Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

29.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 314/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fil-31 ta’ Mejju 2016 – Proċeduri kriminali kontra Peter Dzivev

(Kawża C-310/16)

(2016/C 314/17)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Peter Dzivev

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet segwenti:

l-Artikolu 325(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri intiżi li joffru protezzjoni effettiva kontra l-frodi u kontra kull attività illegali li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

l-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(b) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u mal-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE[, tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej], li jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri intiżi li jissanzjonaw b’mod effettiv il-frodi fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud;

l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], li jiggarantixxu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti stabbilita minn qabel permezz tal-liġi,

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-provi miġbura permezz ta’ “tekniki investigattivi speċjali”, jiġifieri permezz tas-smigħ ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni sussegwentement akkużati b’reat fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu esklużi bħala provi minħabba l-fatt li dan is-smigħ kien ġie awtorizzat minn awtorità ġudizzjarja li ma kellhiex kompetenza, fid-dawl tal-elementi segwenti:

preċedentement (bejn xahar u tliet xhur qabel) kienet tressqet talba sabiex ikunu suġġetti għal smigħ uħud minn dawn it-telefowns u din kienet ġiet awtorizzata minn din l-istess awtorità ġudizzjarja li, dak iż-żmien, kienet għadha kompetenti;

talba għal tali awtorizzazzjoni għas-smigħ telefoniku inkwistjoni (intiża għall-estensjoni tas-smigħ preċedenti u għas-smigħ ta’ telefowns ġodda) tressqet quddiem din l-istess awtorità ġudizzjarja, meta din l-awtorità ma kinitx għadha kompetenti minħabba li, immedjatament qabel dan, il-kompetenza tagħha kienet ġiet ittrasferita lil awtorità ġudizzjarja ġdida; minkejja li ma kellhiex kompetenza, l-awtorità ġudizzjarja li preċedentement kellha kompetenza eżaminat it-talba fil-mertu u tat din l-awtorizzazzjoni;

sussegwentement (madwar xahar wara), tressqet talba ġdida għal smigħ telefoniku tal-istess telefowns u din ġiet awtorizzata mill-awtorità l-ġdida li kellha kompetenza f’dan ir-rigward;

fil-prattika, l-awtorizzazzjonijiet kollha mogħtija ma humiex motivati;

id-dispożizzjoni leġiżlattiva li tittrasferixxi l-kompetenza ma kinitx ċara u wasslet għal diversi atti ġudizzjarja kontradittorji, li wassal lill-Varhoven sad (qorti suprema) sabiex tagħti deċiżjoni interpretattiva vinkolanti madwar sentejn wara t-trasferiment legali tal-kompetenza u wara s-smigħ telefoniku inkwistjoni;

il-qorti li qiegħda teżamina din il-kawża fir-rigward tal-mertu ma għandhiex il-kompetenza li tiddeċiedi dwar it-talbiet intiżi għall-użu ta’ tekniki investigattivi speċjali (smigħ telefoniku); madankollu, l-imsemmija qorti għandha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ smigħ telefoniku mwettaq, b’mod partikolari sabiex tqis li awtorizzazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti legali u sabiex tirrifjuta, għalhekk, li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi miġbura b’riżultat ta’ din l-awtorizzazzjoni; din il-kompetenza madankollu teżisti fil-każ ta’ awtorizzazzjoni ta’ smigħ mogħtija b’mod validu;

l-użu ta’ dawn il-provi (konverżazzjonijiet telefoniċi tal-intimati awtorizzati minn awtorità ġudizzjarja li ma għadhiex kompetenti) huwa essenzjali sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tar-responsabbiltà ta’ persuna bħala l-mexxej ta’ organizzazzjoni kriminali li l-għan tagħha kien li twettaq reati fiskali koperti miż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud), u bħala l-persuna li instigat ir-reati fiskali kkonċernati, f’sitwazzjoni fejn din il-persuna ma tistax tinstab ħatja u ma tistax tiġi kkundannata ħlief jekk dawn il-konverżazzjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala prova u fejn, jekk dan ma jsirx, din il-persuna tinħeles mill-akkużi mressqa kontriha.

2)

Id-deċiżjoni preliminari Ognyanov (C-614/14) tapplika għall-kawża ineżami?