Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Marzu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Libertà ta’ stabbiliment – Mergers, diviżjonijiet, trasferimenti tal-attiv u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/434/KEE – Artikolu 8 – Tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli – Qligħ kapitali relatat ma’ din it-tranżazzjoni – Posponiment tat-tassazzjoni – Telf matul it-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti – Kompetenza fiskali tal-Istat ta’ residenza – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni – Preżervazzjoni tat-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri”

Fil-Kawżi magħquda C-327/16 u C-421/16,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-31 ta’ Mejju 2016 u tad-19 ta’ Lulju 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ġunju 2016 u fit-28 ta’ Lulju 2016, rispettivament, fil-proċeduri

Marc Jacob

vs

Ministre des Finances et des Comptes publics (C-327/16),

u

Ministre des Finances et des Comptes publics

vs

Marc Lassus (C-421/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, C. G. Fernlund (Relatur), A. Arabadjiev u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Jacob, minn E. Ginter u J. Bellet, avocats,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, E. de Moustier u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson, N. Otte Widgren, H. Shev u F. Bergius, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attivi u l-iskambji ta’ l-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142), kif emendata bl-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja (ĠU 1994, C 241, p. 21), adattat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 95/1/KE, Euratom, KEFA tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-1 ta’ Jannar 1995 (ĠU 1995, L 1, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Mergers”) u tal-Artikolu 49 TFUE.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn, f’kawża minnhom, Marc Jacob u l-ministre des Finances et des Comptes publics (il-Ministru tal-Finanzi u tal-Kontijiet Pubbliċi, Franza) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”), u, fil-kawża l-oħra, l-amministrazzjoni fiskali u M. Lassus dwar id-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni fiskali li tintaxxa l-qligħ kapitali minn tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli fl-okkażjoni tat-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-ewwel, ir-raba’ u t-tmien premessa tad-Direttiva dwar il-Mergers jipprevedu:

“[...] l-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attivi u l-iskambji ta’ ishma li jirrigwardaw kumpanniji fi Stati Membri differenti jistgħu jkunu meħtieġa sabiex joħolqu ġewwa l-Komunità l-kondizzjonijiet analogi għal dawk tas-suq intern u sabiex b’hekk jiżguraw li jiġi stabbilit u jiffunzjona b’mod effettiv is-suq komuni; billi dawn il-ħidmiet ma għandhomx jiġu mfixkla b’restrizzjonijiet, żvantaġġi u tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi fl-Istati Membri; billi għal dan l-iskop huwa meħtieġ li jiddaħħlu rigward dawn il-ħidmiet regoli tat-taxxa li jkunu newtri mill-lat tal-kompetizzjoni, sabiex iħallu lill-intrapriżi jadattaw lilhom infushom skond il-ħtiġiet tas-suq komuni, biex iżidu l-produttività tagħhom u jtejbu s-saħħa tagħhom tal-kompetittività fil-livell internazzjonali;

[...]

[...] s-sistema komuni tat-taxxi għandha tevita l-impożizzjoni tat-taxxi rigward l-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attivi jew l-iskambji ta’ l-ishma, filwaqt li fl-istess ħin tissalvagwarda l-interessi finanzjarji ta’ l-Istat tal-kumpannija trasferitur jew ta’ dik miksuba;

[...]

[...] l-allokazzjoni lill-azzjonisti fil-kumpannija trasferitur tat-titoli tal-kumpannija riċevitur jew ta’ dik li tikseb l-ishma ma għandha fiha nfisha toħloq l-ebda tassazzjoni f’idejn dawn l-azzjonisti”.

4        Konformement mal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, “[k]ull wieħed mill-Istati Membri għandu japplika din id-Direttiva għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attiv u l-iskambji ta’ l-ishma li fihom ikunu involuti żewġ Stati Membri jew iktar.”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Mergers jistipula:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

d)      ‘skambju ta’ ishma’ għandha tfisser ħidma li biha kumpannija tikseb sehem/ishma fil-kapital ta’ kumpannija oħra hekk li tikseb il-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti f’din il-kumpannija bi skambju għall-ħruġ lil dawk li jkollhom l-ishma fil-kumpannija ta’ l-aħħar, bi skambju tat-titoli tagħhom, titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija ta’ qabel, u, jekk japplika, il-ħlas fi flus korrenti li ma jaqbiżx il-10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, il-valur par tal-kontijiet tat-titoli maħruġa bi skambju;

[...]

g)      ‘kumpannija miksuba’ għandha tfisser il-kumpannija li fiha jiġi miksub sehem minn kumpannija oħra permezz ta’ skambju tat-titoli;

h)      ‘kumpannija li tikseb’ għandha tfisser il-kumpannija li takkwista sehem permezz ta’ l-iskambju tat-titoli;

[...]”

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Mergers jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘kumpannija minn Stat Membru’ għandha tfisser kull kumpannija li:

a)      tieħu waħda mill-għamliet elenkati fl-Anness ta’ ma’ hawn;

b)      skond il-liġijiet tat-taxxi ta’ Stat Membru hija kkunsidrata li hija residenti f’dan l-Istat għall-għanijiet tat-taxxa u, skond it-termini ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż ma Stat terz, mhix ikkunsidrata bħala residenti barra mill-Komunità għall-għanijiet tat-taxxa;

c)      barra minn dan, hija bla ħsara għal waħda mit-taxxi li ġejjin, mingħajr il-possibbilità ta’ għażla jew li tiġi eżentata minnhom:

[...]

–        impôt sur les sociétés fi Franza,

[...]

–        impôt sur le revenu des collectivités fil-Lussemburgu,

[...]

jew għal kull taxxa oħra li tista tiddaħħal minflok kull waħda mit-taxxi ta’ hawn fuq.”

7        Skont l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-Mergers:

“1.      Mal-waqt ta’ inkorporazzjoni, diviżjoni jew skambju ta’ l-ishma, l-allokazzjoni tat-titoli li jirrapreżentaw il-kapital tal-kumpannija riċevitur jew ta’ dik tal-kisba lil azzjonist tal-kumpannija trasferitur jew ta’ dik li tikseb bi skambju għat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija ta’ l-aħħar ma għandhom, minnhom infushom, joħolqu l-ebda tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitti jew il-profitti kapitali ta’ dan l-azzjonist.

2.      L-Istati Membri għandhom japplikaw il-paragrafu 1 bil-kondizzjoni li l-azzjonist ma jagħtix lit-titoli rċevuti valur ogħla għall-għanijiet tat-taxxa milli kellhom it-titoli skambjati immedjatament qabel l-inkorporazzjoni, id-diviżjoni jew l-iskambju.

L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ma għandhiex tipprevjieni lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-qligħ li jinħoloq mit-trasferiment sossegwanti tat-titoli rċevuti bl-istess mod bħall-qligħ li jiġi mit-trasferiment tat-titoli li kienu jeżistu qabel il-kisba.

[...]”

 Id-dritt konvenzjonali

8        L-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni bejn Franza u l-Belġju, iffirmata fi Brussell fl-10 ta’ Marzu 1964, intiża sabiex tevita t-tassazzjoni doppja u tistabbilixxi regoli ta’ assistenza amministrattiva u ġuridika reċiproka fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul, jipprevedi:

“Sa fejn l-artikoli preċedenti ta’ din il-konvenzjoni ma jipprovdux mod ieħor, id-dħul tar-residenti ta’ wieħed mill-Istati kontraenti huwa taxxabbli biss f’dak l-Istat Membru” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9        Skont l-Artikolu 13(3) u (4) tal-Konvenzjoni bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tar-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, iffirmata f’Londra fit-22 ta’ Mejju 1968, intiża sabiex tevita t-tassazzjoni doppja u tipprevjeni l-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Franċiża-Brittanika”):

“3.      Il-qligħ imnissel mit-trasferiment ta’ kull beni ieħor li ma huwiex dak imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 huwa intaxxat biss fl-Istat kontraenti li fih huwa residenti ċ-ċessjonarju.

4.      Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, il-qligħ magħmul minn persuna fiżika li hija residenti ta’ Stat kontraenti waqt it-trasferiment ta’ iktar minn 25 fil-mija tal-ishma miżmuma, waħedha jew ma’ qraba, diretti jew indiretti, f’kumpannija li hija residenti tal-Istat kontraenti l-ieħor, huwa taxxabbli f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu japplikaw biss jekk:

a)      il-persuna fiżika għandha n-nazzjonalità tal-Istat kontraenti l-ieħor mingħajr ma jkollha n-nazzjonalità tal-ewwel Stat kontraenti; u

b)      il-persuna fiżika kienet residenti tal-Istat kontraenti l-ieħor għal kwalunkwe perijodu matul il-ħames snin immedjatament preċedenti t-trasferiment tal-ishma.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu japplikaw ukoll għall-qligħ mit-trasferiment ta’ drittijiet fil-kumpannija oħrajn ta’ din il-kumpannija li, għall-intaxxar tal-qligħ kapitali, huwa suġġett mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat kontraenti ieħor għall-istess skema bħall-qligħ mit-trasferiment tal-ishma.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt Franċiż

10      Skont l-Artikolu 92B(II)(1) tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa) (iktar ’il quddiem il-“KĠT”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-qligħ kapitali li l-intaxxar tiegħu kien pospost għall-1 ta’ Jannar 2000:

“Sa mill-1 ta’ Jannar 1992 jew mill-1 ta’ Jannar 1991 għat-trasferimenti ta’ titoli lil kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali magħmula f’każ ta’ skambju ta’ titoli li jirriżulta minn tranżazzjoni ta’ offerta pubblika, ta’ merger, diviżjoni, ta’ assorbiment ta’ fond komuni minn kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli mwettaq skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ jew ta’ trasferiment ta’ titoli lil kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, jista’ jkun pospost għall-mument li fih iseħħ iċ-ċessjoni jew it-trasferiment tat-titoli rċevuti waqt l-iskambju […]”

11      L-Artikolu 160(I) u (I ter) tal-KĠT, fil-verżjoni tiegħu applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawżi prinċipali, jipprovdi:

“I. […] It-tassazzjoni tal-qligħ kapitali hekk imwettaq hija suġġetta għall-kundizzjoni unika li d-drittijiet miżmuma direttament jew indirettament fil-profitti tal-kumpannija miċ-ċessjonarju jew mill-konjuġi tiegħu, l-axxendenti u d-dixxendenti tagħhom, ikunu qabżu flimkien l-25 % ta’ dawn il-profitti fi kwalunkwe mument matul l-aħħar ħames snin. Madankollu, meta t-trasferiment isir għall-benefiċċju ta’ waħda mill-persuni msemmija f’dan il-paragrafu, il-qligħ kapitali għandu jkun eżentat jekk parti jew dawn id-drittijiet fil-kumpannija kollha ma jkunux mibjugħa mill-ġdid lil terz fi żmien ħames snin. Fin-nuqqas ta’ dan, il-qligħ kapitali jkun taxxabbli għan-nom tal-ewwel ċessjonarju fir-rigward tas-sena tal-bejgħ mill-ġdid tad-drittijiet lil terzi.

[...]

It-telf subit matul sena huwa imputabbli esklużivament mill-qligħ kapitali tal-istess natura magħmul matul l-istess sena jew fil-ħames snin segwenti.

[...]

I ter. […] 4. It-tassazzjoni tal-qligħ kapitali magħmul sa mill-1 ta’ Jannar 1991 f’każ ta’ skambju ta’ drittijiet fil-kumpannija li jirriżulta minn operazzjoni ta’ merger, ta’ diviżjoni, ta’ trasferiment ta’ titoli lil kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, tista’ tkun posposta fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 92B(II) […]”.

12      Skont l-Artikolu 164B(I)(f) ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fl-1999, huwa kkunsidrat bħala dħul minn sorsi Franċiżi “l-qligħ kapitali msemmi fl-Artikolu 160 u li jirriżulta miċ-ċessjoni ta’ drittijiet marbuta mal-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Franza”.

13      L-Artikolu 244 bis(B) tal-KĠT, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data taċ-ċessjoni tat-titoli fl-1999, kien jipprovdi:

“Il-profitti miċ-ċessjonijiet ta’ drittijiet fil-kumpannija msemmija fl-Artikolu 160, magħmula minn persuni fiżiċi li ma humiex domiċiljati fiskalment fi Franza fis-sens tal-Artikolu 4 B jew minn persuni ġuridiċi jew organi, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li għandhom is-sede tagħhom barra minn Franza, huma stabbiliti u ntaxxati skont il-metodi previsti fl-Artikolu 160.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-327/16

14      Fit-23 ta’ Diċembru 1996, M. Jacob, resident fiskali Franċiż, ittrasferixxa titoli li huwa kellu f’kumpannija Franċiża lil kumpannija Franċiża oħra, u inkambju rċieva titoli ta’ din tal-aħħar. Konformement mal-leġiżlazzjoni fiskali applikabbli fid-data tal-fatti, it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali magħmul fl-okkażjoni ta’ din it-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli ġiet posposta.

15      Fl-1 ta’ Ottubru 2004, M. Jacob ittrasferixxa r-residenza fiskali tiegħu minn Franza għall-Belġju.

16      Fil-21 ta’ Diċembru 2007, M. Jacob ittrasferixxa t-titoli kollha li huwa rċieva fl-okkażjoni tat-tranżazzjoni ta’ skambju inkwistjoni. Wara dan it-trasferiment, il-qligħ kapitali li t-tassazzjoni tiegħu kienet ġiet posposta ġie ntaxxat, fir-rigward tas-sena 2007, flimkien mal-interessi moratorji u b’żieda ta’ 10 %.

17      Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2012, it-tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil, Franza) iddikjarat illi din il-kontribuzzjoni addizzjonali ta’ taxxa fuq id-dħul ma kinitx dovuta. Fit-28 ta’ Mejju 2015, il-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza) annullat din is-sentenza u kkonfermat mill-ġdid it-totalità tal-kontribuzzjonijiet li M. Jacob kien ġie meħlus milli jħallas.

18      Fl-1 ta’ Ottubru 2015 M. Jacob ressaq appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), billi argumenta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża li tiżgura t-traspożizzjoni fid-dritt Franċiż tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Mergers, kienet tmur kontra l-għanijiet imfittxija minn dan l-Artikolu 8. M. Jacob jargumenta, f’dan ir-rigward, li, konformement mal-imsemmi Artikolu 8, il-fatt taxxabbli ta’ qligħ kapitali huwa t-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti u mhux it-tranżazzjoni ta’ skambju tat-titoli; peress li din it-tranżazzjoni tikkostitwixxi biss tranżazzjoni addizzjonali fiskalment newtrali.

19      Il-qorti tar-rinviju tindika, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Mergers.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva [dwar il-Mergers] għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprojbixxu, f’każ ta’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, mekkaniżmu ta’ posponiment tat-tassazzjoni li jipprovdi li, b’deroga mir-regola li l-avveniment li jagħti lok għat-tassazzjoni ta’ valur miżjud [qligħ kapitali] għandu jiġi kkostitwit matul is-sena li fih dan javvera ruħu, valur miżjud ta’ skambju għandu jiġi kkonstatat u llikwidat fl-okkażjoni tat-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli u jiġi intaxxat fis-sena li matulha javvera ruħu l-avveniment li jtemm il-posponiment tat-tassazzjoni, li jista’ jkun b’mod partikolari t-trasferiment tat-titoli riċevuti fil-mument tal-iskambju?

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva [dwar il-Mergers] għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprojbixxu, f’każ ta’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, li l-valur miżjud [qligħ kapitali] ta’ skambju ta’ titoli, anki jekk jiġi preżunt li huwa taxxabbli, jiġi intaxxat mill-Istat ta’ residenza tal-persuna taxxabbli fil-mument tat-tranżazzjoni ta’ skambju, anki jekk din il-persuna, fid-data tat-trasferiment tat-titoli riċevuti fl-okkażjoni ta’ dan l-iskambju li fiha l-valur miżjud jiġi effettivament intaxxat, tkun ittrasferiet id-domiċilju fiskali tagħha lejn Stat Membru ieħor?”

 Il-Kawża C-421/16

21      M. Lassus, resident fiskali Brittaniku sa mis-sena 1997, ittrasferixxa, fis-7 ta’ Diċembru 1999, lil kumpannija Lussemburgiża titoli li huwa kellu f’kumpannija Franċiża u inkambju rċieva titoli ta’ din l-ewwel kumpannija. F’din l-okkażjoni, ġie kkonstatat qligħ kapitali li, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti, it-tassazzjoni tiegħu ġiet posposta.

22      Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara din it-tranżazzjoni ta’ skambju, M. Lassus akkwista xi titoli oħrajn tal-imsemmija kumpannija Lussemburgiża. Fix-xahar ta’ Diċembru 2002, M. Lassus ittrasferixxa 45 % tat-titoli li huwa kellu f’din l-istess kumpannija.

23      Peress li qieset li 45 % tat-titoli rċevuti minn M. Lassus fl-okkażjoni tal-imsemmija tranżazzjoni ta’ skambju kienu ġew ittrasferiti, l-amministrazzjoni fiskali ntaxxat il-kwota korrispondenti tal-qligħ kapitali li t-tassazzjoni tiegħu ġiet posposta, kif kienet ikkonstatat għas-sena 1999. Konsegwentement, l-amministrazzjoni fiskali imponiet fuq M. Lassus kontribuzzjonijiet addizzjonali tat-taxxa fuq id-dħul għas-sena 2002.

24      B’kontestazzjoni għal dawn il-kontribuzzjonijiet, M. Lassus adixxa t-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi, Franza), li ċaħdet ir-rikors tiegħu. Adita b’appell, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) annullat id-deċiżjoni ta’ din l-ewwel qorti u għalhekk, ħelset lil M. Lassus minn dawn il-kontribuzzjonijiet. Għalhekk l-amministrazzjoni fiskali adixxiet lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) b’appell ta’ kassazzjoni fil-konfront ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar.

25      Il-qorti tar-rinviju tesponi li, konformement mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mal-Artikolu 13(4)(a) u (b) tal-Konvenzjoni Franċiża-Brittanika, il-qligħ kapitali mit-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli magħmul matul is-sena 1999 minn M. Lassus, resident fiskali Brittaniku, seta’ jiġi ntaxxat fi Franza.

26      Barra minn hekk, dik il-qorti tqis li l-uniku effett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huwa li tippermetti, b’deroga għar-regola li tipprovdi li l-fatt taxxabbli ta’ qligħ kapitali jseħħ matul is-sena tat-twettiq tiegħu, li jiġi kkonstatat il-qligħ kapitali minn tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli fis-sena li fiha seħħet din it-tranżazzjoni u li jiġi ntaxxat fis-sena li matulha jseħħ l-avveniment li jtemm il-posponiment ta’ tassazzjoni, jiġifieri s-sena li matulha jseħħ it-trasferiment tat-titoli rċevuti fil-mument tal-iskambju.

27      F’dan il-kuntest, il-fatt li l-qligħ kapitali mit-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju huwa taxxabbli fi Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Repubblika Franċiża, ma għandux effett, skont l-imsemmija qorti, fuq is-setgħa ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar li jintaxxa l-qligħ kapitali mit-tranżazzjoni ta’ skambju inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

28      Madankollu, M. Lassus jikkontesta din l-interpretazzjoni. Huwa jargumenta, prinċipalment, li l-mekkaniżmu ta’ posponiment tat-tassazzjoni stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Mergers. Huwa jqis li dan l-artikolu jipprevedi bħala fatt taxxabbli t-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju u mhux it-tranżazzjoni ta’ skambju tat-titoli, b’din tal-aħħar tkun tikkorrispondi għal tranżazzjoni addizzjonali fiskalment newtrali. Barra minn hekk, huwa jsostni li, f’dan il-każ, fid-data ta’ dan it-trasferiment tat-titoli rċevuti inkambju, ir-Repubblika Franċiża kienet tilfet il-kompetenza fiskali tagħha fuq il-qligħ kapitali, peress li t-trasferiment jaqa’ taħt il-kompetenza fiskali tar-Renju Unit.

29      Barra minn hekk, fl-ipoteżi li t-trasferiment ikun taxxabbli fi Franza, ladarba l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti lill-persuni taxxabbli residenti li jagħmlu tpaċija tat-telf mit-trasferiment mal-qligħ kapitali tal-istess natura, ir-rifjut tal-amministrazzjoni fiskali li tpaċi t-telf magħmul bit-trasferiment tat-titoli matul is-sena 2002 mal-qligħ kapitali minn tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli li t-tassazzjoni tiegħu ġiet posposta, jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva [dwar il-Mergers] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu, fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, mekkaniżmu ta’ differiment tat-taxxa li, b’deroga mir-regola li l-fatt li jiġġenera t-tassazzjoni ta’ qligħ kapitali jseħħfis-sena li fih isir dan il-qligħ, qligħ kapitali fuq l-iskambju huwa kkonstatat u mħallas mat-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli u huwa intaxxat fis-sena li fih iseħħ l-avveniment li jtemm id-differiment tat-taxxa, li jista’ jkun b’mod partikolari t-trasferiment ta’ titoli riċevuti fil-mument tal-iskambju?

2)      Anki jekk jiġi preżunt li huwa taxxabbli, qligħ kapitali fuq l-iskambju jista’ jiġi intaxxat mill-Istat li għandu s-setgħa li jintaxxa fil-mument tat-tranżazzjoni ta’ skambju, minkejja li t-trasferiment tat-titoli riċevuti fl-okkażjoni ta’ dan l-iskambju taqa’ taħt il-kompetenza fiskali ta’ Stat Membru ieħor?

3)      Fil-każ li r-risposta għad-domandi preċedenti tkun li d-Direttiva ma tipprekludix li l-qligħ kapitali li jirriżulta minn skambju ta’ titoli huwa intaxxat fil-mument tat-trasferiment ulterjuri tat-titoli riċevuti fil-mument tal-iskambju, inkluż meta ż-żewġ tranżazzjonijiet ma jaqgħux taħt il-kompetenza fiskali tal-istess Stat Membru, jista’ l-Istat Membru li fih il-qligħ kapitali fuq l-iskambju ġie ddifferit jintaxxa l-qligħ kapitali ddifferit fil-mument ta’ dan it-trasferiment, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali dwar it-taxxa doppja applikabbli, irrispettivament mir-riżultat tat-trasferiment meta dan ir-riżultat huwa wieħed ta’ telf? Din id-domanda hija magħmula kemm fir-rigward tad-Direttiva [dwar il-Mergers] kif ukoll fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantit mill-Artikolu 43 tat-Trattat [KE], li sar l-Artikolu 49 tat-Trattat [FUE], meta persuna taxxabbli residenti għall-finijiet tat-taxxa fi Franza fil-mument tat-tranżazzjoni ta’ skambju u fil-mument tat-tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ titoli tkun tista’ tibbenefika [...] minn kreditu ta’ taxxa fuq it-telf li jirriżulta mit-trasferiment.

4)      Fil-każ li r-risposta għad-domanda 3 tkun li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf fuq it-trasferiment tat-titoli riċevuti fil-mument tal-iskambju, l-Istat Membru fejn sar il-qligħ kapitali fuq l-iskambju għandu jnaqqas dan it-telf li jirriżulta mit-trasferiment mill-qligħ kapitali jew għandu, peress li t-trasferiment ma jaqax taħt il-kompetenza fiskali tiegħu, jirrinunzja milli jintaxxa l-qligħ kapitali fuq l-iskambju?

5)      Fil-każ li r-risposta għad-domanda 4 tkun li hemm lok li t-telf li jirriżulta mit-trasferiment għandu jitnaqqas mill-qligħ kapitali fuq l-iskambju, liema prezz għandu jinżamm għall-akkwist tat-titoli ttrasferiti sabiex jiġi kkalkolat dan it-telf li jirriżulta mit-trasferiment? B’mod partikolari, hemm lok li jintuża bħala l-prezz tal-akkwist għal kull unità għat-titoli ttrasferiti l-valur totali tat-titoli fil-kumpannija riċevuti fl-iskambju, hekk kif indikat fid-dikjarazzjoni ta’ qligħ kapitali, diviż bin-numru ta’ dawn it-titoli riċevuti fil-mument tal-iskambju, jew għandu jintuża prezz tal-akkwist medju ponderat, li jinkludi wkoll tranżazzjonijiet li jseħħu wara l-iskambju, bħal akkwisti oħra ulterjuri jew distribuzzjoni b’xejn ta’ titoli tal-istess kumpannija?”

31      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Novembru 2017, il-Kawżi C-327/16 u C-421/16 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

32      Bħalma indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Mergers jirriżulta li din hija applikabbli għall-mergers, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attiv u l-iskambji tal-ishma transkonfinali li jirrigwardaw kumpanniji ta’ żewġ Stati Membri differenti jew iktar. Issa, il-fatti li wasslu għat-tilwima fil-Kawża C-327/16 jirrigwardaw tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli ta’ żewġ kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru wieħed biss, f’dan il-każ Franza.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala ammissibbli talbiet għal deċiżjoni preliminari f’każijiet fejn, anki jekk il-fatti fil-kawża prinċipali ma kinux jaqgħu direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt kienu saru applikabbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li ngħataw għal sitwazzjonijiet li l-elementi kollha tagħhom kienu limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, kienet konformi mal-approċċ ipprovdut mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C-268/15, EU:C:2016:874, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fil-fatt, f’tali każijiet, hemm interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati differenzi fl-interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet li fihom ikollhom japplikaw (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C-32/11, EU:C:2013:160, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dawk tad-Direttiva dwar il-Mergers.

36      Fit-tieni lok, bi tweġiba għat-talba ta’ kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Lulju 2016, il-qorti tar-rinviju speċifikat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata sabiex timplementa d-Direttiva dwar il-Mergers, hija applikabbli fl-istess kundizzjonijiet għat-tranżazzjonijiet ta’ skambju ta’ titoli, irrispettivament minn jekk ikunux purament interni jew transkonfinali, peress li l-persuna taxxabbli li għandha titoli għandha r-residenza fiskali tagħha fi Franza fid-data tal-iskambju.

37      Peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi, fir-rigward tas-soluzzjonijiet mogħtija f’sitwazzjonijiet fejn it-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli hija purament interna, ma’ dawk mogħtija mid-Direttiva dwar il-Mergers, għandu jiġi kkonstatat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-327/16 huma ammissibbli.

38      Fir-rigward tal-Kawża C-421/16, il-Gvern Awstrijak jqis, essenzjalment, li sitwazzjoni li fiha l-azzjonist tal-kumpannija akkwistata għandu r-residenza fiskali tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak tal-kumpannija akkwistata jew tal-kumpannija akkwirenti, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Mergers. Issa, fil-kawża prinċipali, M. Lassus, matul it-tranżazzjoni ta’ skambju tat-titoli inkwistjoni, kellu r-residenza fiskali tiegħu fir-Renju Unit, filwaqt li l-kumpannija akkwistata u l-kumpannija akkwirenti kienu stabbiliti fi Franza u fil-Lussemburgu rispettivament.

39      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Mergers ma tipprevedi tali limitazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

40      Fil-fatt, bħalma ssemma fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva dwar il-Mergers hija applikabbli ladarba l-iskambju ta’ titoli, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ikun seħħ bejn żewġ kumpanniji jew iktar ta’ Stati Membri differenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Mergers.

41      Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Mergers, il-fatt li min għandu t-titoli inkwistjoni jkollu r-residenza fiskali tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak tal-kumpanniji kkonċernati mill-iskambju ta’ titoli, ma għandux rilevanza.

42      F’dan il-każ, huwa stabbilit li, minn naħa, it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda żewġ kumpanniji ta’ żewġ Stati Membri differenti u, min-naħa l-oħra, li l-kumpanniji kkonċernati jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li d-Direttiva dwar il-Mergers tapplika biss fil-każ li l-azzjonist tal-kumpannija akkwistata huwa residenti fiskalment fl-istess Stat Membru bħal dak tal-kumpannija akkwistata jew dak tal-kumpannija akkwirenti. Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-421/16.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domandi

44      Permezz tal-ewwel domandi fil-Kawżi C-327/16 u C-421/16, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Mergers għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, skont liema l-qligħ kapitali minn tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli huwa kkonstatat fl-okkażjoni ta’ din it-tranżazzjoni, iżda t-tassazzjoni tiegħu hija posposta sas-sena li fiha jseħħ l-avveniment li jtemm dan il-posponiment tat-taxxa, f’dan il-każ it-trasferiment tat-titoli rċevuti inkambju.

45      Preliminarjament, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fiż-żewġ kawżi, ma ġiex allegat li l-persuni taxxabbli kkonċernati attribwixxew għat-titoli rċevuti inkambju valur fiskali ogħla minn dak li t-titoli skambjati kellhom immedjatament qabel it-tranżazzjoni ta’ skambju inkwistjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar il-Mergers huwa applikabbli għat-tranżazzjonijiet ta’ skambju inkwistjoni.

46      Skont din id-dispożizzjoni, fl-okkażjoni ta’ skambju ta’ ishma, l-allokazzjoni ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija riċevitur jew akkwerent lil azzjonist tal-kumpannija trasferenti jew akkwirenti, inkambju għat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija tal-aħħar ma għandhiex, minnha nnifisha, toħloq tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta’ dan l-azzjonist.

47      Permezz ta’ dan l-imperattiv ta’ newtralità fiskali fil-konfront ta’ tali azzjonist, id-Direttiva dwar il-Mergers hija intiża, kif jirriżulta mill-ewwel u r-raba’ premessi tagħha, li tiżgura li skambju ta’ titoli li jinteressa lil kumpanniji ta’ diversi Stati Membri ma jkunx ostakolat b’restrizzjonijiet, żvantaġġi jew distorsjonijiet partikolari li jinħolqu mid-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, A.T., C-285/07, EU:C:2008:705, punt 21).

48      Madankollu, hemm lok li jitfakkar li d-Direttiva dwar il-Mergers hija intiża, skont ir-raba’ premessa tagħha, li tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-Istat tal-kumpannija trasferenti jew miksuba. Issa, fost dawn l-interessi finanzjarji hemm il-kompetenza ta’ tassazzjoni tal-qligħ kapitali marbut mat-titoli li kienu jeżistu qabel it-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli.

49      Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva dwar il-Mergers jipprovdi li l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti bl-istess mod bħall-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment tat-titoli li kienu jeżistu qabel l-akkwist (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, A.T., C-285/07, EU:C:2008:705, punt 35).

50      Jidher li, minkejja li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar il-Mergers, billi jipprevedi li tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli ma tistax minnha nfisha tagħti lok għat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali minn din it-tranżazzjoni, jiżgura n-newtralità fiskali ta’ tali tranżazzjoni, din in-newtralità fiskali madankollu ma tneħħix tali qligħ kapitali mill-ambitu tat-tassazzjoni tal-Istati Membri li għandhom il-kompetenza fiskali fuqu, iżda jipprojbixxi biss li din it-tranżazzjoni ta’ skambju titqies bħala l-fatt taxxabbli.

51      Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Mergers u lanqas ebda artikolu ieħor ta’ din id-direttiva ma għandu dispożizzjonijiet dwar il-miżuri fiskali xierqa għall-finijiet tal-implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu 8.

52      Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda din l-implementazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed, C-321/05, EU:C:2007:408, punti 41 sa 43 kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 2017, A, C-292/16, EU:C:2017:888, punt 22).

53      Fir-rigward tal-miżura prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din tikkonsisti, fl-ewwel lok, f’li tikkonstata l-qligħ kapitali mit-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli fl-okkażjoni ta’ din it-tranżazzjoni u, fit-tieni lok, f’li tipposponi t-tassazzjoni tiegħu għad-data tat-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju.

54      Tali miżura, sa fejn din twassal għas-sitwazzjoni li l-fatt taxxabbli ta’ dan il-qligħ kapitali jiġi pospost sas-sena li matulha jseħħ l-avveniment li jtemm dan il-posponiment tat-tassazzjoni, jiġifieri t-trasferiment tat-titoli rċevuti inkambju, tiżgura, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli, fiha nfisha, ma tagħti lok għall-ebda tassazzjoni tal-imsemmi qligħ kapitali. Din il-miżura tosserva, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar il-Mergers.

55      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata mis-sempliċi ċirkustanza li l-qligħ kapitali mit-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli huwa kkonstatat fl-okkażjoni ta’ din it-tranżazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li tali konstatazzjoni tikkostitwixxi sempliċi teknika li tippermetti lill-Istat Membru li għandu l-kompetenza fiskali fuq it-titoli eżistenti qabel it-tranżazzjoni ta’ skambju, iżda li, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar il-Mergers, ġie ostakolat milli jeżerċitaha f’din l-okkażjoni, li jħares il-kompetenza fiskali tiegħu u li jeżerċitaha sussegwentement, jiġifieri fid-data tat-trasferiment tat-titoli rċevuti inkambju, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domandi fil-Kawżi C-327/16 u C-421/16 għandha tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Mergers għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, skont liema l-qligħ kapitali minn tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli li taqa’ taħt din id-direttiva huwa kkonstatat fl-okkażjoni ta’ din it-tranżazzjoni, iżda t-tassazzjoni tiegħu hija posposta sas-sena li matulha jseħħ l-avveniment li jtemm dan il-posponiment tat-tassazzjoni, f’dan il-każ it-trasferiment tat-titoli rċevuti inkambju.

 Fuq it-tieni domandi

57      Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawżi C-327/16 u C-421/16, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Mergers għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali relatat ma’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli, liema tassazzjoni ġiet posposta, mat-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju, minkejja li dan it-trasferiment ma jaqax taħt il-kompetenza fiskali ta’ dan l-Istat Membru.

58      Bħalma jirriżulta mill-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva dwar il-Mergers jirriżulta li l-imperattiv ta’ newtralità fiskali previst fl-okkażjoni tat-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 8 ma jostakolax lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju bl-istess mod bħall-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tat-titoli eżistenti qabel l-akkwist.

59      Dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) għaldaqstant jirrikonoxxi d-dritt tal-Istati Membri li għandhom il-kompetenza fiskali fuq il-qligħ kapitali relatat mat-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli, iżda li, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 8, ġew ostakolati milli jeżerċitaw din il-kompetenza matul din it-tranżazzjoni ta’ skambju, li jeżerċitawha fid-data tat-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju.

60      Dan ingħad, bħalma semma l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva dwar il-Mergers ma tarmonizzax il-kriterji ta’ tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, hija ma tirregolax l-attribuzzjoni tas-setgħa ta’ tassazzjoni ta’ tali qligħ kapitali.

61      Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddeterminaw, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-kriterji għat-tqassim tal-kompetenza fiskali tagħhom, sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-qligħ kapitali mit-tranżazzjonijiet ta’ skambju ta’ titoli kkonċernati jaqa’, skont id-dritt nazzjonali u d-dritt konvenzjonali, taħt il-kompetenza fiskali tar-Repubblika Franċiża.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li d-Direttiva dwar il-Mergers, bħalma jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, ma tipprekludix li t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali mit-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli tkun posposta sat-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju, din id-direttiva ma tipprekludix lill-Istat Membru kkonċernat milli jintaxxa dan il-qligħ kapitali fl-okkażjoni ta’ dan it-trasferiment.

64      Is-sempliċi ċirkustanza li t-trasferiment tat-titoli rċevuti inkambju jaqa’ taħt il-kompetenza fiskali ta’ Stat Membru differenti minn dak li għandu l-kompetenza fiskali fuq il-qligħ kapitali mit-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli, bħalma jirriżulta mill-punti 69 sa 71 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ma jistax iċaħħad lit-tieni Stat Membru mid-dritt tiegħu li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fuq qligħ kapitali mnissel fil-qafas tal-kompetenza fiskali tiegħu.

65      Din il-konstatazzjoni hija konformi wkoll mal-prinċipju ta’ territorjalità fiskali assoċjat ma’ element ratione temporis, irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema Stat Membru għandu d-dritt jintaxxa l-qligħ kapitali mnissel fil-qafas tal-kompetenza fiskali tiegħu, intiż li jħares it-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula fil-Kawżi C-327/16 u C-421/16 għandha tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Mergers għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali relatat ma’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli, liema tassazzjoni ġiet posposta, mat-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju, minkejja li dan l-istess trasferiment ma jaqax taħt il-kompetenza fiskali ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq it-tielet sal-ħames domanda fil-Kawża C-421/16

67      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat, bħalma jirriżulta mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li M. Lassus, fid-data tat-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kellu r-residenza fiskali tiegħu fir-Renju Unit. Madankollu, skont il-Konvenzjoni Franċiża-Brittanika, ġie assimilat ma’ persuna taxxabbli li għandha l-ishma li tgħix Franza, b’tali mod li l-qligħ kapitali minn din it-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli kien jaqa’ taħt il-kompetenza fiskali ta’ dan l-Istat Membru.

68      Minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-telf sostnut matul sena partikolari għandha ssir tpaċija tiegħu mal-qligħ kapitali tal-istess natura magħmul matul l-istess sena jew fil-ħames snin segwenti. Issa, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li t-telf ikkonċernat ġie sostnut f’dan it-terminu ta’ ħames snin.

69      Matul is-seduta, il-Gvern Franċiż ppreċiża li ma jkunx hemm tpaċija ta’ eventwali telf magħmul fit-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti mal-qligħ kapitali li t-tassazzjoni tiegħu ġiet posposta f’sitwazzjoni meta, fil-mument ta’ dan it-trasferiment, il-persuna taxxabbli li għandha dawn it-titoli ma jkollhiex ir-residenza fiskali tagħha fi Franza.

70      Għaldaqstant, permezz tat-tielet sal-ħames domanda fil-Kawża C-421/16, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva dwar il-Mergers u l-Artikolu 49 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, f’sitwazzjoni meta t-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju ma jaqax taħt il-kompetenza fiskali ta’ dan l-Istat Membru, tipprevedi t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali li t-tassazzjoni tiegħu ġiet posposta fl-okkażjoni ta’ dan it-trasferiment mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni eventwali telf sostnut f’din l-okkażjoni, filwaqt li tali telf jittieħed inkunsiderazzjoni meta l-persuna taxxabbli li għandha titoli għandha r-residenza fiskali tagħha fl-imsemmi Stat Membru fid-data tal-imsemmi trasferiment. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, jekk ikun il-każ, liema huma l-metodi ta’ tpaċija u l-kalkolu ta’ dan it-telf.

71      Għandu jitfakkar li t-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar il-Mergers jikkostitwixxu metodu partikolari tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, li huwa importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u jikkostitwixxu għalhekk attivitajiet ekonomiċi li għalihom l-Istati Membri huma marbuta li josservaw din il-libertà (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, A, C-292/16, EU:C:2017:888, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Madankollu, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 78, 100 u 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva dwar il-Mergers la tirregola l-kwistjoni dwar it-tpaċija possibbli ta’ telf eventwali sostnut waqt it-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju u lanqas dik dwar il-metodi ta’ tali tpaċija u tal-kalkolu tagħha. Il-kwistjonijiet dwar tali tpaċija jaqgħu għaldaqstant taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ, iktar partikolari, tal-Artikolu 49 TFUE.

73      Konsegwentement, hemm lok li l-imsemmija domandi jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE.

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, A, C-292/16, EU:C:2017:888, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-mument tat-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju, M. Lassus kien persuna taxxabbli li kellu titoli mhux residenti, b’tali mod illi ma setax jagħmel tpaċija ta’ eventwali telf sostnut f’dan it-trasferiment mal-qligħ kapitali mill-iskambju u li t-tassazzjoni tiegħu ġiet posposta, filwaqt li, li kieku kien persuna taxxabbli li kellu titoli residenti, huwa kien ikun jista’ jagħmel din it-tpaċija.

76      Tali differenza fit-trattament, skont jekk fil-mument tat-trasferiment tat-titoli rċevuti inkambju, il-persuna taxxabbli li għandha titoli għandhiex ir-residenza fiskali tagħha fl-Istat Membru kkonċernat jew le, tista’ tostakola u tagħmel inqas attraenti, fil-konfront tal-persuni taxxabbli li għandhom titoli mhux residenti, it-tranżazzjonijiet ta’ ristrutturar tal-kumpanniji li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar il-Mergers u, għaldaqstant, tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment.

77      Dan l-ostakolu jista’ jiġi aċċettat biss jekk jikkonċerna s-sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk jista’ jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni. Huwa wkoll neċessarju, f’din l-ipoteżi, li dan ikun xieraq sabiex jiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li dan ma jeċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, A, C-292/16, EU:C:2017:888, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Fir-rigward tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tintaxxa qligħ kapitali minn skambju ta’ titoli li huwa mnissel fil-mument li M. Lassus kien assimilat ma’ persuna taxxabbli li għandha r-residenza fiskali tagħha fi Franza. Fil-konfront ta’ tali tassazzjoni, li hija posposta sal-mument tat-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju, is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli li għandha titoli mhux residenti fil-mument tat-trasferiment, bħal dik ta’ M. Lassus, hija oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ persuna taxxabbli li għandha titoli residenti fil-mument ta’ dan l-istess trasferiment.

79      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ostakolu inkwistjoni jistax jiġi ġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni, il-Gvern Franċiż jqis li r-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta mat-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri tista’ tiġġustifika tali ostakolu.

80      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ħarsien tat-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri huwa għan leġittimu rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 45).

81      Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħalma kkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-għan ma jistax jiġġustifika tali ostakolu, għaliex hija biss l-kompetenza fiskali tar-Repubblika Franċiża li hija inkwistjoni.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma differenti minn dawk fil-kawżi li taw lok għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ tal-qligħ kapitali, bħas-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785). Fil-fatt, il-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet tirrigwarda l-posponiment tal-irkupru tat-taxxa, jiġifieri dejn fiskali li kien ġie ddeterminat b’mod finali fid-data li fiha l-persuna taxxabbli, minħabba t-trasferiment tar-residenza tagħha, ma kinitx għadha suġġetta għat-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini, u mhux, bħal fil-kawża prinċipali, posponiment ta’ taxxa. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 61 tas-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C-371/10, EU:C:2011:785), li l-eventwali nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ telf mill-Istat Membru ospitanti ma jimponi ebda obbligu, għall-Istat Membru ta’ oriġini, li jevalwa mill-ġdid fid-data tat-trasferiment finali tal-ishma l-ġodda dejn fiskali li ġie ddeterminat b’mod finali fid-data li fiha l-persuna taxxabbli, minħabba t-trasferiment tar-residenza tagħha, ma kinitx għadha suġġetta għat-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini.

83      Issa, il-posponiment tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sat-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju għandu bħala effett li dan il-qligħ kapitali, minkejja l-fatt li dan ġie kkonstatat matul it-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli, huwa ntaxxat biss fid-data ta’ dan it-trasferiment sussegwenti. Dan jimplika li l-Istat Membru kkonċernat jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fuq l-imsemmi qligħ kapitali fil-mument li jseħħ it-telf inkwistjoni. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali telf jidħol, bħalma indikat il-Kummissjoni Ewropea, korrispondentement, fl-obbligu ta’ dan l-Istat Membru li bi ħsiebu jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fuq dan l-istess qligħ kapitali li sar effettivament taxxabbli fid-data tal-imsemmi trasferiment.

84      Għaldaqstant, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, f’sitwazzjoni meta t-trasferiment sussegwenti ta’ titoli rċevuti inkambju ma jaqax taħt il-kompetenza fiskali ta’ dan l-Istat Membru, tipprevedi t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali li t-tassazzjoni tiegħu ġiet posposta fl-okkażjoni ta’ dan it-trasferiment mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni eventwali telf sostnut f’din l-okkażjoni, minkejja li tieħu inkunsiderazzjoni tali telf meta l-persuna taxxabbli li għandha titoli jkollha r-residenza fiskali tagħha fl-imsemmi Stat Membru fid-data tal-imsemmi trasferiment.

85      F’dak li jirrigwarda l-metodi dwar it-tpaċija u l-kalkolu tat-telf inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li d-dritt tal-Unjoni, bħalma jirriżulta mill-punt 72 ta’ din is-sentenza, ma jipprevedix tali metodi, huma l-Istati Membri li għandhom, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, f’dan il-każ, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 49 TFUE, jipprevedu tali metodi.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet sal-ħames domanda fil-Kawża C-421/16 għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, f’sitwazzjoni meta t-trasferiment sussegwenti ta’ titoli rċevuti inkambju ma jaqax taħt il-kompetenza fiskali ta’ dan l-Istat Membru, tipprevedi t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali li t-tassazzjoni tiegħu ġiet posposta fl-okkażjoni ta’ dan it-trasferiment mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni eventwali telf sostnut f’din l-okkażjoni, minkejja li tieħu inkunsiderazzjoni tali telf meta l-persuna taxxabbli li għandha titoli jkollha r-residenza fiskali tagħha fl-imsemmi Stat Membru fid-data tal-imsemmi trasferiment. Huma l-Istati Membri li għandhom, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, f’dan il-każ, b’mod iktar partikolari, tal-libertà ta’ stabbiliment, jipprevedu metodi dwar it-tpaċija u l-kalkolu ta’ dan it-telf.

 Fuq l-ispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attivi u l-iskambji ta’ l-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bl-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja, adattat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 95/1/KE, Euratom, KEFA tal-1 ta’ Jannar 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru skont liema l-qligħ kapitali minn tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli li taqa’ taħt din id-direttiva huwa kkonstatat fl-okkażjoni ta’ din it-tranżazzjoni, iżda t-tassazzjoni tiegħu hija posposta sas-sena li matulha jseħħ l-avveniment li jtemm dan il-posponiment tat-tassazzjoni, f’dan il-każ it-trasferiment tat-titoli rċevuti inkambju.

2)      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 90/434, kif emendata bl-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja, adattat bid-Deċiżjoni 95/1, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali relatat ma’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli, liema tassazzjoni ġiet posposta, mat-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti inkambju, minkejja li dan l-istess trasferiment ma jaqax taħt il-kompetenza fiskali ta’ dan l-Istat Membru.

3)      L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, f’sitwazzjoni meta t-trasferiment sussegwenti ta’ titoli rċevuti inkambju ma jaqax taħt il-kompetenza fiskali ta’ dan l-Istat Membru, tipprevedi t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali li t-tassazzjoni tiegħu ġiet posposta fl-okkażjoni ta’ dan it-trasferiment mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni eventwali telf sostnut f’din l-okkażjoni, minkejja li tieħu inkunsiderazzjoni tali telf meta l-persuna taxxabbli li għandha titoli jkollha r-residenza fiskali tagħha fl-imsemmi Stat Membru fid-data tal-imsemmi trasferiment. Huma l-Istati Membri li għandhom, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, f’dan il-każ, b’mod iktar partikolari, tal-libertà ta’ stabbiliment, jipprevedu metodi dwar it-tpaċija u l-kalkolu ta’ dan it-telf.

Firem

Silva de Lapuerta

Lenaerts

Fernlund

Arabadjiev

 

Regan

Sentenza mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Marzu 2018.

Ir-Reġistratur

 

Il-President tal-Ewwel Awla

A. Calot Escobar

 

R. Silva de Lapuerta


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.