Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

31 ta’ Mejju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Provvista ta’ oġġetti – Artikolu 65 – Artikolu 167 – Ħlas akkont għall-akkwist ta’ oġġett mhux segwit mill-kunsinna tiegħu – Kundanna kriminali tar-rappreżentanti legali tal-fornitur għal frodi – Insolvenza tal-fornitur – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Kundizzjonijiet – Artikoli 185 u 186 – Aġġustament mill-awtorità fiskali nazzjonali – Kundizzjonijiet”

Fil-kawżi magħquda C-660/16 u C-661/16,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-21 ta’ Settembru 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2016, fil-proċeduri

Finanzamt Dachau

kontra

Achim Kollroß (C-660/16),

u

Finanzamt Göppingen

kontra

Erich Wirtl (C-661/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), A. Borg Barthet, M. Berger, u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Kollroß, minn F. Russ, Steuerberater,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63, 65, 167, 185 u 186 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, fl-ewwel lok, Achim Kollroß u l-Finanzamt Dachau (l-Awtorità tat-Taxxa ta’ Dachau, il-Ġermanja) u, fit-tieni lok, Erich Wirtl u l-Finanzamt Göppingen (l-Awtorità tat-Taxxa ta’ Göppingen, il-Ġermanja) dwar ir-rifjut ta’ dawn l-awtoritajiet li jagħtu lil dawn l-individwi t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa upstream u fir-rigward ta’ ħlasijiet akkont li saru għall-kunsinna ta’ tagħmir ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u elettriku li finalment ma ġiex ikkunsinnat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Għandu jkun hemm avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija jew is–servizzi huma pprovduti.”

4        L-Artikolu 65 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Meta ħlas jrid isir akkont qabel ma l-merkanzija jew is-servizzi jiġu pprovduti, il-VAT għandha tiġi imposta meta jiġi riċevut il-ħlas u fuq l-ammont riċevut.”

5        Skont l-Artikolu 90(1) tal-imsemmija direttiva:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali, jew fejn il-prezz hu mnaqqas wara li l-provvista tkun saret, l-ammont taxxabbli għandu jiġi ridott għaldaqstant skont kondizzjonijet li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.”

6        L-Artikolu 167 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

7        L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[...]”

8        L-Artikolu 178 ta’ din id-direttiva huwa redatt b’dan il-mod:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      għall-finijiet ta’ tnaqqis skond l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, hi għandha jkollha fattura fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;

[...]”

9        L-Artikolu 184 tal-imsemmija direttiva jipprovdi kif ġej:

“It-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.”

10      L-Artikolu 185 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi:

“1.      L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1, m’għandu jsir l-ebda aġġustament fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta' distruzzjoni, telf jew serq tal-proprjetà li ġie ppruvat jew ikkonfermat kif imiss, jew fil-każ ta’ merkanzija riżervata għall-iskop ta’ għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir jew ta’ l-għoti ta’ kampjuni, kif speċifikat fl-Artikolu 16.

Madanakollu, fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ serq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jsir aġġustament.”

11      L-Artikolu 186 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 184 u 185.”

 Id-dritt Ġermaniż

12      L-Artikolu 13, intitolat “Taxxa tal-input dovuta”, tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-taxxa ssir dovuta

1.      fir-rigward tal-kunsinni u provvisti oħra,

(a)      fejn it-taxxa tiġi kkalkolata skont il-korrispettiv miftiehem (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1)), meta jiskadi l-perijodu provviżorju tar-rendikont tal-VAT li fih ikunu saru l-provvisti. L-istess japplika għal provvisti parzjali. [...] Meta l-korrispettiv jew parti minnu jiġi rċevut qabel ma tkun saret il-provvista jew il-provvista parzjali, it-taxxa ssir dovuta mal-iskadenza tal-perijodu provviżorju tar-rendikont tal-VAT li fih il-korrispettiv jew parti minnu ġie rċevut.

[...]”

13      L-Artikolu 14c tal-UStG, intitolat “Indikazzjoni żbaljata jew mhux iġġustifikata tat-taxxa”, jipprevedi:

“(1)      Jekk l-imprenditur indika, f’fattura marbuta ma’ kunsinna jew provvista oħra, separatament ammont ta’ taxxa ogħla minn dak dovut għall-operazzjoni skont din il-liġi (indikazzjoni żbaljata tat-taxxa), huwa jkun responsabbli wkoll għall-ammont eċċessiv. Fil-każ li huwa jaġġusta l-ammont tat-taxxa mal-benefiċjarju tal-provvista, l-Artikolu 17(1) għandu japplika b’analoġija.

[...]

(2)      Kull persuna li, f’fattura, tindika separatament ammont ta’ taxxa meta hija ma tkunx awtorizzata tagħmel dan (indikazzjoni mhux iġġustifikata tat-taxxa) tkun responsabbli għall-ammont indikat. L-istess japplika meta persuna toħloq kont bħalma joħloq imprenditur li jagħmel provvista u tindika separatament ammont ta’ taxxa meta hija ma tkunx imprenditur u ma tagħmilx kunsinna jew provvista oħra. L-ammont ta’ taxxa dovut skont l-ewwel u t-tieni sentenzi jista’ jiġi aġġustat sa fejn dan ma jaffettwax id-dħul fiskali. Aġġustament ma jaffettwax id-dħul fiskali meta l-benefiċjarju tal-fattura ma jnaqqasx it-taxxa tal-input jew meta t-taxxa tal-input imnaqqsa tkun ġiet irrimborsata lill-awtorità fiskali. L-aġġustament tal-ammont ta’ taxxa dovut għandu jintalab, b’mod distint u bil-miktub, mill-Awtorità tat-Taxxa u jsir, wara l-approvazzjoni minn din tal-aħħar, fil-kuntest ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 17(1) għall-perijodu taxxabbli li matulu l-kundizzjonijiet tar-raba’ sentenza jkunu ġew issodisfatti.”

14      Taħt it-titolu “Tnaqqis tat-taxxa tal-input”, l-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operatur jista’ jnaqqas l-ammonti li ġejjin bħala taxxa tal-input imħallsa:

1.      it-taxxa legalment dovuta għal oġġetti u servizzi li jkunu ġew ipprovduti minn imprenditur ieħor lill-impriża tiegħu. L-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-imprenditur ikollu fattura maħruġa skont l-Artikoli 14 u 14a. Meta l-ammont ta’ taxxa indikat separatament huwa attribwibbli għal ħlas li sar qabel l-eżekuzzjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, dan ikun diġà jista’ jitnaqqas jekk il-fattura ġiet ippreżentata u l-ħlas ikun sar;

[...]”

15      L-Artikolu 17 tal-imsemmija liġi huwa redatt kif ġej:

“(1)      Meta l-bażi ta’ stima ta’ tranżazzjoni taxxabbli għall-iskopijiet tal-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tkun inbidlet, l-operatur li għamel il-provvista għandu jaġġusta l-ammont ta’ taxxa pagabbli skont din il-bidla. L-operatur destinatarju tal-provvista għandu jaġġusta wkoll l-ammont tat-taxxa tal-input li huwa jkollu d-dritt li jnaqqas fuq din il-bażi. [...]

(2)      Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis meta

1.      il-korrispettiv miftiehem għal provvista taxxabbli ta’ oġġetti jew servizzi jew għal akkwist intra-Komunitarju ma jkunx jista’ jiġi rkuprat. Meta l-korrispettiv jiġi rċevut b’mod retroattiv, l-ammont tat-taxxa u t-tnaqqis tat-taxxa għandu jiġi aġġustat mill-ġdid;

2.      il-korrispettiv tħallas għal provvista ta’ oġġetti jew servizzi miftiehma iżda l-oġġetti jew is-servizzi ma ġewx ipprovduti;

[...]”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-660/16

16      Fl-10 ta’ April 2010, A. Kollroß ordna tagħmir ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u elettriku mingħand G-GmbH (iktar ’il quddiem “GA”). GA kkonfermat l-ordni fit-12 ta’ April 2010 u ħarġet, għall-oġġett li kellu jiġi kkunsinnat, fattura minn qabel fl-ammont ta’ EUR 30 000 li kienet tindika separatament l-ammont ta’ VAT dovut, jiġifieri EUR 5 700. A. Kollroß iddikjara b’mod parallel, għal finijiet ta’ reġistrazzjoni, attività professjonali ta’ produzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u ħallas lil GA l-ammont akkont mitlub fid-19 ta’ April 2010. Fil-15 ta’ Lulju 2010, GA stabbilixxiet it-tieni fattura ta’ ħlas akkont li kienet tirreferi għall-ħlas tad-19 ta’ April 2010. Id-data tal-kunsinna kienet għadha ma ġietx stabbilita.

17      It-tagħmir ma ġiex ikkunsinnat. Infetħu proċeduri ta’ insolvenza kontra GA li mbagħad ingħalqu minħabba insuffiċjenza ta’ assi. Il-persuni li kienu jaġixxu għal GA instabu kriminalment ħatja ta’ 88 kap ta’ prattiċi ta’ kummerċ frawdolenti u assoċjazzjoni għat-twettiq ta’ frodi u ta’ falliment intenzjonat għad-detriment ta’ xerrejja ta’ tagħmir ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u elettriku. Mill-banda l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li kien hemm frodi fiskali.

18      Fir-rigward tas-sena fiskali 2010, A. Kollroß talab tnaqqis tat-taxxa tal-input marbuta mal-ħlas akkont li huwa kien għamel. L-Awtorità tat-Taxxa ta’ Dachau rrifjutatlu d-dritt għal dan it-tnaqqqis, deċiżjoni li kontra tagħha A. Kollroß ressaq ilment, li ġie miċħud, imbagħad azzjoni quddiem il-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja).

19      Dik il-qorti laqgħet din l-azzjoni. Is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza ġiet suġġetta għal azzjoni ta’ Reviżjoni li biha ġiet adita l-Ħames Awla tal-qorti tar-rinviju, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja).

20      Dik il-qorti hija tal-fehma li A. Kollroß jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali sabiex jitlob it-tnaqqis tal-VAT tal-input marbuta mal-ħlas akkont li huma stipulati fl-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112.

21      Speċifikament, l-imsemmija qorti tirreferi għall-punt 39 tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN (C-107/13, EU:C:2014:151), fejn jirriżulta li l-eżiġibbiltà tat-taxxa, fis-sens tal-Artikolu 65 tad-Direttiva 2006/112, tippreżupponi li t-twettiq tal-avveniment li jagħti lok għat-taxxa – u, għaldaqstant, l-eżekuzzjoni tal-kunsinna – ma jkunx inċert.

22      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-perspettiva li hija għandha tieħu sabiex tevalwa din il-kundizzjoni. Skont dik il-qorti, interpretazzjoni purament oġġettiva, indipendenti mill-perspettiva tal-persuna taxxabbli li tagħmel il-ħlas akkont, tikkostitwixxi oneru tqil wisq għal kummerċjant.

23      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tressaq il-kwistjoni dwar jekk, għal raġunijiet marbuta mad-dritt tal-Unjoni, iċ-ċirkustanzi l-oħra li taħthom A. Kollroß għamel il-ħlas akkont jipprekludux it-tnaqqis jew joħolqux, fejn applikabbli, obbligu ta’ aġġustament. Dik il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-portata tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN (C-107/13, EU:C:2014:151), fir-rigward tat-tnaqqis u tal-obbligu ta’ aġġustament skont is-sistema tad-Direttiva 2006/112.

24      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tindika li hija diġà interpretat din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod restrittiv, fis-sens li l-aġġustament jippreżupponi fiż-żewġ każijiet ir-rimbors tal-ħlas akkont. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, partikolarment fil-punti 52 u 58 tal-imsemmija sentenza, li huwa biss meta jsir tali rimbors li t-taxxa dovuta għandha tiġi aġġustata mill-benefiċjarju tal-ħlas akkont. Għalhekk, l-istess qorti tqis li l-persuna taxxabbli li tkun ħallset akkont għandha taġġusta t-tnaqqis biss fil-każ ta’ rimbors tal-ħlas akkont.

25      Dwar l-obbligu tal-awtoritajiet tat-taxxa li jirrimborsaw it-taxxa meta ma jkunx possibbli li din tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarju tal-ħlas akkont, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa possibbli li l-insenjament li joħroġ mis-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken (C-35/05, EU:C:2007:167) jiġi applikat fil-kawża adita biha. B’hekk, persuna taxxabbli, bħal A. Kollroß, tista’ titlob ir-rimbors tal-VAT għall-parti minn din it-taxxa marbuta mal-ħlas akkont, ladarba r-rimbors tat-taxxa mill-benefiċjarju tal-ħlas akkont jista’ jitqies impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-rekwiżiti applikabbli għaċ-ċertezza tal-eżekuzzjoni ta’ provvista ta’ servizzi, bħala kundizzjoni għat-tnaqqis tat-taxxa relatata ma’ pagament akkont skont is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN (C-107/13, EU:C:2014:151), [...] għandhom jiġu stabbiliti b’mod purament oġġettiv jew għandhom jiġu stabbiliti mill-perspettiva tal-persuna taxxabbli li għamlet il-pagament akkont fid-dawl taċ-ċirkustanzi li hija setgħet taf bihom?

2)      Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 167 tad-[Direttiva 2006/112], id-dritt għal tnaqqis joriġina fl-istess mument li fih issir eżiġibbli t-taxxa u, fid-dawl tal-kompetenzi leġiżlattivi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 185(2) u l-Artikolu 186 ta’ din id-direttiva jagħtu lill-Istati Membri, dawn tal-aħħar huma awtorizzati li jissuġġettaw kemm l-aġġustament tat-taxxa kif ukoll l-aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input għar-rimbors tal-pagament akkont?

3)      Iċ-ċentru tat-taxxi kompetenti fir-rigward tal-persuna taxxabbli li għamlet il-pagament akkont għandu jirrimborsa t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ meta din tal-aħħar ma tistax tirkupra l-pagament akkont mingħand il-benefiċjarju tal-pagament akkont? Fl-affermattiv, dan għandu jseħħ fil-kuntest tal-proċedura ta’ ffissar, jew proċedura ta’ ekwità separata hija suffiċjenti għal dan il-għan?”

 Il-Kawża C-661/16

27      Sabiex jeżerċita attività professjonali ta’ produzzjoni ta’ elettriku, A. Wirtl ordna, fit-3 ta’ Awwissu 2010, mingħand Gesellschaft zur Förderung erneuerbarer Energien mbH (iktar ’il quddiem “GB”) tagħmir ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u elettriku għall-prezz ta’ EUR 30 000, miżjud b’EUR 5 700 bħala VAT, li l-kunsinna tiegħu kien a priori previst li jsir erbatax-il ġimgħa wara li jiġu rċevuti dawn l-ammonti. E. Wirtl għamel, permezz ta’ trasferiment bankarju tas-27 ta’ Awwissu 2010, il-ħlas akkont ta’ EUR 35 700 mitlub fis-6 ta’ Awwissu 2010 u rċieva mingħand GB fattura relatata mal-kunsinna ta’ tagħmir ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u elettriku li kienet datata t-28 ta’ Awwissu 2010.

28      Fil-25 ta’ Ottubru 2010, E. Wirtl ippreżenta dikjarazzjoni provviżorja tal-VAT għax-xahar ta’ Awwissu 2010 filwaqt li applika tnaqqis ta’ EUR 5 700 fuq il-bażi tal-akkwist ta’ dan it-tagħmir ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u elettriku. Huwa indika wkoll lill-Awtorità tat-Taxxa ta’ Göppingen li huwa kellu l-ħsieb li jikri dan l-oġġett lil GB.

29      Madankollu, l-imsemmi tagħmir ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u elettriku ma ġie qatt ikkunsinnat. Proċedura ta’ insolvenza nfetħet kontra GB matul is-sena 2011 u ħdax-il imputat li kienu joperaw fl-ambitu tal-grupp GB instabu kriminalment ħatja ta’ prattiċi ta’ kummerċ frawdolenti u assoċjazzjoni għat-twettiq ta’ frodi fi 88 każ.

30      L-Awtorità tat-Taxxa ta’ Göppingen ċaħdet id-dikjarazzjoni annwali tal-VAT għas-sena fiskali 2010, li fiha E. Wirtl kien naqqas EUR 5 700 bħala taxxa tal-input imħallsa fil-kuntest tal-pagament antiċipat għat-tagħmir ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u elettriku mibjugħ minn GB.

31      L-ilment imressaq minn E. Wirtl kontra din il-pożizzjoni ġie miċħud, iżda l-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Bade-Wurtemberg, il-Ġermanja) laqgħet l-appell minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda b’sentenza tad-19 ta’ Settembru 2014.

32      Il-ħdax-il awla tal-qorti tar-rinviju, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi), adita b’azzjoni ta’ Reviżjoni kontra din is-sentenza, tqis li l-kriterju marbut man-natura ċerta tat-twettiq tal-avveniment li jagħti lok għat-taxxa għandu jinftiehem b’mod oġġettiv. Fil-fatt, l-eżiġibbiltà tat-taxxa dovuta, mill-benefiċjarju tal-ħlas akkont, fir-rigward tat-teżor pubbliku ma tistax, fil-prinċipju, tiddependi minn jekk id-debitur tal-ħlas akkont kienx jaf jew ma setax ma jkunx jaf.

33      Fir-rigward tat-trattament ta’ VAT iffatturata indebitament minħabba l-assenza ta’ tranżazzjoni taxxabbli, mid-Direttiva 2006/112 jirriżulta li ż-żewġ operaturi involuti ma għandhomx jiġu neċessarjament ittrattati bl-istess mod. Minn naħa, min joħroġ fattura huwa responsabbli għall-ħlas tal-VAT indikata fuq din il-fattura anki meta ma jkunx hemm tranżazzjoni taxxabbli, konformement mal-Artikolu 203 ta’ din id-direttiva, traspost fid-dritt nazzjonali permezz tal-Artikolu 14c tal-UStG, meta finalment – bħalma huwa l-każ ineżami – il-kunsinna ma ssirx. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tad-destinatarju ta’ fattura huwa limitat għal dawk it-taxxi biss li jikkorrispondu għal tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, konformement mal-Artikoli 63 u 167 tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, l-akkwirent ma jistax inaqqas it-taxxa marbuta mal-ħlas akkont, irrispettivament minn jekk dan il-ħlas akkont ngħatalux lura mill-fornitur.

34      Finalment, il-qorti tar-rinviju tiddubita wkoll jekk l-Istat Membru kkonċernat jistax, skont l-Artikolu 186 tad-Direttiva 2006/112, jissuġġetta l-korrezzjoni tat-tnaqqis għar-rimbors meta l-kunsinna ma tkunx finalment saret.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Skont l-ewwel sentenza tal-punt 39 tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN (C-107/13, EU:C:2014:151), it-tnaqqis tat-taxxa tal-input fir-rigward ta’ pagament akkont huwa eskluż meta jirriżulta li t-twettiq tal-avveniment li jagħti lok għat-taxxa jkun inċert meta jsir il-ħlas tal-pagament akkont. Dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sitwazzjoni oġġettiva jew fid-dawl tal-pożizzjoni oġġettiva tal-persuna li tħallas il-pagament akkont?

2)      Is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN (C-107/13, EU:C:2014:151, id-dispożittiv u l-punt 58) għandha tiġi interpretata fis-sens li, skont id-dritt tal-Unjoni, aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imwettaq mill-persuna li tkun ħallset il-pagament akkont fil-kuntest tal-ħlas ta’ fattura akkont li tikkonċerna l-kunsinna ta’ merkanzija, ma jiddependix mir-rimbors tal-pagament akkont imħallas f’sitwazzjoni fejn din il-kunsinna fl-aħħar mill-aħħar ma titwettaqx?

3)      Fil-każ li d-domanda preliminari preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv: l-Artikolu 186 tad-Direttiva [2006/112] [...], li jippermetti lill-Istati Membri jiddeterminaw il-modalitajiet tal-aġġustament previst fl-Artikolu 185 tal-istess direttiva, jawtorizza lil Stat Membru, f’dan il-każ lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, li l-valur taxxabbli jista’ jitnaqqas biss meta jkun ġie rrimborsat il-pagament akkont u, għaldaqstant, li t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ dovuta u t-tnaqqis tat-taxxa tal-input għandhom jiġu aġġustati fl-istess żmien u taħt l-istess kundizzjonijiet?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domandi fil-kawżi C-660/16 u C-661/16

36      Permezz tal-ewwel domandi tagħha fil-Kawżi C-660/16 u C-661/16, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 65 u 167 tad-Direttiva 2006/112, dwar il-kundizzjonijiet għat-tnaqqis tal-VAT marbuta ma’ ħlas akkont, għandhomx jiġu interpretati b’mod purament oġġettiv jew skont l-informazzjoni li l-persuna taxxabbli li għamlet il-ħlas akkont kellha jew kellu jkollha, f’ċirkustanzi, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fejn il-kunsinna tal-oġġetti inkwistjoni ma tkunx saret minħabba fatti li wasslu għal kundanni ta’ frodi kontra persuni li jaħdmu għall-fornituri.

37      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa jitnissel fil-mument meta tiġi imposta t-taxxa.

38      Skont l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva, l-avveniment li jagħti lok għat-taxxa jseħħ u t-taxxa ssir dovuta meta titwettaq il-kunsinna tal-oġġetti jew il-provvista tas-servizzi.

39      Madankollu, l-Artikolu 65 tad-Direttiva 2006/112 tipprovdi, bħala deroga, li, fil-każ ta’ ħlasijiet akkont qabel ma jiġu kkunsinnati l-oġġetti jew is-servizzi, it-taxxa ssir eżiġibbli meta jiġi rċevut il-ħlas, u dan fuq l-ammont irċevut. Sa fejn din hija eċċezzjoni għar-regola msemmija fil-punt preċedenti, din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, BUPA Hospitals u Goldsborough Developments, C-419/02, EU:C:2006:122, punt 45).

40      B’hekk, sabiex il-VAT tkun tista’ ssir dovuta f’tali ċirkustanzi, huwa meħtieġ li l-elementi rilevanti kollha tal-avveniment li jagħti lok għat-taxxa, jiġifieri l-kunsinna futura jew il-provvista futura, ikunu diġà magħrufa u għalhekk, b’mod partikolari, li, fil-mument tal-ħlas akkont, l-oġġetti jew is-servizzi jkunu ġew identifikati bi preċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, BUPA Hospitals u Goldsborough Developments, C-419/02, EU:C:2006:122, punt 48).

41      Konsegwentement, l-Artikolu 65 tad-Direttiva 2006/112 ma jistax ikun applikabbli meta jirriżulta li t-twettiq tal-kunsinna jew tal-provvista jkun inċert fil-mument li jsir il-ħlas akkont (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN, C-107/13, EU:C:2014:151, punt 39).

42      Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat l-element ta’ ċertezza fir-rigward tat-twettiq tal-kunsinna jew tal-provvista, li jikkundizzjona l-eżiġibbiltà tal-VAT marbuta mal-ħlas akkont u t-tnissil korrelattiv tad-dritt għal tnaqqis, għandu jitqies il-mument li fih isir dan il-ħlas akkont.

43      Fil-każ ineżami, miż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li fil-mument meta A. Kollroß u E. Wirtl għamlu l-ħlas akkont rispettiv tagħhom, l-oġġetti li kellhom jiġu kkunsinnati kienu kjarament identifikati. B’mod partikolari, il-karattersitiċi u l-prezz ta’ dawn l-oġġetti kienu kjarament ippreċiżati.

44      B’hekk, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT marbuta mal-ħlas akkont, f’sitwazzjonijiet bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi miċħud lill-akkwirent potenzjali ladarba dan il-ħlas akkont sar u ġie rċevut u ladarba, fil-mument ta’ dan il-ħlas, l-elementi kollha rilevanti tal-kunsinna futura setgħu jitqiesu li kienu magħrufa mill-imsemmi akkwirent u ladarba din il-kunsinna kienet tidher għalhekk ċerta.

45      F’dan ir-rigward, u kuntrarjament għal dak li l-Gvern Ġermaniż isostni, il-fatt li d-data tal-kunsinna tal-oġġett ma hijiex magħrufa bi preċiżjoni fil-mument tal-ħlas akkont ma jippermettix li jiġi konkluż li l-elementi rilevanti tal-avveniment li jagħti lok għat-taxxa, jiġifieri tal-kunsinna futura, ma humiex magħrufa. Barra minn hekk, l-assenza ta’ din il-preċiżazzjoni ma hijiex ta’ natura, fiha nfisha, li tqiegħed inkwistjoni ċ-ċertezza ta’ din il-kunsinna.

46      Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-eżistenza eventwali, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ta’ element ta’ inċertezza ta’ natura li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 65 tad-Direttiva 2006/112. F’dan ir-rigward, skont id-deċiżjonijiet tar-rinviju, l-oġġetti inkwistjoni ma ġewx ikkunsinnati, mhux minħabba frodi fiskali, iżda minħabba fatti mwettqa minn persuni li jaħdmu għal fornituri ta’ dawn l-oġġetti, li nstabu ħatja għal prattiċi ta’ kummerċ frawdolenti u assoċjazzjoni għat-twettiq ta’ frodi. Issa, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li dawn il-fatti kienu magħrufa qabel id-data tal-ħlasijiet akkont li kienu jifformaw il-bażi għat-talbiet ta’ tnaqqis inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan huwa tassew il-każ.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jekk, meta l-ħlasijiet akkont jiġu rċevuti qabel it-twettiq tal-kunsinna jew tal-provvista, id-dħul ta’ dawn il-ħlasijiet akkont irendi t-taxxa dovuta, dan huwa minħabba li l-kontraenti b’hekk jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jassumu, minn qabel, il-konsegwenzi finanzjarji kollha marbuta mat-twettiq ta’ din il-kunsinna jew ta’ din il-provvista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, BUPA Hospitals u Goldsborough Developments, C-419/02, EU:C:2006:122, punt 49).

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ladarba, fil-mument li jiġi rċevut ħlas akkont, il-kundizzjonijiet marbuta mal-eżiġibbiltà tal-VAT, bħalma huma dawk imfakkra fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, huma ssodisfatti, id-dritt għat-tnaqqis jiġi stabbilit u l-persuna taxxabbli li tkun għamlet dan il-ħlas akkont ikollha bażi sabiex teżerċita l-imsemmi dritt f’dan il-mument, mingħajr ma jkun hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti oħra, magħrufa qabel, li jrendu inċert it-twettiq tal-kunsinna jew tal-provvista inkwistjoni.

49      Mill-banda l-oħra, il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jiġi miċħud lil din il-persuna taxxabbli mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li, fil-mument tal-ħlas akkont, hija kienet taf jew ma setgħetx raġonevolment ma tkunx taf li din il-kunsinna jew din il-provvista setgħet ma titwettaqx.

50      Fil-fatt, tali persuna taxxabbli ma tistax titqies li għandha l-intenzjoni, fil-kwalità tagħha ta’ kontraenti, li tassumi l-konsegwenzi finanzjarji marbuta mat-twettiq futur tal-kunsinna jew tal-provvista inkwistjoni, meta hija taf jew ma tistax raġonevolment ma tkunx taf li dan it-twettiq huwa inċert.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-ewwel domandi fil-Kawżi C-660/16C-661/16 għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 65 u 167 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT marbuta ma’ ħlas akkont ma jistax jiġi miċħud lill-akkwirent potenzjali tal-oġġetti inkwistjoni ladarba dan il-ħlas akkont sar u ġie rċevut u ladarba, fil-mument ta’ dan il-ħlas, l-elementi rilevanti kollha tal-kunsinna futura kienu magħrufa minn dan l-akkwirent u ladarba l-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti kienet għalhekk tidher ċerta. Mill-banda l-oħra, tali dritt jista’ jiġi miċħud lill-imsemmi akkwirent jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li, fil-mument tal-ħlas akkont, huwa kien jaf jew ma setax raġonevolment ma jkunx jaf li t-twettiq ta’ din il-kunsinna kien inċert.

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C-660/16 u fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C-661/16

52      Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C-660/16 u t-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C-661/16, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 185 u 186 tad-Direttiva 2006/112 jipprekludix leġiżlazzjonijiet jew prattiċi nazzjonali li jissuġġettaw l-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT marbuta mal-ħlas akkont fil-kuntest tal-kunsinna ta’ oġġett għar-rimbors ta’ dan il-ħlas akkont mill-fornitur.

53      L-Artikoli 184 sa 186 tad-Direttiva 2006/112 jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom l-Awtorità tat-Taxxa nazzjonali tista’ teżiġi aġġustament min-naħa tal-persuna taxxabbli.

54      Fir-rigward tal-eventwali impatt, fuq it-tnaqqis tal-VAT imwettaq minn persuna taxxabbli, ta’ avvenimenti li jseħħu sussegwentement għal dan it-tnaqqis, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-użu magħmul mill-oġġetti jew mis-servizzi, jew li jkun maħsub li jsir minnhom, jiddetermina l-portata tat-tnaqqis inizjali li l-persuna taxxabbli hija intitolata li twettaq u l-portata tal-eventwali aġġustamenti matul il-perijodi sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, TETS Haskovo, C-234/11, EU:C:2012:644, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN, C-107/13, EU:C:2014:151, punt 49).

55      Fil-fatt, il-mekkaniżmu tal-aġġustament previst fl-Artikoli 184 sa 186 tad-Direttiva 2006/112 jagħmel parti integrali mis-sistema tat-tnaqqis tal-VAT stabbilita minn din id-direttiva. Dan huwa maħsub sabiex tittejjeb il-preċiżjoni tat-tnaqqis b’mod li tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT, b’tali mod li t-tranżazzjonijiet imwettqa fi stadju preċedenti jibqgħu jagħtu lok għad-dritt għal tnaqqis biss sa fejn iservu sabiex jiġu pprovduti l-provvisti suġġetti għal din it-taxxa. B’hekk, l-għan ta’ dan il-mekkaniżmu huwa li tiġi stabbilita relazzjoni mill-qrib u diretta bejn id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa u l-użu tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati għal tranżazzjonijiet intaxxati downstream (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, TETS Haskovo, C-234/11, EU:C:2012:644, punti 30 u 31, u tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN, C-107/13, EU:C:2014:151, punt 50).

56      Fir-rigward tat-tnissil ta’ obbligu ta’ aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT li jsir fir-rigward tat-taxxa tal-input imħallsa, l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2006/112 jistabbilixxi l-prinċipju li jipprovdi li tali aġġustament għandu jsir, b’mod partikolari, meta tibdil tal-fatturi meqjusa għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ dan it-tnaqqis isir wara d-dikjarazzjoni tal-VAT (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2012, PIGI, C-550/11, EU:C:2012:614, punt 26, u tat-18 ta’ Ottubru 2012, TETS Haskovo, C-234/11, EU:C:2012:644, punt 32).

57      Fil-każ ineżami, u kif diġà ġie ppreċiżat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġewx ikkunsinnati u l-mument li fih kien jidher ċert li l-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti ma kinitx ser isseħħ huwa sussegwenti għad-data tal-ħlasijiet akkont u tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT sussegwenti.

58      F’dan ir-rigward, fil-punt 52 tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN (C-107/13, EU:C:2014:151), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sitwazzjoni, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, li fiha kien paċifiku li l-kunsinna tal-oġġetti li għalihom l-akkwirent kien ħallas akkont ma twettqitx, għandu jiġi kkunsidrat li tibdil tal-fatturi meqjusa għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa sar wara d-dikjarazzjoni tal-VAT, fis-sens tal-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2006/112. Għaldaqstant, f’tali sitwazzjoni, l-Awtorità tat-Taxxa tista’ teżiġi l-aġġustament tal-VAT imnaqqsa mill-persuna taxxabbli.

59      Madankollu, ċirkustanzi partikolari jiddistingwu l-kawżi prinċipali mill-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza.

60      Minn naħa, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni Ewropea, fil-kawżi prinċipali, l-akkwirenti kienu diġà kisbu dħul mill-oġġetti li għalihom huma għamlu ħlasijiet akkont qabel anki l-kunsinna effettiva tagħhom. Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-akkwirenti kienu taw b’kera l-oġġetti inkwistjoni u kienu daħlu, fuq din il-bażi, ħlasijiet ta’ kera. B’hekk, dawn l-oġġetti, intaxxati b’taxxa tal-input, intużaw, sa ċertu punt, għal tranżazzjonijiet intaxxati downstream.

61      Min-naħa l-oħra, iż-żewġ kawżi prinċipali huma kkaratterizzati mill-fatt li l-kunsinni tal-oġġetti ordnati mill-akkwirenti ma setgħux iseħħu minħabba prattiċi ta’ kummerċ frawdolenti u assoċjazzjoni għat-twettiq ta’ frodi li involvew lir-rappreżentanti tal-fornituri, li wasslu għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza kontra dawn tal-aħħar, li fosthom waħda minnhom ingħalqet minħabba nuqqas ta’ assi.

62      Għalhekk, dawn il-kawżi ma jirrigwardawx, kuntrarjament għal dik li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN (C-107/13, EU:C:2014:151), każijiet ta’ frodi tal-VAT. Fuq din il-bażi, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa stabbilit li l-VAT marbuta mal-ħlasijiet akkont inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tħallset mill-fornituri lit-teżor pubbliku. Barra minn hekk, sa fejn dawn il-fornituri, fid-dawl tal-istat ta’ insolvenza tagħhom, ma jħallsux lura dawn il-ħlasijiet akkont, il-VAT dovuta minnhom lill-imsemmi teżor, fuq il-bażi tad-dħul ta’ dawn il-ħlasijiet akkont, ma għandhiex tiġi aġġustata skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 65, 90 u 123 tad-Direttiva 2006/112. Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħalma huwa dawk tal-kawżi prinċipali, l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT mill-akkiwrenti fuq il-bażi tal-imsemmija ħlasijiet akkont ma jinvolvi, għat-teżor pubbliku, ebda riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali.

63      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punt 57 tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN (C-107/13, EU:C:2014:151, punt 57), li l-fatt li l-VAT dovuta minn dan il-fornitur ma hijiex aġġustata ma għandu, fil-prinċipju, ebda impatt fuq id-dritt tal-Awtorità tat-Taxxa li tikseb il-ħlas lura tal-VAT imnaqqsa mill-akkwirent tal-oġġetti minħabba l-ħlas akkont marbut ma’ tali kunsinna.

64      Madankollu, għandu jiġi osservat li, fil-każ ta’ aġġustament tad-dritt għal tnaqqis f’sitwazzjoni fejn il-ħlas akkont ma jkunx ġie rrimborsat, l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali hija żgurata mill-possibbiltà, li l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġiżlazzjoni tagħhom, għall-akkwirent li jikseb mill-fornitur tiegħu l-ħlas lura tal-ħlas akkont li jkun għamel għall-kunsinna ta’ oġġetti li finalment ma seħħitx (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2013, LVK, C-643/11, EU:C:2013:55 punt 48, u tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN, (C-107/13, EU:C:2014:151, punt 55).

65      Issa, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fid-dawl tal-istat ta’ insolvenza tal-fornituri, huwa eċċessivament diffiċli, jekk mhux impossibbli, għall-akkwirenti li jiksbu r-rimbors tal-ħlasijiet akkont li huma ħallsu in bona fide għall-kunsinna tal-oġġetti ordnati.

66      Barra minn hekk, fir-rigward tal-każijiet ta’ VAT iffatturata indebitament minħabba l-assenza ta’ tranżazzjoni taxxabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, ċertament, li l-prinċipji ta’ newtralità u ta’ effettività ma jipprekludux, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li huwa biss il-fornitur li jista’ jitlob lill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti r-rimbors tal-ammonti li huwa ħallas lilhom bi żball bħala VAT, filwaqt li l-akkwirent tal-beni għandu jeżerċita azzjoni kontra dan il-fornitur sabiex jikseb, min-naħa tiegħu, rimbors ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, jekk tali azzjoni ssir impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza tal-fornitur, l-imsemmija prinċipji jistgħu jeżiġu li l-akkwirent ikun jista’ jagħmel it-talba ta’ rimbors tiegħu direttament lill-awtoritajiet tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C-35/05, EU:C:2007:167, punti 39, 41 u 42).

67      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma ta’ natura li japplikaw, mutatis mutandis, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. B’hekk, kemm-il darba jkunu kostretti jaġġustaw it-tnaqqis li jkun sar bħala VAT imħallsa fuq ħlasijiet akkont li huma jkunu għamlu u ma jkunux jistgħu jiġu rrimborsati mill-fornituri, l-akkwirenti jkollhom, konformement mal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punt preċedenti, kreditu kontra l-awtoritajiet tat-taxxa għal ammont identiku għal dak irkuprat minn dawn fil-kuntest ta’ dan l-aġġustament.

68      Issa, ikun manifestament irraġonevoli li l-imsemmija akkwirenti jiġu kostretti jaġġustaw dan it-tnaqqis u mbagħad iressqu azzjoni kontra l-awtoritajiet tat-taxxa sabiex jiksbu r-rimbors tal-VAT imħallsa fuq il-ħlasijiet akkont inkwistjoni.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C-660/16 u għat-tieni u għat-tielet domanda fil-Kawża C-661/16 għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 185 u 186 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li għandhom l-effett li jissuġġettaw l-aġġustament tal-VAT marbuta mal-ħlas akkont fil-kuntest tal-kunsinna ta’ oġġett għar-rimbors ta’ dan il-ħlas akkont mill-fornitur.

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C-660/16

70      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C-660/16.

 Fuq l-ispejjeż

71      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 65 u 167 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud marbuta ma’ ħlas akkont ma jistax jiġi miċħud lill-akkwirent potenzjali tal-oġġetti inkwistjoni ladarba dan il-ħlas akkont sar u ġie rċevut u ladarba, fil-mument ta’ dan il-ħlas, l-elementi rilevanti kollha tal-kunsinna futura setgħu jitqiesu li kienu magħrufa minn dan l-akkwirent u ladarba l-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti kienet għalhekk tidher ċerta. Madankollu, tali dritt jista’ jiġi miċħud lill-imsemmi akkwirent jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li, fil-mument tal-ħlas akkont, huwa kien jaf jew ma setax raġonevolment ma jkunx jaf li din il-kunsinna kienet inċerta.

2)      L-Artikoli 185 u 186 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li għandhom l-effett li jissuġġettaw l-aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud marbuta mal-ħlas akkont fil-kuntest tal-kunsinna ta’ oġġett għar-rimbors ta’ dan il-ħlas akkont mill-fornitur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.