Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Jannar 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Sitt Direttiva tal-VAT – Eżenzjonijiet – Artikolu 13(A)(1)(g) – Eżenzjoni tas-servizzi marbuta mal-assistenza soċjali u mas-sigurtà soċjali minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew minn organi oħra rrikonoxxuti bħala li għandhom natura soċjali – Kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi u ta’ kunsinna ta’ oġġetti marbuta strettament mal-assistenza soċjali u mas-sigurtà soċjali’ – Organi rrikonoxxuti li għandhom natura soċjali – Residenza li toffri servizzi”

Fil-Kawża C-335/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Mons (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

Les Jardins de Jouvence SCRL

vs

État belge,

fil-preżenza ta’:

AXA Belgium SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby, A. Rosas, E. Juhász u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Les Jardins de Jouvence SCRL, minn L. Strepenne u G. Lardinois, avukati,

–        għal Axa Belgium SA, minn P. Meessen u C. Goossens, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u C. Pochet, kif ukoll minn J.-C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Dintilhac u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Les Jardins de Jouvence SCRL (iktar ’il quddiem “LJJ”) u l- État belge dwar ir-rifjut lil din il-kumpannija li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input imħallsa fil-kuntest ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li hija wettqet bil-għan li topera residenza li toffri servizzi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Is-Sitt Direttiva tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni, il-kawża prinċipali tibqa’ rregolata mis-Sitt Direttiva.

4        L-Artikolu 13(A) tas-Sitt Direttiva kien jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

[...]

g)      il-provvediment tas-servizzi u ta’ l-oġġetti marbuta mal-komfort u x-xogħol tas-sigurtà soċjali [strettament marbuta mal-assistenza soċjali], inklużi dawk fornuti mid-djar ta’ l-anzjani, mill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew minn organizazzjonijet oħrajn rikonoxxuti bħala tal-karità [ta’ natura soċjali] mill-Istat Membru konċernat;

[...]

2.      [...]

b)      Il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti m’għandhomx jagħtu eżenzjoni kif pprovduti f’(1) (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) fuq jekk:

–        m’huwiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti;

[...]”

 Id-dritt Belġjan

5        Il-kodiċi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Moniteur Belge, tas-27 ta’ Lulju 1969, p. 7046), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal-21 ta’ Lulju 2005, kien jipprevedi, fl-Artikolu 44(2) tiegħu:

“Huma wkoll eżentati mit-taxxa:

[...]

2       il-provvista ta’ servizzi u l-kunsinna ta’ oġġetti marbuta strettament mal-assistenza soċjali, imwettqa minn organi li l-missjoni tagħhom hija li jieħdu ħsieb persuni anzjani u li huma rrikonoxxuti bħala tali mill-awtorità kompetenti u li, fil-każ ta’ organi rregolati mid-dritt privat, jaġixxu f’kundizzjonijiet soċjali paragunabbli ma’ dawk ta’ organi rregolati mid-dritt pubbliku [...]”

6        Il-liġi programm tal-11 ta’ Lulju 2005 (Moniteur belge tat-12 ta’ Lulju 2005, p. 32180) emendat il-kodiċi tat-taxxa fuq il-valur miżjud mit-22 ta’ Lulju 2005. L-Artikolu 44(2) ta’ dan il-kodiċi, kif emendat (iktar ’il quddiem il-“kodiċi tal-VAT emendat”) jipprovdi:

“Huma wkoll eżentati mit-taxxa:

[...]

2       il-provvista ta’ servizzi u l-kunsinna ta’ oġġetti strettament marbuta mal-assistenza soċjali, mas-sigurtà soċjali u mal-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, imwettqa minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew minn organi oħrajn irrikonoxxuti li għandhom natura soċjali mill-awtorità kompetenti.

Dan jinkludi fost l-oħrajn:

–        l-organi li l-missjoni tagħhom hija li jieħdu ħsieb persuni anzjani;

[...]”

7        Skont l-Artikolu 2(1) tad-digriet tal-Kunsill Reġjonali Wallonie, tal-5 ta’ Ġunju 1997, dwar id-djar għall-anzjani, residenzi li joffru servizzi u ċ-ċentri ta’ ospitalità ta’ matul il-ġurnata għal persuni anzjani u li jistabbilixxu l-Kunsill ta’ Wallonie tat-tielet età (Moniteur belge tas-26 ta’ Ġunju 1997, p. 17043), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“digriet tal-5 ta’ Ġunju 1997”), dar għall-anzjani hija “stabbiliment, tkun xi tkun id-denominazzjoni tiegħu, intiż għall-akkomodazzjoni ta’ persuni li għandhom mill-inqas sittin sena li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom hemmhekk u hemmhekk jibbenefikaw minn servizzi kollettivi familjari, domestiċi, ta’ għajnuna għall-ħajja ta’ kuljum u, jekk ikun il-każ, minn kura ta’ infermiera jew ta’ paramediċi”.

8        L-Artikolu 2(2) tad-digriet tal-5 ta’ Ġunju 1997, jiddefinixxi r-residenza li toffri servizzi bħala “binja jew binjiet, ikun liema jkun l-isem li bih jissejħu, li jikkostitwixxu totalità funzjonali, immexxija minn awtorità amministrattiva li, bi ħlas, toffri lil persuni li għandhom mill-inqas sittin sena akkomodazzjonijiet partikolari li jippermettulhom jgħixu ħajja indipendenti, kif ukoll servizzi li huma jistgħu jitolbu liberament”. Huwa ddikjarat f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar li l-gvern għandu jispeċifika l-kunċett ta’ totalità funzjonali u li l-bini, it-tagħmir u s-servizzi kollettivi tar-residenza li toffri servizzi, jistgħu wkoll ikunu aċċessibbli għal persuni oħra li għandhom mill-inqas 60 sena.

9        Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-digriet tal-5 ta’ Ġunju 1997, l-operat ta’ dar għall-anzjani jew ta’ residenza li toffri servizzi hija suġġetta għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni u, skont l-Artikolu 5(2) u (5) tal-imsemmi digriet, dawn l-istabbilimenti għandhom jissodisfaw ċerti regoli.

10      B’hekk, konformement mal-Artikolu 5(2) tad-digriet tal-5 ta’ Ġunju 1997, id-djar għall-anzjani għandhom jissodisfaw ċerti regoli li jirrigwardaw:

“1  is-servizzi koperti mill-prezz tal-akkomodazzjoni jew ta’ ospitalità;

[...]

6  l-ikel, l-iġene u l-kura tas-saħħa,

[...]

9  ir-regoli interni għandhom josservaw il-prinċipji li ġejjin:

[...]

c)      l-aċċess liberu għad-dar għall-anzjani għall-familja, għall-ħbieb [...]”

11      Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5) jirriżulta li r-residenzi li joffru servizzi għandhom jissodisfaw regoli ddefiniti mill-Gvern ta’ Wallonie u li jirrigwardaw l-oqsma ċċitati fil-punt 10 ta’ din is-sentenza.

12      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(5) tad-digriet tal-5 ta’ Ġunju 1997, l-akkomodazzjoni individwali li r-residenzi li joffru servizzi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-residenti għandha tinkludi mill-inqas salott, parti għall-kċina, kamra tas-sodda, kamra tal-banju u toilets privati. Barra minn hekk, skont ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5) ta’ dan id-digriet, ir-residenzi li joffru servizzi għandhom ukoll jissodisfaw ċerti regoli f’dak li jirrigwarda “is-servizzi fakultattivi li l-amministratur għandu, b’mod mandatarju, jipprovdi jew jagħmel disponibbli fuq talba tar-residenti u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għalihom” (iktar ’il quddiem is-“servizzi fakultattivi meħtieġa”), servizzi li “[i]l-gvern [ta’ Wallonie] għandu jiddefinixxi l-kontenut minimu tagħhom”.

13      Mill-punt 2.2 tal-Kapitolu III tal-Anness III, intitolat “Regoli applikabbli għar-residenzi li joffru servizzi”, tad-digriet tal-Gvern ta’ Wallonie, tat-3 ta’ Diċembru 1998, li jimplementa d-digriet tal-5 ta’ Ġunju 1997 (Moniteur belge tas-27 ta’ Jannar 1999, p. 2221), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“digriet tat-3 ta’ Diċembru 1998”), jirriżulta li r-residenzi li joffru servizzi għandhom, b’mod obbligatorju, jipprovdu l-manutenzjoni tal-partijiet komuni, tal-faċilitajiet ta’ barra u tal-materjal imqiegħed għad-dispożizzjoni tar-residenti, il-manutenzjoni tat-twieqi fuq ġewwa u fuq barra, informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni organizzati fil-komun, kif ukoll iż-żjara ta’ delegat tas-setgħa organizzattriċi mill-inqas darbtejn fis-sena. Barra minn hekk, skont il-punt 2.3 ta’ dan il-kapitolu tal-Anness III tad-digriet tat-3 ta’ Diċembru 1998, ir-residenzi li joffru servizzi għandhom, b’mod obbligatorju, jqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-residenti s-servizzi fakultattivi li ġejjin, għal liema servizzi huma jistgħu liberament jirrikorru:

–        il-possibbiltà li jieħdu tliet ikliet kuljum, fosthom, b’mod obbligatorju għandhom jingħataw ikla sħuna kompleta, jew fis-sala komuni tar-residenza li toffri servizzi prevista għall-catering u l-animazzjoni, jew fir-ristorant tad-dar għall-anzjani jew tad-dar għall-anzjani u ta’ kura marbuta funzjonalment mar-residenza li toffri servizzi, jew fl-akkomodazzjoni privata tar-resident. L-ikliet ipprovduti lir-residenti għandhom jiġu inklużi, kuljum, f’reġistru bl-isem tal-benefiċjarju u l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex jiġu pprovduti;

–        il-possibbiltà ta’ tindif tal-akkomodazzjonijiet privati mill-inqas darba fil-ġimgħa;

–        il-possibbiltà tal-ħasil tal-bjankerija personali tar-resident.

14      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-residenzi li joffru servizzi jistabbilixxu prezzijiet iddefiniti taħt il-kontroll tal-ministru tal-affarijiet ekonomiċi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      LJJ, ikkostitwita matul l-2004, hija kumpannija kooperattiva stabbilita taħt id-dritt Belġjan li l-għan soċjali tagħha, fi żmien il-fatti fil-kawża prinċipali, kien jikkonsisti f’li topera u li tamministra istituzzjonijiet ta’ kura, kif ukoll li twettaq l-attivitajiet kollha li jolqtu direttament jew indirettament il-kura tas-saħħa u l-għajnuna lill-morda, lill-persuni anzjani u lill-persuni b’diżabbiltà jew oħrajn.

16      F’Ottubru 2004, LJJ informat lill-amministrazzjoni fiskali Belġjana bil-bidu tal-attività tagħha ta’ kiri ta’ appartamenti żgħar maħsuba għal persuni b’diżabbiltà. Din l-amministrazzjoni b’hekk irreġistrat lil LJJ għall-finijiet tal-VAT.

17      Fis-27 ta’ Ottubru 2006, LJJ rċeviet l-awtorizzazzjoni provviżorja għall-operat tar-residenza li toffri servizzi “Les jardins de Jouvence”.

18      Din il-kumpannija li toffri servizzi tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-residenza tagħha akkomodazzjonijiet li huma maħsuba għal persuna jew żewġ persuni, li jinkludu kċina mgħammra, salott, kamra tas-sodda u kamra tal-banju mgħammra. Barra minn hekk, hija tipprovdilhom ukoll servizzi differenti bi ħlas, li huma offruti wkoll lil persuni oħrajn, jiġifieri l-aċċess għal ristorant-bar, għal ħanut tax-xagħar u tal-estetika, għal sala għal fiżjoterapija, għal attivitajiet ta’ terapija okkupazzjonali, għal post għall-ħasil tal-ħwejjeġ, għal spiżerija fejn jista’ jittieħed id-demm kif ukoll għal klinika.

19      Bejn Awwissu 2004 u Settembru 2006, LJJ wettqet ħafna xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u installat tagħmir li kien jirrifletti l-għan soċjali tagħha, sabiex tibda’ l-operat ta’ residenza li toffri servizzi.

20      Fil-5 ta’ Ottubru u fl-14 ta’ Novembru 2006, l-amministrazzjoni fiskali vverifikat il-kontabbiltà ta’ LJJ sabiex tivverifika l-applikazzjoni tal-liġi fil-qasam tal-VAT għall-perijodu mit-30 ta’ Awwissu 2004 sat-30 ta’ Settembru 2006. Wara dan l-istħarriġ, din l-amministrazzjoni kkonkludiet li LJJ ma kellhiex id-dritt tnaqqas il-VAT fuq il-kostruzzjoni fil-perijodu bejn l-2004 u l-2006, peress li din il-kumpannija kienet persuna suġġetta għat-taxxa li l-attivitajiet tagħha kollha mwettqa fil-kuntest tal-operat tar-residenza li toffri servizzi tagħha kienu eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 44(2) tal-kodiċi tal-VAT emendat. Konsegwentement, l-imsemmija amministrazzjoni talbet lil LJJ għall-ħlas lura tal-ammonti ta’ taxxa mnaqqsa bi żball.

21      Fil-25 ta’ Jannar 2007, l-amministrazzjoni fiskali informat lil LJJ bit-tħassir tal-kont kurrenti tal-VAT tagħha, b’effett mit-30 ta’ Settembru 2006.

22      Fit-13 ta’ Frar 2007, LJJ ġiet innotifikata bil-ħruġ ta’ titolu eżekuttiv, li LJJ appellat minnu, permezz ta’ rikors, quddiem it-tribunal de première instance de Mons fl-20 ta’ Frar 2007.

23      Permezz ta’ sentenza mogħtija fid-19 ta’ Ġunju 2012, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ LJJ bħala infondat, billi kkunsidrat li l-organi li għandhom il-missjoni li jieħdu ħsieb il-persuni anzjani huma eżentati mill-VAT, konformement mal-Artikolu 44(2) tal-kodiċi tal-VAT emendat, mingħajr il-bżonn li jiġi vverifikat jekk is-servizzi inkwistjoni kinux marbuta b’mod partikolari mal-assistenza soċjali u mas-sigurtà soċjali, u jekk dawn kinux ipprovduti minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew minn organi oħrajn irrikonoxxuti bħala li għandhom natura soċjali mill-awtorità kompetenti.

24      Fid-19 ta’ Diċembru 2012, LJJ appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Mons.

25      LJJ sostniet quddiem din il-qorti li l-awtorizzazzjoni formali għall-operat ta’ residenza li toffri servizzi ma kienx jimplika neċessarjament ir-rikonoxximent tan-natura soċjali tagħha, peress li r-rekwiżiti għal awtorizzazzjoni huma fundamentalment differenti minn dawk tad-djar għall-anzjani. Bl-istess mod, din il-kumpannija rrilevat li intervent materjali tal-kollettività, li huwa element kostitwenti tal-kunċett ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ sigurtà soċjali, kien assenti f’dak li jirrigwarda r-residenzi li joffru servizzi. F’dan il-każ, LJJ ma rċeviet ebda finanzjament pubbliku u r-residenti tagħha ma bbenefikaw minn ebda għajnuna jew intervent pubbliku sabiex jiġu koperti l-ispejjeż relatati mas-servizzi pprovduti.

26      L-État belge talab, quddiem il-cour d’appel de Mons, sabiex l-appell ta’ LJJ jiġi miċħud, billi sostna li din il-kumpannija, li kienet tipprovdi servizzi msemmija fl-Artikolu 44(2) tal-kodiċi tal-VAT emendat, kienet persuna suġġetta għat-taxxa eżentata mill-VAT, li, konsegwentement, ma kinitx tibbenefika minn dritt għal tnaqqis ta’ din it-taxxa. L-État belge sostna li r-residenza li toffri servizzi operata minn LJJ, li għandha awtorizzazzjoni mir-Région Wallonie, kienet tibbenefika minn rikonoxximent formali tan-natura soċjali tagħha sabiex tipprovdi servizzi marbuta strettament mal-assistenza soċjali. Bl-istess mod, is-servizzi pprovduti minn LJJ, li huma marbuta direttament mal-akkomodazzjoni, mal-kura u mat-trattament offruti lir-residenti għat-titjib tal-benesseri fiżiku u/jew mentali tagħhom, huma ta’ natura soċjali.

27      Peress li l-cour d’appel de Mons kellha xi dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Residenza li toffri servizzi, fis-sens tad-digriet [...] tal-5 ta’ Ġunju 1997 [li topera], bi skop ta’ lukru, residenzi individwali intiżi għal persuna waħda jew tnejn, li jinkludu kċina mgħammra, salott, kamra tas-sodda u kamra tal-banju mgħammra, li jippermettulhom b’hekk li jgħixu ħajja indipendenti, kif ukoll diversi servizzi fakultattivi pprovduti fuq ħlas, bi skop ta’ lukru, li ma humiex limitati biss għar-residenti tar-residenza b’servizzi (attività ta’ ristorant-bar, ta’ ħanut tax-xagħar u ċentru tal-estetika, sala għall-fiżjoterapija, attivitajiet ta’ terapija okkupazzjonali, post għall-ħasil tal-ħwejjeġ, klinika u teħid tad-demm, sevizzi ta’ tabib) huwa organu li għandu essenzjalment natura soċjali għall-“provvediment tas-servizzi u ta’ l-oġġetti marbuta mal-komfort [assistenza soċjali] u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (li sar l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud?

2)      Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti jekk ir-residenza li toffri servizzi inkwistjoni tikseb, għall-provvista tas-servizzi inkwistjoni, sussidji jew kwalunkwe forma oħra ta’ vantaġġ jew ta’ għajnuna finanzjarja mingħand l-awtoritajiet pubbliċi?”

 Fuq id-domandi preliminari

28      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi pprovduti minn residenza li toffri servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tibbenefika minn ebda sussidju jew minn xi forma oħra ta’ benefiċċju jew ta’ parteċipazzjoni finanzjarja min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, li huma pprovduti fi skop ta’ lukru u li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persuni li għandhom mill-inqas 60 sena, ta’ akkomodazzjoni li tippermettilhom jgħixu b’kull indipendenza kif ukoll fil-provvista ta’ servizzi fakultattivi, bi ħlas, li huma aċċessibbli wkoll għal dawk li ma humiex residenti, jaqgħux taħt l-eżenzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni.

29      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika għall-provvista tas-servizzi u għall-kunsinna tal-oġġetti li huma, minn naħa, “fornuti [...] mill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew minn organizazzjonijet oħrajn rikonoxxuti bħala tal-karità [ta’ natura soċjali] mill-Istat Membru konċernat” u, min-naħa l-oħra, “marbuta mal-komfort [assistenza soċjali] u x-xogħol tas-sigurtà soċjali” (sentenzi Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, EU:C:2005:322, punt 34, u Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 21).

30      Peress li huwa stabbilit, f’dan il-każ, li LJJ ma hijiex organu rregolat mid-dritt privat, fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, l-attivitajiet tagħha ma jistgħux jiġu eżentati mill-VAT skont din id-dispożizzjoni peress li hija taqa’ taħt il-kunċett ta’ “organizazzjonijet oħrajn rikonoxxuti bħala tal-karità [ta’ natura soċjali] mill-Istat Membru konċernat”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

31      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk LJJ taqax taħt il-kunċett ta’ “organizazzjonijet oħrajn rikonoxxuti bħala tal-karità [ta’ natura soċjali] mill-Istat Membru konċernat”, fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva u, fit-tieni lok, jekk is-servizzi pprovduti minn residenza li toffri servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, humiex “marbuta mal-komfort [assistenza soċjali] u x-xogħol tas-sigurtà soċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq il-kundizzjoni dwar ir-rikonoxximent bħala organi oħrajn ta’ natura soċjali mill-Istat Membru kkonċernat

32      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva ma jippreċiża la l-kundizzjonijiet u lanqas il-modalitajiet għar-rikonoxximent tan-natura soċjali ta’ organi minbarra dawk irregolati mid-dritt pubbliku. Għaldaqstant, bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistipula r-regoli skont liema tali rikonoxximent jista’ jingħata lil tali organi (ara s-sentenza Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 13(A)(2)(a) tas-Sitt Direttiva jagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jissuġġettaw l-għoti, lil organi minbarra dawk irregolati mid-dritt pubbliku, tal-eżenzjoni prevista fis-subparagrafu (1)(g) ta’ dan l-istess artikolu, għall-osservanza ta’ kundizzjoni waħda jew iktar elenkati fl-imsemmi subparagrafu (2)(a). Dawn il-kundizzjonijiet fakultattivi jistgħu jiġu imposti liberament u b’mod addizzjonali mill-Istati Membri għall-għoti tal-eżenzjoni kkonċernata (ara s-sentenza Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali fir-rikonoxximent tan-natura soċjali ta’ ċerti organi li ma humiex irregolati mid-dritt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, EU:C:2005:322, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rikonoxximent tan-natura soċjali tal-organi minbarra dawk irregolati mid-dritt pubbliku, huma l-awtoritajiet nazzjonali, konformement mad-dritt tal-Unjoni u suġġetti għall-kontroll mill-qrati nazzjonali, li għandhom jieħdu diversi elementi inkunsiderazzjoni. Fosthom jista’ jkun hemm l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, kemm jekk ikunu nazzjonali kif ukoll reġjonali, leġiżlattivi jew ta’ natura amministrattiva, fiskali jew ta’ sigurtà soċjali, in-natura tal-interess ġenerali tal-attivitajiet tal-persuna suġġetta għat-taxxa inkwistjoni, il-fatt li persuni oħra suġġetti għat-taxxa li għandhom l-istess attivitajiet jibbenefikaw diġà minn rikonoxximent simili, kif ukoll il-fatt li l-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni huma eventwalment koperti fil-parti l-kbira tagħhom mill-fondi ta’ mard jew minn organi oħrajn ta’ sigurtà soċjali (sentenza Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-kuntest, jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li fir-reġjun ta’ Wallonie, ir-residenzi li joffru servizzi huma suġġetti, flimkien mad-djar għall-anzjani u ċ-ċentri ta’ ospitalità ta’ matul il-ġurnata, għal leġiżlazzjoni waħda biss, intiża li tkopri l-forom istituzzjonalizzati differenti ta’ appoġġ u ta’ kura għal persuni anzjani.

37      F’dan ir-rigward, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li mill-proċess jirriżulta li, minbarra l-fatt li din il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi dak li jkopri l-kunċett ta’ “residenza li toffri servizzi”, hija tissuġġetta l-operat ta’ residenza li toffri servizzi għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-Gvern ta’ Wallonie, li hija suġġetta għall-osservanza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet u ta’ regoli. Jidher li mill-proċess jirriżulta, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li, fost il-kundizzjonijiet u r-regoli, uħud minnhom jirrigwardaw oqsma komuni għar-residenzi li joffru servizzi u għad-djar għall-anzjani.

38      Għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura soċjali tal-organu kkonċernat, il-fatt li, bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-residenzi li joffru servizzi jistabbilixxu prezzijiet iddefiniti taħt il-kontroll tal-ministeru tal-affarijiet ekonomiċi.

39      B’mod iktar speċifiku, fir-rigward taċ-ċirkustanza li r-residenzi li joffru servizzi li għandhom skop ta’ lukru, bħal dawk operati minn LJJ, ma jirċievu ebda għajnuna pubblika u lanqas parteċipazzjoni finanzjarja pubblika, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li t-terminu “organizzazzjoni”, peress li bħala prinċipju huwa wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi organi privati bi skop ta’ lukru (sentenza Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 57), il-fatt li LJJ teżerċita l-attivitajiet tagħha b’tali skop ma jeskludi bl-ebda mod il-klassifikazzjoni ta’ din il-kumpannija bħala “organizazzjonijet oħrajn rikonoxxuti bħala tal-karità [ta’ natura soċjali] mill-Istat Membru konċernat”, fis-sens tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva. Min-naħa l-oħra, minkejja li mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-fatt li l-ispiża għas-servizzi pprovduti hija eventwalment koperta fil-parti l-kbira tagħha mill-fondi ta’ mard jew minn organi oħrajn ta’ sigurtà soċjali jista’ jkun fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-organu kkonċernat għandux natura soċjali, dan il-fatt, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa biss wieħed minn dawn l-elementi fost l-oħrajn. Għalhekk, l-assenza ta’ parteċipazzjoni finanzjarja pubblika ma teskludix fiha nnifisha tali rikonoxximent, peress li din għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-każ.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punti 35 sa 39 ta’ din is-sentenza, jekk l-awtoritajiet nazzjonali osservawx, fir-rikonoxximent ta’ LJJ bħala organu ta’ natura soċjali, il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li huwa mogħti lilhom permezz tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva.

 Fuq il-kundizzjoni li l-provvista ta’ servizzi għandha tkun marbuta strettament mal-assistenza soċjali u mas-sigurtà soċjali

41      Fir-rigward tal-għan imfittex mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma teskludix l-attivitajiet ta’ interess ġenerali kollha mill-applikazzjoni tal-VAT, iżda biss dawk li huma elenkati u deskritti b’mod iddettaljat ħafna f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Stichting Uitvoering Financiële Acties, 348/87, EU:C:1989:246, punt 12, kif ukoll Ygeia, C-394/04 u C-395/04, EU:C:2005:734, punt 16). Billi tiżgura trattament iktar favorevoli, fil-qasam tal-VAT, lil ċerti servizzi ta’ interess ġenerali mwettqa fis-settur soċjali, din l-eżenzjoni hija intiża li tnaqqas l-ispiża ta’ dawn is-servizzi u b’hekk tagħmel lil dawn tal-aħħar iktar aċċessibbli għall-individwi li jistgħu jibbenefikaw minnhom (sentenza Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, EU:C:2005:322, punt 30).

42      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva ssemmi espressament is-servizzi mwettqa mid-djar għall-anzjani fost il-provvista ta’ servizzi u l-kunsinna ta’ oġġetti marbuta strettament mal-assistenza soċjali u mas-sigurtà soċjali, li jaqgħu b’hekk taħt l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

43      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li d-djar għall-anzjani, bħar-residenzi li joffru servizzi, jipprovdu lill-persuni li għandhom mill-inqas 60 sena, akkomodazzjoni flimkien ma’ servizzi differenti ta’ appoġġ u ta’ kura. Minn naħa, għandu jingħata l-istess trattament fir-rigward tal-VAT għas-servizz li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni, kemm jekk din l-akkomodazzjoni tkun ipprovduta minn dar għall-anzjani, kif ukoll jekk tkun ipprovduta minn residenza li toffri servizzi. Min-naħa l-oħra, peress li l-imsemmija servizzi ta’ appoġġ u ta’ kura li r-residenzi li joffru servizzi għandhom joffru, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, jikkorrispondu ma’ dawk li d-djar għall-anzjani għandhom jipprovdu konformement mal-imsemmija leġiżlazzjoni, għandu jingħatalhom l-istess trattament fir-rigward tal-VAT.

44      Konsegwentement, fost is-servizzi pprovduti minn residenza li toffri servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawk li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni adattata għal persuni anzjani jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva. Is-servizzi l-oħrajn ukoll jibbenefikaw, bħala prinċipju, mill-eżenzjoni prevista f’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li dawn is-servizzi li din ir-residenza li toffri servizzi għandha toffri skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma intiżi li jiżguraw l-appoġġ għall-persuni anzjani u l-kura tagħhom, u jikkorrispondu ma’ dawk li għandhom joffru wkoll id-djar għall-anzjani, konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni.

45      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jargumentaw LJJ u Axa Belgium SA (iktar ’il quddiem “Axa”), din il-konklużjoni ma tinbidilx mill-fatt li l-organu li jopera r-residenza li toffri servizzi ma jibbenefika minn ebda għajnuna finanzjarja pubblika u li s-servizzi li huwa jipprovdi ma jagħtu dritt għall-ebda parteċipazzjoni finanzjarja min-naħa tas-sigurtà soċjali.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva ma jistabbilixxix kundizzjoni marbuta ma’ għajnuna finanzjarja pubblika għall-benefiċċju tal-operatur ikkonċernat jew parteċipazzjoni finanzjarja tal-amministrazzjoni pubblika jew ta’ organi ta’ sigurtà soċjali għall-benefiċċju ta’ benefiċjarji tal-provvista ta’ servizzi pprovduti. Fil-fatt, bħalma sostna l-Gvern Belġjan matul is-seduta, din id-dispożizzjoni tagħti importanza lin-natura intrinsika tal-attivitajiet imwettqa kif ukoll lill-kwalità tal-operatur li jipprovdi s-servizzi jew jikkunsinna l-oġġetti inkwistjoni u mhux lill-mod ta’ finanzjament partikolari ta’ dan l-operatur jew għall-korrispettiv imħallas lilu.

47      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(A)(1) tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni u li huma għandhom, b’hekk, jingħataw definizzjoni fuq livell tal-Unjoni Ewropea (sentenza Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, EU:C:2005:322, punt 22). Issa, li wieħed jiddefinixxi s-servizzi msemmija fl-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva skont l-eżistenza ta’ parteċipazzjoni finanzjarja pubblika għall-benefiċċju tal-operatur jew tal-fatt li l-organi ta’ sigurtà soċjali jieħdu l-ispejjeż tas-servizzi f’idejhom iwassal sabiex dan il-kunċett isir dipendenti fuq il-partikolaritajiet tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam, li jista’ jikkomprometti l-interpretazzjoni awtonoma li għandha tingħata lil dan il-kunċett u li jinħolqu xi disparitajiet fl-applikazzjoni tiegħu fi ħdan l-Unjoni.

48      Barra minn hekk, hemm lok li tiġi skartata l-oġġezzjoni mqajma minn LJJ u Axa, li l-operaturi li ma humiex eliġibbli għall-finanzjament pubbliku jsibu ruħhom f’pożizzjoni kompetittiva żvantaġġjuża meta mqabbla mal-operaturi li jibbenefikaw minn tali finanzjament peress li, minħabba l-fatt li ma jistgħux inaqqsu l-VAT, dawk tal-ewwel ikollhom jiġbru l-ispejjeż kollha relatati max-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li huma wettqu bil-quddiem mill-benefiċjarji tas-servizzi tagħhom, inkluż il-VAT relatata magħhom, peress li din is-sitwazzjoni hija, konsegwentement, skont l-imsemmija kumpanniji, kuntrarja għall-prinċipju tan-newtralità fiskali.

49      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi b’mod partikolari li l-merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi li huma simili, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (ara s-sentenza Zimmermann, C-174/11, EU:C:2012:716, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Issa, f’dan il-każ, l-assenza ta’ għajnuna finanzjarja mill-amministrazzjoni pubblika għall-benefiċċju ta’ LJJ u l-assenza tal-fatt li l-organi ta’ sigurtà soċjali jieħdu l-prezz tas-servizzi mwettqa f’idejhom, ma għandhomx effett fuq in-natura tas-servizzi pprovduti minn din tal-aħħar, peress li dawn is-servizzi huma paragunabbli ma’ dawk ipprovduti minn operaturi oħrajn li jibbenefikaw minn għajnuna pubblika jew minn parteċipazzjoni finanzjarja tal-amministrazzjoni pubblika. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jipprekludix li jingħata l-istess trattament, fir-rigward tal-VAT, lill-imsemmija servizzi.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-formulazzjoni tal-ewwel domanda, fost is-servizzi offruti minn LJJ fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha ta’ operat ta’ residenza li toffri servizzi, ċerti servizzi bi ħlas huma pprovduti b’mod fakultattiv kemm lir-residenti tar-residenza li toffri servizzi kif ukoll lil dawk li ma humiex residenti. Dan jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, l-aċċess għal ristorant-bar, għal ħanut tax-xagħar u tal-estetika, għal sala għal fiżjoterapija, għal attivitajiet ta’ terapija okkupazzjonali, għal post għall-ħasil tal-ħwejjeġ, għal spiżerija fejn jista’ jittieħed id-demm kif ukoll għal klinika.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(A)(2)(b) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeskludu mill-benefiċċju tal-eżenzjoni l-provvista ta’ servizzi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 13(A)(1)(g) ta’ din id-direttiva, jekk dawn ma jkunux indispensabbli għat-twettieq tal-attivitajiet eżentati. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni, li għandha natura obbligatorja għall-Istati Membri, tistipula kundizzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni ta’ każijiet differenti ta’ eżenzjoni msemmija hemmhekk, li, bħal dak previst fl-Artikolu 13(A)(1)(g) tal-imsemmija direttiva, jirrigwardaw servizzi jew kunsinni li huma “marbuta strettament” jew li għandhom “rabta stretta” ma’ attività ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ygeia, C-394/04 u C-395/04, EU:C:2005:734, punt 26).

53      Fir-rigward tas-servizzi pprovduti b’mod fakultattiv, imsemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina dawk li huma meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Tali servizzi, sakemm jikkorrispondu ma’ dawk offruti mid-djar għall-anzjani, jistgħu jitqiesu li huma marbuta strettament, b’mod partikolari, mal-assistenza soċjali u li huma ta’ natura indispensabbli għat-twettieq tas-servizzi eżentati.

54      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li mill-osservazzjonijiet ta’ LJJ u ta’ Axa jirriżulta li d-digriet tat-3 ta’ Diċembru 1998 jelenka, bħala servizzi fakultattivi meħtieġa, is-servizzi ta’ catering, ta’ tindif tal-akkomodazzjonijiet privati mill-inqas darba fil-ġimgħa, kif ukoll il-ħasil tal-bjankerija personali tar-residenti. B’hekk jidher li s-servizzi fakultattivi meħtieġa, sakemm jikkorrispondu ma’ dawk offruti mid-djar għall-anzjani, huma ta’ natura indispensabbli għat-twettiq tal-attivitajiet eżentati minn residenza li toffri servizzi. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi fakultattivi oħrajn fiċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, bħas-servizzi ta’ ħanut tax-xagħar u tal-estetika, ma jidhirx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali teżiġi li r-residenzi li joffru servizzi joffru tali servizzi, u lanqas ma teħtieġ dan mid-djar għall-anzjani, peress li tali servizzi fakultattivi ma jistgħux jitqiesu indispensabbli għat-twettiq tal-attivitajiet eżentati minn residenza li toffri servizzi. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan il-punt.

55      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li:

–        l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, fost is-servizzi pprovduti minn residenza li toffri servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li n-natura soċjali tagħha għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi msemmija f’din is-sentenza, dawk li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni adattata għal persuni anzjani li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni. Is-servizzi l-oħrajn ipprovduti minn din ir-residenza li toffri servizzi jistgħu wkoll jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, sakemm, b’mod partikolari, is-servizzi li għandhom joffru r-residenzi li joffru servizzi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, huma intiżi li jiżguraw l-appoġġ għall-persuni anzjani kif ukoll il-kura tagħhom, u jikkorrispondu ma’ dawk li għandhom joffru wkoll id-djar għall-anzjani, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni;

–        ma huwiex rilevanti, f’dan ir-rigward, jekk l-operatur ta’ residenza li toffri servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tibbenefikax jew le minn sussidji jew minn kwalunkwe forma oħra ta’ benefiċċju jew ta’ parteċipazzjoni finanzjarja min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fost is-servizzi pprovduti minn residenza li toffri servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li n-natura soċjali tagħha għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi msemmija f’din is-sentenza, dawk li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni adattata għal persuni anzjani jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni. Is-servizzi l-oħrajn ipprovduti minn din ir-residenza li toffri servizzi jistgħu wkoll jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, sakemm, b’mod partikolari, is-servizzi li għandhom joffru r-residenzi li joffru servizzi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, huma intiżi li jiżguraw l-appoġġ għall-persuni anzjani kif ukoll il-kura tagħhom, u jikkorrispondu ma’ dawk li għandhom joffru wkoll id-djar għall-anzjani, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

Ma huwiex rilevanti, f’dan ir-rigward, jekk l-operatur ta’ residenza li toffri servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tibbenefikax jew le minn sussidji jew minn kwalunkwe forma oħra ta’ benefiċċju jew ta’ parteċipazzjoni finanzjarja min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.