Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ Lulju 2016 (*)

“VAT – Direttiva 2006/112/KE – Validità u interpretazzjoni tad-Direttiva – Servizzi pprovduti minn avukati – Issuġġettar għall-VAT – Dritt għal rimedju effettiv – Opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Għajnuna legali”

Fil-Kawża C-543/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2014, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2014, fil-kawżi

Ordre des barreaux francophones et germanophone et,

Jimmy Tessens et,

Orde van Vlaamse Balies,

Ordre des avocats du barreau d’Arlon et

vs

Conseil des ministres,

fil-preżenza ta’:

Association Syndicale des Magistrats ASBL,

Conseil des barreaux européens,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President ta’ Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, C. Vajda u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Ordre des barreaux francophones u germanophone et, minn V. Letellier, R. Leloup, E. Huisman, J. Buelens u C. T’Sjoen, avukati,

–        għal Tessens et, minn J. Toury u M. Denys, avukati,

–        għall-Orde van Vlaamse Balies, minn D. Lindemans u E. Traversa, avukati,

–        għall-Ordre des avocats du barreau d’Arlon et, minn D. Lagasse, avukat,

–        għall-Association Syndicale des Magistrats ASBL, minn V. Letellier, avukat,

–        għall-Conseil des barreaux européens, minn M. Maus u M. Delanote, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn K. Georgiadis u A. Dimitrakopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J.- S. Pilczer, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Chatziioakeimidou u E. Moro kif ukoll minn M. Moore, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u J.-F. Brakeland kif ukoll minn M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwim bejn l-Ordre des barreaux francophones et germanophone, Jimmy Tessens, l-Orde van Vlaamse Balies, l-Ordre des avocats du barreau d’Arlon kif ukoll persuni fiżiċi u ġuridiċi oħra, u l-Conseil des ministres (il-Belġju), fir-rigward ta’ talba għal annullament tal-Artikolu 60 tal-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 li tipprovdi dispożizzjonijiet differenti (Moniteur belge tal-1 ta’ Awwissu 2013, p. 48270, iktar ’il quddiem il-“liġi tat-30 ta’ Lulju 2013”), li ġabet fi tmiemha l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-avukati fl-eżerċizzju tal-attività abitwali tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-KEDB

3        L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi li:

“1.      Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. [...]

[...]

3.      Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

[...]

c)      li jiddefendi ruħu persunalment jew permezz ta’ assistenza legali magħżula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed li jħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b’xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk;

[...]”

4        L-Artikolu 14 tas-KEDB jiddikjara:

“It-tgawdija tad-drittijiet u libertajiet kontemplati f ’din il-Konvenzjoni għandha tiġi assigurata mingħajr diskriminazzjoni għal kull raġuni bħalma huma s-sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid jew status ieħor.”

 Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi

5        L-Artikolu 14(1) u (3) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta’ Diċembru 1966 u li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 1976 (iktar ’il quddiem l-“ICCPR”), huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull persuna hija ugwali quddiem il-qrati u t-tribunali. Fid-determinazzjoni ta’ kull akkuża kriminali kontra tagħha, jew tad-drittijiet u l-obbligi tagħha f’kawża skont il-liġi, kull persuna għandha tkun intitolata għal smigħ ġust u pubbliku minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilita skont il-liġi”.

[...]

3.      Kull persuna akkużata bi ksur kriminali għandha d-dritt, f’ugwaljanza sħiħa, minn tal-inqas għall-garanziji li ġejjin:

[...]

b)      li jkollha ż-żmien u faċilitajiet neċessarji għat-tħejjija tad-difiża tagħha u li tkellem avukat tal-għażla tagħha;

[...]

d)      “tiġi ġġudikata fil-preżenza tagħha, u li tiddefendi lilha nfisha personalment jew permezz ta’ assistenza legali li tagħżel hija stess, li tkun mgħarrfa, jekk ma jkollhiex assistenza legali, b’dan id-dritt; u li tiġi assenjata lilha assistenza legali, f’kull każ meta l-interessi tal-ġustizzja hekk jitolbu, u mingħajr ħlas mingħandha f’kull każ bħal dan jekk ma jkollhiex mezzi suffiċjenti sabiex tħallas għaliha;

[...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Skont l-Artikolu 26 tal-ICCPR:

“Il-persuni kollha huma ugwali quddiem il-liġi u għandhom dritt mingħajr diskriminazzjoni għal protezzjoni ugwali mil-liġ. F’dan ir-rigward, il-liġi għandha tipprojbixxi kull diskriminazzjoni u tiggarantixxi lill-persuni kollha protezzjoni ugwali u effikaċi kontra kull diskriminazzjoni, b’mod partikolari ta’ razza, ta’ kulur, ta’ sess, ta’ lingwa, ta’ reliġjon, ta’ opinjoni politika u ta’ kull opinjoni oħra, ta’ oriġini nazzjonali jew soċjali, ta’ fortuna, ta’ twelid jew ta’ kull sitwazzjoni oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

7        L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għat-Tagħrif, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Tiswir tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Materji Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), jipprovdi:

“1.      Kull parti għandha, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, tiżgura li kwalunkwe persuna li tqis li t-talba tagħha għal informazzjoni taħt l-Artikolu 4 ma ttiħditx inkunsiderazzjoni, ġiet irrifjutata b’mod żbaljat, kemm jekk parzjalment jew totalment, ġiet imwieġba b’mod inadegwat, jew li ma ġietx ipproċesata konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, għandha l-possibbiltà li tippreżenta rikors quddiem istanza ġudizzjarja jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi.

[...]

2.      Kull parti għandha tiżgura li, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat

a)      li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti jew, alternattivament,

b)      li jinvokaw preġudizzju ta’ dritt, meta l-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva ta’ parti tagħmel tali kundizzjoni,

ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit permezz ta’ liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, sostanzjali u proċedurali, ta’ kull deċiżjoni, att jew omissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern hekk jipprovdi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-Konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess ġuridiku suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u konformement mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies biżżejjed fis-sens tal-punt (a) iktar ’il fuq. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jiġu ppreġudikati fis-sens tal-punt (b) iktar ’il fuq.

[...]

3.      Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jipproċedu bi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

4.      Barra minn hekk, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inklużi konformità permezz ta’ ordni fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u mingħajr dewmien u ma għandhomx jinvolvu spiża projbittiva. Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jingħataw jew għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub. Id-deċiżjonijiet tal-qrati, u sa fejn possibbli, dawk ta’ korpi oħra, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

5.      Sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jkunu iktar effettivi, kull Parti għandha tiżgura li l-pubbliku jkun informat bil-possibbiltà mogħtija lilu li jibda proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju, u għandha tikkunsidra l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ assistenza bil-ħsieb li jiġu eliminati jew imnaqqsa l-ostakoli finanzjarji jew ostakoli oħra li jfixklu l-aċċess għall-ġustizzja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

8        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Il-prinċipju tas-sistema komuni ta’ VAT tinvolvi l-applikazzjoni ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq merkanzija u servizzi li hi eżattament proporzjonali għall-prezz tal-merkanzija u s-servizzi, ikunu kemm ikunu t-transazzjonijet li jkunu saru fil-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-istadju li fih hi imposta t-taxxa.

Fuq kull transazzjoni, il-VAT, kalkulata fuq il-prezz tal-merkanzija jew tas-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali merkanzija jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.

Is-sistema komuni tal-VAT għandha tkun applikata sa l-istadju tal-kummerċ bl-imnut (dan l-istadju inkluż).”

9        Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[...]

c)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

10      Konformement mal-Artikolu 96 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom japplikaw rata normali ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala perċentwali tal-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.

11      L-Artikolu 98(1) u (2) ta’ din l-istess direttiva jiddikjara:

“1.      L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.

2.      Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.

[...]”

12      L-Anness III tad-Direttiva 2006/112, intitolat “Lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 98”, isemmi, fil-punt 15, “il-provvista ta’ merkanzija u servizzi minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala devoti għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali, sakemm dawk it-transazzjonijiet mhumiex eżenti skond l-Artikoli 132, 135 u 136”.

13      L-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IX tagħha, fejn il-kapitolu msemmi huwa intitolat “Eżenzjonijiet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[...]

g)      il-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija marbuta mill-qrib ma’ l-assistenza u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk provduti mid-djar ta’ l-anzjani, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala ddedikati għall-benessere soċjali;

[...]”

14      Skont l-Artikolu 168(a), tal-imsemmija direttiva:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mill-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[...]”.

15      Konformement mal-Artikolu 371 ta’ din l-istess direttiva, “[l]-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1978, kienu jeżentaw it-transazzjonijiet elenkati fl-Anness X, il-Parti B, jistgħu jkomplu jeżentaw dawk l-attivitajiet, skond il-kondizzjonijet li japplikaw fl-Istat Membru konċernat f’dik id-data.” Fost it-tranżazzjonijiet imsemmija f’din il-lista hemm, b’mod partikolari, il-provvista ta’ servizzi tal-avukati.

 Id-dritt Belġjan

16      L-Artikolu 44(1) tal-Liġi tat-3 ta’ Lulju 1969 li toħloq il-kodiċi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Moniteur belge tas-17 ta’ Lulju 1969, p. 7046), kien jipprovdi, fil-verżjoni preċedenti tagħha għad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013:

“Is-servizzi pprovduti mill-persuni segwenti fl-eżerċizzju tal-attività normali tagħhom, għandhom jiġu eżentati mit-taxxa:

1° l-avukati

[...]”

17      Skont l-Artikolu 60 tal-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013 li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014:

“Fl-Artikolu 44[(1)] tal-Kodiċi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, issostitwita bil-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1992 u emendata bil-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 2011, il-punt 1° huwa mħassar.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali, il-Belġju) ġiet adita b’sensiela ta’ rikorsi intiżi għall-annullament tal-Artikolu 60 tal-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2013. Din id-dispożizzjoni ġabet fi tmiemha, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, l-eżenzjoni tal-VAT għall-provvista ta’ servizzi tal-avukati, li r-Renju tal-Belġju kienet żammet fis-seħħ abbażi tad-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 371 tad-Direttiva 2006/112.

19      Ir-rata legali tal-VAT applikata għall-provvista ta’ servizzi tal-avukati hija ta’ 21 % fil-Belġju.

20      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi tal-avukati għall-VAT u ż-żieda tal-ispejjeż għal dawn is-servizzi li jinvolvi dan l-issuġġettar humiex kompatibbli mad-dritt għal rimedju effettiv u, b’mod partikolari, mad-dritt għall-assistenza ta’ avukat. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, ġaladarba din iż-żieda fl-ispejjeż tolqot biss lil partijiet f’kawża mhux suġġetti għat-taxxa li ma jibbenefikawx mill-għajnuna legali, filwaqt li l-partijiet f’kawża suġġetti għat-taxxa għandhom il-possibbiltà li jnaqqsu l-VAT imħallsa għal dawn is-servizzi.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour constitutionnelle ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      (a)      Peress li tissuġġetta s-servizzi pprovduti mill-avukati għall-VAT, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni, fir-rigward tad-dritt għall-assistenza minn avukat u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, il-fatt jekk l-individwu [parti fil-kawża] li jibbenefika mill-għajnuna legali huwiex suġġett jew le għall-VAT, id-Direttiva 2006/112, hija kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 14 tal-[ICCPR] u mal-Artikolu 6 tal-[KEDB], sa fejn dan l-artikolu jirrikonoxxi lil kull persuna d-dritt għal smigħ ġust, il-possibbiltà li tieħu parir, li jkollha difiża u li tkun irrappreżentata, u d-dritt għal għajnuna legali għal dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, meta din l-għajnuna tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja?

b)      Għall-istess raġunijiet, id-Direttiva 2006/112, hija kompatibbli mal-Artikolu 9(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja mingħajr ma n-nefqa relatata ma’ dawn il-proċedura ma tista’ tkun projbittiva u permezz tal-‘implementazzjoni ta’ mekaniżmi adegwati ta’ assistenza intiżi li jeliminaw jew li jnaqqsu l-ostakoli finanzjarji jew ta’ natura oħra li jostakolaw l-aċċess għall-ġustizzja’?

c)      Is-servizzi pprovduti mill-avukati fil-kuntest ta’ sistema [skema] nazzjonali ta’ għajnuna legali jistgħu jiġu inklużi fis-servizzi koperti mill-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, li huma relatati mill-qrib mal-għajnuna u mas-sigurtà soċjali, jew jistgħu jiġu eżentati bis-saħħa ta’ dispożizzjoni oħra tad-Direttiva? Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, id-Direttiva 2006/112, interpretata fis-sens li ma tippermettix li jiġu eżentati mill-VAT is-servizzi pprovduti mill-avukati lil individwi [partijiet fil-kawża] li jibbenefikaw mill-għajnuna legali fil-kuntest ta’ sistema [skema] nazzjonali ta’ għajnuna legali, hija kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 14 tal-[ICCPR] u mal-Artikolu 6 tal-[KEDB]?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva [għall-punti a) sa c) tal-ewwel domanda], l-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112, sa fejn ma jipprevedix il-possibbiltà li tiġi applikata r-rata mnaqqas tal-VAT għas-servizzi pprovduti mill-avukati, jekk ikun il-każ skont jekk l-individwu [parti fil-kawża] li ma jibbenefikax mill-għajnuna legali huwiex jew le suġġett għall-VAT, huwa kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 14 tal-[ICCPR] u mal-Artikolu 6 tal-[KEDB], sa fejn dan l-artikolu jirrikonoxxi lil kull persuna d-dritt għal smigħ ġust, il-possibbiltà li tieħu parir, li jkollha difiża u li tkun irrappreżentata, u d-dritt għal għajnuna legali għal dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, meta din l-għajnuna tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva [għall-punti a) sa c) tal-ewwel domanda], l-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni rrikonoxxuti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 9 TUE, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn ma jipprevedix, fost l-attivitajiet ta’ interess ġenerali, l-eżenzjoni tal-VAT favur is-servizzi pprovduti mill-avukati, meta servizzi oħra huma eżentati bħala attivitajiet ta’ interess ġenerali, bħalma huma pereżempju s-servizzi mwettqa mis-servizzi postali pubbliċi, diversi servizzi mediċi jew inkella servizzi marbuta mat-tagħlim, mal-isport jew mal-kultura, u meta din id-differenza fit-trattament bejn is-servizzi pprovduti mill-avukati u s-servizzi eżentati taħt l-Artikolu 132 tad-Direttiva tqajjem dubji suffiċjenti peress li s-servizzi pprovduti mill-avukati jikkontribwixxu għar-rispett ta’ ċerti drittijiet fundamentali?

4)      a)      Fil-każ ta’ risposta negattiva [għall-punti a) sa c) tal-ewwel domanda] u [għat-tielet domanda], l-Artikolu 371 tad-Direttiva 2006/112 jista’ jiġi interpretat, inkonformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fis-sens li jawtorizza lil Stat Membru tal-Unjoni jżomm parzjalment fis-seħħ l-eżenzjoni tas-servizzi pprovduti minn avukati meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti lil individwi li ma humiex suġġetti għall-VAT?

b)      L-Artikolu 371 tad-Direttiva 2006/112 jista’ jiġi interpretat ukoll, inkonformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fis-sens li jawtorizza lil Stat Membru tal-Unjoni jżomm parzjalment fis-seħħ l-eżenzjoni tas-servizzi pprovduti minn avukati meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti lil individwi li jibbenefikaw mill-għajnuna legali fil-kuntest ta’ sistema [skema] nazzjonali ta’ għajnuna legali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-punt (a) tal-ewwel domanda

22      Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina l-validità tal-Aritkolu 1(2) u tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2006/112 fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet iggarantiti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw għall-VAT il-provvista ta’ servizzi ta’ avukati lill-partijiet f’kawża li ma jibbenefikawx mill-għajnuna legali fil-kuntest ta’ skema nazzjonali ta’ għajnuna legali.

23      Inkwantu l-qorti tar-rinviju tirreferi mhux biss għall-Artikolu 47 tal-Karta, iżda wkoll għall-Artikolu 14 tal-ICCPR u għall-Artikolu 6 tal-KEDB, għandu jitfakkar li jekk, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u jekk l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet li jinsabu fiha li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, fin-nuqqas ta’ adeżjoni tal-Unjoni fiha, strument ġuridiku formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 44; tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, C-398/13 P, EU:C:2015:535, punt 45, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45). Din l-aħħar konstatazzjoni tapplika wkoll għall-ICCPR. B’hekk, l-eżami tal-validità tad-Direttiva 2006/112 għandha ssir biss fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fir-rigward tal-portata tal-eżami meħtieġ mid-domanda magħmula, għandu jiġi osservat li din tillimita ruħha għall-ispiża speċifika li tirriżulta mill-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi tal-avukati għall-VAT bir-rata ta’ 21 % u ma tirrigwardax l-ispejjeż kollha relatati mal-proċedura ġudizzjarja.

25      Barra minn hekk, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss is-sitwazzjoni ta’ partijiet f’kawża li ma jibbenefikawx mill-għajnuna legali skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti, il-partijiet f’kawża li jibbenefikaw minn din l-għajnuna ma jiġux affetwati minn żieda eventwali fl-ispejjeż ta’ avukati li jistgħu jirriżultaw mill-issuġġettar għall-VAT għall-provvista ta’ servizzi ta’ avukati, peress li din il-provvista ta’ servizzi titħallas mill-Istat Belġjan.

26      Min-naħa l-oħra, il-partijiet f’kawża l-oħra għandhom bħala prinċipju, isostnu, skont ir-regoli previsti mid-dritt nazzjonali, l-ispejjeż ta’ avukat flimkien mal-VAT, liema fatt iqajjem, skont il-qorti tar-rinviju, mistoqsijiet relatati mal-kompatibbiltà ta’ dan il-piż fiskali fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk din il-qorti għandha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ dan il-piż fiskali mal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, peress li huma biss il-partijiet f’kawża li jkunu persuni taxxabbli li għandhom id-dritt li jnaqqsu l-VAT fuq l-input imħallsa għall-provvista ta’ servizzi tal-avukati, skont l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112, u li l-issuġġettar għal din il-provvista ta’ servizzi għall-VAT jolqot, b’hekk, b’mod differenti lill-partijiet f’kawża skont jekk huma jkunu jew ma jkunux persuni taxxabbli.

 Fuq id-dritt għal rimedju effettiv

27      L-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv, liema dritt jinkludi, skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikoli, b’mod partikolari, il-possibbiltà għal kull persuna li tieħu parir, li jkollha difiża u li tiġi rrappreżentata minn avukat. It-tilet paragrafu tal-imsemmi artikolu jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv permezz ta’ għajnuna legali lill-partijiet f’kawża li ma jkollhomx biżżejjed mezzi.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi psservat li mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-partijiet f’kawża li ma għandhomx dritt għall-għajnuna legali, li huma l-uniċi msemmija fil-punt a) tal-ewwel domanda, jitqiesu li għandhom, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, biżżejjed mezzi sabiex jaċċedu għall-ġustizzja billi jiġu rrappreżentati minn avukat. Issa, fir-rigward ta’ dawn il-partijiet f’kawża, id-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta ma jiggarantixxix, bħala prinċipju, dritt sabiex il-provvista ta’ servizzi tal-avukati jiġu eżentati mill-VAT.

29      Il-punt a) tal-ewwel domanda dwar il-validità tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2006/112 fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi evalwat skont il-karatteristiċi speċifiċi għal dawn id-dispożizzjonijiet u ma jistax jiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ speċifiku.

30      Barra minn hekk, għalkemm l-aċċess għall-ġustizzja u l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja jiddependu minn bosta fatturi ta’ kull tip, xorta jibqa’ l-fatt li l-ispejjeż relatati ma’ proċedura ġudizzjarja, fosthom il-VAT fuq il-provvista ta’ servizzi tal-avukati, jista’ wkoll ikollhom effett fuq id-deċiżjoni tal-parti f’kawża li tinvoka d-drittijiet tagħha fil-qorti billi tiġi rrappreżentata minn avukat.

31      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija f’numru ta’ oqsma minbarra d-dritt tal-VAT, jirriżulta li l-impożizzjoni ta’ tali spejjeż tista’ titqiegħed inkwistjoni fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta biss jekk dawn l-ispejjeż ikunu ta’ natura kbira wisq (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C-279/09, EU:C:2010:811, punt 61, u id-digriet tat-13 ta’ Ġunju 2012, GREP, C-156/12, mhux ippubblikata, EU:C:2012:342, punt 46) jew jekk jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute, C-61/14, EU:C:2015:655, punti 48, 49 u 58).

32      Ċertament, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali enfasizzaw li l-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi tal-avukati għall-VAT bir-rata ta’ 21 % jimplika, għall-persuni taxxabbli li ma jibbenefikawx mill-għajnuna legali, l-uniċi msemmija mill-punt a) tal-ewwel domanda, żieda importanti fl-ispejjeż relatati mal-proċedura ġudizzjarja.

33      Madankollu, kif ġie osservat, b’mod partikolari, mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-issuġġettar ta’ din il-provvista ta’ servizzi għall-VAT bir-rata ta’ 21 % ma jinvolvix, bl-istess proporzjon, żieda fl-ispejjeż tal-avukati, inkwantu, bħala persuni taxxabbli, dawn tal-aħħar għandhom id-dritt li jnaqqsu l-VAT fuq ix-xiri ta’ beni jew ta’ servizzi fil-kuntest tas-servizzi li jipprovdu, konformement mal-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112. Issa, peress li l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis għandu jnaqqas l-ispejjeż tagħhom, il-miżura li biha l-avukati għandhom l-obbligu li jiġbru l-ispiża li tirriżulta mill-VAT fuq l-onorarji tagħhom hija inċerta.

34      Il-kobor ta’ żieda eventwali ta’ dawn l-onorarji huwa wisq iżjed inċert ġaladarba fil-Belġju tiġi applikata sistema ta’ libertà fil-ftehim tal-onorarji. Fil-kuntest ta’ tali sistema ta’ onorarji, ibbażata fuq il-kompetizzjoni bejn avukati, dawn tal-aħħar jispiċċaw jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tal-klijenti tagħhom. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-onorarji tal-avukati għandhom josservaw il-limiti li jirriżultaw mir-rekwiżit ta’ moderazzjoni ġusta.

35      Għalhekk, ebda korrelazzjoni stretta, jew saħansitra mekkanika, ma tista’ tiġi stabbilita bejn l-issuġġettaw għall-VAT tal-provvista ta’ servizzi tal-avukati u żieda fil-prezz ta’ dawn is-servizzi.

36      Fi kwalunkwe każ, peress li l-ammont tal-VAT inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix, bl-ebda mod, l-iktar frazzjoni importanti tal-ispejjeż relatati ma’ proċedura ġudizzjarja, ma għandux jitqies li l-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi tal-avukati għall-VAT, waħdu, jikkostitwixxu ostaklu kbir wisq għall-aċċess għall-ġustizzja jew li jagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li dan l-issuġġettar jista’ eventwalment jagħti lok għal żieda fl-ispejjeż ma jistax iqiegħed inkwistjoni tali ssuġġettar, fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta.

37      Fl-ipoteżi fejn iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ speċifiku jimplikaw li l-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi tal-avukati għall-VAT joħloq, waħdu, ostaklu kbir wisq għall-aċċess għall-ġustizzja jew li jagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli, ikun meħtieġ li dan jittieħed inkunsiderazzjoni aġġustament approprjat tad-dritt għall-għajnuna legali, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-protezzjoni mogħtija minn dan id-dritt ma testendix ruħha għall-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi tal-avukati għall-VAT.

 Fuq il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet

39      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-validità tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2006/112 anki fir-rigward tal-prinċipaju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, minħabba li l-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi tal-avukati għall-VAT bir-rata ta’ 21 % huwa ta’ żvantaġġ għall-partijiet f’kawża mhux suġġetti għat-taxxa meta mqabbla mal-partijiet f’kawża li huma suġġetti għat-taxxa. Dan l-iżvantaġġ jirriżulta mill-fatt li dawn tal-aħħar, b’differenza minn tal-ewwel, jibbenefikaw minn dritt għal tnaqqis u ma jsostnux il-piż finanzjarju li jirriżulta minn din l-applikazzjoni tal-VAT.

40      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett innifsu ta’ smigħ xieraq u li għandu bħala għan li jiżgura l-ekwilibriju bejn il-partijiet fil-kawża, jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offerta l-possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’ċirkustanzi li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbel mal-avversarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C-199/11, EU:C:2012:684, punti 71 u 72; tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 31, kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, Sánchez Morcillo u Abril García, C-539/14, EU:C:2015:508, punt 48).

41      Dan il-prinċipju għandu bħala għan li jiżgura l-ekwilibriju proċedurali bejn il-partijiet fi proċedura ġudizzjarja, billi jiggarantixxi l-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ dawn il-partijiet, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi u d-dibattitu kontradittorju quddiem il-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C-199/11, EU:C:2012:684, punti 71 u 72) kif ukoll tad-drittijiet tal-imsemmija partijiet għal rimedju (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C-169/14, EU:C:2014:2099, punti 44, 48 u 49).

42      Madankollu, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ma jfissirx, hekk kif osserva l-kunsill fl-osservazzjonijiet tiegħu sottomessi lill-Qorit tal-Ġustizzja, l-obbligu li l-partijiet jitqiegħdu fuq livell ta’ ugwaljanza fir-rigward tal-ispejjeż finanzjarji sostnuti fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja.

43      Fir-rigward tal-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi tal-avukati għall-VAT bir-rata ta’ 21 %, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-issuġġettar għal din it-taxxa u l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis jistgħu, ċertament, jagħtu, għal ammont identiku ta’ onorarji, vantaġġ pekunjarju lill-parti f’kawża li hija persuna taxxabbli meta mqabbel mal-parti f’kawża li ma hijiex persuna taxxabbli, madankollu dan il-vantaġġ pekunjarju ma huwiex tali li jaffettwa l-ekwilibriju proċedurali tal-partijiet.

44      Fil-fatt, fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, ġie kkonstatat li dawn il-partijiet f’kawża huma, fil-fatt, mistennija li jkollhom riżorsi suffiċjenti li jippermettu li jiġu koperti l-ispejjeż relatati mal-proċedura ġudizzjarja, inklużi l-onorarji tal-avukat. Għalhekk, minkejja l-vantaġġ finanzjarju eventwali li dan jista’ jagħti lil parti f’kawża jew oħra, l-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi tal-avukati għall-VAT inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex tali, fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq, li jqiegħed lill-partijiet f’kawża li ma humiex persuni taxxabbli f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ evidenti meta mqabbla mal-partijiet f’kawża li huma persuni taxxabbli.

45      Kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha sottomessi lill-Qorti talĠustizzja, il-kapaċità ta’ parti f’tilwima li tkun tista’ tħallas onorarji ta’ avukat ogħla minn dawk imħallsa mill-avversarju tagħha ma jfissirx neċessarjament li r-rappreżentanza legali tal-ewwel persuna tkun aħjar. Fil-fatt, skont il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ sistema ta’ libertà fil-ftehim tal-onorarji, bħal dik fis-seħħ fil-Belġju, l-avukati jistgħu jkollhom jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tal-klijenti tagħhom u jitolbu onorarji, flimkien mal-VAT, lil dawk il-klijenti tagħhom li ma humiex suġġetti għat-taxxa, li tkun inqas ogħla minn dawk li jitolbu lil dawk il-klijenti tagħhom li huma suġġetti għat-taxxa.

46      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-garanzija mogħtija mill-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ma hijiex estiża għall-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi tal-avukati għal-VAT bir-rata ta’ 21 %.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda għandha tingħata fis-sens li l-eżami tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2006/112 fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet iggarantiti fl-Artikolu 47 tal-Karta ma jiżvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tagħhom, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw għall-VAT il-provvista ta’ servizzi tal-avukati pprovduti lill-partijiet f’kawża li ma jibbenefikawx mill-għajnuna legali fil-kuntest ta’ skema nazzjonali ta’ għajnuna legali.

 Fuq il-punt (b) tal-ewwel domanda

48      Permezz tal-punt (b) tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2006/112 fir-rigward tal-Artikolu 9(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sa fejn jissuġġettaw il-provvista ta’ servizzi tal-avukati għall-VAT.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li tiegħu l-Unjoni hija parti, jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors għall-annullament ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jew ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità ta’ tali att biss bil-kundizzjoni doppja li, minn naħa, in-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, jidhru inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (sentenza tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie et Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C-401/12 P sa C-403/12 P, EU:C:2015:4, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fir-rigward tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, mill-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija tapplika biss għall-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9(1), (2) u (3) ta’ din il-konvenzjoni. Issa, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet ma jinkludu ebda obbligu inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż li jista’ jirregola direttament is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwi.

51      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 9(3) tal-imsemmija konvenzjoni, li, peress li huma biss “il-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali previsti mid-dritt intern” li għandhom drittijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, din hija suġġetta, fl-implementazzjoni jew fl-effetti tagħha, għall-intervent ta’ att ulterjuri (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C-240/09, EU:C:2011:125, punt 45, kif ukoll tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie et Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C-401/12 P sa C-403/12 P, EU:C:2015:4, punt 55).

52      Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 9(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirreferi wkoll għal kriterji deċiżi mid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, skont il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-proċeduri għat-tressiq ta’ kawża għandhom jiġu stabbiliti “fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali” tal-partijiet f’din il-konvenzjoni, fejn il-leġiżlatur nazzjonali għandu, b’mod partikolari, jiddeċiedi jekk huwa jkollux l-intenzjoni jipprovdi l-possibbiltà ta’ rikors “quddiem istanza ġudizzjarja jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi”. Barra minn hekk, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija konvenzjoni jirriżulta li għandhom ikunu d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jiddeterminaw “[d]ak li jikkostitwixxi interess ġuridiku suffiċjenti u ksur ta’ dritt”.

53      Għaldaqstant l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tirreferi esklussivament għal dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet, imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors għal annullament ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni.

54      Għalhekk, l-Artikolu 9(4) tal-imsemmija konvenzjoni ma jistax jiġi invokat sabiex iqiegħed inkwistjoni l-validità tad-Direttiva 2006/112.

55      Fir-rigward tal-Artikolu 9(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, minn din id-dispożizzjoni, li tgħid li kull parti f’din il-konvenzjoni għandha l-obbligu li “tiżgura” t-tqegħid fis-seħħ tal-“mekkaniżmi xierqa ta’ assistenza” intiżi sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-ostakoli finanzjarji jew oħrajn li jipprekludu l-aċċess għall-ġustizzja, jirriżulta li huwa lanqas ma jinkludi l-obbligu inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż u li huwa suġġett, fl-implementazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att ulterjuri.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 9(5) tal-imsemmija konvenzjoni ma jistax, minħabba n-natura tiegħu stess, jiġi invokat għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2006/112.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-punt (b) tal-ewwel domanda għandha tingħata fis-sens li l-Artikolu 9(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jistax jiġi invokat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2006/112.

 Fuq il-punt (c) tal-ewwel domanda

58      Permezz tal-punt (c) tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jew “dispożizzjoni[jiet] oħra” ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-provvista ta’ servizzi mill-avukati favur partijiet f’kawża li jibbenefikaw mill-għajnuna legali fil-kuntest ta’ skema nazzjonali ta’ għajnuna legali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiet eżentata mill-VAT. Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, din il-qorti titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 2(1)(c) ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw din il-provvista ta’ servizzi għall-VAT.

59      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm id-domanda prinċipali magħmula tirreferi kemm għall-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll għal “dispożizzjoni[jiet] oħra” eventwali ta’ din id-direttiva, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippermettix li dawn jiġu identifikati mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, minbarra dawk tal-Artikolu 132(1)(g) ta’ din tal-aħħar, li abbażi tagħhom il-provvista ta’ servizzi tal-avukati mwettqa fil-kuntest ta’ skema nazzjonali ta’ għajnuna legali tista’ tiġi eżentata mill-VAT.

60      Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 55 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 għall-provvista ta’ servizzi mill-avukati fil-kuntest ta’ skema nazzjonali ta’ għajnuna legali, madankollu hija ddeċidiet li din il-provvista ta’ servizzi ma tistax tiġi suġġetta għal rata ta’ VAT imnaqqsa skont l-Artikolu 98(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 15 tal-Anness III ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju , Il-Kummissjoni vs Franza, C-492/08, EU:C:2010:348, punt 47).

61      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, peress li l-punt 15 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva jawtorizza lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT mhux għall-provvisti kollha ta’ servizzi ki għandhom karattru soċjali, iżda biss għal dawk ipprovduti minn organi li jissodisfaw ir-rekwiżit doppju li jkollhom huma stess karattru soċjali u li jkunu impenjati f’ħidma ta’ għajnuna u sigurtà soċjali, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissuġġetta l-possibbiltà tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa biss għas-servizzi pprovduti minn organi li jissodisfaw dan ir-rekwiżit doppju tkun tikkuntrasta li kieku Stat Membru kien liberu li jikkwalifika entitajiet privati bi skop ta’ lukru bħala organi fis-sens tal-imsemmi punt 15 minħabba s-sempliċi fatt li dawn l-entitajiet jipprovdu wkoll servizzi li jkollhom karattru soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-492/08, EU:C:2010:348, punti 43 u 44).

62      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax japplika rata mnaqqsa tal-VAT għal servizzi pprovduti minn entitajiet privati bi skop ta’ lukru abbażi tas-sempliċi evalwazzjoni tan-natura ta’ dawn is-servizzi, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għanijiet segwiti minn dawn l-entitajiet ikkunsidrati fil-globalità tagħhom u l-istabbiltà tal-impenn soċjali tagħhom. Issa, fid-dawl tal-għanijiet globali u tal-assenza ta’ stabbiltà ta’ impenn soċjali eventwali, il-kategorija professjonali tal-avukati konsulenti legali ma tistax titqies li għandha soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-492/08, EU:C:2010:348, punti 45 u 46).

63      Din il-ġurisprudenza tapplika mutatis mutandis għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, peress li l-applikazjzoni tagħha ma hijiex biss suġġetta għal kundizzjoni relatata mal-karattru soċjali tal-provvisti ta’ servizzi kkonċernati, li għandhom ikunu strettament marbuta mal-għajnuna u s-sigurtà soċjali, iżda li tkun, barra minn hekk, limitata għas-servizzi pprovduti minn organi meqjusa li għandhom karattru soċjali.

64      F’dan il-każ, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-servizzi pprovduti taħt l-iskema nazzjonali ta’ għajnuna legali ma humiex ipprovduti mill-avukati kollha, iżda biss minn dawk li joffru lilhom infushom volontarji sabiex jipprovdu servizzi b’mod prinċipali jew b’mod sekondarju u li huma, għal dan il-għan, inklużi f’lista stabbilita ta’ kull sena. B’hekk jidher li l-provvista ta’ spejjeż taħt tali skema tikkostitwixxi biss għan fost oħrajn tal-professjoni ta’ avukat.

65      Għalhekk, il-provvista ta’ servizzi mogħtija mill-avukati fil-kuntest tal-iskema nazzjonali ta’ għajnuna legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex eżentata mill-VAT taħt l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112.

66      Fl-aħħar nett, fl-ipoteżi fejn din il-provvista ta’ servizzi ma hijiex eżentata mill-VAT, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 2(1)(c) tal-imsemmija direttiva fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn jissuġġettaw l-imsemmija servissi għall-VAT b’rata ta’ 21 %. F’dan ir-rigward, jidher li mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li s-skema nazzjonali ta’ għajnuna legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tħallas it-totalità tal-ispejjeż ta’ avukat tal-partijiet f’kawża li jibbenefikaw minn din l-għajnuna, inkluża l-VAT fuq il-provvista ta’ servizzi tal-avukati.

67      Issa, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet kumplementari tal-qorti tar-rinviju dwar l-effetti tiegħu, l-issuġġettar għall-VAT tal-provvista ta’ servizzi mill-avukati fil-kuntest ta’ din is- skema nazzjonali ta’ għajnuna legali ma tidhirx li tqiegħed inkwistjoni d-dritt għal rimedju effettiv tal-partijiet f’kawża li jibbenefikaw minn tali għajnuna.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (c) tal-ewwel domanda għandha tingħata fis-sens li l-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi mill-avukati favur partijiet f’kawża li jibbenefikaw mill-għajnuna legali fil-kuntest ta’ skema nazzjonali ta’ għajnuna legali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex eżentata mill-VAT.

 Fuq it-tieni sar-raba’ domandi

69      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-punti (a) sa (c) tal-ewwel domanda, ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-tieni sar-raba’ domandi.

 Fuq l-ispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-eżami tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet iggarantiti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jiżvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tagħhom, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw għall-VAT il-provvista ta’ servizzi tal-avukati pprovduti lill-partijiet f’kawża li ma jibbenefikawx mill-għajnuna legali fil-kuntest ta’ skema nazzjonali ta’ għajnuna legali.

2)      L-Artikolu 9(4) u (5) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għat-Tagħrif, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Tiswir tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Materji Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998, ma jistax jiġi invokat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2006/112.

3)      L-Artikolu 132(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi mill-avukati favur partijiet f’kawża li jibbenefikaw mill-għajnuna legali fil-kuntest ta’ skema nazzjonali ta’ għajnuna legali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex eżentata mill-VAT.

Firem


*  Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.