Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Mejju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/16/UE – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Artikolu 1(1) – Artikolu 5 – Talba għal informazzjoni indirizzata lil terzi – Rifjut li tingħata risposta – Sanzjoni – Kunċett ta’ ‘rilevanza prevedibbli’ tal-informazzjoni mitluba – Stħarriġ tal-awtorità rikjesta – Stħarriġ tal-qorti – Portata – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 51 – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Aċċess tal-qorti u tat-terzi għat-talba għal informazzjoni indirizzata mill-awtorità rikjesta”

Fil-Kawża C-682/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour administrative (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Berlioz Investment Fund SA

vs

Directeur de l’administration des contributions directes,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, M. Berger u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund (Relatur), C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Berlioz Investment Fund SA, minn J.-P. Drescher, avukat,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux u D. Holderer, bħala aġenti, assistiti minn P.-E. Partsch u T. Evans, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u M. Jacobs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, inizzjalment minn S. Ghiandoni, bħala aġent, sussegwentement minn E. de Moustier, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal, J.-F. Brakeland, H. Krämer u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Berlioz Investment Fund SA (iktar ’il quddiem “Berlioz”) u d-directeur de l’administration des contributions directes (direttur tal-amministrazzjoni tat-taxxi diretti, il-Lussemburgu) dwar sanzjoni pekunjarja li ġiet imposta fuqha minn dan tal-aħħar talli rrifjutat li tirrispondi għal talba għal informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-amministrazzjoni fiskali Franċiża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

3        L-Artikolu 47 tal-Karta intitolat, “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jipprevedi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

 Id-Direttiva 2011/16

4        Il-premessi 1, 2, 6 sa 9 u 19 tad-Direttiva 2011/16 jiddikjaraw:

“(1)      [...] Hemm żvilupp tremend fil-mobbiltà tal-pagaturi tat-taxxa, fl-għadd ta’ transazzjonijiet transkonfinali u fl-internazzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, li jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex jivvalutaw kif xieraq it-taxxi dovuti. Din id-diffikultà dejjem tiżdied taffettwa l-funzjonament tas-sistemi fiskali u tinvolvi tasssazzjoni doppja, li minnha nnifisha tinċita l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali. [...]

(2)      [...] Sabiex jingħelbu l-effetti negattivi ta’ dan il-fenomenu, huwa indispensabbli li tiġi żviluppata kooperazzjoni amministrattiva ġdida bejn l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri. Huma meħtieġa strumenti b’potenzjal li x’aktarx joħolqu fiduċja bejn l-Istati Membri, bl-istabbiliment tal-istess regoli, obbligi u drittijiet għall-Istati Membri kollha.

[...]

(6)      [...] Għal dan il-għan, huwa meqjus li din id-Direttiva ġdida tkun l-istrument xieraq f’termini ta’ kooperazzjoni amministrattiva effettiva.

(7)      Din id-Direttiva tibni fuq il-kisbiet tad-Direttiva 77/799/KEE [tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63)], iżda tipprevedi regoli aktar ċar u aktar preċiżi li jirregolaw il-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri fejn meħtieġ, sabiex tkun stabbilita, speċjalment fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni, portata usa’ ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. [...]

(8)      [...] Għandhom .[...] jiġu pprovduti miżuri li jħalli kuntatti aktar diretti bejn is-servizzi bil-għan li l-koperazzjoni ssir aktar effiċjenti u aktar malajr. [...]

(9)      L-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar każijiet partikolari meta mitluba jagħmlu dan minn Stat Membru ieħor u għandhom jagħmlu l-indaġni meħtieġa biex jikseb tali informazzjoni. L-istandard ta’ ‘rilevanza prevedibbli’ huwa maħsub biex jipprovdi għall-iskambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa safejn hu possibbli u, fl-istess ħin, biex jiċċara li l-Istati Membri mhumiex liberi li jippruvaw jiksbu informazzjoni jew jitolbu informazzjoni li x’aktarx ma tkunx rilevanti għall-kwistjonijiet tat-taxxa ta’ pagatur speċifiku tat-taxxa. Waqt li l-Artikolu 20 ta’ din id-Dreittiva jinkludi rekwiżiti proċedurali, jeħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod liberali sabiex ma jfixklux l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni.

[...]

(19)      Is-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru rikjest jista’ jirrifjuta li jagħti l-informazzjoni għandhom ikunu definiti u limitati b’mod ċar, b’kont meħud ta’ ċerti interessi privati li għandhom ikunu mħarsa kif ukoll tal-interess pubbliku.”

5        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/16 jipprevedi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien bil-ħsieb tal-iskambju ta’ informazzjoni li hija prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.”

6        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li tikseb b’riżultat ta’ indaġnijiet amministrattivi.”

7        L-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

“L-informazzjoni kkomunikata bejn l-Istati Membri f’kwalunkwe forma skont din id-Direttiva għandha tkun koperta mill-obbligu ta’ segretezza uffiċjali u tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċeviha.

[...]”

8        L-Artikolu 17 tal-istess direttiva, intitolat “Limiti”, jipprevedi li:

“1.      Awtorità rikjesta fi Stat Membru wieħed għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti fi Stat Membru ieħor l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5, bil-kondizzjoni li l-awtorità rikjedenti tkun eżawriet is-sorsi ta’ informazzjoni tas-soltu li setgħet użat fiċ-ċirkostanzi biex tikseb l-informazzjoni mitluba, mingħajr ma tieħu r-riskju li tikkomprometti l-kisba tal-għanijiet tagħha.

2      Din id-Direttiva m’għandha timponi l-ebda obbligu fuq Stat Membru rikjest biex iwettaq indaġnijiet jew biex jikkomunika informazzjoni, jekk dan ikun kontra l-leġiżlazzjoni tiegħu li jitwettaq tali indaġnijiet jew li jiġbor l-informazzjoni mitluba għall-finijiet tiegħu stess.

3.      L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni meta l-Istat Membru kkonċernat ma jistax, għal raġunijiet ġuridiċi, jipprovdi informazzjoni simili.

4.      It-trasmissjoni ta’ informazzjoni tista’ tkun rifjutata jekk se twassal għall-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta’ proċess kummerċjali, jew ta’ informazzjoni li l-kxif tagħha jmur kontra l-politika pubblika.

5.      L-awtorità rikjesta għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għar-rifjut ta’ talba għal informazzjoni.”

9        L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/16, intitolat “Obbligi”, jipprevedi li:

“1.      Jekk tintalab informazzjoni minn Stat Membru skont din id-Direttiva, l-Istat Membru rikjest għandu juża l-miżuri tiegħu bil-għan li tinġabar informazzjoni sabiex tinkiseb l-informazzjoni mitluba, anki jekk dak l-Istat Membru jista’ ma jkunx jeħtieġ tali informazzjoni għall-finijiet fiskali tiegħu stess. Dak l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 17, li l-invokazzjoni tiegħu m’għandha bl-ebda mod tinftiehem li tippermetti Stat Membru rikjest jirrifjuta li jforni informazzjoni sempliċiment għax ma jkollu l-ebda interess domestiku f’tali informazzjoni.

2.      Fl-ebda każ m’għandu l-Artikolu 17(2) u (4) jinftiehem li jippermetti awtorità rikjesta ta’ Stat Membru tirrifjuta li tforni informazzjoni sempliċiment għax din l-informazzjoni tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, persuna nominata jew li taġixxi fil-kapaċità ta’ aġent jew tà fiduċjarju jew għax tirreferi għall-interessi proprjetarji ta’ persuna.

[...]”

10      L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2011/16 jipprevedi, f’dak li jirrigwarda t-talbiet għal informazzjoni u investigazzjonijiet amministrattivi mibdija skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-użu, sa fejn huwa possibbli, ta’ formola adottata mill-Kummissjoni. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 20 huwa redatt kif ġej:

“Il-formola standard li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja li għandha tiġi pprovduta mill-awtorità rikjedenti:

(a)      l-identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni;

(b)      l-għan fiskali tal-informazzjoni mitluba.

L-awtorità rikjedenti tista’, safejn ikun magħruf u f’konformità mal-iżviluppi internazzjonali, tipprovdi l-isem u l-indirizz ta’ kwalunkwe persuna li hu maħsub li għandha fil-pussess tagħha l-informazzjoni rikjesta kif ukoll kwalunkwe element li jista’ jiffaċilita l-ġbir ta’ informazzjoni mill-awtorità rikjesta.”

11      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/16 jipprevedi, fil-paragrafu (1)(c) tiegħu, li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex:

[...]

(c)      jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva previsti f’din id-Direttiva.”

 Id-dritt Lussemburgiż

 Il-liġi tad-29 ta’ Marzu 2013

12      Id-Direttiva 2011/16 ġiet trasposta fid-dritt Lussemburgiż bil-liġi tad-29 ta’ Marzu 2013 li tittrasponi d-Direttiva 2011/16/ u li tirrigwarda (1) l-emenda tal-liġi ġenerali dwar it-taxxi, (2) it-tħassir tal-liġi emendata tal-15 ta’ Marzu 1979 li tirrigwarda l-assistenza amministrattiva internazzjonali fil-qasam tat-taxxi diretti (Mémorial A 2013, p.756, iktar ’il quddiem il-“liġi tad-29 ta’ Marzu 2013”).

13      L-Artikolu 6 tal-liġi tad-29 ta’ Marzu 2013 jipprevedi:

“Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta Lussemburgiża għandha tikkomunikalha kwalunkwe informazzjoni probabbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna tal-Istat Membru rikjedenti dwar it-taxxi u d-dazji msemmija fl-Artikolu 1, li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li hija tikseb permezz ta’ investigazzjonijiet amministrattivi.”

14      L-Artikol 8(1) liġi tad-29 ta’ Marzu 2013 jipprevedi:

“L-awtorità rikjesta Lussemburgiża għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 kemm jista’ jkun malajr, u mhux iktar tard minn sitt xhur mid-data tar-riċevuta tat-talba. Madankollu, meta l-awtorità rikjesta Lussemburgiża tkun diġà fil-pussess ta’ dik l-informazzjoni, l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa fi żmien xahrejn minn dik id-data.”

 Il-liġi tal-25 ta’ Novembru 2014

15      Il-liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 li tipprovdi l-proċedura għall-iskambju tal-informazzjoni fuq talba fil-qasam tat-tassazzjoni u li temenda l-liġi tal-31 ta’ Marzu 2010 li tirrettifika l-Konvenzjonijiet fiskali u li tipprovdi l-proċedura applikabbli fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba (Mémorial A 2014, p. 4170, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-25 ta’ Novembru 2014”) tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin.

16      L-Artikolu 1(1) tal-liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 jipprevedi li:

“Din il-liġi hija applikabbli b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha għat-talbiet għall-iskambju ta’ informazzjoni li jsiru fil-qasam tat-tassazzjoni u li jsiru mill-awtorità kompetenti ta’ Stat rikjedenti taħt:

[...]

4)      il-[liġi tad-29 ta’ Marzu 2013] dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni;

[...]”

17      L-Artikolu 2 tal-liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 jipprevedi:

“1      L-amministrazzjonijiet fiskali huma awtorizzati li jitolbu kull tip ta’ informazzjoni li tkun mitluba għall-applikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni kif previst mill-konvenzjonijiet u liġijiet mingħand il-possessur ta’ dik l-informazzjoni.

2.      Il-possessur tal-informazzjoni huwa obbligat li jipprovdi l-informazzjoni mitluba, kollha kemm hi, b’mod preċiż, mingħajr alterazzjoni, u dan fi żmien xahar min-notifika tal-ordni li tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba. Dan l-obbligu jinkludi t-trażmissjoni mingħajr alterazzjoni tal-files li fuqhom hija bbażata l-informazzjoni.

[...]”

18      Skont l-Artikolu 3 tal-liġi tal-25 ta’ Novembru 2014:

“1      L-amministrazzjoni fiskali kompetenti għandha tivverifika r-regolarità formali tat-talba ta’ skambju ta’ informazzjoni. It-talba għal skambju ta’ informazzjoni hija regolari fil-forma jekk hija tkun tinkludi l-indikazzjoni tal-bażi ġuridika u tal-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba kif ukoll l-indikazzjonijiet l-oħra previsti mill-konvenzjonijiet u liġijiet.

[...]

3.      Jekk l-amministrazzjoni fiskali kompetenti ma jkollhiex l-informazzjoni mitluba, id-direttur tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti jew id-delegat tiegħu għandu jinnotifika b’ittra rreġistrata indirizzata lill-possessur tal-informazzjoni l-ordni li tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba. In-notifika tad-deċiżjoni lill-possessur tal-informazzjoni mitluba tiswa bħala notifika lil kull persuna oħra hemm imsemmija.

4.      It-talba għal skambju ta’ informazzjoni ma tistax tiġi żvelata. L-ordni għandha tinkludi biss l-indikazzjonijiet li huma indispensabbli sabiex tippermetti lill-possessur tal-informazzjoni li jidentifika l-informazzjoni mitluba.

[...]”

19      L-Artikolu 5(1) tal-liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 jipprevedi:

“Jekk l-informazzjoni mitluba ma tiġix ipprovduta fit-terminu ta’ xahar min-notifika tal-ordni li tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba, tista’ tiġi inflitta fuq il-possessur tal-informazzjoni multa amministrattiva fiskali sa massimu ta’ EUR 250 000. L-ammont għandu jiġi ffissat mid-direttur tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti jew mid-delegat tiegħu.”

20      L-Artikolu 6 tal-liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 jipprevedi:

“1.      Ma jista’ jiġi ppreżentat l-ebda rikors kontra t-talba għal skambju ta’ informazzjoni u l-ordni msemmija fl-Artikolu 3(1) u (3).

2.      Il-possessur tal-informazzjoni għandu jkollu l-possibbiltà ta’ rikors għal bidla tal-ordnijiet imsemmija fl-Artikolu 5 quddiem il-Cour administrative. Dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahar min-notifika tad-deċiżjoni lid-detentur tal-informazzjoni mitluba. Dan għandu jkollu effett sospensiv. [...]

Jista’ jsir appell mid-deċiżjonijiet tat-tribunal administratif (tribunal amministrattiv) quddiem il-Cour administrative (qorti amministrattiva) L-appell għandu jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tas-sentenza mir-reġistratur. [...] Il-Cour administrative (qorti amministrattiva) għandha tiddeċiedi fi żmien xahar mill-preżentata tar-risposta, u jekk din ma tiġix ippreżentata fi żmien xahar mill-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ dik ir-risposta.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      Berlioz hija kumpannija anonima stabbilita skont id-dritt Lussemburgiż li bbenefikat minn dividendi mħallsa lilha mill-kumpannija sussidjarja tagħha, il-kumpannija b’responsabbiltà limitata ssemplifikata stabbilita skont id-dritt Franċiż Cofima, mingħajr ma tħallset it-taxxa f’ras il-għajn.

22      Fit-3 ta’ Diċembru 2014, l-amministrazzjoni fiskali Franċiża, billi kellha dubju fuq il-punt dwar jekk l-eżenzjoni li bbenefikat minnha Cofima kinitx tosserva l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt Franċiż, bagħtet lill-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża talba għal informazzjoni dwar Berlioz b’mod partikolari skont id-Direttiva 2011/16.

23      Wara din it-talba għal għajnuna, id-Directeur de l’administration des contributions directes (direttur tal-amministrazzjoni tat-taxxi diretti) fis-16 ta’ Marzu 2015, ħa deċiżjoni li fiha huwa indika li l-awtoritajiet fiskali Franċiżi kienu qegħdin jivverifikaw is-sitwazzjoni fiskali ta’ Cofima u li għandhom bżonn informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu fuq l-applikazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa minn Cofima lil Berlioz. F’din id-deċiżjoni, abbażi tal-Artikolu 2(2) tal-liġi tal-25 ta’ Novembru 2014, huwa ordna lil Berlioz sabiex tikkomunikalu ċerta informazzjoni u staqsiha b’mod partikolari:

–        jekk il-kumpannija għandhiex sede ta’ direzzjoni effettiva fil-Lussemburgu u liema huma l-karatteristiċi prinċipali tagħhom, jiġifieri id-deskrizzjoni ta’ din is-sede, id-daqs tal-uffiċċji tagħha, l-apparat materjali u informatiku li jappartjeni lil Berlioz, il-kopja tal-kuntratt ta’ kera tal-lokali u l-indirizz ta’ domiċilju, flimkien ma’ files insostenn;

–        għall-provvista ta’ lista tal-impjegati tagħha flimkien mal-funzjoni tagħhom fi ħdan il-kumpannija u l-identifikazzjoni tal-impjegati marbuta mas-sede soċjali tagħha;

–        jekk hija timpjegax ħaddiema fil-Lussemburgu;

–        jekk jeżistix kuntratt bejn Berlioz u Cofima u, f’każ affermattiv, tipprovdi kopja tal-kuntratt;

–        l-indikazzjoni tal-ishma tagħha f’kumpanniji oħra u kif dawn l-ishma kienu ġew iffinanzjati, flimkien ma’ files insostenn;

–        l-indikazzjoni tal-ismijiet u l-indirizzi tas-soċji tagħha kif ukoll il-valur tal-kapital miżmum minn kull soċju u l-perċentwali li jżomm kull soċju, u

–        l-indikazzjoni tal-valur li bih it-titoli f’Cofima kienu rreġistrati fl-attiv ta’ Berlioz qabel il-laqgħa ġenerali ta’ Cofima tas-7 ta’ Marzu 2012 u l-provvista tal-lista tal-azzjonijiet preċedenti tal-valuri ta’ dħul tat-titoli ta’ Cofima fl-attiv fir-rapport finanzjarju tal-5 ta’ Diċembru 2002, fir-rapport finanzjarju tal-31 ta’ Ottubru 2003 u fl-akkwist tat-2 ta’ Ottubru 2007.

24      Fil-21 ta’ April 2015, Berlioz indikat li kienet wieġbet għall-ordni, tas-16 ta’ Marzu 2015 salv għal dak li jikkonċerna l-ismijiet u l-indirizzi tas-soċji tagħha, il-valur tal-kapital miżmum minn kull wieħed fosthom u l-perċentwali miżmum minn kull soċju, għall-motiv li din l-informazzjoni ma kinitx prevedibbilment rilevanti fis-sens tad-Direttiva 2011/16 sabiex jiġi evalwat jekk d-distribuzzjonijiet tad-dividendi mis-sussidjarja tagħha għandhomx jiġu suġġetti għall-istħarriġ effettwat mill-amministrazzjoni fiskali Franċiża.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2015, id-Directeur de l’administration des contributions directes (direttur tal-amministrazzjoni tat-taxxi diretti) impona fuq Berlioz, abbażi tal-Artikolu 5(1) tal-liġi tal-25 ta’ Novembru 2014, multa ta’ EUR 250 000 minħabba r-rifjut tagħha li tipprovdi informazzjoni.

26      Fit-18 ta’ Ġunju 2015, Berlioz ressqet quddiem it-tribunal administratif (tribunal amministrattiv, il-Lussemburgu) rikors kontra d-deċiżjoni tad-directeur de l’administration des contributions directes (direttur tal-amministrazzjoni tat-taxxi diretti) li kienet timponi fuqha sanzjoni filwaqt li talbitu jivverifika l-fondatezza tad-deċiżjoni tal-ordni tas-16 ta’ Marzu 2015.

27      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Awwissu 2015, it-tribunal administratif (tribunal amministrattiv) iddikjara r-rikors prinċipali għal tibdil parzjalment fondat u naqqas il-multa għal EUR 150 000, iżda ċaħad il-kumplament tar-rikors billi indika li ma hemmx lok li jiddeċiedi fuq ir-rikors sussidjarju għal annullament.

28      Permezz ta’ rikors tal-31 ta’ Awwissu 2015, Berlioz ippreżentat appell quddiem il-Cour administrative (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) billi sostniet li r-rifjut tat-tribunal administratif (tribunal amministrattiv) skont l-Artikolu 6(1) tal-liġi tal-25 ta’ Novembru 2014, li jivverifika l-fondatezza tal-ordni, kien jikser id-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-“KEDB”).

29      Il-Cour administrative (qorti amministrattiva) kkunsidrat li seta’ kien neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tal-Karta, li jirrifletti d-dritt imsemmi fl-Artikolu 6(1) KEDB u stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali jissottomettulha l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett.

30      Din il-qorti tistaqsi jekk persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi, bħal Berlioz, tibbenefikax minn dritt għal rimedju effettiv jekk dik il-persuna ma tkunx tista’, lanqas b’mod eċċezzjonali, titlob li tiġi mistħarrġa l-validità tad-deċiżjoni tal-ordni li tikkostitwixxi l-bażi tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqha. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kunċett ta’ “rilevanza prevedibbli” tal-informazzjoni mitluba, imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/16, u fuq il-portata tal-istħarriġ li l-awtoritajiet fiskali u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat rikjest għandhom jeżerċitaw f’dan ir-rigward mingħajr ma jikkawżaw preġudizzju għall-għan ta’ din id-direttiva.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour administrative (qorti amministrattiva) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Stat Membru jkun qed jimplementa d-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, irendi applikabbli l-Karta, skont l-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ meta huwa jimponi, fil-konfront ta’ [persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi], sanzjoni amministrattiva pekunjarja minħabba n-nuqqas min-naħa ta’ d[i]n tal-aħħar li [t]wettaq l-obbligi t[a]għ[ha] ta’ kooperazzjoni li jirriżultaw minn deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni, meħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti tiegħu abbażi ta’ regoli proċedurali tad-dritt nazzjonali stabbiliti għal dan il-għan fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, minn dan l-Istat Membru fil-kwalità tiegħu ta’ Stat mitlub, ta’ talba għal skambju ta’ informazzjoni magħmula minn Stat Membru ieħor u bbażata minn dan tal-aħħar b’mod partikolari fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba?

2)      Fil-każ li jiġi stabbilit li l-Karta tapplika f’dan il-każ, [persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi] [t]ista’ [t]invoka l-Artikolu47 tal-Karta meta [t]qis li s-sanzjoni amministrattiva pekunjarja, imsemmija iktar ’il fuq, imposta fuq[ha], hija intiża tobbliga[ha] [t]ipprovdi informazzjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub, li tiegħu h[ij]a residenti, ta’ talba għal informazzjoni magħmula minn Stat Membru ieħor li ma għandha ebda ġustifikazzjoni rigward l-iskop fiskali reali, b’tali mod li f’dan il-każ ma hemm ebda skop leġittimu u li hija intiża tikseb informazzjoni li ma għandha ebda rilevanza prevedibbli għall-każ ta’ taxxa kkonċernat?

3)      Fil-każ li jiġi stabbilit li l-Karta tapplika f’dan il-każ, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġi, mingħajr ma l-Artikolu 52(1) tal-Karta jippermetti li jiġu previsti restrizzjonijiet, li l-qorti nazzjonali kompetenti għandu jkollha ġurisdizzjoni sħiħa u għaldaqstant, setgħa li tistħarreġ, għall-inqas b’riżultat ta’ eċċezzjoni, il-validità ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni meħuda mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ talba għal skambju ta’ informazzjoni magħmula mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor b’mod partikolari abbażi tad-Direttiva 2011/16 fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn terz li għandu l-informazzjoni u li huwa d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni u intiż kontra deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva pekunjarja minħabba l-allegat nuqqas li l-[persuna] [t]wettaq l-obbligu t[a]għ[ha] li jikkollabora fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija talba?

4)      Fil-każ li jiġi stabbilit li l-Karta tapplika f’dan il-każ, l-Artikol[u] 1(1) u [l-Artikolu] 5 tad-Direttiva 2001/16 għandhom, fid-dawl, minn naħa, tal-paralelliżmu mal-istandard ta’ rilevanza prevedibbli li jirriżulta mill-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital tal-[Organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni u ta’ żvilupp ekonomiċi (OECD)] u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4 TUE, li flimkien jifformaw l-għan tad-Direttiva 2011/16, jiġu interpretati fis-sens li n-natura prevedibbilment rilevanti, fir-rigward tal-każ ta’ taxxa msemmi u tal-għan fiskali indikat, tal-informazzjoni mitluba minn Stat Membru mingħand Stat Membru ieħor tikkostitwixxi kundizzjoni li t-talba għal informazzjoni għandha tissodisfa sabiex jiskatta l-obbligu tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub li taġixxi fuq din it-talba u sabiex tiġi ġġaxxa msemmi u tal-għan fiskali l-għoti ta’ informazzjoni lil terz meħuda minn din l-awtorità?

5)      Fil-każ li jiġi stabbilit li l-Karta tapplika f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikol[u] 1(1) u [l-Artikolu] 5 tad-Direttiva 2001/16, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru li tillimita b’mod ġenerali l-eżami, mill-awtorità nazzjonali kompetenti tiegħu li taġixxi bħala l-awtorità tal-Istat mitlub, il-validità ta’ talba għal informazzjoni, għall-istħarriġ tar-regolarità proċedurali u fis-sens li huma jeżiġu li l-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ rikors kontenzjuż kif deskritt fit-tielet domanda iktar ‘il fuq li hija jkollha quddiemha, tivverifika l-osservanza tal-kundizzjoni tar-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba taħt l-aspetti kollha relatati mar-rabtiet mal-każ ta’ taxxa inkwistjoni, mal-għan finali invokat u mal-osservanza tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/16?

6)      Fil-każ li jiġi stabbilit li l-Karta tapplika f’dan il-każ, [it-tieni paragrafu ta]l-Artikolu 47(2) tal-Karta jipprekludi dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru li teskludi s-sottomissjoni lill-qorti nazzjonali kompetenti tal-Istat mitlub, fil-kuntest ta’ riskors kontenzjuż kif deskritt fit-tielet domanda iktar ‘il fuq li hija jkollha quddiemha, tat-talba għal informazzjoni magħmula mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor u jeżiġi li dan id-dokument jiġi prodott quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti u li jingħata aċċess lit-terz li għandu l-informazzjoni, jew saħansitra li dan id-dokument jiġi prodott quddiem il-qorti nazzjonali mingħajr ma jingħata aċċess lit-terz li għandu l-informazzjoni minħabba n-natura kunfidenzjali ta’ dan id-dokument bil-kundizzjoni li d-diffikulatjiet kollha kkawżati lit-terz li għandu l-informazzjoni bil-limitazzjoni tad-drittijiet tiegħu għandhom jiġu kkumpensati b’mod suffiċjenti mill-proċedura segwita quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

32      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 51(1) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jkun qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li, għaldaqstant, hija applikabbli l-Karta, meta huwa jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, sanzjoni pekunjarja fil-konfront ta’ persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi li tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet fiskali, ibbażat b’mod partikolari fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16.

33      Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri meta huma jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni biss. Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali li tipprevedi din is-sanzjoni tistax tiġi kkunsidrata bħala implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2011/16 timponi ċerti obbligi fuq l-Istati Membri. B’mod partikolari, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika ċerta informazzjoni lill-awtorità rikjedenti.

35      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/16, intitolat “Obbligi”, l-Istat Membru rikjest għandu juża l-mezzi tiegħu għall-ġbir ta’ informazzjoni sabiex jikseb l-informazzjoni mitluba.

36      Barra dan, skont l-Artikolu 22(1)(c) tad-Direttiva 2011/16, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-mezzi ta’ kooperazzjoni amministrattiva previsti f’din id-direttiva.

37      Filwaqt li tirreferi għall-mezzi ta’ ġbir ta’ informazzjoni li jeżistu fid-dritt nazzjonali, id-Direttiva 2011/16 timponi b’hekk fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiksbu l-informazzjoni mitluba b’mod li josservaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni.

38      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività ta’ din id-direttiva, dawn il-miżuri għandhom jinkludu mezzi, bħalma hija s-sanzjoni pekunjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiżguraw l-eżistenza ta’ inċentiv suffiċjenti għal persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi sabiex twieġeb għat-talbiet tal-awtoritajiet fiskali u, billi tagħmel hekk, tippermetti lill-awtorità rikjesta li tissodisfa l-obbligi tagħha fir-rigward tal-awtorità rikjesta.

39      Il-fatt li d-Direttiva 2011/16 ma tipprevedix espressament l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjoni ma jipprekludix li jiġi kkunsidrat li dawn jaqgħu fl-ambitu tal-implementazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “miżuri tiegħu bil-għan li tinġabar informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, u dak ta’ “miżuri kollha meħtieġa biex il-funzjonament tajjeb tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva”, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din l-istess direttiva, huma ta’ natura li tinkludi tali miżuri.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa irrilevanti li d-dispożizzjoni nazzjonali li sservi bħala bażi ta’ miżura ta’ sanzjoni bħal dik imposta fuq Berlioz hija inkluża f’liġi li ma kinitx ġiet adottata sabiex tittrasponi d-Direttiva 2011/16, peress li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali tfittex li tiġi ggarantita dik tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 28).

41      Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi miżura ta’ sanzjoni għal nuqqas ta’ tweġiba għal talba tal-awtorità fiskali nazzjonali intiża li tippermetti lil din tal-aħħar li tosserva l-obbligi tagħha previsti fid-Direttiva 2011/16 għandha, konsegwentement, tiġi kkunsidrata bħala li timplementa lil din id-direttiva.

42      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 51(1) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jkun qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li, għaldaqstant, il-Karta hija applikabbli, meta jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu sanzjoni pekunjarja fil-konfront ta’ persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi li tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju bejn awtoritajiet fiskali, ibbażat b’mod partikolari fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16.

 Fuq it-tieni domanda

43      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi li tiġi imposta fuqha sanzjoni pekunjarja minħabba in-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni amministrattiva li tobbligaha tipprovdi informazzjoni fil-kuntest tal-iskambju bejn amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali skont id-Direttiva 2011/16 hija intitolata li tikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

 Fuq l-eżistenza ta’ dritt ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 47 tal-Karta

44      Skont l-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, kull persuna li ġġarrab ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Għal dan id-dritt jikkorrispondi l-obbligu tal-Istati Membri stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”.

45      Diversi gvernijiet sostnew li, f’każ bħal ma huwa dak fil-kawża prinċipali, ma kien hemm ebda “dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li d-Direttiva 2011/16 ma tagħti ebda dritt lill-individwi. Skont dawn il-gvernijiet, din id-direttiva, bħad-Direttiva 77/799 eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C-276/12, EU:C:2013:678), tkopri biss l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fiskali u tagħti biss drittijiet lil dawn tal-aħħar. Konsegwentement, persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi bħalma hi Berlioz ma tistax tallega li għandha dritt għal rimedju effettiv abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta.

46      F’dan ir-rigward, il-qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 30 sa 36 tal-imsemmija sentenza, li d-Direttiva 77/799, li għandha bħala għan il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri, tikkoordina t-trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti billi timponi ċerti obbligi lill-Istati Membri, iżda ma tagħtix drittijiet speċifiċi lill-persuna taxxabbli f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet. B’mod partikolari, din id-direttiva ma tipprevedi ebda obbligu għall-imsemmija awtoritajiet li jisimgħu lill-persuna taxxabbli.

47      Fir-rigward tad-Direttiva 2011/16, din tiddikjara, fil-premessa 7 tagħha, tibni fuq il-kisbiet tad-Direttiva 77/799/KEE billi tipprevedi regoli iktar ċari u aktar preċiżi li jirregolaw il-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri fejn meħtieġ, sabiex tkun stabbilita portata usa’ ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Għandu jiġi kkonstatat, li billi tagħmel dan, id-Direttiva 2011/16 issegwi għan analogu għal dak tad-Direttiva 77/799 li tissostitwixxi.

48      Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax li persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi fis-sitwazzjoni ta’ Berlioz ma tistax, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, tiddefendi l-każ tagħha quddiem qorti fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/16.

49      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma applikabbli fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni u li l-applikabbiltà ta’ dan id-dritt timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali ggarantiti permezz ta’ din il-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punti 19 sa 21, kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C-418/11, EU:C:2013:588, punti 72 u 73).

50      F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda miżura li tissanzjona persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni li tordnalha tipprovdi lill-awtorità rikjesta, l-informazzjoni intiża li tippermetti lil din tal-aħħar li tirrispondi għal talba fformulata mill-awtorità rikjedenti abbażi, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2011/16. Peress li din il-miżura ta’ sanzjoni kienet ibbażata fuq dispożizzjoni nazzjonali li, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, timplementa id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tagħha, huma applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C-418/11, EU:C:2013:588, punti 74 sa 77).

51      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-rekwiżit ta’ dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni kontra interventi arbitrarji u sproporzjonati fil-qasam tal-attivitajiet privati ta’ kwalunkwe persuna, kemm jekk fiżika jew ġuridika, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C-94/00, EU:C:2002:603, punt 27, kif ukoll id-digriet tas-17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, C-121/04 P, mhux ippubblikat, EU:C:2005:695, punt 30).

52      Din il-protezzjoni tista’ tiġi invokata minn persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi, bħalma hija Berlioz, kontra att li jikkawżalha preġudizzju, bħalma huma l-ordni u l-miżura ta’ sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li din il-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi tkun tista’ tinvoka dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jagħtiha dritt għal rimedju effettiv.

 Fuq is-suġġett tar-rikors

53      Fir-rigward ta’ miżura ta’ sanzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk dritt ta’ rimedju kontra din il-miżura, bħalma ma tipprevedi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti lill-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi tinvoka d-drittijiet li hija għandha abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta jew jekk dan l-artikolu jimponix li hija tista’ wkoll, f’din l-okkażjoni, tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni li fuqha hija bbażata l-miżura ta’ sanzjoni.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li llum huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta. L-imsemmi Artikolu 47 jiżgura, fid-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 13 tal-KEDB Għalhekk, għandu jsir biss riferiment għal din l-ewwel dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C-199/11, EU:C:2012:684, punti 46 u 47).

55      Fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ quddiem qorti indipendenti u imparzjali. Ir-rispett ta’ dan id-dritt jippreżumi li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tissodisfax hija nfisha r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità hija suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ organu ġudizzjarju li, b’mod partikolari, għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex jindirizza l-kwistjonijiet kollha rilevanti.

56      Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-Konklużjonijiet tiegħu, il-qorti nazzjonali, adita b’rikors kontra s-sanzjoni amministrattiva pekunjarja imposta fuq il-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi għal nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni tal-ordni għandha teżamina l-legalità ta’ din tal-aħħar sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta.

57      Il-Kummissjoni sostniet li jiġi aċċettat dritt għal rimedju tal-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kontra deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni jkun effettivament ifisser li jiġi rrikonoxxut li għandha iktar drittijiet proċedurali minn persuna taxxabbli. Skont il-Kummissjoni, mill-punt 40 tas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C-276/12, EU:C:2013:678), jirriżulta li t-talba għal informazzjoni indirizzata lil persuna taxxabbli, li hija parti mill-fażi ta’ investigazzjoni li matulha tinġabar l-informazzjoni, huwa biss att preparatorju għad-deċiżjoni finali u ma jistax jiġi kkontestat.

58      Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u dawk tal-kawża li wasslu għas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C-276/12, EU:C:2013:678). Fil-fatt, din il-kawża tal-aħħar kienet tirrigwarda talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru lill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ieħor u, b’mod partikolari, id-dritt tal-persuna taxxabbli li kienet suġġetta għal investigazzjoni fiskali fl-Istat Membru rikjedenti sabiex tipparteċipa fil-proċedura dwar dawn it-talbiet. Madankollu, ma kinitx ġiet indirizzata talba għal informazzjoni lill-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għal Berlioz fil-kawża prinċipali. Għalhekk, f’din il-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ dritt għall-persuna taxxabbli li kienet suġġetta għal talbiet għal informazzjoni bejn amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali, li jinstema’ fil-kuntest ta’ din il-proċedura, u mhux, bħal f’dan il-każ, dwar l-eżistenza ta’ dritt għal rimedju favur persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi tal-Istat Membru rikjest kontra miżura ta’ sanzjoni imposta fuq din il-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi għal nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni ta’ ordni meħuda fil-konfront tagħha mill-awtorità rikjesta wara talba għal informazzjoni indirizzata lil din l-awtorità mill-awtorità rikjedenti.

59      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi li tiġi imposta fuqha sanzjoni pekunjarja għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni amministrattiva li tobbligaha tipprovdi informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju bejn amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali skont id-Direttiva 2011/16 għandha dritt li tikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda

60      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata qabel it-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, ir-“rilevanza prevedibbli” tal-informazzjoni mitluba minn Stat Membru lil Stat Membru ieħor tikkostitwixxi rekwiżit, li hija suġġetta għalih it-talba għal informazzjoni, li għandu jiġi sodisfatt sabiex jiskatta l-obbligu tal-Istat Membru rikjest ikun li jottempera ruħu ma’ dik it-talba u, bl-istess mod, hija rekwiżit ta’ legalità tad-deċiżjoni tal-ordni indirizzata minn dan l-Istat Membru lill-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi.

61      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/16 dwar l-għan ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien bil-ħsieb tal-iskambju ta’ informazzjoni ta’ “rilevanza prevedibbli” għall-amministrazzjoni rikjedenti inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fil-qasam fiskali tal-Istat Membru li fih hija stabbilita din l-amministrazzjoni.

62      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 jirreferi għal din l-informazzjoni billi jipprevedi li, fuq talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti l-informazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 1(1) li hija għandha jew li hija tikseb wara t-tmiem tal-investigazzjonijiet amministrattivi. Dan l-Artikolu 5 jimponi b’hekk obbligu fuq l-awtorità rikjesta.

63      Mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li t-termini “prevedibbilment rilevanti” jindikaw il-kwalità li l-informazzjoni mitluba għandu jkollha. L-obbligu impost fuq l-awtorità rikjesta skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 ta’ kooperazzjoni mal-awtorità rikjedenti ma jestendix għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li ma tkunx ta’ dan it-tip.

64      Għalhekk, il-kwalità ta’ “rilevanza prevedibbli” tal-informazzjoni mitluba tikkostitwixxi kundizzjoni tat-talba bbażata fuq dik l-informazzjoni.

65      Għandu jiġi ddeterminat minn min u kif din il-kwalità hija evalwata u jekk il-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi li fuqha ddur l-awtorità rikjesta sabiex tikseb l-informazzjoni mitluba mill-awtorità rikjedenti tistax issostni l-assenza ta’ din il-kwalità.

66      F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-kliem tal-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16, skont liema l-istandard imsejjaħ ta’ “rilevanza prevedibbli” huwa maħsub biex jipprovdi għall-iskambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa sa fejn hu possibbli u, fl-istess ħin, biex jiċċara li l-Istati Membri ma humiex liberi li jippruvaw “jiksbu informazzjoni” jew jitolbu informazzjoni li x’aktarx ma tkunx rilevanti għall-kwistjonijiet tat-taxxa ta’ persuna taxxabbli speċifika.

67      Kif argumentaw diversi gvernijiet u l-Kummissjoni, dan il-kunċett ta’ rilevanza prevedibbli jirrifletti dak użat fl-Artikolu 26 tal-mudell ta’ Konvenzjoni fiskali tal-OECD kemm minħabba x-xebh tal-kunċetti użati kif ukoll minħabba r-riferiment għall-konvenzjonijiet tal-OECD fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill COM(2009) 29 finali, tat-2 ta’ Frar 2009 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni. Skont il-kummentarju dwar dan l-artikolu adottat mill-Kunsill tal-OECD fis-17 ta’ Lulju 2012, l-Istati Kontraenti ma jistgħux “jistadu għall-informazzjoni” jew jitolbu informazzjoni li ma tantx huwa probabbli li tkun rilevanti sabiex jiġu ċċarati l-kwistjonijiet fiskali ta’ persuna taxxabbli speċifika. Għall-kuntrarju, għandu jkun hemm possibbiltà raġonevoli li l-informazzjoni mitluba tkun fil-fatt rilevanti.

68      L-għan tal-kunċett ta’ rilevanza prevedibbli kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16 huwa għalhekk li l-awtorità rikjedenti tkun tista’ tikseb kull informazzjoni li jidhrilha ġġustifikata għall-investigazzjoni tagħha mingħajr madankollu ma tkun awtorizzata li tmur lil hinn b’mod manifest mill-kuntest ta’ din l-investigazzjoni u mingħajr ma timponi piż eċċessiv fuq l-awtorità rikjesta.

69      Huwa importanti fil-fatt li l-awtorità rikjedenti tkun tista’, fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, tiddetermina l-informazzjoni li hija tqis li għandha bżonn fir-rigward tad-dritt nazzjonali tagħha sabiex, konformement fil-premessa 1 tad-Direttiva 2011/16, jiġi stabbilit korrettament l-ammont ta’ taxxi li għandu jinġabar.

70      Għaldaqstant, hija din l-awtorità, li tkun qegħda tmexxi l-investigazzjoni li minnha toriġina t-talba għal informazzjoni, li għandha tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, ir-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba għal din l-investigazzjoni skont l-evoluzzjoni tal-proċedura u, konformement mal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2011/16, tal-użu tal-għejun abitwali ta’ informazzjoni li hija tista’ tuża.

71      Minkejja li l-awtorità rikjedenti għandha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni, hija ma tistax titlob informazzjoni mingħajr rilevanza għall-investigazzjoni inkwistjoni.

72      Tali talba fil-fatt ma tikkonformax mal-Artikoli 1 u 5 tad-Direttiva 2011/16.

73      Fir-rigward tal-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi, fil-każ fejn l-awtorità rikjesta ddur madankollu fuqha billi, jekk ikun il-każ, tindirizzalha deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni sabiex tinkiseb l-informazzjoni invokata, jirriżulta mir-risposta għat-tieni domanda li hija tkun intitolata li tinvoka quddiem il-qorti l-assenza ta’ konformità tal-imsemmija talba għal informazzjoni mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 u l-illegalità tad-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni li tirriżulta minnha.

74      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-“rilevanza prevedibbli” tal-informazzjoni mitluba minn Stat Membru lil Stat Membru ieħor tikkostitwixxi rekwiżit li t-talba għal informazzjoni għandha tissodisfa sabiex jiskatta l-obbligu tal-Istat Membru rikjest li jeħtieġlu li jottempera ruħu ma’ dik it-talba u, bl-istess mod, kundizzjoni ta’ legalità tad-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni indirizzat minn dan l-Istat Membru lil persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi u tal-miżura ta’ sanzjoni imposta fuq din tal-aħħar għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-deċiżjoni.

 Fuq it-tielet u l-ħames domanda

75      Permezz tat-tielet u l-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kontra miżura ta’ sanzjoni li ġiet imposta fuqha mill-awtorità rikjesta minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni adottata minnha wara talba għal informazzjoni indirizzata mill-awtorità rikjedenti skont id-Direttiva 2011/16, il-qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni sħiħa għall-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni. Hija tistaqsi, min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-eżami mill-awtorità rikjesta tal-validità ta’ talba għal informazzjoni li toħroġ mill-awtorità rikjedenti jkun limitat għar-regolarità proċedurali ta’ din it-talba, u li jimponu fuq il-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li tivverifika jekk l-osservanza tar-rekwiżit tar-rilevanza prevedibbli ġietx sodisfatta taħt l-aspetti kollha tagħha, inkluż fid-dawl tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/16.

76      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-istħarriġ eżerċitat mill-awtorità rikjesta, ġie enfasizzat fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza li l-awtorità rikjedenti għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa r-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità rikjesta, anki jekk il-portata tal-istħarriġ ta’ din tal-aħħar hija għaldaqstant limitata.

77      Fil-fatt, inkunsiderazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali stabbilit mid-Direttiva 2011/16, li, kif jirriżulta mill-premessi 2, 6 u 8 tad-Direttiva 2011/16, huwa bbażat fuq regoli intiżi li jistabbilixxu fiduċja bejn l-Istati Membri, li jippermettu kooperazzjoni effikaċji u rapida, l-awtorità rikjesta għandha bħala prinċipju, tafda lill-awtorità rikjedenti u tippreżumi li t-talba għal informazzjoni mibgħuta lilha tkun kemm konformi mad-dritt nazzjonali tal-awtorità rikjedenti u neċessarja għall-ħtiġijiet tal-investigazzjoni tagħha. L-awtorità rikjesta b’mod ġenerali ma għandhiex għarfien profond tal-kuntest fattwali u ġuridiku li jeżisti fl-Istat rikjedenti, u ma jistax jiġi mistenni minnha li jkollha tali għarfien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 2000, W.N., C-420/98, EU:C:2000:209, punt 18). Fi kwalunkwe każ, l-awtorità rikjesta ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-utilità eventwali tal-informazzjoni mitluba għal dik tal-awtorità rikjedenti.

78      Madankollu, l-awtorità rikjesta għandha tivverifika jekk l-informazzjoni mitluba hijiex nieqsa minn kwalunkwe rilevanza prevedibbli għall-investigazzjoni mwettqa mill-awtorità rikjedenti.

79      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 20(2) tagħha, li jsemmi l-elementi rilevanti għall-finijiet tal-istħarriġ. Dawn jinkludu, minn naħa, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-awtorità rikjedenti, jiġifieri l-identità tal-persuna li tkun suġġetta għal stħarriġ jew għal investigazzjoni u l-għan fiskali tal-informazzjoni mitluba u, min-naħa l-oħra, jekk ikun il-każ, id-dettalji ta’ kull persuna li jista’ jkun li jkollha fil-pussess tagħha l-informazzjoni mitluba kif ukoll kull informazzjoni li tista’ tiffaċilita l-ġbir ta’ informazzjoni mill-awtorità rikjesta.

80      Sabiex tippermetti lill-awtorità rikjesta sabiex tipproċedi għall-verifika msemmija fil- punti 78 u 79 ta’ din is-sentenza, l-awtorità rikjedenti għandha tipprovdi motivazzjoni adegwata fir-rigward tal-finalità tal- informazzjoni mitluba fil-kuntest tal-proċedura fiskali mwettqa fir-rigward tal-persuna taxxabbli identifikata fit-talba għal informazzjoni.

81      F’każ ta’ ħtieġa, l-awtorità rikjesta tista’, għall-finijiet ta’ din il-verifika, tinvoka lill-awtorità rikjedenti, abbażi tal-kooperazzjoni amministrattiva stabbilita permezz tad-Direttiva 2011/16 fil-qasam fiskali, l-elementi ta’ informazzjoni addizzjonali li jkunu neċessarji sabiex tiġi eskluża, mill-perspettiva tagħha, l-assenza manifesta ta’ rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni invokata fir-rigward tal-elementi msemmija fil-punt 78 u 79 ta’ din is-sentenza.

82      L-istħarriġ eżerċitat mill-awtorità rikjesta ma huwiex limitat għaldaqstant għal verifika sommarja u proċedurali tar-regolarità tat-talba għal informazzjoni fir-rigward tal-imsemmija elementi, iżda għandu wkoll jippermetti lil din l-awtorità li tiżgura ruħha li l-informazzjoni mitluba ma tkunx nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli fir-rigward tal-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata u dik tat-terz mitlub li eventwalment jagħti l-informazzjoni kif ukoll ir-rekwiżiti tal-investigazzjoni fiskali inkwistjoni.

83      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-istħarriġ tal-qorti adita b’rikors ta’ persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi fir-rigward ta’ sanzjoni li tkun ġiet imposta fuqha abbażi ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni meħuda mill-awtorità rikjesta b’risposta għat-talba għal informazzjoni tal-awtorità rikjedenti, dan l-istħarriġ jista’ mhux biss jirrigwarda l-proporzjonalità ta’ din is-sanzjoni u jwassal, jekk ikun il-każ, għall-bidla tagħha, iżda wkoll jirrigwarda l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni, kif jirriżulta mir-risposta għat-tieni domanda.

84      F’dan ir-rigward, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-motivazzjoni pprovduta mill-awtorità rikjedenti tqiegħed lill-qorti nazzjonali f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tat-talba għal informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C-300/11, EU:C:2013:363, punt 53, u tat-23 ta’ Ottubru 2014, Unitrading, C-437/13, EU:C:2014:2318, punt 20).

85      Fid-dawl għal dak li ġie espost fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza fuq is-setgħa diskrezzjonali li għandha l-awtorità rikjedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-limiti applikabbli għall-istħarriġ tal-awtorità rikjesta japplikaw bl-istess mod għall-istħarriġ tal-qorti.

86      Għaldaqstant, il-qorti għandha tivverifika biss jekk id-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni hijiex ibbażata fuq talba suffiċjentement immotivata tal-awtorità rikjedenti fir-rigward ta’ informazzjoni li ma tidhirx, b’mod manifest, nieqsa minn kwalunkwe rilevanza prevedibbli fid-dawl min-naħa, tal-persuna taxxabbli kif ukoll tat-terz possibbilment informat u, min-naħa l-oħra, tal-finalità fiskali segwita.

87      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-istħarriġ tal-qorti għandux jirrigwarda l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/16, li jipprevedu l-limiti għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mitluba mill-awtorità ta’ Stat Membru.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet li, għal xi wħud, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-legalità ta’ talba għal informazzjoni lill-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi, ma għandhomx madankollu effett fuq l-istħarriġ tar-rilevanza prevedibbli ta’ din l-informazzjoni. Madankollu, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ta’ Berlioz, ir-rifjut tagħha li tikkomunika ċerta informazzjoni mitluba hija bbażata biss fuq l-allegata assenza ta’ rilevanza prevedibbli ta’ din l-informazzjoni, u mhux fuq l-invokazzjoni ta’ “limitu”, fis-sens tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/16.

89      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u l-ħames domanda hija li l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-verifika tal-awtorità rikjesta, li quddiemha titressaq talba għal informazzjoni tal-awtorità rikjedenti abbażi ta’ din id-direttiva, ma tillimitax ruħha biss għar-regolarità proċedurali ta’ din it-talba, iżda għandha tippermetti lil din l-awtorità rikjesta li tiżgura ruħha li l-informazzjoni mitluba ma hijiex nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli fid-dawl tal-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata u ta’ dik tat-terz possibbilment informat kif ukoll tal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fiskali inkwistjoni. Dawn l-istess dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16 u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kontra miżura ta’ sanzjoni li tkun ġiet imposta fuqha mill-awtorità rikjesta minħabba in-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni adottata minnha wara talba għal informazzjoni indirizzata mill-awtorità rikjedenti abbażi tad-Direttiva 2011/16, il-qorti nazzjonali għandha, mhux biss ġurisdizzjoni sabiex tbiddel is-sanzjoni imposta, iżda wkoll ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ din id-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni. Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ legalità tal-imsemmija deċiżjoni dwar ir-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-verifika tal-assenza manifesta ta’ din ir-rilevanza.

 Fuq is-sitt domanda

90      Permezz tas-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha minn qorti tal-Istat Membru rikjest, din il-qorti għandu jkollha aċċess għat-talba għal informazzjoni indirizzata mill-Istat Membru rikjedenti lill-Istat Membru rikjest u jekk dan id-dokument għandux jiġi kkomunikat ukoll lill-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kkonċernata f’dan l-aħħar Stat Membru, sabiex il-kawża tagħha tkun tista’ tinstema’ b’mod xieraq, jew jekk tistax tiġi rrifjutata minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżami ta’ eventwali assenza manifesta ta’ rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba għandha tkun eżaminata fir-rigward tal-imsemmi dokument.

92      Għalhekk, sabiex il-qorti tal-Istat Membru rikjest tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, huwa importanti li hija tkun tista’ jkollha aċċess għat talba għal informazzjoni trażmessa mill-Istat Membru rikjedenti lill-Istat Membru rikjest. F’dan ir-rigward, din il-qorti tista’, jekk ikun meħtieġ, tinvoka lill-awtorità rikjesta l-elementi ta’ informazzjoni addizzjonali li din tkun kisbet mill-awtorità rikjedenti u li tkun neċessarja sabiex teskludi, mill-perspettiva tagħha, l-assenza manifesta ta’ rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba.

93      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ dritt ta’ aċċess tal-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi, għat-talba għal informazzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura sigrieta marbuta ma’ dan id-dokument konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/16.

94      Din in-natura sigrieta hija spjegata permezz tad-diskrezzjoni li għandha tiġi normalment murija mill-awtorità rikjedenti fl-istadju tal-ġbir tal-informazzjoni u li hija ġustament tistenna mill-awtorità rikjesta, bil-għan li ma tippreġudikax l-effikaċja tal-investigazzjoni tagħha.

95      Is-segretezza tat-talba għal informazzjoni tista’ tkun projbita lil kwalunkwe persuna fil-kuntest ta’ investigazzjoni.

96      Fil-kuntest ta’ rimedju ġudizzjarju, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett innifsu ta’ smigħ xieraq, jimplika l-obbligu li tiġi offruta lil kull parti possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’ċirkustanzi li ma jqiegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett fil-konfront tal-avversarja tagħha (is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C-199/11, EU:C:2012:684, punt 71).

97      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt ta’ aċċess għal dokument, għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C-383/13 PPU, EU:C:2013:533, punti 32 u 34).

98      Għandu jiġi vverifikat, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jekk persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi, bħalma hi Berlioz, li tqis li l-informazzjoni li ntalbet minnha permezz tal-ordni ma hijiex prevedibbilment rilevanti, għandu jkollha aċċess għat-talba għal informazzjoni indirizzata mill-awtorità rikjedenti lill-awtorità rikjesta sabiex tkun tista’ tippreżenta adegwatament il-kawża tagħha quddiem il-qorti.

99      F’dan ir-rigward, mir-risposta għat-tielet u l-ħames domanda jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita n-natura illegali tad-deċiżjoni tal-ordni ibbażata fuq it-talba għal informazzjoni u tal-miżura ta’ sanzjoni imposta għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-deċiżjoni, huwa neċessarju, iżda suffiċjenti, li tintwera l-assenza manifesta ta’ rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba kollha jew parti minnha fir-rigward tal-investigazzjoni mwettqa, inkunsiderazzjoni tal-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata u tal-finalità fiskali tal-informazzjoni mitluba.

100    Għal dan il-fini, ma huwiex neċessarju għall-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kkonċernata, sabiex ikollha smiegħ xieraq dwar ir-rekwiżit ta’ rilevanza prevedibbli, li jkollha aċċess għat-talba għal informazzjoni sħiħa. Huwa suffiċjenti li hija jkollha aċċess għall-informazzjoni minima msemmija fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2011/16, jiġifieri l-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata u l-finalità fiskali tal-informazzjoni mitluba. Madankollu, jekk il-qorti tal-Istat Membru rikjest tikkunsidra li l-imsemmija informazzjoni minima ma hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward, u jekk hija titlob lill-awtorità rikjesta informazzjoni addizzjonali fis-sens imsemmi fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, din il-qorti għandha l-obbligu li tipprovdi din l-informazzjoni addizzjonali lill-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kkonċernata, filwaqt li debitament tieħu inkunsiderazzjoni tal-kunfidenzjalità eventwali ta’ xi parti minn din l-informazzjoni.

101    Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lis-sitt domanda hija li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha minn qorti tal-Istat Membru rikjest, din il-qorti għandu jkollha aċċess għat-talba għal informazzjoni indirizzata mill-Istat Membru rikjedenti lill-Istat Membru rikjest. Il-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kkonċernata ma għandhiex min-naħa l-oħra dritt ta’ aċċess għal din it-talba għal informazzjoni sħiħa li tibqa’ dokument sigriet, konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/16. Sabiex ikollha smigħ tassew xieraq dwar is-suġġett tal-assenza ta’ rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, huwa suffiċjenti, bħala prinċipju, li hija jkollha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

102    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jkun qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li, għaldaqstant, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija applikabbli, meta jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu sanzjoni pekunjarja fil-konfront ta’ persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi li tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju bejn awtoritajiet fiskali, ibbażat, b’mod partikolari, fuq id-dispożizzjonijiet tad- Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE.

2)      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi li tiġi imposta fuqha sanzjoni pekunjarja għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni amministrattiva li tobbligaha tipprovdi informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju bejn amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali skont id-Direttiva 2011/16 għandha dritt li tikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

3)      L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-“rilevanza prevedibbli” tal-informazzjoni mitluba minn Stat Membru lil Stat Membru ieħor tikkostitwixxi rekwiżit li t-talba għal informazzjoni għandha tissodisfa sabiex jiskatta l-obbligu tal-Istat Membru rikjest li jeħtieġlu li jottempera ruħu ma’ dik it-talba u, bl-istess mod, kundizzjoni ta’ legalità tad-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni indirizzat minn dan l-Istat Membru lil persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi u tal-miżura ta’ sanzjoni imposta fuq din tal-aħħar għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-deċiżjoni.

4)      L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-verifika tal-awtorità rikjesta, li quddiemha titressaq talba għal informazzjoni tal-awtorità rikjedenti abbażi ta’ din id-direttiva, ma tillimitax ruħha biss għar-regolarità proċedurali ta’ din it-talba iżda għandha tippermetti lil din l-awtorità rikjesta li tiżgura ruħha li l-informazzjoni mitluba ma hijiex nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli fid-dawl tal-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata u dik tat-terz possibbilment informat kif ukoll tal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fiskali inkwistjoni. Dawn l-istess dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16 u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kontra miżura ta’ sanzjoni li tkun ġiet imposta fuqha mill-awtorità rikjesta minħabba in-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni adottata minnha wara talba għal informazzjoni indirizzata mill-awtorità rikjedenti abbażi tad-Direttiva 2011/16, il-qorti nazzjonali għandha, mhux biss ġurisdizzjoni sabiex tbiddel is-sanzjoni imposta, iżda wkoll ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ din id-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni. Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ legalità tal-imsemmija deċiżjoni dwar ir-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-verifika tal-assenza manifesta ta’ din ir-rilevanza.

5)      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-eżerċizzju ġudizzjarju minn qorti tal-Istat Membru rikjest, din il-qorti għandu jkollha aċċess għat- talba għal informazzjoni indirizzata mill-Stat Membru rikjedenti lill-Istat Membru rikjest. Il-persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi kkonċernata ma għandhiex min-naħa l-oħra dritt ta’ aċċess għat talba għal informazzjoni sħiħa li tibqa’ dokument sigriet, konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/16. Sabiex ikollha smigħ tassew xieraq dwar is-suġġett tal-assenza ta’ rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, huwa suffiċjenti, bħala prinċipju, li hija jkollha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva.

 

Firem      

 

* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.