Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kumpanniji omm u sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri distinti – Sistema fiskali komuni applikabbli – Taxxa fuq il-kumpanniji – Direttiva 90/435/KEE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(ċ) – Kumpannija suġġetta għat-taxxa, mingħajr possibbiltà ta’ għażla u mingħajr ma tiġi eżentata – Taxxa b’rata ta’ żero”

Fil-Kawża C-448/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura

L-Istat Belġjan

vs

Wereldhave Belgium Comm. VA,

Wereldhave International NV,

Wereldhave NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Wereldhave Belgium Comm. VA, Wereldhave International NV, Wereldhave NV, minn R. Tournicourt u M. Delanote, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn N. Zimmer u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn T. Müller, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147 ), kif ukoll l-Artikoli 43 u 56 KE.

2        Din it-talba tressqet f’kuntest ta’ tilwima bejn il-Belgische Staat (Stat Belġjan) u Wereldhave Belgium Comm. V.A., Wereldhave International NV u Wereldhave NV dwar taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa minn Wereldhave Belgium lil Wereldhave International u lil Wereldhave għas-snin fiskali 1999 u 2000.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont it-tielet premessa tad-Direttiva 90/435:

“Billi d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji ġenituri [omm] u s-sussidjarji tagħhom fl-Istati Membri differenti ivarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u huma ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għall-kumpanniji ġenituri [omm] u s-sussidjari fl-istess Stat Membru; billi l-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti tiġi b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl-istess Stat Membru; billi huwa meħtieġ li jiġi eliminat dan l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji;”

4        L-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva huwa b’hekk ifformulat:

“Kull wieħed mill-Istati Membri għandu japplika din id-Direttiva:

— għat-tqassim tal-qligħ irċevut mill-kumpanji ta’ dan l-Istat li jkun ġej mill-kumpanniji sussidjarji fl-Istati Membri l-oħra,

— għat-tqassim tal-qligħ mill-kumpanniji ta’ dan l-Istat lill-kumpanniji fl-Istati Membri l-oħra li tagħhom il-kumpanniji ta’ l-Istat ta’ l-ewwel ikunu sussidjarji.”

5        Id-Direttiva 90/435 kien jipprovdi, fl-artikolu 2 tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘kumpannija ta’ Stat Membru’ għandha tfisser kull kumpannija li:

(a) tieħu waħda mill-għamliet elenkati fil-lista fl-Anness ta’ ma’ hawn;

(b) skond il-liġijiet tat-taxxi ta’ Stat Membru hija kkunsidrata bħala residenti f’dan l-Istat għall-għanijiet tat-taxxa u, skond it-termini ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż ma Stat terz, ma tkunx ikkunsidrata bħala residenti barra mill-Komunità għall-għanijiet tat-taxxa;

(ċ) barra minn hekk, tkun bla ħsara għal waħda mit-taxxi li ġejjin, mingħajr il-possibbilità tal-għażla jew li tiġi eżentata minnhom:

–        l-impôt des sociétésvennootschapsbelasting fil-Belġju,

[...]

–        il- vennootschapsbelasting fl-Olanda [fil-Pajjiżi l-Baxxi],

[...]

–        jew għal kull taxxa oħra li tista tiddaħħal minflok it-taxxi msemmija hawn fuq.”

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/435 kien jipprevedi:

“1.      Għall-għanijiet sabiex tiġi applikata din id-Direttiva:

(a)      l-istatus tal-kumpannija ġenitur [omm] għandu jiġi attribwit għall-inqas lil kull kumpannija ta’ Stat Membru li twettaq il-kondizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 2 u li jkollha sehem minimu ta’ 25 % fil-kapital ta’ kumpannija ta’ Stat Membru ieħor li twettaq l-istess kondizzjonijiet;

(b)      ‘(kumpannija) sussidjarja’ għandha tfisser dik il-kumpannija li l-kapital tagħha jinkludi s-sehem riferit fil-(a).

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandu jkollhom il-għażla li:

–        jibdlu, permezz ta’ ftehim bilaterali, il-kriterju taż-żamma ta’ sehem fil-kapital bil-kriterju ta’ żamma ta’ sehem bid-drittijiet għall-vot,

–        li ma japplikawx din id-Direttiva għall-kumpanniji ta’ dan l-Istat Membru li għal perjodu taż-żmien mhux interrott ta’ mill-inqas sentejn rigward iż-żamma ta’ l-ishma li jikkwalifikawhom bħala kumpanniji ġenitur [omm] jew għal dawk mill-kumpanniji tagħhom li fihom kumpannija ta’ Stat Membru ieħor ma jżommux ishma minn dawn għal-perjodu taż-żmien mhux interrott ta’ mill-inqas sentejn.”

7        Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, il-profitti li kumpannija sussidjarja tkun qassmet lill-kumpannija ġenitur [omm] tagħha għandhom, għall-inqas fejn din tal-aħħar iżżomm minimu ta’ 25 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, jiġu eżentati mit-taxxa mnaqqsa.

8        L-anness tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-lista tal-kumpanniji riferita fl-Artikolu 2(a)”, jelenka, fil-punti (a) u (j) tiegħu, il-kumpanniji li ġejjin:

“(a)      il-kumpanniji skond il-liġijiet Belġjani magħrufa bħala ‘société anonyme’ ‘naamloze vennootschap’, ‘société en commandite par actions’/‘commanditaire vennootschap op aandelen’, ‘société privée à responsabilité limitée’/‘besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid’ u dawk il-korpi tal-liġi pubblika li jaħdmu skond il-liġi privata;

[...]

(j)      il-kumpanniji skond il-liġijiet Olandiżi magħrufa bħala: ‘naamloze vennootschap’, ‘besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid’;”

9        Id-Direttiva 90/435 ġiet abrogata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE, tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8), li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Jannar 2012. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, id-Direttiva 90/435 hija d-direttiva applikabbli ratione temporis.

 Id-dritt Belġjan

10      L-Artikolu 266 tal-Wetboek van de inkomstenbelastingen 1992 (kodiċi tat-taxxi fuq id-dħul tal-1992) fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“CIR 1992”), jipprevedi:

“Taħt il-kundizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti minn digriet irjali, id-dħul mill-kapital u minn beni mobbli jista’ jiġi eżentat mill-withholding tax, bil-kundizzjoni li l-benefiċjarji li jirċevuh ikunu jistgħu jiġu identifikati jew ikunu organi barranin ta’ investiment kollettiv li għandhom patrimonju indiviż amministrat f’isem l-azzjonisti tagħhom minn kumpannija ta’ amministrazzjoni meta l-ishma tagħhom ma jkunux suġġetti għal rilaxx pubbliku fil-Belġju u ma jiġux ikkummerċjalizzati fil-Belġju, jew ukoll it-titoli ta’ possessjoni li d-dħul minnhom jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin:

1.      dħul legalment eżentat mit-taxxa fuq titoli trasferibbli jew minn taxxi reali, jew suġġett għal taxxa b’rata iktar baxxa minn 15 [%], li jirriżulta minn titoli maħruġa qabel l-1 ta’ Diċembru 1962;

2.      dħul minn ċertifikati ta’ organi ta’ investiment kollettiv Belġjani;

3.      primjums ta’ ħruġ relattivi għal bonds, ċertifikati ta’ depożitu u titoli oħra li jirrappreżentaw self maħruġa mill-1 ta’ Diċembru 1962.

Fl-ebda każ ma jista’ jiġi rrinunċjat il-ġbir tal-withholding tax fuq id-dħul:

1°      mit-titoli li jirrappreżentaw self li l-interessi tiegħu huma kkapitalizzati [...],

2°      mit-titoli li ma jagħtux lok għal ħlas perjodiku ta’ interessi u li jkunu nħarġu [...] bi skont li jikkorrispondi għall-interessi kkapitalizzat sad-data ta’ maturità ta’ dak it-titolu [...],

[...]

It-tieni paragrafu ma għandux japplika għat-titoli li jirriżultaw mill-ħruġ ta’ bonds lineari maħruġa mill-Istat Belġjan.”

11      L-Artikolu 106(5) tal-Koninklijk besluit tot uitvoering van het Wetboek van de inkomstenbelastingen 1992 (digriet irjali tal-eżekuzzjoni tal-kodiċi tat-taxxi fuq id-dħul tal-1992) tas-27 ta’ Awwissu 1993 (Belgisch Staatsblad, 13 ta’ Settembru 1993, p. 20096) fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AR/CIR 1992”), jipprovdi:

“Id-dividendi, li d-debitriċi tagħhom tkun sussidjarja Belġjana u li benefiċjarju tagħhom tkun kumpannija omm ta’ Stat Membru ieħor tal-Komunità Ekonomika Ewropea għandhom ikunu eżentati fl-intier tagħhom mill-withholding tax.

Madankollu, din ir-rinunzja [għall-withholding tax] ma għandhiex tapplika jekk is-sehem tal-kumpannija omm li abbażi tiegħu jitħallsu d-dividendi ma jirrappreżentax sehem ta’ mill-inqas 25 % tal-kapital tas-sussidjarja u ma jinżammx jew ma jkunx inżamm is-sehem minimu ta’ 25 % għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas sena.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel u tat-tieni paragrafu, sussidjarja u kumpannija omm ifissru s-sussidjarji u l-kumpanniji omm iddefiniti fid-Direttiva [90/435]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Wareldhave Belgium, soċjetà in akkomandita permezz ta’ azzjonijiet tad-dritt Belġjan, hija miżmuma, bi 35 % u  bi 44 %, minn rispettivament, Wereldhave International u Wereldhave, kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata tad-dritt Olandiż, stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Wereldhave żżomm il-kapital kollu ta’ Wereldhave International.

13      Wereldhave Belgium qassmet lil Wereldhave International u lil Wereldhave dividendi ta’ ammont ta’ EUR 10 965 197.63 fl-1999 u ta’ EUR 11 075 733.50 fl-2000.

14      Għal kull sena finanzjarja fiskali, Wereldhave International u Wereldhave ressqu lmenti biex jitolbu li jiġu eżentati mill-withholding tax fuq id-dividendi, billi jibbażaw fuq id-Direttiva 90/435 u fuq l-Artikolu 106(5) tal-AR/CIR 1992, li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt Belġjan, sa fejn huma kienu jqisu li kien ikollhom jiġu kkunsidrati bħala “kumpannija omm”, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

15      Mingħajr deċiżjoni tal-awtoritajiet Belġjani matul il-perijodu ta’ sitt xhur li segwa d-data ta’ riċezzjoni ta’ dawn l-ilmenti, Wereldhave Belgium, Wereldhave International u Wereldhave ppreżentaw rikors quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg te Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell, il-Belġju).

16      Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-20 ta’ Novembru 2012, ir-rechtbank van eerste aanleg te Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell, il-Belġju) ddeċidiet li ebda withholding tax ma kien dovut fuq id-dividendi mħallsa matul is-snin 1999 u 2000, skont id-Direttiva 90/435 u l-Artikolu 106(5) tal-AR/CIR 1992.

17      L-Istat Belġjan ippreżenta appell minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, billi invoka b’mod partikolari li l-benefiċjarji tad-dividendi huma organi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali (iktar ’il quddiem “OIKF”) tad-dritt Olandiż, suġġetti, fil-Pajjiżi l-Baxxi, għat-taxxa fuq il-kumpanniji b’rata żero, u ma jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-withholding tax, previst fl-Artikolu 106(5) tal-AR/CIR 1992 u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/435, peress li ma jissodisfawx il-kundizzjoni ta’ bla ħsara imsemmi fl-Artikolu 2(ċ) tal-imsemmija direttiva u fl-Artikolu 106(5) tal-AR/CIR 1992.

18      L-Istat Belġjan jikkunsidra li l-kliem tkun “bla ħsara għal waħda mit-taxxi li ġejjin, mingħajr il-possibbiltà tal-għażla jew li tiġi eżentata minnhom” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 90/435 jimplikaw il-ħtieġa ta’ bla ħsara msemmi “suġġettiv u oġġettiv”. B’hekk, il-kumpanniji li huma bla ħsara għat-taxxa fuq il-kumpanniji, b’rata żero, ma jaqawx taħt din id-direttiva.

19      Wereldhave Belgium, Wereldhave International u Wereldhave jsostnu , min-naħa l-oħra, li l-OIKF huma fil-prinċipju taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi, bħala kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, għall-Wet op de vennootschapsbelasting 1969 (liġi tal-1969 dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, iktar ’il quddiem, il-“Wet Vpb”), skont l-Artikolu 1 tal-Wet Vpb. Dan l-issuġġettar huwa suffiċjenti biex tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni tal-withholding tax, konformi mal-Artikolu 266 taċ-CIR 1992, mal-Artikolu 106(5) tal-AR/CIR 1992 u mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/435. Ċertament, OIKF jista’ jibbenefika mir-rata żero tat-taxxa fuq il-kumpanniji, bil-kundizzjoni li jħallas il-profitti kollha tiegħu lill-azzjonisti tiegħu, skont l-Artikolu 28 tal-Wet Vpb u l-Artikolu 9 tal-besluit houdende vaststelling van het besluit beleggingsinstellingen (digriet li jiffissa d-digriet fuq l-organi tal-investiment kollettiv), tad-29 ta’ April 1970. Madankollu, il-ħtieġa tal-issuġġettar ma teħtieġx, skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali, ġbir effettiv tat-taxxa, peress li dan l-issuġġettar jista’ jkun sempliċiment suġġettiv.

20      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jinvokaw b’mod partikolari d-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012, Tate & Lyle Investments (C-384/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:463), biex jiddikjaraw li, fl-ipoteżi fejn id-Direttiva 90/435 ma tapplikax lil dividendi ta’ oriġini Belġjana mqassma minn kumpannija Belġjana lil azzjonisti Olandiżi tagħha, l-Artikoli 43 u 56 KE jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva li tissuġġetta għal taxxa f’ras il-għajn, irrispettivament mir-rata tat-taxxa, id-dividendi ddistribwiti minn kumpannija residenti lill-kumpanniji benefiċjarji residenti u mhux residenti, filwaqt li tipprevedi mekkaniżmu li jippermetti t-tnaqqis tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi għall-kumpanniji benefiċjarji residenti.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      [Id-Direttiva 90/435] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tirrinunzjax għall-withholding tax Belġjana fuq dividendi mħallsa minn sussidjarja Belġjana lil kumpannija parent [omm] stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ sehem minimu u taż-żamma tiegħu, fuq il-bażi li l-kumpannija parent [omm] Olandiża hija impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li hija marbuta li tħallas il-profitti kollha tagħha lill-azzjonisti tagħha u, taħt din il-kundizzjoni, tista’ tibbenefika mir-rata żero tat-taxxa fuq il-kumpanniji?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva, l-Artikoli 49 (ex Artikolu 43) u 63 (ex Artikolu 56) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (fil-verżjoni fis-seħħ sa mill-emenda u r-renumerazzjoni mit-Trattat ta’ Lisbona) għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tirrinunzjax għall-withholding tax Belġjana fuq id-dividendi mħallsa minn sussidjarja Belġjana lil kumpannija parent [omm]stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ sehem minimu u taż-żamma tiegħu, fuq il-bażi li l-kumpannija parent Olandiża hija impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li hija marbuta li tħallas il-profitti kollha tagħha lill-azzjonisti tagħha u, taħt din il-kundizzjoni, tista’ tibbenefika mir-rata żero tat-taxxa fuq il-kumpanniji?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-Qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 90/435 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Artikolu 5(1) tagħha jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha withholding tax hija imposta fuq id-dividendi mqassma minn sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru lil OIKF, stabbilit fi Stat Membru ieħor, suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji għal rata żero bil-kundizzjoni li l-profitti kollha tagħha jitqassmu lill-azzjonisti tagħhom.

23      Preliminarjament, għandu jiġi determinat jekk kumpannija li, bħal OIKF inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji għal rata żero bil-kundizzjoni li l-benefiċċji kollha tagħha jitqassmu lil azzjonisti tagħha, tista’ tiġi kklassifikata bħala “kumpannija ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435, b’tali mod li t-tqassim ta’ dividendi lil din il-kumpannija jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għal dan il-għan, li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll l-għanijiet u s-sistema tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2008, Banque Fédérative du Crédit Mutuel, C-27/07, EU:C:2008:195, punt 22, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gaz de France – Berliner Investissement, C-247/08, EU:C:2009:600, punt 26).

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 90/435, b’mod partikolari mit-tielet premessa tagħha jirriżulta li din hija intiża li, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema fiskali komuni, telimina kull żvantaġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji fl-istess Stat Membru u li, b’dan il-mod, tiffaċilita l-formazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea. Din id-direttiva hija intiża għaldaqstant sabiex tiżgura n-newtralità, mill-aspett fiskali, tat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija parent [omm] tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gaz de France – Berliner Investissement, C-247/08, EU:C:2009:600, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 90/435 issemmi t-tqassim ta’ profitti rċevuti minn kumpanniji ta’ Stat Membru u li jiġu mis-sussidjarji tagħhom li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra.

27      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet kumulattivi li għandha tissodisfa kumpannija biex tiġi kkunsidrata bħala kumpannija ta’ Stat Membru fis-sens ta’ din id-direttiva u b’hekk jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gaz de France – Berliner Investissement, C-247/08, EU:C:2009:600, punt 29).

28      L-osservanza, mill-kumpannija li tqassam id-dividendi u l-kumpanniji benefiċjarji tad-dividendi, tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(a) u (b) tal-imsemmija direttiva, dwar il-forma legali tal-kumpanniji u dwar residenza għall-għanijiet tat-taxxa tal-kumpanniji, ma tidhirx li titqiegħed fid-dubju quddiem il-qorti tar-rinviju mill-partijiet fil-kawża prinċipali, u ma hijiex ikkontestata iżjed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

29      Il-partijiet fil-kawża prinċipali jipprekludu madankollu fuq il-kwistjoni jekk it-tielet kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 2(ċ) tal-istess direttiva, li tgħid li l-kumpannija kkonċernata għandha, barra minn hekk, tkun suġġetta, mingħajr il-possibbiltà ta’ għażla u mingħajr ma tkun eżentata, għal waħda mit-taxxi mniżżlin f’din id-dispożizzjoni, fosthom tidher il-vennootschapsbelasting fil-Pajjiżi l-Baxxi, jew għal kull taxxa oħra li tista tiddaħħal minflok waħda minn dawn it-taxxi, hija sodisfatta fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30      Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta meta l-kumpannija kkonċernata hija suġġetta għal tali taxxa għal rata żero, bil-kundizzjoni li l-profitti kollha tagħha jkunu mqassma lill-azzjonisti tagħha.

31      Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 90/435 jistabbilixxi kriterju ta’ kwalifika pożittiv, jiġifieri, li wieħed ikun suġġett għal taxxa inkwistjoni, u kriterju negattiv, jiġifieri, ma jkunx eżentat minn din it-taxxa u ma jkollux possibbiltà tal-għażla.

32      L-istabbiliment ta’ dawn iż-żewġ kriterji, wieħed pożittiv, l-ieħor negattiv, jwassal biex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2(ċ) tal-imsemmija direttiva ma teħtieġx biss li kumpannija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa inkwistjoni, iżda intiża wkoll li teskludi s-sitwazzjonijiet li jinkludu l-eventwalità li, minkejja ssuġġettar għal din it-taxxa, il-kumpannija ma hijiex effettivament responsabbli tal-ħlas tal-imsemmija taxxa.

33      Issa, għalkemm formalment kumpannija suġġetta għal taxxa b’rata żero, bil-kundizzjoni li l-profitti tagħha kollha jitqassmu lill-azzjonisti tagħha, ma tkunx eżentata minn tali taxxa, tinsab fil-prattika fl-istess sitwazzjoni bħal dik fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 90/435 intiża li teskludi, jiġifieri, sitwazzjoni fejn hija ma hijiex responsabbli tal-ħlas ta’ din it-taxxa.

34      Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, li wieħed jinkludi f’leġiżlazzjoni nazzjonali dispożizzjoni li tgħid li kategorija determinata ta’ kumpanniji tista’ f’ċerti kundizzjonijiet tibbenefika minn taxxa għal rata żero hija primarjament responsabbiltà li dawn il-kumpanniji ma jiġux suġġetti għal din it-taxxa (ara, ukoll, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund, C-194/06, EU:C:2008:289, punti 33 u 34).

35      Tali interpretazzjoni hija konformi mal-istruttura tad-Direttiva 90/435 u għall-għan li għandu jintlaħaq minnha, li tiżgura n-newtralità, fuq il-pjan fiskali, tat-tqassim tal-profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor permezz tal-eliminazzjoni tat-taxxa doppja fuq dawn il-profitti.

36      L-imsemmija direttiva intiża fil-fatt li tipprevjeni t-taxxa doppja fuq profitti mqassma mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji omm (ara, b’mod partikolari s-sentenzi tat-3 ta’ April 2008, Banque Fédérative du Crédit Mutuel, C-27/07, EU:C:2008:195, punt 27; tat-22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves, C-48/07, EU:C:2008:758, punt 37, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gaz de France – Berliner Investissement, C-247/08, EU:C:2009:600, punt 57) permezz tal-mekkaniżmi previsti fl-Artikoli 4(1) u 5(1) tad-Direttiva 90/435.

37      B’hekk, minn naħa, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jipprovdi, li, meta kumpannija parent, bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, tirċievi profitti mqassma, l-Istat Membru tal-kumpannija omm għandu jew iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti, jew jawtorizza lill-kumpannija omm sabiex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dik il-frazzjoni tat-taxxa mħallsa mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti u, jekk dan ikun il-każ, l-ammont tat-taxxa f’ras il-għajn imposta mill-Istat Membru li fih tkun tirrisjedi l-kumpannija sussidjarja, sal-limitu tal-ammont tat-taxxa domestika korrispondenti (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, EU:C:2006:774, punt 102, u tat- 3 ta’ April 2008, Banque Fédérative du Crédit Mutuel, C-27/07, EU:C:2008:195, punt 25).

38      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jipprovdi l-eżenzjoni fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja mit-taxxa f’ras il-għajn fuq it-tqassim ta’ profitti lill-kumpannija omm tagħha, għall-inqas fejn din ta’ l-aħħar iżżomm minimu ta’ 25 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja (sentenza tat- 3 ta’ April 2008, Banque Fédérative du Crédit Mutuel, C-27/07, EU:C:2008:195, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Il-mekkaniżmi ta’ din id-direttiva huma, għaldaqstant, maħsuba għal sitwazzjonijiet li fihom, mingħajr l-applikazzjoni tagħhom, l-eżerċizzju mill-Istati Membri tas-setgħet tagħhom ta’ taxxa jista’ jwassal għall-fatt li l-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha jkunu suġġetti għal taxxa doppja.

40      Issa, meta kumpannija omm, bħal OIKF inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tibbenefika, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-istabbiliment tagħha, minn rata ta’ taxxa żero fuq il-profitti kollha tagħha bil-kundizzjoni li dawn ikunu kollha mqassma lill-azzjonisti tagħha, ir-riskju ta’ taxxa doppja, fil-konfront ta’ din il-kumpannija omm, tal-profitti li ġew imqassma lilha mis-sussidjarja tagħha huwa miċħud.

41      Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li kumpannija li, bħal OIKF inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji għal rata żero bil-kundizzjoni li l-profitti kollha tagħha jitqassmu lil azzjonisti tagħha, ma tissodisfax il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 90/435, u għaldaqstant ma taqax taħt il-kunċett ta’ “kumpannija ta’ Stat Membru” fis-sens tal-imsemmija direttiva.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tqassim tad-dividendi minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lil tali kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor ma taqax taħt l-imsemmija direttiva.

43      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda li d-Direttiva 90/435 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Artikolu 5(1) tagħha ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha withholding tax hija imposta fuq id-dividendi mqassma minn sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru lil OIKF, stabbilit fi Stat Membru ieħor, suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji għal rata żero bil-kundizzjoni li l-profitti kollha tiegħu jitqassmu lill-azzjonisti tiegħu, peress li tali organu ma jikkostitwixxix “kumpannija ta’ Stat Membru”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

44      Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-Qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 43 u 56 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha withholding tax hija imposta fuq id-dividendi mqassma minn sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru lil OIKF, stabbilit fi Stat Membru ieħor, suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji għal rata żero bil-kundizzjoni li l-profitti kollha tiegħu jitqassmu lill-azzjonisti tiegħu.

45      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tintuża mill-qorti nazzjonali tagħmel neċessarju għaliha li tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula jew, tal-inqas, li tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawk id-domandi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha s-setgħa li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi ta’ fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (digriet tat-3 ta’ Settembru 2015, Vivium, C-250/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:569, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Dawn ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li għandha tosserva bir-reqqa (ara d-digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C-156/15, EU:C:2016:851, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tindika il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw f’dan il-każ, kif ukoll ir-raġunijiet preċiżi li jkunu wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din diġà ddeċidiet li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom titlob l-interpretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C-235/14, EU:C:2016:154, punt 115; id-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Security Service et, C-692/15 sa C-694/15, EU:C:2016:344, punt 20, kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C-156/15, EU:C:2016:851, punt 62).

48      L-informazzjoni pprovduta fit-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, iżda wkoll sabiex tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-persuni kkonċernati oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C-156/15, EU:C:2016:851, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li din il-possibbiltà tkun ssalvagwardjata, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (digriet tad-29 ta’ Novembru 2016, Jacob u Lennertz, C-345/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:911, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ applikazzjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha li terġa’ tuża t-termini tal-Artikolu 266 taċ-CIR 1992 u tal-Artikolu 106(5) tal-AR/CIR 1992. Issa, konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni li timplementa l-Artikolu 266 taċ-CIR 1992, għandu jiġi rrinunzjat il-withholding tax fuq id-dividendi meta d-debitur hija kumpannija sussidjarja stabbilita fil-Belġju u li l-benefiċjarja tad-dividendi hija kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru ieħor. Il-qorti tar-rinviju, madankollu, ma tindikax il-kontenut tad-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tqassim tad-dividendi lill-kumpanniji omm stabbiliti fil-Belġju.

50      Anki jekk il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għad-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012 Tate & Lyle Investments (C-384/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:463) hija ma tispeċifikax jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ applikazzjoni fil-kawża prinċipali huma l-istess bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dan id-digriet. Barra minn hekk, jidher li jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Belġjan li t-tqassim ta’ dividendi lill-kumpanniji ta’ investiment stabbiliti fil-Belġju, huma rregolati minn sistema ta’ tassazzjoni li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-dritt komun, inkwistjoni fil-kawża li tat lok għad-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012 Tate & Lyle Investments (C-384/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:463). Issa, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda speċifikazzjoni fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għat-tqassim tad-dividendi lill-kumpanniji ta’ investiment stabbiliti fil-Belġju.

51      Fl-assenza ta’ speċifikazzjonijiet dwar il-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli għat-tqassim ta’ dividendi lill-kumpanniji stabbiliti fil-Belġju, paragunabbli mal-kumpanniji benefiċjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddetermina jekk id-dividendi mqassma lill-kumpanniji benefiċjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissubixxu trattament sfavorevoli meta mqabbla mad-dividendi mqassma lil tali kumpanniji paragunabbli stabbiliti fil-Belġju. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddetermina, jekk l-Artikoli 43 u 56 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha withholding tax hija imposta fuq id-dividendi mqassma minn sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru lil OIKF, stabbilit fi Stat Membru ieħor, suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji għal rata żero bil-kundizzjoni li l-profitti kollha tiegħu jitqassmu lill-azzjonisti tiegħu.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda hija inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Artikolu 5(1) tagħha ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha withholding tax hija imposta fuq id-dividendi mqassma minn sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru lill-organu ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, stabbilit fi Stat Membru ieħor, suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji għal rata żero bil-kundizzjoni li l-profitti kollha tiegħu jitqassmu lill-azzjonisti tiegħu, peress li tali organu ma jikkostitwixxix “kumpannija ta’ Stat Membru”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.