Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

8.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Varese (l-Italja) fid-9 ta’ Novembru 2015 – proċeduri kriminali kontra Mauro Scialdone

(Kawża C-574/15)

(2016/C 048/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Varese

Parti fil-kawża prinċipali

Mauro Scialdone

Domandi preliminari

1)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 4(3) TUE, 325 TFUE u [tad-]Direttiva 2006/112 (1), li jimponu l-obbligu ta’ assimilazzjoni fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-politiki ta’ sanzjoni, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-promulgazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li n-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT huwa kriminalment punibbli meta l-ammont jaqbeż limitu espress f’valur montetarju ogħla minn dak stabbilit għan-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa diretta fuq id-dħul?

2)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 4(3) TUE, 325 TFUE u [tad-]Direttiva 2006/112, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-promulgazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li teżenta minn sanzjoni lill-persuna akkużata (kemm jekk hija tkun amministratur, rappreżentant legali, delegat biex jeżerċita funzjonijiet ta’ natura fiskali jew persuna li kkontribwixxiet għall-ksur) meta l-entità li għandha personalità ġuridika li magħha l-persuna akkużata hija marbuta għamlet il-ħlas tardiv tat-taxxa u tas-sanzjonijiet amministrattivi dovuti fir-rigward tal-VAT, minkejja li l-kontroll fiskali diġà seħħ u minkejja li tressqu proċeduri kriminali, ġew ifformulati l-akkużi u ġie kkonstatat li l-persuna akkużata ġiet debitament informata bl-akkużi fil-kuntest tal-proċeduri u dan sad-dikjarazzjoni tal-ftuħ tal-proċeduri f’sistema li ma timponi, fuq l-imsemmi amministratur, rappreżentant legali jew fuq id-delegati tagħhom u fuq il-persuni li kkontribwixxew għall-ksur, ebda sanzjoni oħra, anki amministrattiva?

3)

Il-kunċett ta’ frodi previst fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni PFI għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat li dan il-kunċett ikopri wkoll l-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ ħlas, ta’ ħlas parzjali jew tardiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud u, konsegwentement, l-Artikolu 2 tal-konvenzjoni ċċitata iktar ’il fuq jimponi fuq l-Istat Membru jissanzjona permezz ta’ pieni ta’ priġunerija n-nuqqas ta’ ħlas u l-ħlas parzjali jew tardiv tal-VAT għal ammonti li jaqbżu EUR 50 000?

Fil-każ ta’ risposta negattiva, wieħed għandu jistaqsi jekk ir-rekwiżit tal-Artikolu 325 TFUE li jimponi fuq l-Istati Membri jimponu sanzjonijiet, inklużi kriminali, dissważivi, proporzjonati u effettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta mir-responsabbiltà kriminali u amministrattiva lill-amministraturi u lir-rappreżentanti legali tal-persuni ġuridiċi jew lid-delegati tagħhom u lill-persuni li kkontribwixxew għall-ksur, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, ta’ ħlas parzjali jew tardiv tal-VAT għal ammonti minn 3 sa 5 darbiet ogħla mil-limiti minimi stabbiliti f’każ ta’ frodi, li jammontaw għal EUR 50 000?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).