Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Mejju 2017(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea – Regolamenti tal-Persunal – Affiljazzjoni obbligatorja mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dħul minn immobbli rċevut fi Stat Membru – Issuġġettar għall-kontribuzzjoni soċjali ġenerali, għall-imposta soċjali u għall-kontribuzzjonijiet addizzjonali taħt id-dritt ta’ Stat Membru – Parteċipazzjoni fil-finanzjament tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru”

Fil-Kawża C-690/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour administrative d’appel de Douai (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Douai, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Wenceslas de Lobkowicz

vs

Ministère des Finances et des Comptes publics,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, M. Berger u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, E. Jarašiūnas, C.G. Fernlund u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal W. de Lobkowicz, minn G. Hannotin, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas, R. Coesme u D. Segoin, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u G. Gattinara, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex ikun magħruf jekk jeżistix prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, bħal dak espress fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 335) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1408/71”), imbagħad bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72 u rettifika ĠU 2004, L 200, p. 1), kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Wenceslas de Lobkowicz, uffiċjal irtirat tal-Kummissjoni Ewropea, u l-ministère des Finances et des Comptes publics (ministeru tal-finanzi u tal-kontijiet pubbliċi, Franza) dwar l-issuġġettar tiegħu għal kontribuzzjonijiet u għal imposti soċjali għas-snin mill-2008 sal-2011 fuq dħul minn immobbli rċevut fi Franza.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 12 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), huwa fformulat kif ġej:

“L-uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju ta’ l-Unjoni fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom mill-Unjoni, skond il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbilita mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet konċernati.

Ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Unjoni.”

4        Skont l-Artikolu 13 ta’ dan il-protokoll:

“Fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, it-taxxa fuq il-ġid u t-taxxa tas-suċċessjoni u fl-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja magħmulin bejn Stati Membri ta’ l-Unjoni, uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni li, unikament minħabba fil-qadi tad-doveri tagħhom fis-servizz ta’ l-Unjoni, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż ta’ domiċilju tagħhom għal finijiet ta’ taxxa, meta jidħlu fis-servizz ta’ l-Unjoni, jiġu kunsidrati, sew fil-pajjiż tar-residenza attwali tagħhom sew fil-pajjiż tad-domiċilju għal finijiet ta’ taxxa, bħala li jkunu żammew id-domiċilju tagħhom f’dan l-aħħar pajjiż [...]

[...]”

5        Skont l-Artikolu 14 tal-imsemmi protokoll:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet ikkonċernati, għandhom jistabbilixxu l-iskema ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali u għall-impjegati l-oħra ta’ l-Unjoni.”

6        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, (iktar 'il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u l-kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll is-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1324/2008, tat-18 ta’ Diċembru 2008 (ĠU L 345, p. 17).

7        L-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“1.      Uffiċjal […] [huwa] assigurat[...] kontra l-mard sa 80 % ta’ l-ispejjeż imħallsa, suġġetti għar-regoli mħejjija mill-ftehim bejn l-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. […]

[...]

Terz mill-kontribuzzjoni meħtieġa biex tagħmel tajjeb għat-tali kopertura ta’ l-assigurazzjoni titħallas mill-uffiċjal iżda sakemm l-ammont li jħallas ma jaqbiżx it-2 % tas-salarju bażiku tiegħu.

[...]”

8        L-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“1.      Uffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol [ikkaġunat mix-xogħol] u ta’ aċċident suġġett għar-regoli mħejjija mill-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Hu għandu jikkontribwixxi għall-ispiża ta’ assigurazzjoni kontra riskji mhux marbuta max-xogħol sa 0,1 % tas-salarju bażiku tiegħu.

[...]”

9        Skont l-Artikolu 83 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“1.      Il-benefiċċji mħallsa taħt din l-iskema tal-pensjonijiet għandhom jitħallsu mill-estimi tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom flimkien jiggarantixxu l-pagament tat-tali benefiċċji skond l-iskala mniżżla għall-iffinanzjar tat-tali spejjeż.

[...]

2.      L-uffiċjali għandhom jikkontribwixxu terz ta’ l-ispiża biex tkun iffinanzjat din l-iskema tal-pensjoni. Il-kontribuzzjoni tkun ta’ [10.9 %] tas-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, il-peżati pprovduti fl-Artikolu 64 ma jkunux ikkunsidrati. Titnaqqas kull xahar mis-salarji ta’ l-uffiċjali. [...]

[...]”

10      Ir-rata tal-kontribuzzjoni prevista fl-Artikolu 83(2) hija suġġetta għal aġġustament annwali. B’dan il-mod, ġiet iffissata fl-1 ta’ Lulju tas-snin 2009 sa 2011 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, rispettivament, għal 11.3 %, 11.6 % u 11 %.

11      Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1408/71 “għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom”.

12      L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li “persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta' Stat Membru singolu biss. Dik il-leġislazzjoni tkun determinata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu”.

13      Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar mill-1 ta’ Mejju 2010, data ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1), u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 hija essenzjalment identika għal dik, rispettivament, tal-Artikolu 2(1), u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

 Id-dritt Franċiż

14      Skont l-Artikolu L. 136-6 tal-kodiċi dwar is-sigurtà soċjali, fil-verżjonijiet tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, il-persuni fiżiċi fiskalment domiċiljati fi Franza, fis-sens tal-Artikolu 4B tal-kodiċi ġenerali tat-taxxi, huma suġġetti, taħt l-Artikolu 1600-0 C tal-kodiċi ġenerali tat-taxxi, li jinsab fost id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi ddedikati għall-“kontribuzzjoni soċjali ġenerali li tinġabar favur il-Fond Nazzjonali tal-allowances tal-familja, il-fondi ta’ solidarjetà għax-xjuħija u l-iskemi obbligatorji tal-assigurazzjoni tal-mard” (iktar ’il quddiem, il-“KSĠ”), għal kontribuzzjoni fuq id-dħul mill-patrimonju bbażata fuq l-ammont nett adottat għall-istabbiliment tat-taxxa fuq id-dħul, b’mod partikolari, dħul minn immobbli.

15      Skont l-Artikolu 1600-0 Fa tal-kodiċi ġenerali tat-taxxi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, minbarra dan l-imsemmija persuni huma suġġetti, skont l-Artikolu L. 245-14 tal-kodiċi tas-sigurtà soċjali, għal “imposta soċjali”, li r-rata tagħha kienet iffissata, skont l-Artikolu L. 245-16 tal-kodiċi tas-sigurtà soċjali applikabbli għas-snin inkwistjoni, għal 2 % fuq dan id-dħul. Mill-kodiċi tal-azzjoni soċjali u tal-familji jirriżulta wkoll li kontribuzzjoni addizzjonali, waħda, bir-rata ta’ 0.3 %, skont l-Artikolu L. 14-10-4 ta’ dan, u l-oħra, bir-rata ta’ 1.1 %, skont l-Artikolu L. 262-24 ta’ dan tal-aħħar, hija wkoll ibbażata fuq l-imsemmi dħul.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      W. de Lobkowicz, li huwa ċittadin Franċiż, kien uffiċjal fis-servizz tal-Kummissjoni mis-sena 1979 sad-data tal-irtirar tiegħu, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2016. Bħala tali, huwa marbut mal-iskema ta’ sigurtà soċjali komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

17      Skont l-Artikolu 13 tal-Protokoll, W. de Lobkowicz huwa fiskalment domiċiljat fi Franza. Huwa jirċievi f’dan l-Istat Membru dħul minn immobbli. Bejn is-snin 2008 u 2011, dan id-dħul kien suġġett għall-KSĠ, għall-kontribuzzjoni għar-rimbors tad-dejn soċjali (iktar ’il quddiem, il-“KRDS”), għall-imposta soċjali ta’ 2 % kif ukoll għall-kontribuzzjonijiet addizzjonali għal din it-taxxa bir-rati rispettivi ta’ 0.3 % u ta’ 1.1 %.

18      Wara r-rifjut tal-amministrazzjoni fiskali li tilqa’ t-talba tiegħu ta’ eżenzjoni mill-ħlas tal-imsemmija kontribuzzjonijiet u tal-imsemmija imposta, W de Lobkowicz ippreżenta rikors intiż għall-eżenzjoni mill-ħlas quddiem it-Tribunal administratif de Rouen (qorti amministrattiva ta’ Rouen, Franza).

19      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2013, din il-qorti ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tnaqqis mogħti matul il-proċeduri fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet kollha relatati mal-KRDS, li għalihom kien suġġett W. de Lobkowicz għas-snin kontenzjużi u ċaħdet il-kumplament tat-talbiet tiegħu.

20      W. de Lobkowicz ippreżenta appell kontra din is-sentenza quddiem il-Cour administrative d’appel de Douai (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Douai, Franza). Huwa jitlobha, prinċipalment, tiddikjara l-eżenzjoni mill-imposti soċjali li għadhom kontenzjużi.

21      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, l-ewwel nett, li l-kontribuzzjonijiet u l-imposti inkwistjoni jikkostitwixxu taxxi fis-sens tad-dritt nazzjonali, b’tali mod li l-fatt li W. de Lobkowicz jew il-membri tal-familja tiegħu ma jibbenefikaw minn ebda korrispettiv dirett relatat magħhom ma jaffettwax il-fondatezza tagħhom.

22      Sussegwentement, hija tesponi li mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123) jirriżulta li l-imposti fiskali fuq id-dħul mill-patrimonju li għandhom rabta diretta u rilevanti ma’ ċerti oqsma tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri l-KSĠ, l-imposta soċjali ta’ 2 % u l-kontribuzzjoni addizzjonali ta’ 0.3 %, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għall-istess raġunijiet bħal dawk adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kontribuzzjoni addizzjonali bir-rata ta’ 1.1 % għandha wkoll titqies li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

23      Madankollu, hija tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza tagħha tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini (C-411/98, EU:C:2000:530), li l-uffiċjali tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, li huma affiljati b’mod obbligatorju mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ħaddiema fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni stabbilit fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għalihom.

24      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, għalkemm l-uffiċjali tal-Unjoni għandhom il-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 TFUE, dan l-artikolu, madankollu, ma jistabbilixxi ebda kriterju ġenerali għat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-finanzjament tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jew tal-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja, li jippermetti li jitqies, bħalma għamel W. de Lobkowicz, li l-issuġġettar ta’ dan tal-aħħar għall-kontribuzzjonijiet u għall-imposti inkwistjoni għandu jiġi kklassifikat bħala “miżura diskriminatorja” fis-sens tal-imsemmi artikolu.

25      Minħabba li qieset, madankollu, li għad hemm dubju rigward il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-issuġġettar ta’ W. de Lobkowicz għall-kontribuzzjonijiet u għall-imposti inkwistjoni, il-Cour administrative d’appel de Douai (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Douai) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Prinċipju tad-dritt tal-Unjoni jipprekludi li uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea jiġi suġġett għall-kontribuzzjoni soċjali ġenerali, għall-imposta soċjali u għall-kontribuzzjonijiet addizzjonali għal din l-imposta, bir-rati ta’ 0.3 % u ta’ 1.1 %, fuq dħul min immobbli miksub fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

26      Il-Gvern Franċiż isostni, prinċipalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għaliex ma tagħtix lill-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt neċessarji li jippermettulha tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju għamlet domanda b’rabta mal-Artikolu 45 TFUE, mingħajr madankollu ma speċifikat la n-nazzjonalità tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u lanqas jekk dan tal-aħħar għamilx użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, EU:C:2010:363, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ April 2013, Mulders, C-548/11, EU:C:2013:249, punt 27).

28      Fil-fatt, in-neċessità li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi, kif jenfasizza l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li hija tagħmel jew li, mill-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, EU:C:2010:133, punt 32, u tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C-514/12, EU:C:2013:799, punt 17).

29      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda, mingħajr dubju, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern Franċiż, din id-domanda ma tirrigwardax b’mod espliċitu l-Artikolu 45 TFUE, iżda tirreferi, b’mod ġenerali, għall-eżistenza ta’ “prinċipju tad-dritt tal-Unjoni” li jipprekludi l-issuġġettar ta’ uffiċjal tal-Unjoni għal imposti soċjali u għal kontribuzzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq dħul minn immobbli rċevut fl-Istat Membru tad-domiċilju fiskali tiegħu.

30      Minbarra dan, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi espożizzjoni tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-punti 17 sa 20 ta’ din is-sentenza, li tirriproduċi l-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju. Din il-qorti tfakkar ukoll il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u tesponi r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam u, b’mod iktar partikolari, għas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123).

31      Għaldaqstant, għandu jitqies li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

33      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kif espress fir-Regolament Nru 1408/71, imbagħad fir-Regolament Nru 883/2004, u speċifikat fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter (C-623/13, EU:C:2015:123), għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-dħul minn immobbli rċevut fi Stat Membru minn uffiċjal tal-Unjoni, li għandu d-domiċilju fiskali tiegħu f’dan l-Istat Membru, ikun suġġett għal kontribuzzjonijiet u għal imposti soċjali li huma allokati għall-finanzjament tal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-istess Stat Membru.

34      Għandu jitfakkar, minn naħa, li, għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jorganizzaw l-iskemi tagħhom ta’ sigurtà soċjali, huma għandhom, minkejja dan, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gvern tal-Komunità Franċiża u Gvern ta’ Wallonie, C-212/06, EU:C:2008:178, punt 43; tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C-515/14, EU:C:2016:30, punt 38, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2016, Adrien et, C-466/15, EU:C:2016:749, punt 22).

35      Min-naħa l-oħra, uffiċjal tal-Unjoni jista’ jkollu l-kwalità ta’ ħaddiem migrant fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, inkwantu ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-Istat ta’ oriġini tiegħu. Madankollu, jibqa’ l-fatt li, sa fejn l-uffiċjali tal-Unjoni ma humiex suġġetti għal leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-istess dispożizzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dawn ir-regolamenti, dawn l-uffiċjali ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ħaddiema” fis-sens tagħhom. Huma lanqas ma jaqgħu, f’dan il-kuntest, taħt l-Artikolu 48 TFUE, li ta lill-Kunsill il-kompitu li jistabbilixxi skema li tippermetti lill-ħaddiema jegħlbu l-ostakoli li jistgħu jirriżultaw għalihom mir-regoli nazzjonali stabbiliti fil-qasam tas-sigurtà soċjali u li l-Kunsill wettaq billi adotta r-Regolament Nru 1408/71, imbagħad ir-Regolament Nru 883/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini, C-411/98, EU:C:2000:530, punti 41 u 42, u tas-16 ta’ Diċembru 2004, My, C-293/03, EU:C:2004:821, punti 34 sa 37).

36      Fil-fatt, l-uffiċjali tal-Unjoni huma suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li hija stabbilita, skont l-Artikolu 14 tal-Protokoll, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, permezz ta’ regolamenti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet.

37      Din l-iskema tal-benefiċċji soċjali ġiet introdotta permezz tar-Regolamenti tal-Persunal li jistabbilixxu, fit-Titolu V tagħhom, imsemmi “Emolumenti u benefiċċji tas-sigurtà soċjali ta’ l-uffiċjali”, u b’mod iktar partikolari fil-Kapitoli 2u 3 ta’ dan it-titolu, rigward is-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet, ir-regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni.

38      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni legali tal-uffiċjali tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-obbligi tagħhom fil-qasam tas-sigurtà soċjali, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minħabba r-rabta ta’ impjieg tagħhom mal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1983, Forcheri, 152/82, EU:C:1983:205, punt 9).

39      L-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom rigward l-organizzazzjoni tal-iskemi tagħhom ta’ sigurtà soċjali, kif imfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, huwa estiż għaldaqstant għar-regoli applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg li uffiċjal tal-Unjoni għandu magħha, jiġifieri d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll u dawk relatati mar-Regolamenti tal-Persunal.

40      F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, il-Protokoll għandu l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati [Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 161].

41      B’mod analogu mal-Artikolu 12 tal-Protokoll, li jistabbilixxi, fir-rigward tal-uffiċjali tal-Unjoni, taxxa uniformi għall-benefiċċju tagħha fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa minnha, u jipprevedi konsegwentement eżenzjoni mit-taxxi nazzjonali fuq dawn is-somom, l-Artikolu 14 ta’ dan il-protokoll, sa fejn jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza sabiex jistabbilixxu l-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-uffiċjali tagħhom, għandu jitqies li jimplika li l-obbligu ta’ affiljazzjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni ma’ skema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u l-obbligu, ta’ dawn l-uffiċjali, li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ tali skema, jitneħħew mill-kompetenza tal-Istati Membri.

42      Min-naħa l-oħra, ir-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn ġew stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 259/68, għandhom il-karatteristiċi kollha msemmija fl-Artikolu 288 TFUE, skont liema r-regolament huwa ta’ portata ġenerali, huwa vinkolanti fl-elementi kollha tiegħu u huwa direttament applikabbli f’kull Stat Membru. Isegwi li l-osservanza tar-Regolamenti tal-Persunal hija obbligatorja wkoll fl-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 1981, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 137/80, EU:C:1981:237, punti 7 u 8; tas-7 ta’ Mejju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 186/85, EU:C:1987:208, punt 21; tal-4 ta’ Diċembru 2003, Kristiansen, C-92/02, EU:C:2003:652, punt 32, kif ukoll tal-4 ta’ Frar 2015, Melchior, C-647/13, EU:C:2015:54, punt 22).

43      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li parti mill-kontribuzzjoni neċessarja sabiex tiġi żgurata l-kopertura għar-riskji ta’ mard titħallas mill-persuna affiljata, mingħajr ma din il-parteċipazzjoni tkun tista’ teċċedi, madankollu, 2 % mis-salarju bażiku tagħha. L-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-uffiċjal huwa kopert, mill-jum tad-dħul tiegħu fis-servizz, kontra r-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol u ta’ aċċident u li huwa jikkontribwixxi b’mod obbligatorju, sa limitu ta’ 0.1 % mis-salarju bażiku tiegħu, għall-kopertura tar-riskji mhux marbuta max-xogħol. Mill-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta wkoll li l-uffiċjali jikkontribwixxu terz tal-ispiża biex tiġi ffinanzjata l-iskema ta’ pensjonijiet, u din il-kontribuzzjoni hija ffissata għal perċentwali speċifika mis-salarju bażiku.

44      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Unjoni hija l-unika kompetenti, bl-esklużjoni tal-Istati Membri, sabiex tiddetermina r-regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-obbligi tagħhom fil-qasam ta’ sigurtà soċjali.

45      Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 14 tal-Protokoll u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali tal-Unjoni jissodisfaw, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, funzjoni analoga għal dik tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, li tikkonsisti fil-projbizzjoni tal-obbligu għall-uffiċjali tal-Unjoni li jikkontribwixxu f’diversi skemi fil-qasam.

46      Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq id-dħul ta’ uffiċjal tal-Unjoni kontribuzzjonijiet u imposti soċjali allokati b’mod speċifiku għall-finanzjament tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membru kkonċernat, tikser għaldaqstant il-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni kemm bl-Artikolu 14 tal-Protokoll kif ukoll bid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari dawk li jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-uffiċjali tal-Unjoni għall-finanzjament ta’ skema ta’ sigurtà soċjali.

47      Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni għandha mnejn tinterferixxi fl-ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali tal-Unjoni u għaldaqstant tiskoraġġixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni, peress li ċerti uffiċjali jkunu mġiegħla jikkontribwixxu mhux biss għall-iskema ta’ sigurtà soċjali komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll għal skema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

48      L-analiżi preċedenti ma hijiex ikkontestata mill-allegazzjonijiet tal-Gvern Franċiż li l-kontribuzzjonijiet u l-imposti soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kklassifikati bħala “taxxi” li jolqtu, mhux dħul mix-xogħol, iżda dħul minn immobbli, u li ma jagħtux direttament lok għal korrispettiv jew vantaġġ f’termini ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, jibqa’ f’kull każ il-fatt li dawn l-imposti u dawn il-kontribuzzjonijiet huma allokati direttament u b’mod speċifiku għall-finanzjament ta’ oqsma tal-iskema Franċiża ta’ sigurtà soċjali. Uffiċjal tal-Unjoni, bħalma huwa W. de Lobkowicz, ma jistax, għaldaqstant, jiġi suġġett għalihom, peress li l-obbligi finanzjarji tiegħu fil-qasam tas-sigurtà soċjali huma rregolati esklużivament mill-Protokoll kif ukoll mir-Regolamenti tal-Persunal u minħabba f’hekk joħorġu barra, mill-kompetenza tal-Istati Membri (ara, b’mod analogu, fir-rigward tar-Regolament Nru°1408/71, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C-623/13, EU:C:2015:123, punti 31 23, 26, 28 u 29).

49      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14 tal-Protokoll kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-iskema ta’ sigurtà soċjali komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-dħul minn immobbli rċevut fi Stat Membru minn uffiċjal tal-Unjoni, li għandu d-domiċilju fiskali tiegħu f’dan l-Istat Membru, jiġi suġġett għal kontribuzzjonijiet u għal imposti soċjali li huma allokati għall-finanzjament tal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-istess Stat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEEA, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar l-iskema ta’ sigurtà soċjali komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-dħul minn immobbli rċevut fi Stat Membru minn uffiċjal tal-Unjoni Ewropea, li għandu d-domiċilju fiskali tiegħu f’dan l-Istat Membru, jiġi suġġett għal kontribuzzjonijiet u għal imposti soċjali li huma allokati għall-finanzjament tal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-istess Stat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż