Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 90/435/CEE – Artikolu 1(2) – Artikolu 5 – Kumpannija omm – Holding – Taxxa f’ras il-għajn ta’ profitti mqassma lil kumpannija omm holding mhux residenti – Eżenzjoni – Evażjoni, evitar u abbuż f’materja fiskali – Preżunzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C-504/16 u C-613/16,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-8 ta’ Lulju u tal-31 ta’ Awwissu 2013, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit-23 ta’ Settembru u t-28 ta’ Novembru 2016, fil-proċeduri

Deister Holding AG, li kienet Traxx Investments NV (C-504/16),

Juhler Holding A/S (C-613/16)

vs

Bundeszentralamt für Steuern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. G. Fernlund (Relatur), Proeident tal-Awla, J.C. Bonichot u E. Regan, Inmħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deister Holding AG, minn J. Schönfeld u C. Süß, Rechtsanwälte,

–        għal Juhler Holding A/S, minn A. Stange, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, kif ukoll minn E. de Moustier u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz u H. Shev, kif ukoll minn F. Bergius u L. Swedenborg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u M. Wasmeier, bħala aġenti,

–        wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49TFUE kif ukoll tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE tat-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3) (iktar 'il quddiem id-“Direttiva ommijiet-sussidjarji”).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn rispettivament Deister Holding AG, li kienet Traxx Investments NV (iktar 'il quddiem “Traxx”), u Juhler Holding A/S u, min-naħa l-oħra, il-Bundeszentralamt für Steuern (l-Uffiċċju Ċentrali Federali tat-Taxxi, il-Ġermanja), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jeżenta mit-taxxa f’ras il-għajn id-dividendi riċevuti mis-sussidjarji Ġermaniżi tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        It-tielet u l-ħames premessa tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji tistipula:

“Billi d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji ġenituri u s-sussidjarji tagħhom fl-Istati Membri differenti ivarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u huma ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għall-kumpanniji ġenituri u s-sussidjari fl-istess Stat Membru; billi l-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti tiġi b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl-istess Stat Membru; billi huwa meħtieġ li jiġi eliminat dan l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji;

[...]

Billi huwa barra minn hekk meħieġ, sabiex tiġi żgurata n-newtralità fiskali, illi l-profitti li kumpanija sussidjarja tqassam lill-kumpanija ġenitur tagħha jiġu eżentati mit-taxxa [...]”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Kull wieħed mill-Istati Membri għandu japplika din id-Direttiva:

–        għat-tqassim tal-qligħ irċevut mill-kumpanji ta’ dan l-Istat li jkun ġej mill-kumpanniji sussidjarji fl-Istati Membri l-oħra,

–        għat-tqassim tal-qligħ mill-kumpanniji ta’ dan l-Istat lill-kumpanniji fl-Istati Membri l-oħra li tagħhom il-kumpanniji ta’ l-Istat ta’ l-ewwel ikunu sussidjarji,

[...]

2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew dawk imsejsa fuq ftehim meħtieġa għall-prevenzjoni tal-frodi jew l-abbuż.”

5        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘kumpannija ta’ Stat Membru’ għandha tfisser kull kumpannija li:

a)      tieħu waħda mill-għamliet elenkati fil-lista fl-Anness ta’ ma’ hawn;

b)      skond il-liġijiet tat-taxxi ta’ Stat Membru hija kkunsidrata bħala residenti f'dan l-Istat għall-għanijiet tat-taxxa u, skond it-termini ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż ma Stat terz, ma tkunx ikkunsidrata bħala residenti barra mill-Komunità għall-għanijiet tat-taxxa;

ċ)      barra minn hekk, tkun bla ħsara għal waħda mit-taxxi li ġejjin, mingħajr il-possibbilità tal-għażla jew li tiġi eżentata minnhom:

[...]

–        Selskabsskat fid-Danimarka,

–        il-Körperschaftsteuer fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

[...]

–        il-vennootschapsbelasting fl-Olanda,

[...]”

6        L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva tistabbilixxi:

“1.      Għall-għanijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:

a)      l-istatus tal-kumpannija parent għandu jiġi attribwit għall-inqas lil kull kumpannija ta’ Stat Membru li twettaq il-kondizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 2 u li jkollha sehem minimu ta’ 20 % fil-kapital ta’ kumpannija ta' Stat Membru ieħor li jwettaq l-istess kondizzjonijiet;

dan l-istatus għandu jiġi attribwit ukoll, taħt l-istess kondizzonijiet, lil kumpannija ta’ Stat Membru li jkollha s-sehem ta’ 20 % ta’ kumpannija ta’ l-istess Stat Membru, miżmum fl-intier tiegħu jew f’parti minnu minn stabbiliment permanenti tal-kumpannija ta’ qabel lokata fi Stat Membru ieħor;

mill-1 ta’ Jannar 2007 il-perċentwal minimu tas-sehem għandu jkun ta’ 15 %;

mill-1 ta’ Jannar 2007 [2009] il-perċentwal minimu tas-sehem għandu jkun ta’ 10 %;

b)      ‘sussidjarja’ għandha tfisser dik il-kumpannija li l-kapital tagħha jinkludi s-sehem riferit fil-(a).

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandu jkollhom il-għażla li:

–        jibdlu, permezz ta’ ftehim bilaterali, il-kriterju taż-żamma ta’ sehem fil-kapital bil-kriterju ta’ żamma ta’ sehem bid-drittijiet għall-vot,

–        li ma japplikawx din id-Direttiva għall-kumpanniji ta’ dan l-Istat Membru li għal perjodu taż-żmien mhux interrott ta’ mill-inqas sentejn rigward iż-żamma ta’ l-ishma li jikkwalifikawhom bħala kumpanniji ġenitur jew għal dawk mill-kumpanniji tagħhom li fihom kumpannija ta’ Stat Membru ieħor ma jżommux ishma minn dawn għal-perjodu taż-żmien mhux interrott ta’ mill-inqas sentejn.”

7        Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji:

“Il-profitti li sussidjarja tqassam lill-kumpannija parent għandhom ikunu eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn.”

8        L-anness ta’ din id-direttiva, intitolat “Lista ta’ Kumpanniji Msemmija fl-Artikolu 2(1)(A)”, issemmi:

“a)      kumpanniji inkorporati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ kumpannija Ewropea (SE) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 36, p. 194] u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpannija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 272] u soċjetajiet kooperattivi inkorporati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 280] u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplementa l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward ta’ linvolviment ta’ l-impjegati [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 338];

[...]

e)      kumpanniji taħt il-liġi Daniża magħrufa bħala ‘aktieselskab’ u ‘anpartsselskab’. Kumpanniji oħra soġġetti għat-taxxa taħt l-Att dwar Taxxa Korporattiva, safejn id-dħul taxxabbli tagħhom jiġi kkalkulat u intaxxat skond irregoli tal-leġislazzjoni tat-taxxa ġenerali applikabbli għal ‘aktieselskaber’;

f)      kumpanniji taħt il-liġi Ġermaniża magħrufa bħala ‘Aktiengesellschaft’, ‘Kommanditgesellschaft auf Aktien’, ‘Gesellschaft mit beschränkter Haftung’, ‘Versicherungsverein auf Gegenseitigkeit’, ‘Erwerbs- und Wirtschaftsgenossenschaft’, ‘Betriebe gewerblicher Art von juristischen Personen des öffentlichen Rechts’, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Ġermaniża soġġetti għat-taxxa korporattiva Ġermaniża;

(g)      kumpanniji taħt il-liġi Olandiża magħrufa bħala ‘naamloze vennnootschap’, ‘besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid’, ‘Open commanditaire vennootschap’, ‘Coöperatie’, ‘onderlinge waarborgmaatschappij’, ‘Fonds voor gemene rekening’, ‘vereniging op coöperatieve grondslag’, ‘vereniging welke op onderlinge grondslag als verzekeraar of kredietinstelling optreedt’, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Olandiża soġġetti għat-taxxa korporattiva Olandiża;

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

9        L-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża fil-kawża prinċipali (iktar 'il quddiem l-”EStG”), tipprovdi fl-Artikolu 36 tiegħu:

“(1)      Ħlief kif provdut xort’oħra f’din il-liġi, it-taxxa fuq id-dħul titħallas fl-aħħar tal-perijodu ta’ tassazzjoni.

(2)      Għandu jsir tpaċija fuq it-taxxa fuq id-dħul fuq:

1.      il-pagamenti mħallsa fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul għall-perijodu tat-taxxa (Artikolu 37);

2.      it-taxxa fuq id-dħul miġbura permezz ta’ taxxa minn ras il-għajn, sa fejn din taffettwa d-dħul ikkunsidrat għall-iskop li tiġi stabbilita t-taxxa jew id-dħul li, skont l-Artikolu 3(40) ta’ din il-liġi, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8b(1) u (6) tal-Körperschaftssteuergesetz [il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpanniji] ma għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tad-dħul u fejn ir-rimbors ma ntalabx jew ma sarx. It-taxxa fuq id-dħul miġbura permezz ta’ tnaqqis fiskali ma hijiex attribwibbli jekk id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(a)(2) u (3) ma ġietx sottomessa. Fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8b(6) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpanniji, huwa biżżejjed, sabiex it-tpaċija ssir, li jiġi prodott iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 45a(2) jew (3), maħruġ lill-kreditur tad-dħul mill-kapital.

(3)      L-ammonti tat-taxxa msemmija fit-tieni subparagrafu (2) tal-paragrafu 2 għandhom jiġu arrotondati għall-euro. Fir-rigward tat-taxxi minn ras il-għajn, l-ammonti totali ta’ taxxa waħda hija arrotondata.
(4)      Jekk jirriżulta, wara għadd, eċċess għad-detriment tal-persuna taxxabbli, dan tal-aħħar (il-persuna taxxabbli) irid iħallas immedjatament sa fejn l-eċċess jikkorrispondi għal taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul diġà pagabbli, iżda li għadu ma tħallasx; f’każijiet oħra, huwa għandu jitħallas fix-xahar ta’ wara l-avviż tat-taxxa (ħlas finali). Jekk jirriżulta, wara għadd, li hemm eċċess favur il-persuna taxxabbli, dan l-eċċess għandu jitħallas wara n-notifika tal-avviż tat-taxxa. [...]”

10      L-ewwel subparagrafu (1) tal-Artikolu 43(1) tal-EStG jipprevedi:

“Il-kategoriji li ġejjin ta’ dħul tal-kapital domestiku u, fil-każijiet imsemmija fil-punt 6, fil-punt 7(a) u fil-punti 8 sa 12, kif ukoll fit-tieni sentenza, minn sors barrani, jagħtu lok għal taxxa minn ras il-għajn:

1.      dħul mill-kapital skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1)(1) u (2). Dan il-punt għandu japplika mutatis mutandis għal dħul minn kapital, fis-sens tal-l-ewwel sentenza (2)(a) tal-Artikolu 20(2), u tieni sentenza tal-punt 2;

[...]”

11      Skont l-Artikolu 43b(1) tal-EStG, fuq talba tal-persuna taxxabbli, it-taxxa fuq id-dħul ta’ kapital ma tkunx imposta fuq id-dħul ta’ kapital, fis-sens tal-Artikolu 20(1)(1) tal-EStG, riċevuti kumpannija omm li la s-sede u lanqas it-tmexxija tagħha ma jinsabu fit-territorju nazzjonali u jiġu mid-distribuzzjoni ta’ dividendi ta’ sussidjarja.

12      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43b(2) tal-EStG, huwa mifhum b’“kumpannija omm” fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 43b, kumpannija li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness 2 ta’ din il-liġi u li, skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva [90/435], kif emendata bid-Direttiva [2006/98], fiż-żmien tal-ħolqien tat-taxxa fuq id-dħul fuq id-dħul minn kapital skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tal-EStG tista’ turi li hija għandha fil-kapital tas-sussidjarja sehem dirett ta’ 15 % mill-inqas.

13      Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 43b(2) tal-EStG jipprevedi li għandu jintwera wkoll li s-sehem inżamm mingħajr interruzzjoni għal tnax-il xahar.

14      L-Artikolu 50d(3) tal-EStG jipprovdi:

“Kumpannija barranija ma hijiex intitolata għal tnaqqis, sħiħ jew parzjali, taħt il-paragrafi 1 jew 2 fejn l-ishma f’din il-kumpannija huma miżmuma minn persuni li ma jkunux intitolati għal rimbors jew l-eżenzjoni jekk irċevew d-dħul direttament, u

(1)      ma jkunx hemm raġunijiet ekonomiċi jew raġunijiet importanti oħra li jiġġustifikaw l-involviment tal-kumpannija barranija jew

(2)      li l-kumpannija omm barranija ma tkunx tiġġenera iktar minn 10 % tad-dħul gross totali tagħha għas-sena finanzjarja kkonċernata permezz tal-attività ekonomika tagħha stess jew

(3)      meta l-kumpannija barranija ma tkunx tipparteċipa fl-attività ekonomika ġenerali ma’ impriża adegwatament organizzata fid-dawl tal-għan soċjali tagħha.

Hija biss is-sitwazzjoni tal-kumpannija barranija li hija deċiżiva; peress li l-karatteristiċi organizzattivi, ekonomiċi jew karatteristiċi oħra importanti tal-impriżi li għandhom rabtiet mal-kumpannija barranija (l-Artikolu 1(2) tal-Außensteuergesetz (il-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet Fiskali mal-Barranin)) ma humiex ikkunsidrati. Ma hemmx attività ekonomika proprja meta l-kumpannija barranija tieħu dħul gross mill-ġestjoni ta’ attivi jew tittrasferixxi l-attivitajiet prinċipali tagħha lil terzi. [...]”

15      L-Artikolu 42 tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxi) jistabbilixxi:

“(1)      Il-liġi tat-taxxa ma tistax tiġi evitata b’użu abbużiv ta’ skemi previsti mil-leġiżlazzjoni. Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dispożizzjoni fiskali sabiex tiġi miġġielda l-evitar tat-taxxa jkunu ssodisfatti, il-konsegwenzi legali huma ddeterminati mill-imsemmija dispożizzjoni. F’każijiet oħra fejn ġie stabbilit abbuż, fis-sens tal-paragrafu 2, it-taxxa dovuta għandha titħallas taħt l-istess kundizzjonijiet bħal taħt l-iskema ġuridika xierqa għat-tranżazzjonijiet ekonomiċi.

(2)      Jitwettaq abbuż fejn tintgħażel skema legali mhux xierqa, li jagħti lill-persuna taxxabbli jew lil terz benefiċċju tat-taxxa mhux previst mil-liġi fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ skema ġuridika xierqa. Din ir-regola ma tapplikax jekk il-persuna taxxabbli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ raġunijiet mhux fiskali għall-għażla tal-arranġament, li għandha titqies fid-dawl tas-sitwazzjoni kollha tagħha.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

16      Mid-deċiżjoni tar-rinviju dwar il-Kawża C-504/16 jirriżulta li Deister Holding hija s-suċċessur universali ta’ Traxx, li kellha s-sede tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-attività ta’ din il-kumpannija tal-aħħar kienet prinċipalment tikkonsisti f’li żżomm ishma f’diversi kumpanniji stabbiliti fi Stati differenti u li tiżgura l-finanzjament tagħhom, fosthom billi tipprovdi self lil kumpanniji tal-grupp ikkonċernat.

17      Mill-2005, Traxx kellu sehem ta’ 26.5 % għall-inqas f’Deister electronik GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż. Minn Marzu 2007, Traxx kellha uffiċċju mikri fil-Pajjiżi l-Baxxi u impjegat żewġ kollaboraturi matul l-2007 u l-2008. L-uniku azzjonist ta’ Traxx, is-Sur Stobbe, kien iddomiċiljat fil-Ġermanja.

18      Fid-19 ta’ Novembru 2007, Deister electronik qassmet dividendi lil Traxx, li fuqhom l-ewwel waħda minn dawn il-kumpaniji ġabret it-taxxa fuq id-dħul tal-kapital u s-suppliment u ħallas l-ammonti ta’ dawn lill-amministrazzjoni fiskali. Fis-16 ta’ Mejju 2008, Traxx talbet li din id-distribuzzjoni ta’ dividendi tiġi eżentata minn din it-taxxa u suppliment.

19      Peress li din l-amministrazzjoni opponiet deċiżjoni li tiċħad din it-talba kif ukoll għall-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni, Deister Holding bħala suċċessur legali ta’ Traxx, ippreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), billi invokat l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mal-libertà ta’ stabbiliment u d-Direttiva ommijiet-sussidjarji.

20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju dwar il-Kawża C-504/16 jirriżulta li Juhler Holding hija kumpannija holding li għandha s-sede tagħha fid-Danimarka. Il-kapital ta’ din tal-aħħar huwa miżmum 100 % minn Juhler Services Limited, kumpannija rregolata mid-dritt Ċiprijott. L-azzjonist uniku ta’ din l-aħħar kumpannija hija persuna fiżika stabbilita f’Singapor.

21      Juhler Holding għandha ishma f’iktar minn 25 sussidjarja, li wħud minnhom għandhom ukoll is-sede tagħhom fid-Danimarka, Stat Membru fejn hija stabbilita. Il-grupp ikkonċernat jipprovdi provvisti ta’ servizzi ta’ persunal disponibbli, għal terz tal-volum tagħhom f’dan l-Istat Membru. Mis-sena 2003, Juhler Holding kellha sehem ta’ 100 % fil-kapital ta’ temp-team Personal GmbH, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja.

22      Minn din id-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Juhler Holding kellha, barra minn hekk, patrimonju immobbiljari, li din il-kumpannija hija responsabbli għall-kontroll finanzjarju tal-grupp, sabiex ittejjeb l-ispiża ta’ interessi ta’ din tal-aħħar, li hija tissorvelja u tikkontrolla r-riżultati tas-sussidjarji varji tagħha u li għandha linja tat-telefon u indirizz elettroniku. Fuq is-sir internet ta’ dan il-grupp, hija tinsab fost il-kuntatti. Min-naħa l-oħra, din il-kumpannija ma għandhiex l-uffiċċji tagħha stess. Jekk meħtieġ, tuża bini, tagħmir u persunal minn kumpaniji oħra tal-istess grupp. Fl-aħħar nett, id-direttur ta’ Juhler Holding huwa wkoll membru tal-bordijiet ta’ diversi kumpaniji tal-istess grupp.

23      Matul l-2011, Juhler Holding irċeviet dividendi minn temp-team Personal. Peress li dawn id-dividendi kienu suġġetti għal taxxa minn ras il-għajn kif ukoll għas-suppliment ta’ solidarjetà, l-ewwel waħda minn dawn il-kumpaniji talbet ir-rimbors. Peress li l-amministrazzjoni fiskali opponiet deċiżjoni li tiċħad din it-talba u l-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni, Juhler Holding ippreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln), billi invokat l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bil-libertà ta’ stabbiliment u d-Direttiva ommijiet-sussidjarji.

24      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli fiż-żewġ kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tispeċifika, fl-ewwel lok, li kuntrarjament għall-opinjoni tal-amministrazzjoni fiskali, huwa l-Artikolu 50d(3) tal-EStG fil-verżjoni li tirriżulta mill-Jahressteuergesetz 2007 (il-Liġi Fiskali Annwali tal-2007), tat-13 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. 2006–I, p. 2878), li tapplika. Barra minn hekk, f’każ ta’ inkompatibbiltà ta’ dan l-artikolu mad-dritt tal-Unjoni, minkejja l-Artikolu 42 tal-Kodiċi tat-Taxxa, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż f’sitwazzjonijiet domestiċi, għandu jsir ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25      L-imsemmija qorti tesponi, fit-tieni lok li, skont id-dritt nazzjonali, id-dividendi mqassma minn kumpannija sussidjarja Ġermaniża lill-kumpannija omm mhux residenti tagħha huma, jew fuq talba tal-persuna taxxabbli eżenti mit-taxxa fuq id-dħul, jew suġġetti għal taxxa minn ras il-għajn, li, fuq talba tal-persuna taxxabbli, tista’ tiġi rrimborsata.

26      Madankollu, skont l-Artikolu 50d(3) tal-EStG, id-dritt għall-eżenzjoni jew għar-rimbors huwa eskluż meta, minn naħa, l-azzjonisti tal-kumpannija omm mhux residenti ma għandhomx dritt għall-eżenzjoni jew għar-rimbors, jekk irċevew dawn id-dividendi direttament, u li, min-naħa l-oħra, waħda mit-tliet kundizzjonijiet li ġejjin hija ssodisfatta, jiġifieri, jekk ma jkunx hemm raġunijiet ekonomiċi jew raġunijiet importanti oħra għall-interpożizzjoni tal-kumpannija omm mhux residenti, jekk il-kumpannija omm mhux residenti ma tiħux iktar minn 10 % tad-dħul gross totali tagħha għas-sena fiskali kkonċernata tal-attività ekonomika tagħha stess (b’mod partikolari ma huwiex meħud mill-attività ekonomika stess ta’ din il-kumpannija dħul li ġej mill-ġestjoni tal-attiv) jew jekk il-kumpannija omm mhux residenti ma tkunx ħadet sehem fl-attività ekonomika ġenerali ma’ impriża organizzata b’mod adegwat, fid-dawl tal-għan soċjali tagħha.

27      Din l-istess qorti tispeċifika li, sabiex jiġi evalwat jekk il-kumpannija omm mhux residenti teżerċitax attività ekonomika proprja, din il-leġiżlazzjoni tikkunsidra biss is-sitwazzjoni tal-kumpannija omm mhux residenti. Il-karatteristiċi organizzattivi, ekonomiċi jew il-karatteristiċi oħra importanti tal-impriżi kumpaniji li għandhom rabtiet ma’ din il-kumpannija ma humiex ikkunsidrati. Dan ma jqisx l-istruttura u l-istrateġija tal-grupp li għalih din il-kumpannija tappartjeni. Konsegwentement, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50d(3) tal-EStG sitwazzjonijiet fejn, f’dan il-grupp, l-ishma jkunu marru b’mod permanenti f’kumpannija omm holding mhux residenti u fejn dan jikkorrispondi għal strateġija reali tal-grupp ikkonċernat.

28      Madankollu, fil-każ ta’ kumpannija omm holding residenti li l-attività hija limitata, l-eżistenza ta’ interpożizzjoni sostenibbli tkun biżżejjed għal tali kumpannija sabiex tingħata t-tpaċija jew ir-rimbors tat-taxxa.

29      Barra minn hekk, minbarra l-ġestjoni tal-assi, il-ġestjoni attiva ta’ kumpannija ta’ leasing, ta’ kiri, ta’ investiment u ta’ finanzjament jew ta’ kumpannija holding ma huwiex, fil-każ ta’ kumpannija omm mhux residenti, titqies bħala li tikkostitwixxi attività ekonomika tagħha stess, fis-sens tal-Artikolu 50d(3) tal-EStG.

30      Barra minn hekk, sabiex l-eżenzjoni jew ir-rimbors tat-taxxa jiġi rrifjutat, huwa biżżejjed, skont il-qorti, li l-kumpannija omm mhux residenti tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 50d(3) tal-EStG. F’dan il-każ, il-leġiżlatur Ġermaniż jippreżumi, mingħajr ma jkun possibbli li jikkonfuta din il-preżunzjoni, li hija skema mhux xierqa.

31      Din il-qorti tiddubita l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-libertajiet ta’ moviment u D-direttiva ommijiet-sussidjarja. F’dan il-kuntest, hija tqis li ż-żewġ kawżi prinċipali jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment, ladarba l-kumpanniji omm kkonċernati li għandhom sehem li jiggarantulhom influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tas-sussidjarja Ġermaniża tagħhom.

32      L-imsemmija qorti tqis li l-Artikolu 50d(3) tal-EStG jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u hija tiddubita li r-raġuni ta’ interess ġenerali marbuta mal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa tista’ tiġġustifika dan l-ostakolu, peress li, minn naħa, taqa’ taħt dan l-artikolu kumpannija mhux residenti li ma tkunx ir-riżultat ta’ skema purament artifiċjali, nieqsa minn realtà ekonomika u li, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi artikolu jistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli ta’ abbuż jew ta’ frodi.

33      Fir-rigward tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li hemm diskrepanza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 1(2) tagħha, billi l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu fil- verżjoni bil-lingwa Ġermaniża – kuntrarjament għal dik ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra bħalma huma l-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Ingliża, Franċiża jew bit-Taljana – ma għandhiex il-kelma “meħtieġa”. Din il-qorti tqis li, minkejja din id-diverġenza, il-kunċett ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt primarju tal-Unjoni.

34      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemu u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment identiċi fiż-żewġ kawżi:

“1)      L-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE (illum l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE), jipprekludi dispożizzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta l-eżenzjoni ta’ ħlasijiet ta’ dividendi mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital lil kumpannija omm barranija li l-uniku azzjonist tagħha għandu r-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali [Kawża C-504/16] [(lil kumpannija omm barranija spearata fit-tul bħal kumpannija holding fi ħdan grupp li jeżerċita attività fl-Istat fejn għandha s-sede tagħha)] meta l-ishma f’din il-kumpannija jkunu miżmuma minn persuni li ma jkollhomx dritt għar-rimbors jew għall-eżenzjoni jekk huma jirċievu d-dħul direttament, u

–        meta ma jkunx hemm raġunijiet ekonomiċi jew raġunijiet importanti oħra li jiġġustifikaw l-interpożizzjoni tal-kumpannija barranija, jew

–        meta l-kumpannija omm barranija ma tkunx tiġġenera iktar minn 10 % tad-dħul gross totali tagħha tas-sena kkonċernata permezz tal-attività ekonomika tagħha stess (b’mod partikolari ma huwiex iġġenerat mill-attività ekonomika tal-kumpannija stess dħul idderivat mill-ġestjoni tal-attivi), jew

–        il-kumpannija omm barranija ma tkunx tipparteċipa fl-attività ekonomika ġenerali ma’ impriża organizzata b’mod adegwat fid-dawl tal-għan korporattiv tagħha, filwaqt li l-eżenzjoni tingħata lill-kumpanniji omm stabbiliti fit-territorju nazzjonali irrispettivament mill-kundizzjonijiet indikati hawn fuq?

2)      L-Artikolu 5(1), moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 90/435/KEE, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta l-eżenzjoni ta’ ħlasijiet ta’ dividendi mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital lil kumpannija omm barranija li l-uniku azzjonist tagħha għandu r-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali, [Kawża C-504/16] [(lil kumpannija omm barranija spearata fit-tul bħal kumpannija holding fi ħdan grupp li jeżerċita attività fl-Istat fejn għandha s-sede tagħha)] meta l-ishma f’din il-kumpannija jkunu miżmuma minn persuni li ma jkollhomx dritt għar-rimbors jew għall-eżenzjoni jekk huma jirċievu d-dħul direttament, u

–        meta ma jkunx hemm raġunijiet ekonomiċi jew raġunijiet importanti oħra li jiġġustifikaw l-interpożizzjoni tal-kumpannija barranija, jew

–        meta l-kumpannija omm barranija ma tkunx tiġġenera iktar minn 10 % tad-dħul gross totali tagħha tas-sena kkonċernata permezz tal-attività ekonomika tagħha stess (b’mod partikolari ma huwiex iġġenerat mill-attività ekonomika tal-kumpannija stess dħul idderivat mill-ġestjoni tal-attivi), jew

–        il-kumpannija omm barranija ma tkunx tipparteċipa fl-attività ekonomika ġenerali ma’ impriża organizzata b’mod adegwat fid-dawl tal-għan korporattiv tagħha,

filwaqt li l-eżenzjoni tingħata lill-kumpanniji omm stabbiliti fit-territorju nazzjonali irrispettivament mill-kundizzjonijiet indikati hawn fuq?”

35      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tas-6 ta’ April 2017, il-Kawżi C-504/16C-613/16 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

36      Il-Gvern Ġermaniż isostni li d-domandi magħmula f’dawn iż-żewġ kawżi, sa fejn jikkonċernaw l-Artikolu 50d(3) kollu tal-EStG, imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-finijiet li jkun riżolt it-tilwim pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

37      Fir-rigward tal-Kawża C-504/16, dan il-gvern jikkunsidra li l-unika domanda li għandha tingħata risposta hija jekk il-libertà ta’ stabbiliment u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarja, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, jipprekludux “dispożizzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrifjuta l-eżenzjoni ta’ ħlasijiet ta’ dividendi mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital lil kumpannija omm barranija li l-uniku azzjonist tagħha għandu r-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali, meta l-ishma f’din il-kumpannija jkunu miżmuma minn persuni li ma jkollhomx dritt għar-rimbors jew għall-eżenzjoni jekk huma jirċievu d-dħul direttament u fuq il-bażi li l-kumpannija omm barranija ma teżerċitax attività ekonomika proprja li tmur lil hinn mis-sempliċi pussess ta’ ishma, u li, barra minn hekk, raġunijiet ekonomiċi jew raġunijiet importanti oħra li jiġġustifikaw l-interpożizzjoni tagħha bejn is-sieħeb nazzjonali u s-sussidjarja nazzjonali huma nieqsa”.

38      Fir-rigward tal-Kawża C-613/16, skont l-imsemmi gvern, l-unika domanda li għandha tingħata risposta hija jekk il-libertà tal-istabbiliment u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, jipprekludu “dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta l-eżenzjoni ta’ ħlasijiet ta’ dividendi mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital lil kumpannija omm barranija spearata fit-tul, li tmur lil hinn mis-sempliċi pussess ta ‘ishma u li wkoll ma għandhiex uffiċċji jew persunal tagħha stess”.

39      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C-532/15C-538/15, EU:C:2016:932, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola, hija marbuta li tiddeċiedi (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C-532/15 u C-538/15, EU:C:2016:932, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C-532/15 u C-538/15, EU:C:2016:932, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward li, fiż-żewġ kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju spjegat fid-dettall ir-raġuni għaliex hija qieset li kien neċessarju li tirrispondi d-domanda tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 50d(3) tal-EStG sabiex tiddeċiedi f’dawn it-tilwimiet li hija adita bihom. Għalhekk, ma jidhirx li d-domandi magħmula ma humiex ta’ interess għas-soluzzjoni ta’ dawn it-tilwimiet.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln).

 Fuq il-mertu

44      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, minn naħa waħda, u l-Artikolu 49 TFUE, min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, meta ishma f’kumpannija omm mhux residenti huma miżmuma minn persuni li ma jkunux intitolati għar-rimbors jew għall-eżenzjoni minn taxxa minn ras il-għajn jekk huma irċevew direttament id-dividendi minn sussidjarja residenti, jirrifjuta, fil-każ fejn waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni tkun issodisfatta, l-eżenzjoni tal-ħlasijiet tad-dividendi mit-taxxa fuq id-dħul kapitali lil din il-kumpannija omm.

 Fuq l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE

45      Peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw kemm dispożizzjonijiet tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji kif ukoll dawk tat-Trattat TFUE u li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux dik tad-dritt primarju, għandu jiġi speċifikat li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva ma joperawx tali armonizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punti 15 sa 17).

46      Minn dan kollu jirriżulta li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju.

 Dwar l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, moqri flimkien mal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva

47      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ ma kienx ikkontestat, minn naħa, li l-kumpaniji inkwistjoni fiż-żewġ kawżi prinċipali jaqgħu fid-Direttiva ommijiet-sussidjarji u, min-naħa l-oħra, li d-dividendi mqassma minn Deister electronik lil Traxx kif ukoll dawk imqassma minn temp-team Personal u Juhler Holding jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

48      Id-Direttiva ommijiet-sussidjarji, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, hija intiża li, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema fiskali komuni, telimina kull penalizzazzjoni tal-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta pparagunata mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-istess Stat Membru u li, b’dan il-mod, tiffaċilita l-formazzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji fil-livell tal-Unjoni. Din id-direttiva hija intiża għaldaqstant sabiex tiżgura n-newtralità, fil-livell fiskali, tat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2017, Wereldhave Belgium et, C448/15, EU:C:2017:180, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għal dan il-għan, il-ħames premessa tal-imsemmija direttiva tipprevedi li, sabiex tiġi żgurata n-newtralità fiskali, għandhom jiġu eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn il-profitti li kumpannija sussidjarja tqassam lill-kumpannija omm tagħha.

50      Fuq din il-bażi, sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jqajjem il-prinċipju tal-projbizzjoni tat-taxxi f’ras il-għajn fuq il-profitti mqassma minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Meta pprojbixxa lill-Istati Membri li jintaxxaw f’ras il-għajn il-profitti mqassma minn sussidjarja residenti lill-kumpannija omm mhux residenti tagħha, dan l-artikolu tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji jillimita l-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tat-tassazzjoni tal-profitti mqassma mill-kumpanniji stabbiliti fit-territorju tagħhom lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      B’hekk, peress li d-Direttiva ommijiet-sussidjarji ttendi li ttaffi t-trattament fiskali ta’ kooperazzjoni transkonfinali fi ħdan l-Unjoni, l-Istati Membri ma jistgħux unilateralment jintroduċu miżuri restrittivi u jissuġġettaw id-dritt li jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn skont l-Artikolu 5(1) għal kundizzjonijiet differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et, C-283/94, C-291/94 u C292/94, EU:C:1996:387, punt 26, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C: 2017:641, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Madankollu, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, billi jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali jew konvenzjonali sabiex jipprevjenu l-frodi u l-abbużi, jistabbilixxi deroga mir-regoli fiskali previsti minn din id-direttiva.

54      Fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 1(2), għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju rreferiet għall-eżistenza ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ dan l-artikolu, sa fejn il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ dan l-Artikolu 1(2), b’mod differenti fost oħrajn, mill-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, dik Ingliża, Franċiża jew Taljana, ma tużax il-kelma “meħtieġa”.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, ma huwiex importanti li l-kelma “meħtieġa” ma tinsabx fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tiegħu. Fil-fatt, l-Istati Membri jistgħu, fi kwalunkwe każ, jeżerċitaw il-possibbiltà mogħtija lilhom minn dan l-artikolu biss fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 997 Leur-Bloem, C-28/95, EU:C:1997:369, punti 38 u 43).

56      Issa, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju jirrikjedi li l-miżuri previsti mill-Istati Membri, sabiex jipprevjenu l-frodi u l-abbużi, għandhom ikunu xierqa biex jintlaħaq dan l-għan u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, 137/85, EU:C:1987:493, punt 15, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Minn dan isegwi li, minkejja l-eżistenza tad-diverġenza lingwistika msemmija, il-possibbiltà mħollija lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, tista’ tkopri biss dispożizzjonijiet nazzjonali jew konvenzjonali meħtieġa għal dan il-għan.

58      Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata mill-għan ta’ din id-direttiva li, kif jirriżulta mill-punti 48 u 52 ta’ din is-sentenza, ittendi li ttaffi ir-reġim fiskali tal-kooperazzjoni transkonfinali fi ħdan l-Unjoni, sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ gruppi ta’ kumpanniji fil-livell tal-Unjoni.

59      Fir-rigward tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u l-abbużi, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, għandu jiġi rrilevat li, ladarba din id-dispożizzjoni tipprevedi deroga mir-regola ġenerali stabbilita minn din id-direttiva, jiġifieri l-benefiċċju tas-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-kumpanniji ommijiet u sussidjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, l-imsemmi artikolu għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, P. Ferrero e C. u General Beverage Europe, C-338/08 u C-339/08, EU:C 2010:364, punt 45, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2017, Euro Park Service, C-14/16, EU:C:2017:177, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, sabiex leġiżlazzjoni tista’ titqies bħala intiża sabiex jiġu evitati l-frodi u l-abbużi, l-għan speċifiku tagħha għandu jkun li jiġi ostakolat aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ skemi purament artifiċjali, mingħajr realtà ekonomika, li l-għan tagħhom huwa li jittieħed benefiċċju indebitu minn vantaġġ fiskali (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61      B’hekk, preżunzjoni ġenerali ta’ frodi u ta’ abbuż ma tista’ tiġġustifika la miżura fiskali li tippreġudika l-għanijiet ta’ direttiva, u lanqas miżura fiskali li tippreġudika l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Sabiex jiġi vverifikat jekk tranżazzjoni jkollhiex għan ta’ frodi u ta’ abbuż, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jikkuntentaw ruħhom li japplikaw kriterji ġenerali stabbiliti minn qabel, iżda għandhom iwettqu eżami individwali tat-tranżazzjoni kkonċernata kollha. L-istabbiliment ta’ miżura fiskali li għandha portata ġenerali li awtomatikament teskludi ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli mill-vantaġġ fiskali, mingħajr ma l-amministrazzjoni fiskali tkun obbligata li tipprovdi l-inqas prova prima facie jew indikazzjoni ta’ frodi u ta’ abbuż, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu evitati l-frodi u l-abbużi (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċessi disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta ishma f’kumpannija omm mhux residenti huma miżmuma minn persuni li ma humiex intitolati għall-eżenzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn jekk huma direttament irċevew dividendi minn sussidjarja stabbilita fil-Ġermanja, din il-leġiżlazzjoni tissuġġetta l-għoti tal-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali tal-eżenzjoni mit-taxxa minn ras il-għajn prevista fl-Artikolu 5(2)1, tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, għar-rekwiżit li l-ebda waħda mit-tliet kundizzjonijiet stabbiliti f’dik il-leġiżlazzjoni ma tkun issodisfatta, jiġifieri jekk raġunijiet ekonomiċi jew raġunijiet importanti oħra li jiġġustifikaw l-interpożizzjoni tal-kumpannija omm mhux residenti huma nieqsa, jekk il-kumpannija omm mhux residenti tirċievi mhux iktar minn 10 % tad-dħul gross totali tagħha fis-sena finanzjarja li tikkonċerna l-attività ekonomika tagħha stess, jew jekk il-kumpannija omm mhux residenti ma tipparteċipax fl-attività ekonomika ġenerali ma’ impriża organizzata b’mod xieraq fid-dawl tal-iskop ta’ negozju tagħha, mingħajr ma jitqiesu l-karatteristiċi organizzattivi, ekonomiċi jew oħrajn importanti tal-impriżi li għandhom rabtiet mal-kumpannija omm mhux residenti. Barra minn hekk, kumpannija omm mhux residenti ma titqiesx bħala li teżerċita attività ekonomika proprja meta tieħu dħul gross mill-ġestjoni ta’ attivi jew tittrasferixxi l-attivitajiet prinċipali tagħha lil terzi.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex bħala għan speċifiku li teskludi mill-benefiċċju ta’ vantaġġ fiskali l-iskemi purament artifiċjali li l-għan tagħhom huwa li jittieħed benefiċċju indebitu minn dan il-vantaġġ, iżda hija intiża, b’mod ġenerali, għal kull sitwazzjoni fejn ishma f’kumpannija omm mhux residenti jinżammu minn persuni li ma humiex intitolati għal tali eżenzjoni jekk jirċievu d-dividendi direttament.

65      Issa, il-fatt biss li tali ishma jinżammu minn tali persuni ma jimplikax, fih innifsu, li hemm skema purament artifiċjali, nieqsa minn realtà ekonomika, maħluqa biss sabiex tibbenefika indebitament minn vantaġġ fiskali.

66      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi speċifikat li ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji li t-trattament fiskali rriżervat lill-persuni li għandhom ishma f’kumpanniji omm residenti fl-Unjoni jew li l-oriġini ta’ dawn il-persuni jkollhom xi effett kwalunkwe fuq id-dritt ta’ dawn il-kumpanniji li jibbażaw ruħhom fuq vantaġġi fiskali previsti minn din id-direttiva.

67      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kumpannija omm mhux residenti hija, fi kwalunkwe każ, suġġetta għal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-324/16, EU:C:2002:641, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68      Fit-tieni lok, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni mit-taxxa minn ras il-għajn prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji għar-rekwiżit li l-ebda waħda mit-tliet kundizzjonijiet previsti minn din l-istess leġiżlazzjoni, imsemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, ma tkun issodisfatta.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, meta ssuġġettat l-għoti tal-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni għal tali rekwiżit, mingħajr ma l-amministrazzjoni fiskali tkun marbuta li tipprovdi prova prima facie tal-assenza ta’ motivi ekonomiċi jew ta’ frodi jew abbuż, l-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxi, kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, preżunzjoni ġenerali ta’ frodi jew ta’ abbuż u, b’hekk, ksur tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva ommijiet-sussidjarji, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu, jiġifieri li jipprevjeni t-tassazzjoni doppja tad-dividendi mqassma minn sussidjarja residenti lill-kumpannija mhux residenti tagħha mill-Istat Membru ta’ residenza ta’ din is-sussidjarja, sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni u li jkun hemm gruppi ta’ kumpanniji fil-livell tal-Unjoni.

70      It-tieni nett, peress li din l-istess leġiżlazzjoni, fil-każijiet fejn waħda mit-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fiha ma hijiex issodisfatta, ma tippermettix lill-kumpannija omm mhux residenti l-possibbiltà li tipproduċi provi tal-eżistenza ta’ raġunijiet ekonomiċi, hija tintroduċi, barra minn hekk, preżunzjoni inkonfutabbli ta’ frodi jew ta’ abbuż.

71      It-tielet nett, dawn il-kundizzjonijiet, kemm jekk meħuda individwalment kif ukoll flimkien, ma jistgħux fihom infushom jimplikaw l-eżistenza ta’ frodi jew ta’ abbuż.

72      Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva ommijiet-sussidjarji ma fiha l-ebda rekwiżit dwar in-natura tal-attività ekonomika tal-kumpaniji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jew l-ammont ta’ dħul li ġej mill-attività ekonomika proprja tagħhom.

73      Issa, il-fatt li l-attività ekonomika tal-kumpannija omm mhux residenti tikkonsisti fil-ġestjoni tal-attivi tas-sussidjarji tagħha jew li d-dħul ta’ din il-kumpannija omm ġej biss minn din il-ġestjoni ma jistax, fih innifsu, jimplika l-eżistenza ta’ skema purament artifiċjali, nieqsa minn kull realtà ekonomika. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-ġestjoni tal-attivi ma huwiex ikkunsidrat li jikkostitwixxi attività ekonomika fil-kuntest tat-taxxa fuq il-valur miżjud ma huwiex ta’ importanza, peress li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-imsemmija taxxa jaqgħu f’kuntesti ġuridiċi distinti, b’kull wieħed minnhom b’għanijiet differenti.

74      Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tipprevedi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konstatazzjoni ta’ tali skema tirrikjedi li, fuq bażi ta’ każ b’każ, isir eżami globali tas-sitwazzjoni inkwistjoni, dwar elementi bħall-karatteristiċi organizzattivi, ekonomiċi u l-karatteristiċi l-oħra importanti tal-grupp ta’ kumpanniji li għalih tappartjeni l-kumpannija omm ikkonċernata kif ukoll l-istrutturi u l-istrateġiji ta’ dan il-grupp.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Dwar il-libertà applikabbli

76      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjoni tat-trattament fiskali ta’ dividendi tista’ taqa’ kemm taħt il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll taħt il-moviment liberu tal-kapital (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt waħda jew l-oħra mil-libertajiet ta’ moviment, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża li tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal ishma miksuba biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jkun hemm influwenza fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża għandhom jiġu eżaminati esklużivament fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet applikabbli għall-kumpanniji li kienu jżommu tal-inqas 15 % tal-kapital tas-sussidjarji tagħhom. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni ma tinkludix informazzjoni dwar l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni.

80      Dan is-sehem mhux neċessarjament timplika li l-kumpannija li żżommha teżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija li tqassam id-dividendi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi fattwali tal-każ ineżami sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni intiża mill-kawża prinċipali taqax taħt waħda jew l-oħra minn dawn il-libertajiet ta’ moviment (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-Kawża C-504/16, mill-proċess disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Traxx kellha, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sehem mill-inqas ta’ 26.5 % f’Deister electronik. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li tali sehem jagħti lil din l-ewwel kumpannija influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tat-tieni kumpannija, li tippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminati fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment.

83      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-Kawża C-613/16, mill-proċess disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Juhler Holding kellha, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kapital kollu ta’ temp-team Personal. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dan is-sehem kien jagħti lil din l-ewwel waħda minn dawn il-kumpanniji influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tat-tieni waħda, li tippermettilha li tiddetermina l-attivitajiet tagħha. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal dawn l-ishma għandha, f’din il-kawża wkoll, tiġi eżaminata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment.

84      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ċċarat li l-oriġini tal-azzjonisti tal-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taffettwax id-dritt ta’ dawn il-kumpanniji li jinvokaw il-libertà ta’ stabbiliment. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-oriġini tal-azzjonisti, kemm jekk huma persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-kumpanniji residenti fl-Unjoni jkollha effett fuq id-dritt ta’ dawn il-kumpanniji li jagħmlu użu minn din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017: 641, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fil-kawżi prinċipali, huwa paċifiku li l-kumpanniji ommijiet kkonċernati huma kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni. Konsegwentement, dawn il-kumpanniji jistgħu jibbażaw rwieħhom fuq il-libertà ta’ stabbiliment.

85      Minn dan isegwi li hemm lok li d-domandi magħmula jingħataw risposta fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment.

 Fuq il-libertà ta’ stabbiliment

86      Il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 49 TFUE rrikonoxxa liċ-ċittadini tal-Unjoni, tinkludi għalihom l-aċċess għall-attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll li jikkostitwixxu u li jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess. Din tinkludi, konformement mal-Artikolu 54 TFUE, għall-kumpanniji kkostitwiti b’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom is-sede tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      Fir-rigward tat-trattament fl-Istat Membru ospitanti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, peress li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE tħalli b’mod espliċitu lill-operaturi ekonomiċi l-possibbiltà li jagħżlu liberament il-forma legali xierqa għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor, din l-għażla libera ma għandhiex tiġi limitata minn dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      Barra minn hekk, għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan il-każ, mill-proċessi disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa biss meta sussidjarja residenti tqassam profitti lil kumpannija omm mhux residenti li l-għoti tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa minn ras il-għajn previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji huwa suġġett għar-rekwiżit previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

90      Tali differenza fit-trattament, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, tista’ tiddisswadi kumpannija omm mhux residenti milli teżerċita, fil-Ġermanja, attività ekonomika permezz ta’ sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru u tikkostitwixxi, għalhekk, ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment.

91      Tali ostakolu jista’ jiġi ammess biss jekk jikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk huwa ġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni. Huwa wkoll neċessarju, f’dan l-aħħar każ, li l-ostakolu jkun xieraq sabiex jiggarantixxi li jintlaħaq l-għan li huwa jfittex li jilħaq u li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 578 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92      Fir-rigward tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjoni ta’ kumpannija residenti u ta’ dik ta’ kumpannija mhux residenti li jirċievu dividendi minn sussidjarja residenti, għandu jiġi ppreċiżat li l-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn tal-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha hija intiża, hekk kif issemma fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi evitata taxxa doppja jew taxxa marbuta ta’ dawn il-profitti.

93      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tal-miżuri previsti minn Stat Membru sabiex jipprevjeni jew inaqqas it-tassazzjoni bħala katina jew it-taxxa doppja tal-profitti mqassma minn kumpannija residenti, li l-azzjonisti benefiċjarji residenti ma jinsabux neċessarjament f’sitwazzjoni li hija paragunabbli ma’ dik tal-azzjonisti benefiċjarji residenti ta’ Stat Membru ieħor, hija ppreċiżat ukoll li, peress li Stat Membru jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu mhux biss fuq id-dħul tal-azzjonisti residenti, iżda wkoll fuq dak tal-azzjonisti mhux residenti, għad-dividendi li huma jirċievu minn kumpannija residenti, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-azzjonisti mhux residenti tersaq lejn dik tal-azzjonisti residenti (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

94      Fil-kawżi prinċipali, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet li teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fuq il-profitti mqassma mis-sussidjarja residenti lill-kumpannija omm mhux residenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-kumpannija omm mhux residenti, sa fejn tikkonċerna d-dividendi, tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ kumpannija omm residenti.

95      F’dak li jikkonċerna l-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tal-ostakolu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li dan huwa ġġustifikat kemm mill-għan ta’ ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa kif ukoll minn dak intiż li jiżgura tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-għan intiż tal-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u dak intiż sabiex jitħares tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri huma marbuta, u, min-naħa l-oħra li dawn jistgħu, peress li jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġġustifikaw ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

97      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-għan intiż tal-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kemm jekk invokat skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji jew bħala ġustifikazzjoni ta’ ostakolu għad-dritt primarju, għandu l-istess portata (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C-6/16, EU:C:2017:641, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 60 sa 74 ta’ din is-sentenza japplikaw ukoll f’dak li jikkonċerna din il-libertà.

98      Barra minn hekk, fir-rigward tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, għandu jkun speċifikat li, billi tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu taxxa minn ras il-għajn fuq il-profitti mqassma minn sussidjarju residenti lill-kumpannija omm mhux residenti tagħha, id-direttiva ommijiet-sussidjarji prinċipali tirregola l-kwistjoni ta’ dan it-tqassim.

99      Għaldaqstant, l-għan tal-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u dak li jiġi ssalvagwardjat tqassim ibbilanċjata tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma jistgħux, fiċ-ċirkustanzi, jiġġustifikaw ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva ommijiet-sussidjarji, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, minn naħa waħda, u l-Artikolu 49 TFUE, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, meta ishma f’kumpannija omm mhux residenti huma miżmuma minn persuni li ma jkunux intitolati għar-rimbors jew għall-eżenzjoni minn taxxa minn ras il-għajn jekk huma direttament irċevew id-dividendi ġejjin minn sussidjarja residenti, jirrifjuta, fil-każ fejn waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni tkun issodisfatta, l-eżenzjoni tal-ħlasijiet tad-dividendi mit-taxxa fuq id-dħul kapitali lil din il-kumpannija omm.

 Fuq l-ispejjeż

101    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE tat-20 ta’ Novembru 2006, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, minn naħa waħda, u l-Artikolu 49 TFUE, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, meta ishma f’kumpannija omm mhux residenti huma miżmuma minn persuni li ma jkunux intitolati għar-rimbors jew għall-eżenzjoni minn taxxa minn ras il-għajn jekk huma direttament irċevew id-dividendi ġejjin minn sussidjarja residenti, jirrifjuta, fil-każ fejn waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni tkun issodisfatta, l-eżenzjoni tal-ħlasijiet tad-dividendi mit-taxxa fuq id-dħul kapitali lil din il-kumpannija omm.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.