Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Mejju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjonijiet – Provvista bi ħlas ta’ servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ divertiment minn stabbiliment ta’ tagħlim għal pubbliku ristrett”

Fil-Kawża C-699/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

vs

Brockenhurst College,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan (Relatur), A. Arabadjiev, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Brockenhurst College, minn L. Poots, barrister, b’mandat minn R. J. Finlayson, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, inizjalment minn V. Kaye, sussegwentement minn S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn M. Jones, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(i), tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs (amministrazzjoni fiskali u doganali tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) u l-Brockenhurst College (iktar ’il quddiem il-“Kulleġġ”) dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fir-rigward tas-servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ divertiment ipprovduti minn dan tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1)(ċ), tad-Direttiva 2006/112 jissuġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4        It-Titolu IX tad-Direttiva 2006/112 huwa intitolat “Eżenzjonijiet”. Dan it-titolu jinkludi b’mod partikolari Kapitolu 1, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, li fih jinsab l-Artikolu 131 ta’ din id-direttiva, kif ukoll Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijiet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, li jiġbor fih l-Artikoli 132 sa 134 tal-imsemmija direttiva.

5        L-Artikolu 131 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.”

6        L-Artikolu 132, tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

i)      il-provvista ta’ edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ, edukazzjoni skolastika jew universitarja, taħriġ vokazzjonali jew taħriġ mill-ġdid, inkluża l-provvista ta’ servizzi u ta’ merkanzija li hija relatata mill-qrib magħhom, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku li jkollhom dan bħala l-għan tagħhom jew minn organizzazzjonijiet oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala li għandhom oġġetti simili;

[…]”

7        L-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l-għoti lil korpi għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1) soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:

a)      il-korpi in kwistjoni m’għandhomx jimmiraw sistemikament biex jagħmlu profitt, u kwalunkwe ammonti żejda li mandanakollu jirriżultaw m’għandhomx jiġu mqassma, imma għandhom ikunu assenjati għall-kontinwament u għat-titjib tas-servizzi pprovduti;

b)      dawn il-korpi għandhom ikunu mmaniġjati u amministrati fuq bażi essenzjalment volontarja minn persuni li m’għandhomx interess dirett jew indirett, jew huma nfushom jew b’intermedji, fir-riżultati ta’ l-attivitajiet ikkonċernati;

ċ)      dawn il-korpi għandhom iżommu prezzijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma jeċċedux it-tali prezzijiet approvati jew, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li m’humiex soġġetti għall-approvazzjoni, prezzijiet inqas minn dawk miżmuma għal servizzi simili minn impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT;

d)      l-eżenzjonijiet m’għandhomx joħoolqu l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bi żvantaġġ għal impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.

[…]”

8        Skont l-Artikolu 134 tal-imsemmija direttiva:

“Il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi m’għandhiex tingħata eżenzjoni, kif previst fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1), fil-każijiet li ġejjin:

a)      fejn il-provvista m’hijiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti;

b)      fejn l-iskop bażiku tal-provvista hu li tikseb dħul addizzjonali għall-korp in kwistjoni permezz ta’ transazzjonijet li huma f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk ta’ impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

9        L-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 kienu ġew trasposti fid-dritt tar-Renju Unit fl-Artikolu 31 tal-Value Added Tax Act 1994 (liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud), li jipprevedi li provvista ta’ servizzi hija eżentata jekk tkun tikkorrispondi mad-deskrizzjoni li tinsab fl-Anness 9 ta’ din il-liġi.

10      Il-punti 1 u 4 ta-grupp 6 tal-Anness 9 tal-Parti II ta’ din il-liġi jipprevedu li huma eżentati:

“1.      Il-provvista ta’ servizzi permezz ta’ organu eliġibbli għall-eżenzjoni ta’:

(a)      tagħlim;

[…]

(c)      taħriġ vokazzjonali;

[…]

4.      Il-provvista ta’ kwalunkwe oġġett jew servizzi (għajr il-provvista ta’ servizzi tal-eżaminazzjoni) li hija relatata mill-qrib mal-provvista ta’ servizzi li taqa’ fi ħdan il-punt 1 (il-provvista prinċipali) min-naħa tal-korp eliġibbli li jwettaq il-provvista ta’ servizzi prinċipali, sa fejn:

(a)      l-oġġetti jew is-servizzi jkunu għall-użu dirett tat-tfal tal-iskola, studenti jew apprentisti (skont kif ikun il-każ) li jirċievu l-provvista ta’ servizzi prinċipali; u

(b)      fejn il-provvista ta’ servizzi ssir lill-korp eliġibbli li jagħmel il-forniment prinċipali, din issir minn korp eliġibbli ieħor.”

11      In-nota 1 ta’ dan il-Grupp 6 tiddefinixxi l-kunċett ta’ “organu eliġibbli”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Il-Kulleġġ huwa stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla li joffri taħriġ fl-oqsma tar-ristorazzjoni, tal-industrija tal-ospitalità u tal-arti tal-ispettaklu.

13      Sabiex l-istudenti rreġistrati f’dawn il-korsijiet ikunu jistgħu jiksbu għarfien taħt kundizzjonijiet prattiċi, permezz tal-istudenti u taħt is-superviżjoni tat-tuturi tagħhom, il-Kulleġġ jopera ristorant u jtella’ spettakli għall-membri tal-pubbliku esterni għall-istabbiliment. Kemm ir-ristorant kif ukoll l-ispettakli huma miftuħin għal pubbliku ristrett li jinkludi persuni li jistgħu jkunu nteressati mill-avvenimenti organizzati mill-Kulleġġ, li huma inklużi f’database sabiex jiġu mgħarrfa dwar dawn l-avvenimenti permezz ta’ bulletin regolari. Dawn il-persuni jiġu informati li l-imsemmija avvenimenti huma pprovduti fil-kuntest tat-taħriġ tal-istudenti, għal prezz imraħħas li, għall-ikliet, jilħaq madwar 80 % tal-prezz reali tas-servizz. Fil-każ fejn in-numru ta’ riżervazzjonijiet tar-ristorant ma jilħaqx minimu ta’ 30 persuna, l-ikla tiġi kkanċellata.

14      Mill-atti tal-proċess ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan prinċipali tal-imsemmija provvista ta’ servizzi, li jiġu pprovduti f’kompetizzjoni diretta mal-impriżi kummerċjali, ma huwiex id-dħul addizzjonali għall-kulleġġ li jirriżulta minn dawn is-servizzi.

15      Il-qorti tar-rinviju tindika li t-taħriġ prattiku tfassal bħala parti mill-korsijiet u kien magħruf mill-istudenti fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħhom għad-diplomi differenti.

16      Matul il-perijodu msemmi, il-Kulleġġ ħallas il-VAT bir-rata normali fuq il-prezz iffatturat għall-ikliet u għas-servizzi ta’ divertiment ipprovduti.

17      Madankollu, il-Kulleġġ ikkunsidra li dawn il-provvisti u servizzi kellhom jiġu eżentati bħala servizzi “relatat[i] mill-qrib” mat-tagħlim,, skont l-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112. Peress li t-talba tiegħu għal rimbors ġiet miċħuda mill-amministrazzjoni fiskali, il-Kulleġġ ippreżenta rikors quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chambers) [qorti tal-prim’istanza (awla tat-tassazzjoni), ir-Renju Unit].

18      B’deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2012, din il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li din il-provvista ta’ servizzi kienet eżentata mill-VAT, peress li din hija relatata mill-qrib mat-tagħlim. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) [qorti superjuri (awla tat-tassazzjoni u taċ-Chancery), ir-Renju Unit], permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2014.

19      L-amministrazzjoni fiskali appellat din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li tqis li l-eżitu tat-tilwima mressqa quddiemha jiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/112.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili), ir-Renju Unit] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Skont l-Artikolu 132(1)(i), tad-Direttiva [2006/112], il-provvista, bi ħlas, ta’ servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ divertiment minn stabbiliment ta’ tagħlim lil membri tal-pubbliku (li ma humiex id-destinatarji tas-servizz prinċipali ta’ tagħlim) hija ‘marbuta [relatati] mill-qrib’ mat-tagħlim meta t-twettiq ta’ dawn is-servizzi jkun iffaċilitat mill-istudenti (li huma d-destinatarji tas-servizz prinċipali ta’ tagħlim) fil-kuntest tat-taħriġ tagħhom u bħala parti integrali minn dan it-taħriġ?

2)      Biex jiġi ddeterminat jekk il-provvisti ta’ servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ divertiment jidħlux taħt l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva [2006/112] bħala servizzi ‘marbuta mill-qrib’ mat-tagħlim,

a)      huwa rilevanti l-fatt li l-istudenti jiksbu vantaġġ mill-involviment fil-preparazzjoni tas-servizzi inkwistjoni u mhux mis-suġġett ta’ dawn is-servizzi?

b)      huwa rilevanti l-fatt li dawn is-servizzi ma huma la riċevuti u lanqas ikkunsmati direttament jew indirettament mill-istudenti iżda huma riċevuti u kkunsmati mill-membri tal-pubbliku li jħallsu għal dawn is-servizzi u li ma humiex destinatarji tas-servizz prinċipali ta’ tagħlim?

c)      huwa rilevanti l-fatt li mill-perspettiva tal-konsumatur medju tas-servizzi inkwistjoni (jiġifieri l-membri tal-pubbliku li jħallsu l-prezz għalihom) dawn is-servizzi ma jirrappreżentawx mezz sabiex jibbenefikaw fl-aħjar kundizzjonijiet minn servizz ieħor iżda jikkostitwixxu għan fihom infushom?

d)      huwa rilevanti l-fatt li, mill-perspettiva tal-istudenti, is-servizzi inkwistjoni ma jikkostitwux għan fihom infushom, iżda li l-parteċipazzjoni fil-preparazzjoni ta’ dawn is-servizzi tikkostitwixxi mezz sabiex jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar tas-servizz prinċipali ta’ tagħlim?

e)      sa fejn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ newtralità fiskali?”

 Fuq id-domandi preliminari

21      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 132(1)(i), tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi “relatat[i] mill-qrib” mas-servizz ta’ tagħlim, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, għalhekk, eżentati mill-VAT, attivitajiet, imwettqa f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fil-provvista, bi ħlas, ta’ servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ divertiment lil terzi, mill-istudenti ta’ stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla, fil-kuntest tat-taħriġ tagħhom.

22      L-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi eżenzjonijiet li, kif jindika t-titolu tal-kapitolu li jaqa’ taħtu dan l-artikolu, għandhom bħala għan li jiffavorixxu ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali Madankollu, dawn l-eżenzjonijiet ma jikkonċernawx l-attivitajiet ta’ interess ġenerali kollha, iżda biss dawk elenkati fih u deskritti f’dettall kbir (sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-22/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:118, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Il-frażijiet użati sabiex jindikaw l-imsemmija eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li dawn jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali, li jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112, li jipprevedi li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizz imwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li l-frażijiet użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effetti tagħhom (sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-22/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:118, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      L-Artikolu 132(1)(i), tad-Direttiva 2006/112 ma jagħti ebda definizzjoni tal-kunċett inkluż fih ta’ tranżazzjonijiet “relatat[i] mill-qrib”. Madankollu, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tirreferi għall-provvista ta’ servizzi li għandhom rabta stretta “[mal-]provvista ta’ edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ, [mal-]edukazzjoni skolastika jew universitarja, [mat-]taħriġ vokazzjonali jew [mat-]taħriġ mill-ġdid”. Għaldaqstant, provvista ta’ servizzi tista’ tiġi kkunsidrata biss bħala “relatata mill-qrib” ma’ dawn is-servizzi tal-aħħar meta huma effettivament ipprovduti bħala servizzi aċċessorji għat-tagħlim ipprovdut mill-istabbiliment ikkonċernat, li jikkostitwixxi s-servizz prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College, C-434/05, EU:C:2007:343, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-25 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-79/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:171, punt 50).

25      Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, provvista ta’ servizzi tista’ tiġi kkunsidrata bħala aċċessorja għal provvista ta’ servizzi prinċipali meta hija ma tikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda meta tkun il-mezz sabiex jitgawda fl-aħjar kundizzjonijiet is-servizz prinċipali (sentenza tal-25 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-79/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:171, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għal tranżazzjonijiet “relatat[i] mill-qrib” mat-tagħlim hija, fi kwalunkwe każ, suġġetta għal tliet kundizzjonijiet, stabbiliti, parzjalment, fl-Artikoli 132 u 134 tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri, essenzjalment, l-ewwel nett, li kemm din il-provvista ta’ servizzi prinċipali, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi li huma relatati mill-qrib magħha, jitwettqu minn organi msemmija fl-Artikolu 132(1)(i) ta’ din id-direttiva, it-tieni nett, li din il-provvista ta’ servizzi tkun indispensabbli għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet eżentati, u, it-tielet nett, li, l-imsemmija provvista ta’ servizzi ma tkunx essenzjalment intiża sabiex jinkiseb dħul addizzjonali għal dawn l-organi, permezz tat-twettiq ta’ tranżazzjoni li hija f’kompetizzjoni diretta ma’ impriżi kummerċjali li huma suġġetti għall-ħlas tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College, C-434/05, EU:C:2007:343, punti 34, 38 u 42, kif ukoll tal-25 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-79/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:171, punt 61).

27      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għal dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, huwa paċifiku li l-Kulleġġ huwa stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku, li għandu għan edukattiv, u li huwa eliġibbli għall-eżenzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112.

28      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, mill-punt 39 tas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College (C-434/05, EU:C:2007:343), jirriżulta li, sabiex tkun ikklassifikata bħala provvista ta’ servizzi indispensabbli għat-twettiq ta’ dawn it-tranżazzjonijiet eżentati, din il-provvista ta’ servizzi għandha tkun ta’ natura jew ta’ kwalità tali li, mingħajr il-provvista ta’ tali servizz, ma jkunx jista’ jiġi żgurat li t-tagħlim ipprovdut mill-organu li jaqa’ taħt l-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 u, għaldaqstant, dak li jibbenefikaw minnu l-istudenti tiegħu, ikollu valur ekwivalenti.

29      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tagħlim prattiku jitfassal bħala komponent essenzjali tal-korsijiet tal-istudenti u li, kieku dan ma kienx propost, l-istudenti ma jkunux jistgħu jibbenefikaw bi sħiħ mit-taħriġ tagħhom.

30      Fil-fatt, huwa ppreċiżat f’dan ir-rigward li, taħt is-superviżjoni tat-tuturi tagħhom, l-istudenti tal-Kulleġġ iwettqu l-kompiti kollha tal-ospitalità tar-ristorant, u li l-għan li għandu jintlaħaq mill-operazzjoni tar-ristorant ta’ tagħlim tal-Kulleġġ huwa li l-istudenti rreġistrati fil-korsijiet ta’ ristorazzjoni u tal-industrija tal-ospitalità jiksbu għarfien taħt kundizzjonijiet prattiċi.

31      L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-korsijiet tal-arti tal-ispettaklu. Il-Kulleġġ itella’ kunċerti u spettakli permezz tal-istudenti tiegħu li huma rreġistrati fl-imsemmija korsijiet, sabiex dawn jiksbu esperjenza prattika.

32      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, mingħajr dawn l-elementi prattiċi, it-tagħlim ipprovdut mill-Kulleġġ fl-oqsma tar-ristorazzjoni, tal-industrija tal-ospitalità u tal-ispettaklu, ma jkollux valur ekwivalenti.

33      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jiddikjara li r-ristorant ta’ tagħlim tal-Kulleġġ huwa ekwivalenti, għall-istudenti, għal klassi u li l-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li l-istudenti jiksbu vantaġġ mill-esperjenza miksuba permezz tal-preparazzjoni tal-ikliet u tas-servizz tal-mejda f’sitwazzjoni reali, li jikkostitwixxi parti importanti mit-taħriġ tagħhom.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-provvista ta’ servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ divertiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-provvista prinċipali ta’ tagħlim ipprovdut mill-Kulleġġ.

35      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, għandu jitfakkar li din tikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi, b’mod partikolari, milli l-provvisti ta’ servizzi simili, li għalhekk jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College, C-434/05, EU:C:2007:343, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Huwa paċifiku, fit-tilwima prinċipali, qabelxejn, li l-provvista ta’ servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ divertiment ipprovduti mill-Kulleġġ huma aċċessibbli biss għall-persuni rreġistrati minn qabel f’lista ta’ ċirkolazzjoni miżmuma minn dan l-istabbiliment. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, għall-ispettakli, il-pubbliku ġeneralment jikkonsisti fi ħbieb u fil-familja tal-istudenti tal-Kulleġġ, kif ukoll minn persuni rreġistrati minn qabel fid-database ta’ dan l-istabbiliment.

37      Sussegwentement, ir-ristorant ta’ tagħlim tal-Kulleġġ huwa aċċessibbli biss fuq riżervazzjoni u sakemm dan ikun mimli, billi huwa meħtieġ minimu ta’ tletin persuna sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jiksbu l-benefiċċju massimu mis-servizzi tagħhom. Għalhekk, kuntrarjament għal ristorant kummerċjali fejn ir-riżervazzjonijiet huma bħala prinċipju dejjem onorati, l-ikliet jiġu kkanċellati jekk in-numru minimu meħtieġ ma jintlaħaqx.

38      Fl-aħħar nett, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li s-servizzi ta’ ristorazzjoni, il-kunċerti u l-ispettakli huma kompletament imwettqa, organizzati u pprovduti minn studenti li jkunu qed jagħmlu taħriġ, sitwazzjoni li hija fundamentalment differenti minn dik ta’ studenti li jkunu qed iwettqu traineeship fi ħdan entità kummerċjali, fejn jintegraw f’tim professjonali li jipprovdi tali servizzi taħt il-kundizzjonijiet kompetittivi prevalenti fis-swieq rispettivi.

39      Jidher għalhekk li s-servizzi pprovduti lil numru ristrett ta’ terzi, mill-Kulleġġ, fil-kuntest tal-korsijiet ipprovduti lil dawn l-istudenti huma essenzjalment differenti minn dawk ipprovduti regolarment minn teatru jew minn ristorant kummerċjali u li dawn huma intiżi għal pubbliku distint, peress li ma jirrispondux mal-istess bżonnijiet tal-konsumatur.

40      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-prezzijiet stabbiliti mill-Kulleġġ ikopru biss 80 % tal-ispiża tal-ikla. Għalhekk, ma jidhirx li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi sabiex jinkiseb dħul addizzjonali għall-Kulleġġ, permezz tat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet li huma f’kompetizzjoni diretta mal-impriżi kummerċjali li huma suġġetti għall-ħlas tal-VAT, bħalma huma ristoranti u teatri.

41      Għaldaqstant, is-servizzi pprovduti mill-Kulleġġ lil numru ristrett ta’ terzi ma jidhrux paragunabbli ma’ dawk offerti minn ristoranti u minn teatri kummerċjali u l-eżenzjoni mill-VAT fuq is-servizzi pprovduti minn dan l-istabbiliment ma twassalx għal differenza fit-trattament fiskali.

42      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn il-kundizzjonijiet huma tassew issodisfatti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali proprji tal-kawża li tressqet quddiemha.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 132(1)(i), tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi “relatat[i] mill-qrib” mas-servizz prinċipali ta’ tagħlim, u, għalhekk, eżentati mill-VAT, attivitajiet, imwettqa f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fil-provvista ta’ servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ divertiment lil terzi, mill-istudenti ta’ stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla, fil-kuntest tat-taħriġ tagħhom u bi ħlas, peress li dawn is-servizzi huma indispensabbli għat-taħriġ tagħhom u ma humiex intiżi sabiex jinkiseb dħul addizzjonali għal dan l-istabbiliment, permezz tat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet imwettqa f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk ta’ impriżi kummerċjali li huma suġġetti għall-ħlas tal-VAT, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.



Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi “relatat[i] mill-qrib” mas-servizz prinċipali ta’ tagħlim, u, għalhekk, eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), attivitajiet, imwettqa f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fil-provvista ta’ servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ divertiment lil terzi, mill-istudenti ta’ stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla, fil-kuntest tat-taħriġ tagħhom u bi ħlas, peress li dawn is-servizzi huma indispensabbli għat-taħriġ tagħhom u ma humiex intiżi sabiex jinkiseb dħul addizzjonali għal dan l-istabbiliment, permezz tat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet imwettqa f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk ta’ impriżi kummerċjali li huma suġġetti għall-ħlas tal-VAT, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.