Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ April 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Eżami ex officio ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-liġi tal-Unjoni – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Sistema ta’ awtolikwidazzjoni – Artikolu 199(1)(g) – Applikazzjoni biss fil-każ ta’ beni immobbli – Ħlas indebitu tat-taxxa mix-xerrej ta’ oġġetti lill-bejjiegħ b’riżultat ta’ fattura mfassla b’mod żbaljat – Deċiżjoni tal-awtorità fiskali li tikkonstata dejn fiskali taħt ir-responsabbiltà tax-xerrej ta’ oġġetti u li tirrifjuta l-ħlas tat-tnaqqis mitlub minnu, kif ukoll li timponi multa fiskali fuqu”

Fil-Kawża C-564/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kecskeméti közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Kecskemét, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Tibor Farkas

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alfödi Regionális Adó Főigazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. M. Tátrai kif ukoll minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u L. Havas, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2016 L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE, tat-13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2016/112”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Tibor Farkas u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alfödi Regionális Adó Főigazgatósága (Direttorat ġenerali tat-taxxi tar-reġjun ta’ Alföld-Sud tal-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxi u tad-dwana, l-Ungerija, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali Ungeriża”) fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tikkonstata dejn fiskali dovut minnu u li timponilu multa fiskali minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relattivi għas-sistema ta’ awtolikwidazzjoni [reverse charge].

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 42 tad-Direttiva 2006/112, “[l]-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi, f’każijiet speċifiċi, jaħtru lid-destinatarju ta’ fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Dan għandu jgħin lill-Istati Membri fis-semplifikazzjoni tar-regoli u fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa f’setturi identifikati u f’ċerti tipi ta’ transazzjonijiet.”

4        L-Artikolu 167 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

5        L-Artikolu 168(a) tad-direttiva msemmija jipprovdi li:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[…]”

6        L-Artikolu 178(a) u (f) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, dan irid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;

[…]

f)      meta tkun meħtieġa tħallas il-VAT bħala konsumatur fejn japplikaw l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199, hi għandha tkun konformi mal-formalitajiet kif stabbiliti minn kull Stat Membru.”

7        Konformement mal-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112, il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra fejn din titħallas minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199 u fl-Artikolu 202 ta’ din id-direttiva.

8        L-Artikolu 199(1)(g) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li lilha jsiru l-fornimenti li ġejjin:

[…]

g)      il-forniment ta’ proprjetà immobbli mibjugħa mid-debitur tas-sentenza fi proċedura ta’ bejgħ obbligatorju.

[…]”

9        L-Artikolu 226(11)(a) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221

[…]

(11a)      fejn il-klijent huwa responsabbli li jħallas il-VAT, ir-referenza “Inverżjoni tal-ħlas” [Awtolikwidazzjoni];

[…]”

10      Skont l-Artikolu 395 ta’ din id-direttiva:

“1.      Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-disposizzjonijet ta’ din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jippreveni ċertu tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.

[…]

2.      Stat Membru li jixtieq jintroduċi l-miżura msemmija fil-paragrafu 1 għandu jibgħat applikazzjoni lill-Kummisjoni u jipprovdiha bl-informazzjoni kollha meħtieġa. […]

La darba il-Kummisjoni jkollha l-informazzjoni kollha li hi tikkunsidra meħtieġa għall-ipproċessar tat-talba, hi għandha fi żmien xahar tinforma lill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba b’dan u hi għandha titrasmetti din it-talba, fil-lingwa oriġinali tagħha, lill-Istati Membri l-oħra.

3.      Fi żmien tliet xhur mill-għotja tan-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill jew bi proposta xierqa, jew jekk hi toġġezzjona għad-deroga mitluba, b’komunikazzjoni fejn turi l-oġġezzjonijiet tagħha.

4.      Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 għandha, fi kwalunkwe eventwalità, tiġi kompluta sa tmien xhur minn meta l-Kummisjoni tirċievi l-applikazzjoni.”

 Id-dritt Ungeriż

11      L-Artikolu 142 tal-általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. Törvény (liġi Nru CXXVII tal-2007 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“il-liġi dwar il-VAT”), jipprovdi:

“1)      It-taxxa għandha titħallas mill-persuna taxxabbli li tirċievi l-oġġetti jew is-servizzi:

[…]

g)      fil-każ ta’ provvista ta’ assi tanġibbli tan-negozju, u l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi oħra b’valur tas-suq miftuħ ta’ HUF 100 000 [madwar EUR 324], fi żmien tal-provvista, jekk il-persuna taxxabbli li tforni l-oġġetti jew is-servizzi hija s-suġġett ta’ proċeduri ta’ likwidazzjoni jew proċeduri ta’ insolvenza simili fejn ikun ġie stabbilit b’mod definittiv li ma tkunx tista’ tħallas id-debiti tagħha;

[…]

7.      Fil-każ ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-fornitur għandu jħares li joħroġ fattura li fiha ma tkun tidher la t-taxxa tal-output u lanqas il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 83.

[…]”

12      L-Artikolu 169(n) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi:

“Il-fattura għandha neċessarjament tinkludi l-informazzjoni segwenti:

[…]

n)      fejn il-klijent huwa responsabbli li jħallas il-VAT, ir-referenza ‘Inverżjoni tal-ħlas’ [awtolikwidazzjoni];

[…]”

13      L-Artikolu 170(1) u (2) tal-adózás rendjéről szóló 2003. évi XCII. törvény (liġi Nru XCII tal-2003 dwar l-organizzazzjoni tat-taxxa), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi li tistabbilixxi l-kodiċi tal-proċedura fiskali”), jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ ħlas tat-taxxa, għandha titħallas multa fiskali. L-ammont tal-multa għandu jkun, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjoni kuntrarja f’din il-liġi, għal 50 % tal-ammont mhux imħallas. L-ammont tal-multa għandu jkun ta’ 200 % tal-ammont mhux imħallas jekk id-differenza meta mqabbla mal-ammont li għandu jitħallas tkun marbuta ma’ ħabi tad-dħul, jew mal-falsifikazzjoni jew il-qerda ta’ provi, ta’ kotba tal-kontijiet jew ta’ reġistrazzjonijiet. Multa fiskali għandha tiġi imposta wkoll mill-awtoritajiet fiskali meta l-persuna taxxabbli tippreżenta, mingħajr ma jkollha dritt, talba għal għajnuna jew għal rimbors tat-taxxa jew dikjarazzjoni relattiva għal beni, għajnuna jew rimbors u meta l-amministrazzjoni tikkonstata n-nuqqas ta’ dritt f’dan is-sens tal-persuna taxxabbli qabel l-għoti. Il-bażi tal-multa għandha tkun ugwali f’dan il-każ għall-ammont mitlub indebitament.

2.      Id-differenza fit-tassazzjoni stabbilita a karigu tal-persuna taxxabbli ma għandhiex, f’każ ta’ awtolikwidazzjoni, titqies bħala insuffiċjenza ta’ ħlas tat-taxxa ħlief jekk id-differenza msemmija ma tħallsitx qabel l-iskadenza jew jekk din ibbenefikat mill-għajnuna tal-baġit. […]”

14      Skont l-Artikolu 171 tal-liġi li tistabbilixxi l-kodiċi tal-proċedura fiskali:

“1.      Ir-rata tal-multa tista’ titnaqqas, u saħansitra l-multa tista’ titneħħa, jew ex officio, jew fuq talba, f’każ ta’ ċirkustanzi li jimmeritaw li jitqiesu bħala eċċezzjonali u li jippermettu li jiġi konkluż li l-persuni taxxabbli, jew ir-rappreżentant, l-impjegat, il-membru jew il-mandatarju tagħha li wassal għad-dejn fiskali, aġixxa bil-kura li setgħet tkun mistennija mingħandu fis-sitwazzjoni partikolari. It-tnaqqis tal-multa għandu jiġi ffissat billi jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-firxa tad-dejn fiskali, iċ-ċirkustanzi tal-oriġini tiegħu, il-gravità u l-frekwenza tal-aġir illegali tal-persuni taxxabbli (att jew ommissjoni).

2.      Il-multa ma għandhiex titnaqqas, la ex officio u lanqas fuq talba, meta d-dejn fiskali jkun marbut ma’ ħabi ta’ dħul, mal-falsifikazzjoni jew mal-qerda ta’ provi, ta’ kontijiet jew ta’ reġistri.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ bejgħ bl-irkant elettroniku organizzat mill-awtoritajiet fiskali, T. Farkas xtara ħangar mobbli mingħand kumpannija b’responsabbiltà limitata, li kienet debitriċi ta’ kreditu fiskali. Il-bejjiegħ inkwistjoni ħareġ il-fattura, inkluża l-VAT relatata ma’ din it-tranżazzjoni, konformement mar-regoli applikabbli għat-taxxa ordinarja. Meta T. Farkas ħallas il-prezz tal-bejgħ iddeterminat mill-irkant, dan ħallas il-VAT indikat minn dan il-bejjiegħ, li ħallas din it-taxxa lill-amministrazzjoni fiskali Ungeriża.

16      T. Farkas naqqas mill-output il-VAT imħallsa fuq din il-fattura. Sussegwentement, in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Bács-Kiskun Megyei Adóigazgatósága (Direttorat tat-taxxi għall-kumitat ta’ Bács-Kiskun tal-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxi u tad-dwana, l-Ungerija), wettqet verifiki tar-rimborsi mitluba minn T. Farkas fuq id-dikjarazzjonijiet tal-VAT relattivi għar-raba’ kwart tal-2012. Din l-awtorità fiskali kkonstatat li r-regoli dwar is-sistema ta’ awtolikwidazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 142(1)(g) tal-liġi dwar il-VAT, li jgħidu li T. Farkas kellu, bħala xerrej tal-beni, iħallas il-VAT direttament lit-Teżor pubbliku, ma kinux ġew osservati. Konsegwentement, b’deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2014, ikkonfermata b’deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2014, l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża kkonstatat, fir-rigward ta’ T. Farkas, differenza ta’ taxxa ta’ HUF 744 000 (madwar EUR 2 400), ċaħdet it-talba tiegħu għal rimbors tal-VAT imħallsa lill-bejjiegħ inkwistjoni u imponiet fuqu multa fiskali f’ammont ta’ HUF 372 000 (madwar EUR 1 200).

17      T. Farkas isostni li l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża ċaħdet id-dritt tiegħu li jnaqqas il-VAT minħabba difett proċedurali, jiġifieri li l-fattura inkwistjoni kienet inħarġet abbażi tat-taxxa ordinarja, minflok abbażi tat-taxxa permezz tal-awtolikwidazzjoni, u b’hekk kisret id-dritt tal-Unjoni. Dan iqis li d-deċiżjoni li tpoġġi differenza ta’ taxxa a karigu tiegħu hija inġustifikata għaliex il-bejjiegħ inkwistjoni ħallas il-VAT inkwistjoni lit-Teżor pubbliku. T. Farkas ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex din tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk iċ-ċħid tad-dritt għal tnaqqis tiegħu huwiex konformi mal-liġi tal-Unjoni.

18      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża ma ċaħditx id-dritt għal tnaqqis tal-VAT ta’ T. Farkas, iżda obbligatu jħallas it-taxxa dovuta skont ir-regoli tat-taxxa permess ta’ awtolikwidazzjoni, konformement mal-Artikolu 142(1)(g) tal-liġi dwar il-VAT. Id-differenza a karigu tiegħu tikkorrispondi għall-VAT indikata fuq il-fattura relattiva għall-operazzjoni inkwistjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, wara d-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni fiskali Ungeriża, għalkemm T. Farkas ħallas il-VAT lill-bejjiegħ inkwistjoni, huwa meqjus bħala responsabbli għaliha mat-Teżor pubbliku. B’hekk, minkejja li l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża ma tikkontestax id-dritt tiegħu li jnaqqas il-VAT imħallsa, din tnaqqas mill-ammont li huwa jitlob ir-rimbors tiegħu id-differenza ta’ taxxa li din tqis li hija a karigu tiegħu. Peress li ż-żewġ ammonti huma ugwali, dawn jikkanċellaw lil xulxin. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-bejjiegħ imsemmi ħallas il-VAT lit-Teżor pubbliku, b’mod li dan tal-aħħar ma sofriex dannu mill-fatt li l-fattura inkwistjoni nħarġet bi żball abbażi tat-taxxa ordinarja minflok tat-taxxa b’awtolikwidazzjoni. Barra minn hekk, skont din, xejn ma jindika li kien hemm frodi fiskali jew intenzjoni li jinkiseb vantaġġ fiskali.

19      Il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-prattika, id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali Ungeriża twassal biex iċċaħħad lil T. Farkas milli jeżerċita d-dritt għal tnaqqis tiegħu. Fid-dawl tal-fatt li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT jista’ biss, konformement mad-Direttiva 2006/112 u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi miċħud fil-każijiet fejn tiġi pprovata frodi fiskali, din id-deċiżjoni ma tidhirx li hija proporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex mis-sistema ta’ tassazzjoni b’awtolikwidazzjoni.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kecskeméti közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Kecskemét, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-prassi amministrativa bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-liġi Ungeriża fuq il-VAT, li skontha l-awtoritajiet fiskali għandhom jistabbilixxu differenzjali ta’ taxxa li għandha titħallas mix-xerrej tal-beni (jew mid-destinatarju ta’ servizz) minħabba tranżazzjoni li tirriżulta mit-tassazzjoni permezz ta’ awtolikwidazzjoni fejn il-fornitur tal-beni (jew il-persuna li tipprovdi s-servizz) joħroġ il-fattura taħt it-taxxa ordinarja, jiddikjara u jħallas il-VAT imniżżla fil-fattura lit-Teżor pubbliku, filwaqt li l-persuna li qed tixtri l-beni (jew id-destinatarju tas-servizz) tnaqqas il-VAT imħallsa lill-persuna li toħroġ il-fattura filwaqt li hija ma tistax teżerċita d-dritt għal tnaqqis fir-rigward tal-VAT stabbilita bħala differenzjali ta’ taxxa, tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-għan tal-prevenzjoni tal-frodi fiskali?

2)      Id-determinazzjoni ta’ differenzjali ta’ taxxa li tagħti lok ukoll għall-obbligu ta’ ħlas ta’ multa fiskali li tammonta għal 50 % tal-imsemmi differenzjali hija sanzjoni proporzjonali għall-għażla tal-metodu ta’ tassazzjoni żbaljat meta t-Teżor pubbliku ma jkunx ġarrab telf fid-dħul fiskali u meta ma jkunx hemm indikazzjoni ta’ abbuż?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

21      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mix-xiri, minn T. Farkas, ta’ ħangar mobbli matul bejgħ bl-irkant elettroniku organizzat mill-awtoritajiet fiskali nazzjonali. B’applikazzjoni tal-Artikolu 142(1)(g) tal-liġi dwar il-VAT, li skont il-qorti tar-rinviju, jittrasponi l-Artikolu 199(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, dawn l-awtoritajiet qiesu li din it-tranżazzjoni kellha tkun issuġġettata għall-mekkaniżmu tal-awtolikwidazzjoni u talbu lil T. Farkas il-ħlas tal-VAT relatat ma’ dan il-bejgħ, filwaqt li imponewlu multa fiskali.

22      Fuq domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Gvern Ungeriż indika li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-kunsinna ta’ beni mobbli u li l-Artikolu 142(1)(g) tal-liġi dwar il-VAT japplika mingħajr distinzjoni għall-proprjetà mobbli u għall-proprjetajiet immobbli.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112, il-VAT għandha titħallas mill-persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli, minbarra fejn din titħallas minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199 u fl-Artikolu 202 ta’ din id-direttiva. Konformement mal-Artikolu 199(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persuna taxxabbli hija l-persuna taxxabbli destinatarja tat-tranżazzjonijiet relattivi għall-forniment ta’ proprjetà immobbli mibjugħa mid-debitur ta’ kreditu eżekutorju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ bejgħ obbligatorju.

24      Mill-premessa 42 tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-għan imfittex minn dan l-Artikolu 199(1)(g) huwa li jippermetti lill-Istati Membri li jużaw il-mekkaniżmu tal-awtolikwidazzjoni f’ċerti setturi jew f’ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet, bil-għan li jiġu ssemplifikati r-regoli u li tiġi miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Din id-dispożizzjoni għalhekk tippermetti lill-awtoritajiet fiskali jiġbru l-VAT imposta fuq it-tranżazzjonijiet inkwistjoni meta l-kapaċità tad-debitur li jħallasha tkun kompromessa (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Promociones y Construcciones BJ 200, C-125/12, EU:C:2013:392, punt 28).

25      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 199(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju, imfakkar fl-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva, li jgħid li l-VAT għandha titħallas mill-persuna taxxabbli li tkun qed twettaq kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi taxxabbli, u b’hekk, għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. L-imsemmi Artikolu 199 fil-fatt jippermetti lill-Istati Membri jużaw, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (1)(a) sa (g) tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni li permezz tiegħu l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli destinatarja tat-tranżazzjoni suġġetta għall-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Promociones y Construcciones BJ 200, C-125/12, EU:C:2013:392, punti 23 u 31).

26      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni huwa eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112, jimplika li derogi minn dan il-prinċipju għandhom jiġu awtorizzati biss jekk dawn ikunu espressament stabbiliti minn din id-direttiva.

27      Issa, l-Artikolu 199(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 jikkonċerna biss il-proprjetajiet immobbli u mhux il-proprjetajiet mobbli. Għaldaqstant, il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli fil-kuntest ta’ bejgħ b’irkant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

28      Ċertament, l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jitolbu d-dritt li jintroduċu miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, sabiex jissimplifikaw il-proċedura tal-ġbir tat-taxxa u sabiex jipprevjenu ċertu tipi ta’ frodi jew evażjoni tat-taxxa. Madankollu, il-Gvern Ungeriż ikkonferma fis-seduta li l-Ungerija ma bbenefikatx minn tali deroga fil-kuntest tal-Artikolu 199(1)(g) tad-Direttiva 2006/112.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 142(1)(g) tal-liġi dwar il-VAT jestendi l-applikazzjoni tas-sistema ta’ awtolikwidazzjoni għal kunsinni ta’ proprjetà mobbli, lil hinn minn dak li jippermetti l-kliem tal-Artikolu 199(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, li jikkonċerna biss il-kunsinni ta’ proprjetajiet immobbli. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ awtolikwidazzjoni u l-impożizzjoni tal-multa fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma inkompatibbli ma’ din id-direttiva, jekk il-bejgħ b’irkant inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jikkonċerna proprjetà mobbli.

30      Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-verifiki neċessarji min-naħa tal-qorti tar-rinviju, mill-provi fil-proċess ippreżentati minnha kif ukoll mid-diskussjonijiet waqt is-seduta li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-imsemmi Artikolu 142(1)(g) mal-Artikolu 199(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 ma ġietx invokata fil-kuntest tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni relattivi għal kwistjoni proċedurali, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et., C-222/05 sa C-225/05, EU:C:2007:318, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal, C-161/15, EU:C:2016:175, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Minn naħa, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, ma jeħtieġx, fil-prinċipju, li l-qrati nazzjonali jinvokaw ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt, meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligahom imorru lil hinn mil-limiti tat-tilwima ddefiniti mill-partijiet, billi jibbażaw ruħhom fuq fatti u ċirkustanzi differenti minn dawk li fuqhom il-parti li għandha interess li tapplika l-imsemmija dispożizzjonijiet ibbażat it-talba tagħha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C-430/93 u C-431/93, EU:C:1995:441, punt 22, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et., C-222/05 sa C-225/05, EU:C:2007:318).

33      Din il-limitazzjoni tas-setgħat tal-qorti nazzjonali hija ġġustifikata mill-prinċipju li jgħid li l-inizjattiva ta’ proċess tappartjeni lill-partijiet u li, konsegwentement, meta l-liġi proċedurali nazzjonali toffri possibbiltà reali lill-parti kkonċernata li tinvoka motiv ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali tista’ biss taġixxi ex officio f’każijiet eċċezzjonali fejn l-interess pubbliku jeżiġi l-intervent tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et., C-222/05 sa C-225/05, EU:C:2007:318, punti 35 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li mill-provi fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien miċħud mil-liġi proċedurali nazzjonali milli jinvoka l-motiv ibbażat fuq l-eventwali inkompatibbiltà tal-Artikolu 142(1)(g) tal-liġi dwar il-VAT mal-Artikolu 199(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et., C-222/05 sa C-225/05, EU:C:2007:318, punt 41).

35      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza teżiġi li, meta d-dispożizzjonijiet tal-liġi interna relattivi għall-metodi proċedurali jikkonferixxu fuq il-qorti obbligu li tinvoka ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur tal-liġi nazzjonali, tali obbligu għandu jipprevali bl-istess mod fir-rigward ta’ motiv tal-istess natura, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel et van Veen, C-430/93 u C-431/93, EU:C:1995:441, punt 13, kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal, C-161/15, EU:C:2016:175, punt 30). L-istess japplika jekk il-liġi nazzjonali tikkonferixxi lill-qorti l-fakultà li tinvoka tali motiv ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C-430/93 u C-431/93, EU:C:1995:441, punt 14).

36      F’dan ir-rigward, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Gvern Ungeriż indika li, abbażi tal-liġi nazzjonali tiegħu, il-qorti tar-rinviju kellha l-possibbiltà li tinvoka ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ regola tal-liġi nazzjonali, bl-istess mod bħal dak ibbażat fuq il-ksur tal-liġi tal-Unjoni.

37      Issa, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, EU:C:2007:434, punt 43, kif ukoll tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et., C-165/09 sa C-167/09, EU:C:2011:348, punt 47).

38      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, B., C-394/13, EU:C:2014:2199, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, peress li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, minn naħa, jekk ħangar mobbli, bħal dak li l-kunsinna tiegħu tikkostitwixxi t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex proprjetà mobbli jew immobbli, u, min-naħa l-oħra, jekk din tistax tinvoka ex officio l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 142(1)(g) tal-liġi dwar il-VAT mal-Artikolu 199(1)(g) tad-Direttiva 2006/112, ma jistax jiġi eskluż li r-risposta għad-domandi magħmula tibqa’ rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għalhekk, għandha tingħata risposta għal dawn id-domandi.

 Fuq l-ewwel domanda

40      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ix-xerrej ta’ proprjetà jiċċaħħad mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT li jkun ħallas indebitament lill-bejjiegħ abbażi ta’ fattura mfassla skont ir-regoli relattivi għas-sistema ordinarja tal-VAT, filwaqt li t-tranżazzjoni rilevanti kienet tidħol taħt il-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni, meta l-bejjiegħ ikun ħallas it-taxxa msemmija lit-Teżor pubbliku.

41      Għandu jitfakkar li, skont l-iskema tal-awtolikwidazzjoni, ma għandu jseħħ l-ebda ħlas tal-VAT bejn il-fornitur u x-xerrej tal-proprjetà, peress li dan tal-aħħar huwa responsabbli, għat-tranżazzjonijiet imwettqa, għall-ħlas tal-input tal-VAT, filwaqt li jista’, fil-prinċipju, inaqqas din l-istess taxxa b’mod li l-ebda ammont ma jkun dovut lill-amministrazzjoni fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Fatorie, C-424/12, EU:C:2014:50, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-dritt għal tnaqqis jifforma parti integrali tal-mekkaniżmu tal-VAT u, bħala regola ġenerali, ma jistax jiġi limitat (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2010, Pannon Gép Centrum, C-368/09, EU:C:2010:441, punt 37; tas-6 ta’ Frar 2014, Fatorie, C-424/12, EU:C:2014:50, punt 30, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Astone, C-332/15, EU:C:2016:614, punt 30).

43      L-iskema ta’ tnaqqis hija intiża sabiex ittaffi għalkollox lill-persuna taxxabbli mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Is-sistema komuni tal-VAT konsegwentement tiggarantixxi n-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, sakemm l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Frar 2001, Abbey National, C-408/98, EU:C:2001:110, punt 24; tas-6 ta’ Frar 2014, Fatorie, C-424/12, EU:C:2014:50, punt 31, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Astone, C-332/15, EU:C:2016:614, punt 29).

44      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-metodi għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT fi proċedura ta’ awtolikwidazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 199(1) tad-Direttiva 2006/112, persuna taxxabbli, li bħala xerrej ta’ proprjetà, hija suġġetta għall-VAT relatata magħha, ma hijiex obbligata żżomm fattura maħruġa skont il-kundizzjonijiet formali ta’ din id-direttiva, sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha, u għandha biss tissodisfa l-formalitajiet stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat fl-eżerċizzju tal-għażla li hija għandha taħt l-imsemmi Artikolu 178(f) tad-direttiva msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Fatorie, C-424/12, EU:C:2014:50, punt 32 u 33).

45      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-fattura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinkludix l-indikazzjoni “awtolikwidazzjoni”, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 169(n) tal-liġi dwar il-VAT, u li T. Farkas bi żball ħallas il-VAT, imsemmija bi żball f’din il-fattura, lill-bejjiegħ fil-kawża prinċipali minkejja li, b’applikazzjoni tas-sistema tal-awtolikwidazzjoni, dan kellu, bħala destinatarju tal-proprjetà, iħallas il-VAT lill-awtoritajiet fiskali, konformement mal-Artikolu 199(1)(g) tad-Direttiva 2006/112. Għalhekk, lil hinn mill-fatt li l-fattura inkwistjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti formali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kundizzjoni bażika ta’ din is-sistema ma ġietx osservata.

46      Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Fatorie (C-424/12, EU:C:2014:50, punt 38), għandu jitqies li tali sitwazzjoni impedixxiet lill-amministrazzjoni fiskali Ungeriża milli tikkontrolla l-applikazzjoni tas-sistema tal-awtolikwidazzjoni u ġabet ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali għall-Istat Membru kkonċernat.

47      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis huwa limitat biss għat-taxxi dovuti, jiġifieri għat-taxxi li jikkorrispondu għal tranżazzjoni suġġetta għall-VAT jew imħallsa sa fejn kienu dovuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Fatorie, C-424/12, EU:C:2014:50, punt 39). Issa, il-VAT imħallsa minn T. Farkas lill-bejjiegħ tal-ħangar mobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx dovuta.

48      Għalhekk, peress li l-VAT imħallsa ma kinitx dovuta u l-ħlas tagħha ma josservax rekwiżit bażiku tas-sistema tal-awtolikwidazzjoni, T. Farkas ma jistax jibbenefika minn dritt għal tnaqqis ta’ din il-VAT.

49      Madankollu, T. Farkas jista’ jitlob ir-rimbors tat-taxxa li ħallas indebitament lill-imsemmi bejjiegħ tal-ħangar mobbli, konformement mal-liġi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Fatorie, C-424/12, EU:C:2014:50, punt 42).

50      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-talbiet ta’ restituzzjoni tat-taxxi, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tipprovdi għall-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jsiru dawn it-talbiet, liema kundizzjonijiet għandhom iħarsu l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jiġifieri, li la għandhom ikunu inqas vantaġġużi mill-kundizzjonijiet simili dwar il-ħlas lura li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt intern u lanqas għandhom ikunu implementati b’mod li jagħmlu prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C-35/05, EU:C:2007:167, punt 37).

51      Peress li, fil-prinċipju, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom il-VAT imħallsa indebitament tista’ tiġi rregolarizzata, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li sistema li fiha, min-naħa, il-bejjiegħ tal-proprjetà li bi żball ħallas il-VAT lill-awtoritajiet fiskali jista’ jitlob ir-rifużjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, ix-xerrej tal-proprjetà jista’ jressaq azzjoni ċivili kontra dan il-bejjiegħ għall-ħlas lura ta’ pagament indebitu, tirrispetta l-prinċipji ta’ newtralità u ta’ effettività. Fil-fatt, sistema bħal din tippermetti lix-xerrej imsemmi, li jkun ħallas it-taxxa ffatturata bi żball, li jikseb ir-rifużjoni tal-ammonti mħallsa indebitament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C-35/05, EU:C:2007:167, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-metodi proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom skont id-dritt tal-Unjoni jagħmlu parti mis-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et, C-78/98, EU:C:2000:247, punt 31, kif ukoll tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C-35/05, EU:C:2007:167, punt 40).

53      Madankollu, jekk ir-rifużjoni tal-VAT issir impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari, fil-każ ta’ insolvenza tal-bejjiegħ, il-prinċipju ta’ effettività jista’ jirrikjedi li x-xerrej tal-proprjetà jkun jista’ jagħmel talba għal rifużjoni direttament kontra l-awtoritajiet fiskali. B’hekk, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-għodda u l-metodi proċedurali neċessarji biex jippermettu lix-xerrej jirkupra t-taxxa ffatturata indebitament sabiex jirrispettaw il-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C-35/05, EU:C:2007:167, punt 41).

54      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-bejjiegħ li kkunsinna l-ħangar mobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment, liema ħaġa tista’ tindika li huwa eċċessivament diffiċli jew impossibbli li T. Farkas ikun jista’ jikseb ir-rimbors tal-VAT li dan il-bejjiegħ ħallsu indebitament. Min-naħa l-oħra, abbażi tad-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni fiskali Ungeriża, T. Farkas tqies bħala responsabbli għall-ħlas ta’ din il-VAT lit-Teżor pubbliku, minkejja li kien ħallasha lill-bejjiegħ imsemmi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk T. Farkas għandux il-possibbiltà li jikseb il-ħlas lura tat-taxxa indebita mingħand dan l-istess bejjiegħ.

55      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ ma hemm ebda ħjiel ta’ frodi u l-bejjiegħ, li ħareġ il-fattura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ħallas il-VAT lit-Teżor pubbliku, b’mod li dan tal-aħħar ma sofriex dannu mill-fatt li l-fattura inkwistjoni nħarġet bi żball abbażi tat-taxxa ordinarja minflok tat-taxxa b’awtolikwidazzjoni.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ir-rimbors, mill-bejjiegħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil T. Farkas, xerrej tal-proprjetà kkonċernata, tal-VAT iffatturata indebitament, isir impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza ta’ dan il-bejjiegħ, T. Farkas għandu jkun jista’ jindirizza t-talba għal rimbors tiegħu direttament kontra l-awtorità fiskali.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ix-xerrej ta’ proprjetà jiċċaħħad mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT li jkun ħallas indebitament lill-bejjiegħ abbażi ta’ fattura mfassla skont ir-regoli relattivi għas-sistema ordinarja tal-VAT, filwaqt li t-tranżazzjoni rilevanti kienet tidħol taħt il-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni, meta l-bejjiegħ ikun ħallas it-taxxa msemmija lit-Teżor pubbliku. Madankollu, dawn il-prinċipji jeżiġu, jekk ir-rimbors, mill-bejjiegħ lix-xerrej, tal-VAT iffatturata indebitament, isir impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza tal-bejjiegħ, li x-xerrej għandu jkun jista’ jindirizza t-talba għal rimbors tiegħu direttament kontra l-awtorità fiskali.

 Fuq it-tieni domanda

58      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet fiskali nazzjonali jimponu fuq persuna taxxabbli, li tkun xtrat proprjetà li l-kunsinna tagħha tidħol taħt is-sistema tal-awtolikwidazzjoni, sanzjoni fiskali li tammonta għal 50 % tal-ammont tal-VAT li din hija marbuta li tħallas lill-amministrazzjoni fiskali, meta din tal-aħħar ma tkun bagħtiet ebda telf ta’ dħul fiskali u meta ma jkunx hemm ħjiel ta’ frodi fiskali.

59      Għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, huma għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom b’mod li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tagħha, u, konsegwentement, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, de Andrade, C-213/99, EU:C:2000:678, punt 20, u tas-6 ta’ Frar 2014, Fatorie, C-424/12, EU:C:2014:50, punt 50).

60      B’hekk, tali sanzjonijiet ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet li jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u li tiġi evitata l-frodi. Sabiex jiġi evalwat jekk sanzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tal-ksur li din is-sanzjoni hija intiża li tippenalizza, kif ukoll il-metodi ta’ determinazzjoni tal-ammont tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade, C-95/07 u C-96/07, EU:C:2008:267, punti 65 sa 67, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Rodopi-M 91, C-259/12, EU:C:2013:414, punt 38).

61      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-ammont tas-sanzjoni jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet indikati fil-punt preċedenti (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Rodopi-M 91, C-259/12, EU:C:2013:414, punt 39), għandhom jiġu indikati lil din il-qorti ċerti elementi tal-kawża prinċipali li huma tali li jippermettulha tiddetermina jekk is-sanzjoni imposta fuq T. Farkas, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi li tistabbilixxi l-kodiċi tal-proċedura fiskali, hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62      F’dan ir-rigward, tali sanzjoni tidher li hija ta’ natura li tħeġġeġ lill-persuni taxxabbli sabiex jirregolarizzaw kemm jista’ jkun malajr il-każijiet ta’ insuffiċjenza ta’ ħlas tat-taxxa u, għalhekk, sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat il-ġbir korrett tat-taxxa.

63      Skont l-Artikolu 170(1) ta’ din il-liġi, l-ammont tas-sanzjoni huwa ffissat, awtomatikament, għal 50 % tal-ammont tal-VAT li l-persuna taxxabbli hija marbuta li tħallas lill-amministrazzjoni fiskali. L-Artikolu 171(1) ta’ din l-istess liġi jippreċiża li r-rata tal-multa tista’ titnaqqas, jew saħansitra l-multa tista’ titneħħa, jew ex officio, jew fuq talba, f’każ ta’ ċirkustanzi li jimmeritaw li jitqiesu bħala eċċezzjonali u li jippermettu li jiġi konkluż li, b’mod partikolari, il-persuna taxxabbli li wasslet għad-dejn fiskali aġixxiet bil-kura li setgħet tkun mistennija mingħandha fis-sitwazzjoni partikolari. Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li t-tnaqqis fil-multa jiġi ffissat billi jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-firxa tad-dejn fiskali, iċ-ċirkustanzi tal-oriġini tiegħu, il-gravità u l-frekwenza tal-aġir illegali tal-persuna taxxabbli.

64      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-metodi ta’ determinazzjoni tas-sanzjoni msemmija jippermettu, fil-prinċipju, li jiġi żgurat li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet li jiġi żgurat il-ġbir eżatt tat-taxxa u li tiġi evitata l-frodi.

65      Fir-rigward tal-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta fuq T. Farkas fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tan-natura u tal-gravità tal-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont osservazzjonijiet bil-miktub li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li dan il-ksur jikkonsisti fi żball relattiv għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-VAT, li jikkorrispondi għal ksur ta’ natura amministrattiva u li, fid-dawl tal-provi ta’ fatt li jirriżultaw mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, ma kkawża lill-amministrazzjoni fiskali ebda telf ta’ dħul, u, min-naħa l-oħra, huwa kkaratterizzat min-nuqqas ta’ ħjiel ta’ frodi.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impożizzjoni fuq T. Farkas ta’ sanzjoni li tammonta għal 50 % tal-ammont tal-VAT applikabbli għall-operazzjoni inkwistjoni, tidher li hija sproporzjonata, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet fiskali nazzjonali jimponu fuq persuna taxxabbli, li tkun xtrat proprjetà li l-kunsinna tagħha tidħol taħt is-sistema tal-awtolikwidazzjoni, sanzjoni fiskali li tammonta għal 50 % tal-ammont tal-VAT li din hija marbuta li tħallas lill-amministrazzjoni fiskali, meta din tal-aħħar ma tkun bagħtiet ebda telf ta’ dħul fiskali u meta ma jkunx hemm ħjiel ta’ frodi fiskali, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 199(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE, tat-13 ta’ Lulju 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-kunsinni ta’ proprjetà immobbli mibjugħa mid-debitur ta’ kreditu eżekutorju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ bejgħ obbligatorju.

2)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE, tat-13 ta’ Lulju 2010, kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ix-xerrej ta’ proprjetà jiċċaħħad mid-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud li jkun ħallas indebitament lill-bejjiegħ abbażi ta’ fattura mfassla skont ir-regoli relattivi għas-sistema ordinarja tat-taxxa fuq il-valur miżjud, filwaqt li t-tranżazzjoni rilevanti kienet tidħol taħt il-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni, meta l-bejjiegħ ikun ħallas it-taxxa msemmija lit-Teżor pubbliku. Madankollu, dawn il-prinċipji jeżiġu, jekk ir-rimbors, mill-bejjiegħ lix-xerrej, tat-taxxa fuq il-valur miżjud iffatturata indebitament isir impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza tal-bejjiegħ, li x-xerrej għandu jkun jista’ jindirizza t-talba għal rimbors tiegħu direttament kontra l-awtorità fiskali.

3)      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet fiskali nazzjonali jimponu fuq persuna taxxabbli, li tkun xtrat proprjetà li l-kunsinna tagħha tidħol taħt is-sistema tal-awtolikwidazzjoni, sanzjoni fiskali li tammonta għal 50 % tal-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud li din hija marbuta li tħallas lill-amministrazzjoni fiskali, meta din tal-aħħar ma tkun bagħtiet ebda telf ta’ dħul fiskali u meta ma jkunx hemm ħjiel ta’ frodi fiskali, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.