Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

9.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/28


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fit-18 ta’ Ottubru 2016 – Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos vs AB SEB bankas

(Kawża C-532/16)

(2017/C 006/35)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

Konvenuta: AB SEB bankas

Domandi preliminari

1)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti, l-Artikoli 184 sa 186 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament tat-tnaqqis previst mill-imsemmija direttiva ma japplikax fil-każijiet fejn it-tnaqqis imwettaq inizjalment ma setax jitwettaq legalment, minħabba li t-tranżazzjoni inkwistjoni kienet tranżazzjoni ta’ provvista ta’ artijiet eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)?

2)

Il-fatt li: (1) il-VAT fuq il-prezz tax-xiri ta’ artijiet inizjalment ġiet imnaqqsa peress li, b’mod żbaljat, il-prassi tal-amministrazzjoni tat-taxxa kienet tqis il-provvista kkonċernata bħala provvista taxxabbli ta’ art għall-bini fis-sens tal-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 2006/112; (2) wara li l-akkwirent kien wettaq it-tnaqqis inizjali, il-fornitur tal-artijiet ħariġlu nota ta’ kreditu li tikkoreġi l-ammont tal-VAT imsemmija fuq il-fattura maħruġa inizjalment, huwa rilevanti għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti, l-Artikoli 184 u/jew 185 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn it-tnaqqis imwettaq inizjalment ma setax jitwettaq legalment minħabba li t-tranżazzjoni kkonċernata ma kinitx suġġetta għall-VAT, hemm lok li jitqies li l-obbligu tal-persuna taxxabbli sabiex taġġusta dan it-tnaqqis tnissel immedjatament, jew dan l-obbligu tnissel biss fil-mument fejn sar magħruf li t-tnaqqis imwettaq inizjalment ma setax jitwettaq legalment?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti, id-Direttiva 2006/112, u b’mod partikolari l-Artikoli 179, 184 sa 186 u 250 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ammont aġġustat tal-VAT tal-input deduċibbli għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-perijodu taxxabbli li matulu tnisslu l-obbligu jew id-dritt tal-persuna taxxabbli sabiex taġġusta t-tnaqqis imwettaq inizjalment minnha?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1.