn dan l-Istat, tal-metodu ta’ imputazzjoni tal-VAT imħallsa fuq l-oġġetti u s-servizzi għal użu mħallat.

21      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali jipprekludux li jitwettaq aġġustament tal-VAT. F’dan ir-rigward, hija l-ewwel nett tirrileva li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tinkludix dispożizzjoni speċifika li tipprevedi li d-dħul fis-seħħ tat-tielet sentenza tal-Artikolu 15(4) tal-UStG jista’ jwassal għal aġġustamenti. Sussegwentement, din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix sistema tranżitorja, filwaqt li mill-punt 70 tas-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep (C-487/01 u C-7/02, EU:C:2004:263), jirriżulta li l-adozzjoni ta’ tali sistema hija meħtieġa meta d-destinatarji ta’ regola ġdida jistgħu jiġu sorpriżi bl-applikazzjoni immedjata tagħha. Fl-aħħar nett, il-metodu ta’ assenjazzjoni ta’ oġġetti u ta’ servizzi għal użu mħallat użat minn Rey Grundstücksgemeinschaft kien ġie ammess, għas-snin fiskali 2001 u 2002, mill-awtoritajiet fiskali, wara proċeduri quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf).

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tas-[Sitt Direttiva] jippermetti li l-Istati Membri jipprivileġġjaw, bħala kriterju ta’ tqassim għall-finijiet tal-kalkolu tal-proporzjoni tat-tnaqqis tal-VAT tal-input dovuta għal operazzjoni partikolari, bħall-kostruzzjoni ta’ bini ta’ użu mħallat, kriterju ta’ tqassim differenti minn dak ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ, previst fl-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, sakemm il-metodu magħżul jiggarantixxi determinazzjoni iktar preċiża tal-imsemmija proporzjon tat-tnaqqis (sentenza BLC Baumarkt, C-511/10, EU:C:2012:689).

a)      Fil-mument tax-xiri jew tal-kostruzzjoni ta’ bini ta’ użu mħallat, il-provvisiti [prestazzjonijiet] minn qabel li tagħhom il-valur taxxabbli jkun marbut mal-ispejjeż tax-xiri jew tat-twettiq għandhom, għall-finijiet ta’ kalkolu iktar preċiż tal-ammonti ta’ taxxa tal-input imħallsa li jistgħu jitnaqqsu, jiġu imposti l-ewwel fuq l-operazzjonijiet ta’ użu (li jistgħu jiġu imposti jew eżentati) tal-immobbli, u wara jitqassmu biss il-bqija tat-taxxi tal-input imħallsa li ma ġewx imposti skont kriterju ta’ tqassim ibbażat fuq is-superfiċji jew fuq id-dħul mill-bejgħ?

b)      b)     Il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Novembru 2012, BLC Baumarkt (C-511/10, EU:C:2012:689), u r-risposta għad-domanda preċedenti huma applikabbli wkoll għall-ammonti ta’ taxxa tal-input imħallsa għal provvisti minn qabel marbuta mal-użu, mal-konservazzjoni jew mal-manutenzjoni ta’ immobbli ta’ użu mħallat?

2)      L-Artikolu 20 tas-[Sitt Direttiva], għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regolarizzazzjoni, prevista f’din id-dispożizzjoni, tat-tnaqqis li jkun twettaq fil-bidu għandu jkun applikabbli wkoll meta persuna taxxabbli tkun qassmet it-taxxi tal-input imħallsa għall-kostruzzjoni ta’ immobbli ta’ użu mħallat [skont il-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ] imsemmi fl-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva u awtorizzat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u Stat membru jipprivileġja, a posteriori, matul dan il-perijodu ta’ regolarizzazzjoni, kriterju ieħor ta’ tqassim?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti: il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tas-[Sitt Direttiva], meta l-Istat Membru, għall-każijiet bħal dawk imsemmija iktar ‘il fuq, ma jiddisponix espressament regolarizzazzjoni tat-taxxa tal-input imħallsa u lanqas jadotta sistema tranżitorja, u meta t-tqassim tat-taxxa tal-input imwettaq mill-persuna taxxabbli [skont il-kriterju ta’ tqassim li jirreferi għad-dħul mill-bejgħ] ikun ġie rrikonoxxut bħala raġonevoli mill-Bundesfinanzhof [(qorti federali tal-finanzi)]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

23      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn tintuża proprjetà immobbli sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis u oħrajn li ma jagħtux dritt għal tnaqqis, l-Istati Membri huma obbligati li jistipulaw li l-oġġetti u s-servizzi tal-input użati għall-kostruzzjoni jew għall-akkwist ta’ din il-proprjetà immobbli jiġu, fl-ewwel lok, assenjati esklużivament għal waħda jew għal oħra minn dawn it-tipi ta’ tranżazzjonijiet sabiex, fit-tieni lok, huwa biss id-dritt għal tnaqqis dovut fir-rigward ta’ dawk tal-oġġetti u tas-servizzi li ma jistgħux jiġu assenjati li jiġi stabbilit bl-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ jew bil-kundizzjoni li dan il-metodu jiggarantixxi determinazzjoni iktar preċiża tal-proporzjon ta’ tnaqqis, skont is-superfiċji. Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tintalab tagħti għal din id-domanda tapplikax ukoll għall-oġġetti u għas-servizzi li għalihom isir riferiment għall-użu, għall-konservazzjoni u għall-manutenzjoni ta’ proprjetà immobbli għal użu mħallat.

24      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva mingħajr ma jsir riferiment speċifiku għal waħda mill-għażliet previsti fit-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, din id-domanda għandha tinftiehem bħala tirrigwarda l-interpretazzjoni li għandha tingħata, b’mod ġenerali, għall-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva.

25      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-portata tad-dritt għal tnaqqis tvarja skont l-użu li għalih huma ddestinati l-oġġetti u s-servizzi inkwistjoni. Fil-fatt, filwaqt li, għall-oġġetti u għas-servizzi ddestinati sabiex jintużaw esklużivament sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet intaxxati, l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jipprevedi li l-persuni taxxabbli huma awtorizzati sabiex inaqqsu t-taxxa kollha imposta fuq l-akkwist jew il-provvista tagħhom, għall-oġġetti u għas-servizzi ddestinati għal użu mħallat, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva jipprovdi li d-dritt għal tnaqqis huwa limitat għall-parti tal-VAT li hija proporzjonali mal-ammont relatat mat-tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis imwettqa permezz ta’ dawn l-oġġetti jew ta’ dawn is-servizzi.

26      Fir-rigward ta’ din id-differenza fil-portata tad-dritt għal tnaqqis skont l-użu li l-oġġetti u s-servizzi suġġetti għall-VAT huma ddestinati għalih, l-Istati Membri bħala prinċipju għandhom l-obbligu li jipprevedu li l-persuni taxxabbli, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dritt għal tnaqqis tagħhom, għandhom, fl-ewwel lok, jassenjaw l-oġġetti u s-servizzi tal-input akkwistati mat-tranżazzjonijiet tal-output differenti mwettqa u li għat-twettiq tagħhom huma ddestinati. Fit-tieni lok, huma l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati li għandhom japplikaw, għal dawn l-oġġetti jew għal dawn is-servizzi, is-sistema ta’ tnaqqis li tikkorrispondi mal-assenjazzjoni tagħhom peress li, f’dak li jikkonċerna l-oġġetti u s-servizzi li ma humiex relatati ma’ tip wieħed ta’ tranżazzjoni, għandha tiġi applikata s-sistema prevista fl-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva.

27      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ewwel sentenza, jiġifieri dik tal-assenjazzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi għat-tranżazzjonijiet li għalihom dawn jintużaw, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet partikolari stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk, fl-ipoteżi fejn dawn jintużaw għall-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli għal użu mħallat, tali assenjazzjoni fil-prattika tirriżulta eċċessivament kumplessa u, għaldaqstant, li diffiċilment tkun tista’ titwettaq.

28      Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tawtorizza lill-persuni taxxabbli sabiex ma jwettqux l-assenjazzjoni ta’ dawn il-beni u ta’ dawn is-servizzi, indipendentement, mill-użu li ser isir minnhom, meta dawn l-oġġetti u servizzi jikkonċernaw l-akkwist jew il-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli għal użu mħallat u li fil-prattika din l-assenjazzjoni diffiċilment tkun tista’ titwettaq.

29      Barra minn hekk, fir-rigward tal-assenjazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi akkwistati għall-użu, għall-konservazzjoni jew għall-manutenzjoni ta’ proprjetà immobbli għal użu mħallat, għat-tranżazzjonijiet tal-output differenti mwettqa permezz ta’ din il-proprjetà immobbli, din tidher, ġeneralment, bħala li fil-prattika tista’ titwettaq faċilment, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-oġġetti u tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30      Jekk dan huwa l-każ, Stat Membru ma jistax jiġi awtorizzat sabiex jipprevedi li l-persuni taxxabbli huma eżentati milli jassenjaw l-oġġetti u s-servizzi akkwistati għall-użu, għall-konservazzjoni jew għall-manutenzjoni ta’ proprjetà immobbli għal użu mħallat għat-tranżazzjonijiet tal-output differenti mwettqa permezz ta’ din il-proprjetà immobbli.

31      Fir-rigward, sussegwentement, tat-tieni fażi, jiġifieri dik ta’ kalkolu tal-ammont tat-tnaqqis, għandu jitfakkar, f’dak li jikkonċerna l-oġġetti u s-servizzi assenjati kemm għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis kif ukoll għal tranżazzjonijiet li ma jagħtux dritt li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva, bħala prinċipju dan l-ammont huwa kkalkolat abbażi ta’ proporzjon stabbilit, għat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa mill-persuna taxxabbli, skont l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, permezz ta’ kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ.

32      Fir-rigward ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-Istati Membri jistgħu, meta jagħmlu użu ċert mill-għażliet previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva, japplikaw metodu ta’ kalkolu differenti minn dak imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-metodu adottat jiggarantixxi determinazzjoni tal-proporzjon ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa iktar preċiża minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan l-ewwel metodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, BLC Baumarkt C-511/10, EU:C:2012:689, punt 24)

33      Madankollu din il-kundizzjoni ma timplikax li l-metodu magħżul għandu neċessarjament ikun l-iktar preċiż possibbli. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożittiv tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, BLC Baumarkt (C-511/10, EU:C:2012:689), sempliċement jirrikjedi li l-metodu magħżul jiggarantixxi riżultat iktar preċiż minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Banco Mais, C-183/13, EU:C:2014:2056, punt 29).

34      Għalhekk, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu li jinkrew partijiet differenti ta’ proprjetà immobbli, fejn uħud minnhom jagħtu dritt għal tnaqqis u oħrajn li ma jagħtux dritt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-riferiment għal metodu ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ tqassim skont is-superfiċji jistax iwassal għal riżultat iktar preċiż minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ.

35      Il-fakultà li għandu, skont il-każ, Stat Membru li jipprevedi li l-persuni taxxabbli ma humiex obbligati li jorbtu ma’ tranżazzjoni tal-output partikolari mwettqa, kull wieħed mill-oġġetti jew mis-servizzi użati għall-akkwist jew għall-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli għal użu mħallat ma hijiex ikkontestata mill-għażla ta’ dan l-Istat li jagħmel riferiment għal metodu ta’ tnaqqis differenti minn dak previst mis-Sitt Direttiva, sa fejn ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni li jaqa’ taħt il-punt 32 ta’ din is-sentenza jirrigwarda l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-proporzjon tal-ammont tal-VAT li jagħti lok għal tnaqqis u mhux l-assenjazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi użati.

36      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn tintuża proprjetà immobbli, sabiex jitwettqu ċerti tranżazzjonijiet tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis u oħrajn li ma jagħtux dritt għal tnaqqis, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jistipulaw li l-oġġetti u s-servizzi tal-input użati, għall-kostruzzjoni, għall-akkwist, għall-użu, għall-konservazzjoni jew għall-manutenzjoni ta’ din il-proprjetà immobbli jiġu, fl-ewwel lok, assenjati għal dawn it-tranżazzjonijiet differenti, meta tali assenjazzjoni diffiċilment titwettaq, sabiex, fit-tieni lok, huwa biss id-dritt għal tnaqqis dovut fir-rigward ta’ dawk tal-oġġetti u tas-servizzi li jintużaw kemm għal ċerti tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis kif ukoll għal oħrajn li ma jagħtux dritt għal tnaqqis li jiġi stabbilit permezz ta’ kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ jew, bil-kundizzjoni li dan il-metodu jiggarantixxi determinazzjoni iktar preċiża tal-proporzjon ta’ tnaqqis, skont is-superfiċji.

 Fuq it-tieni domanda

37      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jsir aġġustament tat-tnaqqis ta’ VAT imwettaq fir-rigward ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva, wara l-modifika, li seħħet matul il-perijodu ta’ aġġustament ikkunsidrat, tal-kriterju ta’ tqassim tal-VAT użat għall-kalkolu ta’ dan it-tnaqqis.

38      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(1)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi li t-tnaqqis inizjalment imwettaq għandu jiġi aġġustat meta modifiki tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ dan it-tnaqqis iseħħu wara d-dikjarazzjoni li kienet tat lok għat-tnaqqis “b’mod partikolari” f’każ ta’ xiri kkanċellat jew f’każ ta’ roħs fil-prezz miksub. Dan l-użu tal-avverbju “b’mod partikolari” jindika li l-ipoteżijiet hekk deskritti ma jikkostitwixxux enumerazzjoni limitattiva.

39      Minn dan jirriżulta li. għalkemm din id-dispożizzjoni ma tipprevedix espressament l-ipoteżi ta’ modifika tal-metodu ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis applikabbli għall-oġġetti u għas-servizzi għal użu mħallat, din lanqas ma teskludiha.

40      Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit jekk din id-dispożizzjoni tirreferixxix għal tali ipoteżi, hemm lok li jiġi eżaminat il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Zita Modes, C-497/01, EU:C:2003:644, punt 34).

41      F’dak li jikkonċerna l-kuntest li fih huwa stabbilit l-Artikolu 20(1)(b) tas-Sitt Direttiva, mill-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-ammont li għandu jitnaqqas tal-VAT tal-input li kienet imposta fuq l-oġġetti kkunsinnati jew is-servizzi mogħtija għal użu mħallat huwa stabbilit bl-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ tqassim li jista’ jkun dak previst minn dawn id-dispożizzjonijiet, ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ jew fuq kriterju ta’ tqassim ieħor magħżul skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva, sa fejn dan jippermetti, għall-attività kkunsidrata, li jitwettqu riżultati tal-kalkolu tal-proporzjon ta’ tnaqqis iktar preċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, BLC Baumarkt, C-511/10, EU:C:2012:689, punt 24).

42      Għalhekk, il-kriterju ta’ tqassim u, għaldaqstant, il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tat-tnaqqis applikat jikkostitwixxu elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis, fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tas-Sitt Direttiva.

43      F’dak li jikkonċerna l-għan imfittex mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament stabbilit minn din id-direttiva, dan huwa intiż, partikolarment, sabiex iżid il-preċiżjoni tat-tnaqqis ta’ VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki, C-184/04, EU:C:2006:214, punt 25, u tat-18 ta’ Ottubru 2012, TETS Haskovo, C-234/11, EU:C:2012:644, punt 31).

44      Issa, hekk kif tfakkar fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, f’dak li jikkonċerna l-oġġetti u s-servizzi għal użu mħallat, ma tistax issir deroga mill-metodu ta’ determinazzjoni tad-dritt għal tnaqqis previst mill-istess direttiva ħlief għall-finijiet li jiġi applikat metodu ieħor li jiggarantixxi riżultat iktar preċiż.

45      Għalhekk, li jsir l-aġġustament tat-tnaqqis billi jiġi applikat metodu ieħor ma jistax ħlief jikkontribwixxi sabiex tiżdied il-preċiżjoni ta’ dan it-tnaqqis u, għaldaqstant, jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan imfittex bil-mekkaniżmu ta’ aġġustament.

46      Għalhekk, mill-eżami tal-kuntest tal-Artikolu 20(1)(b) tas-Sitt Direttiva u mill-għan imfittex bil-mekkaniżmu ta’ aġġustament ta’ tnaqqis stabbilit minnha jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija intiża għall-ipoteżi ta’ modifika tal-metodu ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis applikabbli għall-oġġetti u għas-servizzi għal użu mħallat.

47      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li t-tieni domanda tiġi risposta li l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li jsir l-aġġustament tat-tnaqqis ta’ VAT imwettaq skont oġġetti jew servizzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva, wara l-adozzjoni, li seħħet matul il-perijodu ta’ aġġustament ikkunsidrat, ta’ kriterju ta’ tqassim ta’ din it-taxxa użat għall-kalkolu ta’ dan it-tnaqqis li jidderoga mill-metodu ta’ determinazzjoni tad-dritt għal tnaqqis previst mill-istess direttiva.

 Fuq it-tielet domanda

48      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli li ma tistabbilixxix espressament aġġustament, fis-sens tal-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, tat-taxxa tal-input imħallsa wara l-modifika tal-kriterju ta’ tqassim tal-VAT użat għall-kalkolu ta’ ċertu tnaqqis, u lanqas ma tipprevedi sistema tranżitorja minkejja li t-tqassim tat-taxxa tal-input imħallsa mwettaq mill-persuna taxxabbli li ssegwi l-kriterju ta’ tqassim applikabbli qabel din il-modifika kien ġie rikonoxxut ġeneralment bħala raġonevoli mill-qorti suprema.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu osservati mhux biss mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom mid-direttivi tal-Unjoni (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep, C-487/01 u C-7/02, EU:C:2004:263, punt 57).

50      Barra, minn hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju tidher li għandha ċerti dubji dwar il-mod li bih l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva jista’ jikkonċilja ruħu mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, hija ma tikkontestax formalment il-validità ta’ din id-dispożizzjoni.

51      Fid-dawl ta’ dan, test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, bħall-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens tal-konformità tiegħu mal-prinċipji ġenerali ta’ dritt tal-Unjoni, u, iktar partikolarment, mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2010, M et, C-340/08, EU:C:2010:232, punt 64).

52      F’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ riferiment speċifiku, f’leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-obbligu li jsir aġġustament f’każ ta’ modifika tal-metodu ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, tali obbligu jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva.

53      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati, meta japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħhom li jittrasponi direttiva, li jinterpretawhom, sa fejn huwa possibbli, konformement ma’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C-240/98 sa C-244/98, EU:C:2000:346, punt 31).

54      Isegwi li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li, sabiex aġġustament tad-dritt għal tnaqqis ikun jista’ jiġi impost f’każ ta’ modifika tal-metodu ta’ kalkolu ta’ dan id-dritt, in-natura obbligatorja ta’ dan l-aġġustament għandu jkun ġie espressament imfakkar mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha tkun saret din il-modifika.

55      Fir-rigward, sussegwentement, taċ-ċirkustanza li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fi-kawża prinċipali, twettaq il-modifika tal-metodu ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis mingħajr ma tkun prevista sistema tranżitorja, l-ewwel nett, mill-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tifhem il-kunċett ta’ “sistema tranżitorja” bħala li jindika dispożizzjonijiet li, filwaqt li għandhom bħala għan li ma josservawx provviżorjament l-applikazzjoni tal-liġi ġdida, jagħmlu applikabbli, għal perijodu intermedjarju, sistema partikolari mfassla għaċ-ċirkustanza.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-prinċipju hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni dispożizzjoni legali ġdida li tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et, C-72/12, EU:C:2013:712 punt 22). Konsegwentement, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi bħala prinċipju ma jipprekludux li Stat Membru jista’ jbiddel liġi antika b’effett immedjat, mingħajr ma tiġi prevista sistema tranżitorja.

57      Fid-dawl ta’ dan, f’sitwazzjonijiet partikolari, fejn il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeżiġu dan, l-introduzzjoni ta’ tali sistema adattata għaċ-ċirkustanzi tista’ tapplika.

58      Għalhekk, kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li leġiżlatur nazzjonali jista’ jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta jadotta, b’mod mhux mistenni u imprevedibbli, liġi ġdida li trażżan dritt li sa dak iż-żmien kienu jibbenefikaw minnu l-persuni taxxabbli, mingħajr ma tħalli lil dawn tal-aħħar iż-żmien neċessarju sabiex jadattaw ruħhom, u dan minkejja li l-għan li kellu jintlaħaq ma kienx jeżiġi dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004 Gemeente Leusden u Holin Groep, C-487/01 u C-7/02, EU:C:2004:263, punt 70).

59      B’mod partikolari, il-persuni taxxabbli għandhom ikollhom żmien ta’ adattament meta t-trażżin tad-dritt li sa dak iż-żmien kienu jibbenefikaw minnu kien jobbligahom sabiex iwettqu aġġustamenti ekonomiċi konsegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C-98/14, EU:C:2015:386, punt 87).

60      Issa, anki jekk jiġi preżuppost li emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi l-metodu ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis tista’ titqies bħala mhux mistennija u imprevedibbli, ma jidhirx li l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ sistema tranżitorja adattata, imfakkra fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza, huma ssodisfatti f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61      Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li modifika tal-metodu ta’ kalkolu għandha bħala effett mhux li trażżan id-dritt għal tnaqqis li għandhom il-persuni taxxabbli, iżda li tadatta l-ambitu.

62      Min-naħa l-oħra, tali modifika ma timplikax waħedha, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-persuni taxxabbli jwettqu aġġustamenti ekonomiċi konsegwenti u, għaldaqstant, żmien ta’ adattament ma jidhirx bħala strettament neċessarju.

63      F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, il-fatt li saret, skont leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, modifika tal-metodu ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis minkejja li l-metodu preċedenti kien ġie kklassifikat bħala “raġonevoli” minn waħda mill-qrati supremi tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li fid-dawl tagħhom l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat, bħala prinċipju ma jipprekludux leġiżlatur nazzjonali li jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu intiża sabiex timplementa d-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C-226/08, EU:C:2010:10, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l-unika ċirkustanza li ċerti regoli nazzjonali kienu ġew ikklassifikati bħala “raġonevoli” minn waħda mill-qrati supremi tal-Istat Membru kkonċernat ma tipprekludix li dan il-leġiżlatur iwettaq l-emenda tagħhom u li jsiru aġġustamenti wara din il-modifika.

65      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli li ma tistabbilixxix espressament aġġustament, fis-sens tal-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, tat-taxxa tal-input imħallsa, wara l-modifika tal-kriterju ta’ tqassim tal-VAT użat għall-kalkolu ta’ ċertu tnaqqis, u lanqas ma tipprevedi sistema tranżitorja minkejja li t-tqassim tat-taxxa tal-input imħallsa mwettaq mill-persuna taxxabbli skont il-kriterju ta’ tqassim applikabbli qabel din il-modifika kien ġie rrikonoxxut ġeneralment bħala raġonevoli mill-qorti suprema.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn tintuża proprjetà immobbli, sabiex jitwettqu ċerti tranżazzjonijiet tal-output li jagħtu dritt għal tnaqqis u oħrajn li ma jagħtux dritt għal tnaqqis, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jistipulaw li l-oġġetti u s-servizzi tal-input użati, għall-kostruzzjoni, għall-akkwist, għall-użu, għall-konservazzjoni jew għall-manutenzjoni ta’ din il-proprjetà immobbli jiġu, fl-ewwel lok, assenjati għal dawn it-tranżazzjonijiet differenti, meta tali assenjazzjoni diffiċilment titwettaq, sabiex, fit-tieni lok, huwa biss id-dritt għal tnaqqis dovut fir-rigward ta’ dawk tal-oġġetti u tas-servizzi li jintużaw kemm għal ċerti tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis kif ukoll għal oħrajn li ma jagħtux dritt għal tnaqqis li jiġi stabbilit permezz ta’ kriterju ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ jew, bil-kundizzjoni li dan il-metodu jiggarantixxi determinazzjoni iktar preċiża tal-proporzjon ta’ tnaqqis, skont is-superfiċji.

2)      L-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendat bid-Direttiva 95/7, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li jsir l-aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud imwettaq skont oġġetti jew servizzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva, wara l-adozzjoni, li seħħet matul il-perijodu ta’ aġġustament ikkunsidrat, ta’ kriterju ta’ tqassim ta’ din it-taxxa użat għall-kalkolu ta’ dan it-tnaqqis li jidderoga mill-metodu ta’ determinazzjoni tad-dritt għal tnaqqis previst mill-istess direttiva.

3)      Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli li ma tistabbilixxix espressament aġġustament, fis-sens tal-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, kif emendata bid-Direttiva 95/7, tat-taxxa tal-input imħallsa, wara l-modifika tal-kriterju ta’ tqassim tat-taxxa fuq il-valur miżjud użat għall-kalkolu ta’ ċertu tnaqqis, u lanqas ma tipprevedi sistema tranżitorja minkejja li t-tqassim tat-taxxa tal-input imħallsa mwettaq mill-persuna taxxabbli skont il-kriterju ta’ tqassim applikabbli qabel din il-modifika kien ġie rrikonoxxut ġeneralment bħala raġonevoli mill-qorti suprema.

Firem