Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Diċembru 2016(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali fil-qasam ta’ sottokapitalizzazzjoni tas-sussidjarji – Inklużjoni fid-dħul taxxabbli ta’ kumpannija li tislef tal-interessi tas-self imħallsa minn sussidjarja mhux residenti li sselfet – Eżenzjoni mill-interessi mħallsa minn sussidjarja residenti li sselfet – Tqassim ekwu tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri – Neċessità li jiġi evitat ir-riskju ta’ evażjoni fiskali”

Fil-Kawża C-593/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vestre Landsret (qorti tal-appell reġjonali tal-Punent, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

Masco Denmark ApS,

Damixa ApS

vs

Skatteministeriet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali : J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Masco Denmark ApS u Damixa ApS, minn J. Krogsøe, advokat,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn S. Horsbøl Jensen, advokat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Clausen u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Masco Denmark ApS u Damixa ApS u Skatteministeriet (ministeru tal-finanzi, id-Danimarka) dwar id-deċiżjoni tal-awtorità fiskali nazzjonali li tinkludi fid-dħul taxxabbli ta’ kumpannija omm li tislef stabbilita fid-Danimarka, l-interessi mħallsa minn sussidjarja li sselfet stabbilita fil-Ġermanja, li ma jistgħux jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli ta’ din is-sussidjarja skont il-liġi Germaniża dwar is-sottokapitalizzazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Daniż

3        L-interessi miġbura minn impriża Daniża huma, bħala regola ġenerali, inklużi fid-dħul taxxabbli, skont l-Artikolu 4(e) tal-Lov om Indkomst- og Formueskat til Staten (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul miġbur mill-Istat).

4        Skont l-Artikolu 6(e), tal-imsemmija liġi, il-kumpanniji Daniżi jgawdu minn dritt ġenerali ta’ tnaqqis tal-ispejjeż ta’ interessi.

5        Skont l-Artikolu 11 tal-Lov om indkomstbeskatning af aktieselskaber m.v. (liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, iktar ’il quddiem, l-“SEL”), id-dritt tal-kumpanniji li jnaqqsu l-ispejjeż ta’ interessi huwa madankollu limitat fil-każ ta’ sottokapitalizzazzjoni. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 11, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għas-snin finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi:

“Jekk kumpannija jew grupp ta’ kumpanniji:

1)jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-punti 1 sa 2(a), 2(d) sa 2(g) u 3(a) sa 5(b) tal-Artikoli 1(1), [jiġifieri huma fiskalment residenti fid-Danimarka];

2)għandhom dejn lejn persuna ġuridika li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-[lov om påligningen af indkomstskat til staten ou ligningsloven (liġi dwar il-bażi tal-kontribuzzjonijiet)] [jiġifieri dejn lejn is-soċji jew kumpanniji tal-istess grupp, iktar ’il quddiem “dejn ikkontrollat”];

3)u, fl-għeluq is-sena fiskali, is-self u djun tal-imsemmija kumpannija jew grupp ta’ kumpanniji (djun) jammontaw għal iktar minn erba’ darbiet il-kapital proprju;

l-interessi u telf minn kambju relatati mal-parti ż-żejda tad-dejn ikkontrollat ma jistgħux jitnaqqsu.[...] Is-self mingħand terzi, li huwa direttament jew indirettament iggarantit mis-soċji li għandhom il-kontroll jew mill-kumpanniji tal-istess grupp, jitqies bħala dejn ikkontrollat. Id-dritt għal tnaqqis huwa introdott mill-ġdid jekk il-kumpannija jew il-grupp ta’ kumpanniji juru li kundizzjonijiet finanzjarji ekwivalenti jistgħu jinkisbu bejn partijiet indipendenti. Id-dritt għal tnaqqis jintilef biss meta l-ammont tad-dejn ikkontrollat jeċċedi 10 miljuni [kroner Daniżi (DKK) (madwar EUR 1 344 528)]. Bl-istess mod, id-dritt għal tnaqqis jintilef biss għall-parti tad-dejn ikkontrollat li jista’ jiġi kkonvertit f’kapital proprju sakemm, fl-għeluq tas-sena finanzjarja, il-proporzjon bejn l-ammont tad-dejn u l-kapital proprju jkun ta’ 4:1.”

6        Ir-regoli dwar is-sottokapitalizzazzjoni ġew introdotti permezz tal-Liġi Nru 432, tas-26 ta’ Ġunju 1998, u kienu applikabbli biss jekk il-kreditur ma kienx fiskalment residenti d-Danimarka. Il-Liġi Nru 221, tal-31 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem il-“liġi li temenda l-SEL”), emendat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tal-SEL b’tali mod li din il-leġiżlazzjoni issa tapplika wkoll meta kemm id-debitur kif ukoll il-kreditur ikollhom ir-residenza fiskali tagħhom id-Danimarka.

7        Hija f’din l-okkażjoni li ġie introdott l-Artikolu 11(6) tal-SEL. Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

“L-interessi u l-qligħ minn kambju ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tar-riżultat taxxabbli tal-persuna taxxabbli [tal-kumpanniji taxxabbli u tal-istabbilimenti stabbli taxxabbli ta’ kumpanniji barranin] meta d-debitur ma jistax inaqqas l-ammonti korrispondenti b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1[...]”

8        Mix-xogħol preparatorju tal-liġi li temenda l-SEL jirriżulta li “[m]inħabba l-fatt li l-kumpanniji Daniżi huma issa suġġetti għal-limiti fuq id-dritt għal tnaqqis, huwa propost inkambju li l-kumpanniji li huma fiskalment residenti fid-Danimarka ma jiġux intaxxati fuq l-interessi rċevuti mid-debituri li, b’applikazzjoni tar-regoli l-ġodda, ma jistgħux inaqqsuhom, bl-istess mod kif id-Danimarka ma tintaxxax lill-kumpanniji stabbiliti ġewwa Stati Membri oħra għal tali interessi miġbura”.

 Id-dritt Ġermaniż

9        Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar is-sottokapitalizzazzjoni applikabbli għas-snin fiskali 2005 u 2006 kienet tinsab fl-Artikolu 8 a tal-Körperschaftsteuergesetz (liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji). Skont din id-dispożizzjoni, kumpannija titqies li hija sottokapitalizzata meta l-ammont tal-kapitali mislufa jeċċedi għal iktar minn darba u nofs l-ammont tal-kapitali proprji tagħha. F’dan il-każ, id-dritt għal tnaqqis tal-ispejjeż ta’ interessi fuq self jitħassar, sakemm il-kumpannija ma tistabbilixxix li s-self seta’ kien sottoskritt ma’ terzi b’kundizzjonijiet ekwivalenti.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Damixa hija impriża Daniża speċjalizzata fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ fittings tal-plumbing. Matul is-snin fiskali 2005 u 2006, meta hija kienet sussidjarja ta’ Masco Denmark, Damixa kienet preżenti fis-suq Ġermaniż permezz tas-sussidjarja Ġermaniża tagħha, Damixa Armaturen, 100 % proprjetà tagħha.

11      Wara diversi snin finanzjarji b’telf kbir, Damixa Armaturen sabet ruħha f’diffikultajiet finanzjarji fl-2005 u fl-2006. Fil-31 ta’ Diċembru 2005, it-telf akkumulat tagħha kien ta’ EUR 28 miljun u b’hekk iġġenerat kapital proprju negattiv ta’ EUR 22.8 miljun. Fil-31 ta’ Diċembru 2006, it-telf akkumulat ta’ din is-sussidjarja kien ta’ EUR 30.9 miljun, b’kapital proprju negattiv ta’ EUR 25.8 miljun.

12      It-telf ta’ Damixa Armaturen kien essenzjalment iffinanzjat minn self mogħti minn Damixa. Id-dejn ta’ Damixa Armaturen favur Damixa kien, f’għeluq is-snin finanzjarji 2005 u 2006, ta’ ammont ta’  EUR 24.8 miljun u ta’ EUR 27.7 miljun, rispettivament.

13      Is-self kien ingħata minn Damixa b’rata bażika miżjuda b’nofs punt perċentwali. Għalhekk, l-interessi għolew għal kull sena fiskali inkwistjoni għal 3 935 980 DKK (madwar EUR 529 203) u 5 648 765 DKK (madwar EUR 759 492).

14      Damixa Armaturen ma naqqsitx dawn l-ispejjeż ta’ interessi mir-riżultat fiskali fil-Ġermanja minħabba li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tillimita d-dritt għal tnaqqis fil-każ ta’ sottokapitalizzazzjoni, dawn kienu jikkostitwixxu profitti mqassma li ma jistgħux jitnaqqsu.

15      Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha, Damixa ma ddikjaratx dan id-dħul, jiġifieri d-dħul mill-interessi, fir-riżultati taxxabbli tagħha, peress li hija tqis li r-regoli Daniżi dwar it-tassazzjoni ta’ interessi miġbura kienu jiksru d-dritt tal-Unjoni.

16      B’deċiżjoni tal-1 ta’ April 2008, l-awtorità fiskali Daniża qieset li l-interessi miġbura fuq is-self mogħti minn Damixa lil Damixa Armaturen fl-2005 u fl-2006 kellhom jiġu inklużi fid-dħul taxxabbli ta’ Damixa.

17      Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ lment quddiem il-Landsskatteretten (kummissjoni nazzjonali fiskali, id-Danimarka) li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2011.

18      Fil-15 ta’ Marzu 2012, Masco Denmark u Damixa appellaw minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem ir-Retten i Odense (qorti ta’ Odense, id-Danimarka), u sussegwentement appellaw mis-sentenza ta’ ċaħda mogħtija minn din il-qorti quddiem il-Vestre Landsret (qorti tal-appell reġjonali tal-Punent, id-Danimarka).

19      Quddiem il-qorti tar-rinviju, Masco Denmark u Damixa sostnew li r-regoli Daniżi inkwistjoni kienu jiksru l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, peress li ma kinux konformi mal-libertà ta’ stabbiliment, u li dan in-nuqqas ta’ konformità ma kienx iġġustifikat. F’dan ir-rigward, huma sostnew li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 11(6) tal-SEL, tapplika biss jekk is-sussidjarja li sselfet hija residenti d-Danimarka.

20      Din l-opinjoni hija kkontestata mill-Ministeru tal-Finanzi, li jsostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħu, hija l-applikazzjoni tar-regoli fiskali Ġermaniżi li wasslet biex Damixa Armaturen ma setgħetx tnaqqas mir-riżultat fiskali tagħha l-interessi li hija ħallset. Huwa wkoll tal-opinjoni li l-iżvantaġġ fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta mill-eżerċizzju simultanju mir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vestre Landsret (qorti tal-appell reġjonali tal-Punent, id-Danimarka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE (li saru Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE rispettivament), jipprekludi Stat Membru milli ma jagħtix eżenzjoni fiskali għall-interessi riċevuti minn kumpannija residenti fil-każ li kumpannija li tifforma parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji, residenti fi Stat Membru ieħor, ma tkunx tista’ tnaqqas mit-taxxa l-ispiża għall-ħlas tal-interessi korrispondenti minħabba r-regoli (bħal dawk fis-seħħ f’dan il-każ) fl-Istat Membru kkonċernat li jillimitaw id-dritt għal tnaqqis tal-interessi mħallsa fil-każ ta’ sottokapitalizzazzjoni, meta dan l-ewwel Stat Membru jagħti eżenzjoni fiskali għall-interessi riċevuti minn kumpannija residenti fil-każ li kumpannija residenti oħra li tifforma parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji ma tkunx tista’ tnaqqas mit-taxxa l-ispiża għall-ħlas tal-interessi korrispondenti skont ir-regoli nazzjonali (bħal dawk fis-seħħ f’dan il-każ) li jillimitaw it-tnaqqis ta’ tali spejjeż fil-każ ta’ sottokapitalizzazzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lil kumpannija residenti eżenzjoni fiskali għall-interessi mħallsa minn sussidjarja residenti, sa fejn din tal-aħħar ma setgħetx tnaqqas l-ispiża korrispondenti minħabba regoli li jillimitaw id-dritt għal tnaqqis tal-interessi mħallsa fil-każ ta’ sottokapitalizzazzjoni, iżda teskludi tali eżenzjoni meta s-sussidjarja hija residenti fi Stat Membru ieħor.

23      Għandu jitfakkar li l-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 49 TFUE jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni, tinkludi, b’mod konformi mal-Artikolu 54 TFUE, għall-kumpanniji stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom fi ħdan l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor permezz ta’ sussidjarja, fergħa jew aġenzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, A, C-123/11, EU:C:2013:84, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment għandhom l-għan li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, huma jipprojbixxu wkoll lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ kumpannija mwaqqfa skont il-liġi tiegħu, b’mod partikolari permezz ta’ sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland, C-388/14, EU:C:2015:829, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Ikun hemm ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment jekk, skont is-sistema fiskali ta’ Stat Membru, kumpannija residenti li jkollha sussidjarja fi Stat Membru ieħor iġġarrab differenza fit-trattament fiskali żvantaġġjuża meta mqabbla ma’ kumpannija residenti li jkollha sussidjarja fl-ewwel Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland, C-388/14, EU:C:2015:829, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li eżenzjoni fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħtija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali lil kumpannija residenti għall-interessi mħallsa minn sussidjarja residenti, sa fejn hija ma setgħetx tnaqqas l-ispiża korrispondenti minħabba regoli nazzjonali li jillimitaw id-dritt għal tnaqqis tal-interessi mħallsa fil-każ ta’ sottokapitalizzazzjoni, tikkostitwixxi vantaġġ fiskali.

27      L-esklużjoni ta’ tali vantaġġ għal kumpannija omm residenti fir-rigward tal-interessi mħallsa lil din tal-aħħar minn sussidjarja residenti fi Stat Membru ieħor, sa fejn dawn l-interessi ma jistgħux jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli ta’ din is-sussidjarja skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru dwar is-sottokapitalizzazzjoni, hija ta’ natura li tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju mill-kumpannija omm tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha, filwaqt li jiddiswadiha milli toħloq sussidjarji fi Stati Membri oħra.

28      Tali differenza fit-trattament li, fil-kawża prinċipali, tirriżulta biss mir-regoli Daniżi, tista’ tiġi ammessa biss jekk tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew jekk hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Finanzamt Linz, C-66/14, EU:C:2015:661, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk is-sitwazzjonijiet inkwistjoni humiex oġġettivament komparabbli. Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li n-natura komparabbli ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Finanzamt Linz, C-66/14, EU:C:2015:661, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Mix-xogħol preparatorju tal-liġi li temenda l-SEL, imsemmi fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet introdotta sabiex jiġi evitat li kumpanniji omm residenti fid-Danimarka jiġu ntaxxati fuq l-interessi miġbura mis-sussidjarji tagħhom għal self mogħti lil dawn tal-aħħar, meta s-sussidjarji tagħhom ma jistgħux inaqqsu, b’mod sħiħ jew parzjali, l-ispiża korrispondenti għal dawn l-interessi minħabba regoli li jillimitaw id-dritt għal tnaqqis ta’ interessi mħallsa fil-każ ta’ sottokapitalizzazzjoni.

31      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni, minn naħa, ta’ kumpannija omm residenti li tat self lil sussidjarja residenti li hija suġġetta għal regoli dwar is-sottokapitalizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, kumpannija omm residenti li tat self lil sussidjarja mhux residenti u li hija suġġetta għal tali regoli fl-Istat Membru fejn hija residenti għall-finijiet tat-taxxa huma, fir-rigward tal-imsemmi għan, oġġettivament komparabbli. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, id-dħul minn interessi miġbura mill-kumpannija omm jistgħu jkunu s-suġġett ta’ taxxa ekonomika doppja jew ta’ sensiela ta’ taxxi, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tevita.

32      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk tali differenza fit-trattament hijiex ġġustifikata minn raġuni ta’ interess ġenerali.

33      Sabiex tkun iġġustifikata, din id-differenza għandha tkun tista’ tiggarantixxi t-twettieq tal-għan invokat u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, X Holding, C-337/08, EU:C:2010:89, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata kemm min-neċessità li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll min-neċessità li tiġi evitata l-evażjoni fiskali.

35      Fir-rigward tan-neċessità li jiġi ssalvagwardjat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, din tista’ tkun ta’ natura li tiġġustifika differenza fit-trattament meta s-sistema eżaminata hija intiża sabiex tipprevjeni aġir li huwa ta’ natura li jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita s-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, A, C-123/11, EU:C:2013:84, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għalhekk, iż-żamma tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tirrendi neċessarja l-applikazzjoni, għall-attivitajiet ekonomiċi tal-kumpanniji stabbiliti f’wieħed minn dawn l-Istati, tar-regoli fiskali biss ta’ dan l-Istat, kemm fir-rigward tal-profitti kif ukoll tat-telf (sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, , C-123/11, EU:C:2013:84, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fil-fatt, il-possibbiltà li l-kumpanniji jagħżlu li t-telf tagħhom jiġi kkunsidrat fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom jew fi Stat Membru ieħor tikkomprometti b’mod sinjifikattiv tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Isati Membri, peress illi l-bażijiet taxxabbli jirriżultaw immodifikati f’dawn iż-żewġ Stati, skont it-telf ittrasferit (sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, , C-123/11, EU:C:2013:84, punt 43).

38      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-interessi mħallsa minn sussidjarja residenti biss, hija intiża sabiex jinżamm tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati. Fil-fatt, bl-għoti ta’ eżenzjoni fiskali lil kumpannija residenti, li tat self lil sussidjarja residenti fi Stat Membru ieħor, fir-rigward tal-interessi kollha mħallsa mis-sussidjarja tagħha, li ma setgħux jitnaqqsu minn din is-sussidjarja minħabba r-regoli dwar is-sottokapitalizzazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ieħor, l-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija omm ikun qiegħed jirrinunzja, skont l-għażla magħmula mill-kumpanniji li għandhom rabtiet ta’ interdipendenza, għad-dritt tiegħu li jintaxxa l-interessi miġbura minnha skont ir-regoli dwar is-sottokapitalizzazzjoni adottati mill-Istat Membru ta’ residenza tas-sussidjarji, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tevita.

39      Madankollu, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.

40      Huwa minnu li, il-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru għandu l-obbligu li jistabbilixxi r-regoli fiskali tiegħu skont dawk ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiggarantixxi, fis-sitwazzjonijiet kollha, tassazzjoni li telimina kull diskrepanza li tirriżulta mil-liġijiet fiskali nazzjonali, minħabba li d-deċiżjonijiet meħuda minn kumpannija fir-rigward tat-twaqqif ta’ strutturi kummerċjali barra mill-pajjiż jistgħu, skont il-każ, ikunu ftit jew wisq vantaġġużi jew żvantaġġużi għal din il-kumpannija (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, C-157/07, EU:C:2008:588, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għalhekk, f’kuntest bħal dak fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, ma jistax ikollu effett li jimponi fuq l-Istat Membru ta’ residenza ta’ kumpannija omm, li tat self lil sussidjarja residenti fi Stat Membru ieħor, li jmur lil hinn minn eżenzjoni favur din il-kumpannija omm tal-ammont tal-ispejjeż ta’ interessi li ma jistgħux jitnaqqsu mis-sussidjarja jekk kellhom jiġu applikati r-regoli dwar is-sottokapitalizzazzjoni tal-ewwel Stat Membru. Għaldaqstant, dawn l-artikoli ma jistax ikollhom effett li jimponu fuq l-Istat Membru ta’ residenza tal-imsemmija kumpannija omm li japplika eżenzjoni favur din tal-aħħar ta’ ammont ogħla minn dak li joriġina fis-sistema fiskali ta’ Stat Membru ieħor taħt piena, għall-ewwel Stat Membru, li l-awtonomija fiskali tiegħu tiġi ristretta permezz tal-eżerċizzju tas-setgħa fiskali tal-Istat Membru l-ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et C-262/09, EU:C:2011:438, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, meta Stat Membru jkollu sistema sabiex jipprevjeni jew itaffi l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew it-tassazzjoni doppja ekonomika fir-rigward ta’ dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji residenti, għandu jingħata l-istess trattament lid-dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji mhux residenti (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et C-262/09, EU:C:2011:438, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fil-fatt, f’kuntest bħal dak fil-kawża prinċipali, li jirrigwarda kumpannija omm ta’ Stat Membru li s-sussidjarja tagħha hija residenti fi Stat Membru ieħor li japplika regoli tas-sottokapitalizzazzjoni iktar stretti, l-għoti mill-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija omm, lil din il-kumpannija, ta’ eżenzjoni fiskali għall-interessi mħallsa minn din is-sussidjarja sal-limitu tal-ammont li din is-sussidjarja ma setgħetx tnaqqas b’applikazzjoni tar-regoli dwar is-sottokapitalizzazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru, ma jippreġudikax it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni u jikkostitwixxi miżura inqas restrittiva għal-libertà ta’ stabbiliment minn dik prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, EU:C:2006:774, punt 52, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 32).

44      Fir-rigward tal-għan li tiġi evitata l-evażjoni fiskali, għandu jiġi rrilevat li, sabiex argument ibbażat fuq din il-ġustifikazzjoni jista’ jintlaqa’, l-għan speċifiku ta’ tali miżura għandu jkun li jostakola arranġamenti purament artifiċjali, nieqsa minn realtà ekonomika, u intiżi sabiex jaħarbu mit-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti magħmula mill-attivitajiet fit-territorju nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland, C-388/14, EU:C:2015:829, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex l-għan speċifiku li ċċaħħad mill-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali l-arranġamenti purament artifiċjali li għandhom l-għan li jaħarbu mill-leġiżlazzjoni fiskali Daniża, iżda teskludi mill-kamp tal-benefiċjarji tagħha, b’mod ġenerali, kull kumpannija residenti li tat, għal kwalunkwe raġuni, self lil sussidjarja sottokapitalizzata li hija residenti fi Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Lankhorst-Hohorst, C-324/00, EU:C:2002:749, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jider li s-self mogħti minn Damixa kien intiż għall-finanzjament tal-parti l-kbira tat-telf ta’ Damixa Armaturen li, dak iż-żmien kienet tinsab f’diffikultajiet finanzjarji kbar, u għalhekk ma kellux a priori n-natura ta’ arranġament purament artifiċjali intiż biss għal finijiet fiskali.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lil kumpannija residenti eżenzjoni fiskali għall-interessi mħallsa minn sussidjarja residenti, sa fejn din tal-aħħar ma setgħetx tnaqqas l-ispiża korrispondenti minħabba regoli li jillimitaw id-dritt għal tnaqqis tal-interessi mħallsa fil-każ ta’ sottokapitalizzazzjoni, iżda teskludi l-eżenzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar is-sottokapitalizzazzjoni meta s-sussidjarja hija residenti fi Stat Membru ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lil kumpannija residenti eżenzjoni fiskali għall-interessi mħallsa minn sussidjarja residenti, sa fejn din tal-aħħar ma setgħetx tnaqqas l-ispiża korrispondenti minħabba regoli li jillimitaw id-dritt għal tnaqqis tal-interessi mħallsa fil-każ ta’ sottokapitalizzazzjoni, iżda teskludi l-eżenzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar is-sottokapitalizzazzjoni meta s-sussidjarja hija residenti fi Stat Membru ieħor.


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.