Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

16.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 14/26


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (Ir-Renju Unit) fit-28 ta’ Ottubru 2016 – Marcandi Limited, trading as “Madbid” v Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

(Kawża C-544/16)

(2017/C 014/32)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

First-tier Tribunal (Tax Chamber)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Marcandi Limited, trading as “Madbid”

Konvenuti: Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs

Domandi preliminari

1.

Fuq l-interpretazzjoni korretta tal-Artikoli 2(1), 24, 62, 63, 65, u 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali:

a)

Il-ħruġ ta’ krediti lill-utenti, minn Madbid, taħt ħlas bi flus, huwa:

i.

“tranżazzjoni preliminari” li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1), tat-tip identifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’MacDonald Resorts Ltd vs Revenue and Customs Commissioners (C-270/09) Ġabra I-13179 ECLI:EU:C:2010:780, fil-punti 23-42; jew

ii.

provvista ta’ servizzi minn Madbid li taqa’ taħt l-Artikolu 2(1)(c), li huwa l-għoti ta’ dritt li wieħed jipparteċipa f’bejgħ bl-irkant online;

b)

Jekk id-dritt li wieħed jipparteċipa f’bejgħ bl-irkant online huwa provvista ta’ servizzi minn Madbid, din hija provvista li ssir “bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c), li huwa l-ħlas għalih (i.e. il-flus irċevuti minn Madbid minn utent bħala korrispettiv għal krediti);

c)

Ir-risposta għal (b) tkun differenti jekk il-ħlas għall-krediti jagħti wkoll id-dritt lill-utent jikseb merkanzija tal-istess valur fil-każ li l-utent ma jirnexxiex fil-bejgħ fl-irkant;

d)

jekk Madbid ma tipprovdix servizzi bi ħlas meta tagħti krediti lill-utenti tagħha bħala korrispettiv għal ħlas bi flus, twettaq din il-provvista f’xi ħin ieħor;

u liema prinċipji għandhom jiġu applikati sabiex jiġu ddeterminati r-risposti għal dawn id-domandi?

2.

Fuq l-nterpretazzjoni korretta tal-Artikoli 2(1), 14, 62, 63, 65, 73 u 79(b) tad- Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, liema, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, huwa l-ħlas miksub minn Madbid bħala korrispettiv tal-provvista ta’ merkanzija li twettaq lill-utenti, għall-finijiet tal-Artikoli 2(1)(a) u 73? B’mod partikolari, u meta tittieħed inkunsiderazzjoni r-risposta għad-Domanda 1:

a)

Il-flus imħallas minn utent lil Madbid għal krediti huwa “ħlas…akkont” għall-provvista ta’ merkanzija taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 65, b’mod li l-VAT trid “tiġi imposta” meta jiġi rċevut il-ħlas, u b’mod li l-ħlas irċevut minn Madbid mill-utent isir ħlas għall-provvista ta’ merkanzija;

b)

Jekk utent jixtri merkanzija permezz tal-faċilitajiet ta’ Xiri Immedjat jew Skont Miksub, il-valur tal-krediti użati sabiex jiġu ppreżentati offerti f’bejgħ bl-irkant u, fejn l-offerta ma tirnexxix, ikollha l-effett li toħloq Skont Miksub jew li tnaqqas il-prezz ta’ Xiri Immedjat, huwa:

i.

“roħs fil-prezzijiet” fis-sens tal-Artikolu 79(b), b’mod li l-ħlas għall-provvista ta’ merkanzija ta’ Madbid ikun il-flus li jkun fil-verità tħallas lil Madbid mill-utent fil-mument tax-xiri tal-merkanzija u xejn iktar; jew

ii.

parti mill-ħlas għall-provvista ta’ merkanzija, b’mod li l-ħlas għall-provvista ta’ merkanzija ta’ Madbid jinkludi kemm il-flus imħallas lil Madbid mill-utent fil-mument tax-xiri tal-merkanzija kif ukoll il-flus imħallas mill-utent għal krediti użati fl-offerti li ma jirnexxux f’bejgħ bl-irkant;

c)

jekk utent jeżerċita d-dritt li jixtri merkanzija wara li jirbaħ bejgħ bl-irkant online, il-ħlas għall-provvista ta’ din il-merkanzija huwa l-prezz rebbieħ tal-irkant indikat (flimkien mal-ispejjeż postali u amministrattivi) u xejn iktar, jew jinkludi wkoll il-valur tal-krediti li r-rebbieħ ikun uża sabiex jagħmel offerta f’dak l-irkant bħala parti mill-ħlas għall-provvista tal-merkanzija minn Madbid lill-utent;

jew liema prinċipji għandhom jiġu applikati sabiex tiġi ddeterminata r-risposta għal dawn id-domandi?

3.

Meta żewġ Stati Membri jittrattaw tranżazzjoni b’mod differenti għall-finijiet tal-VAT, sa fejn għandhom il-qrati ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jinterpretaw id-dispożizzjonijet rilevanti tad-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali, il-bżonn ta’ ħelsien:

a)

mit-taxxa doppja tat-tranżazzjoni; u/jew

b)

in-nuqqas ta’ tassazzjoni tat-tranżazzjoni;

u liema rilevanza għandu fuq din il-kwistjoni l-prinċipju ta’ newtralità fiskali?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 347, p. 1