Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

24.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 279/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju) fit-8 ta’ Ġunju 2015 – Fernand Ullens de Schooten vs Ministre des Affaires Sociales et de la Santé publique, Ministre de la Justice

(Kawża C-268/15)

(2015/C 279/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Fernand Ullens de Schooten

Konvenuti: Ministre des Affaires Sociales et de la Santé publique, Ministre de la Justice

Domandi preliminari

1)

Id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, jeżiġi li f’ċerti ċirkustanzi u b’mod partikolari f’dawk deskritti fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, it-terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali, bħal dak tal-Artikolu 100 tal-Liġijiet ikkoordinati dwar il-kontabbiltà tal-Istat applikabbli għal talba għal kumpens imressqa minn individwu kontra l-Istat Belġjan għal ksur tal-Artikolu 43 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE) min-naħa tal-leġiżlatur, jibda jiddekorri biss meta dan il-ksur ikun ġie kkonstatat jew, a contrario, il-prinċipju ta’ effettività huwa ggarantit b’mod suffiċjenti f’dawn iċ-ċirkustanzi mill-possibbiltà mogħtija lil dan l-individwu li jinterrompi l-preskrizzjoni permezz ta’ notifika minn uffiċjal ġudizzjarju?

2)

L-Artikoli 43 KE, 49 KE u 56 KE u l-kunċett ta’ “sitwazzjoni purament interna” li jista’ jillimita l-possibbiltà li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu invokati minn parti f’kawża quddiem qorti nazzjonali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni tad-dritt Ewropew f’kawża bejn ċittadin Belġjan u l-Istat Belġjan intiża sabiex jiġu kkumpensati d-danni kkawżati minn ksur allegat tad-dritt Komunitarju u li jirriżultaw mill-adozzjoni u miż-żamma fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni Belġjana tat-tip bħal dik tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali Nru 143, tat-30 ta’ Diċembru 1982, li tapplika indistintament għaċ-ċittadini nazzjonali u għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra?

3)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Ewropew u l-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux li tiġi eskluża r-regola tal-awtorità ta’ res judicata fil-każ tal-eżami mill-ġdid jew tal-annullament ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata u li tirriżulta li tmur kontra d-dritt Ewropew iżda, għall-kuntrarju, li jippermettu li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali tal-awtorità ta’ res judicata meta din tal-aħħar timponi l-adozzjoni, abbażi ta’ din id-deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata iżda li tmur kontra d-dritt Ewropew, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja oħra li tirrendi perpetwu l-ksur tad-dritt Ewropew permezz tal-ewwel deċiżjoni ġudizzjarja?

4)

Tista’ l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-kwistjoni jekk ir-regola tal-awtorità ta’ res judicata għandhiex tiġi eskluża fil-każ ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata u tmur kontra d-dritt Ewropew fil-kuntest ta’ talba għal eżami mill-ġdid jew għal annullament ta’ din id-deċiżjoni, ma hijiex kwistjoni materjalment identika fis-sens tas-sentenzi Da Costa u CILFIT għall-kwistjoni jekk ir-regola tal-awtorità ta’ res judicata tmurx kontra d-dritt Ewropew fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni (ġdida) li għandha tirrepeti l-ksur tad-dritt Ewropew, b’mod li l-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ma tistax tevita l-obbligu tagħha li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari?