Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

22.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Litwanja) fit-3 ta’ Marzu 2017 – UAB “Enteco Baltic” vs Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

(Kawża C-108/17)

(2017/C 161/15)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Vilniaus apygardos administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: UAB “Enteco Baltic”

Konvenua: Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143(2) tad-Direttiva tal-VAT (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu lil awtorità fiskali ta’ Stat Membru milli tirrifjuta li tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 143(1)(d) ta’ din id-direttiva abbażi tas-sempliċi fatt li fil-mument tal-importazzjoni kien previst li l-prodotti jiġu pprovduti lil persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT, li jispjega għalfejn in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tagħha huwa indikat fid-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni, meta l-prodotti, wara tibdil ulterjuri taċ-ċirkustanzi, ġew ikkunsinnati lil persuna taxxabbli oħra (persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT) u l-awtorità intbagħtitilha l-informazzjoni kollha dwar l-identità tax-xerrej attwali?

2)

Huwa possibbli, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT jiġu interpretati fis-sens li dokumenti li ma ġewx ikkontestati (noti ta’ kunsinna e-AD [dokument amministrattiv elettroniku], u konfermi e-ROR [riċevuta ta’ kunsinna elettronika]) li jikkonfermaw it-trasport ta’ prodotti minn maħżen doganali li jinsab fi Stat Membru lejn maħżen doganali li jinsab fi Stat Membru ieħor jistgħu jitqiesu li huma prova suffiċjenti tal-esportazzjoni ta’ prodotti lejn Stat Membru ieħor?

3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu lil awtorità fiskali ta’ Stat Membru milli tirrifjuta li tapplika l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni jekk id-dritt ta’ dispożizzjoni mill-prodotti ma jkunx ġie ttrasferit lix-xerrej direttament, iżda permezz tal persuni li jkun indika (impriżi ta’ trasport jew imħażen doganali)?

4)

Il-prinċipji ta’ newtralità fil-qasam tal-VAT u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu prassi amministrattiva ibbażata fuq interpretazzjoni differenti ta’ dak li għandu jiġi kkunsidrat bħala trasferiment tad-dritt ta’ dispożizzjoni u tal-provi li għandhom jitreqqsu sabiex jiġi ssostanzjat dan it-trasferiment, skont jekk jiġux applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 167 jew dawk tal-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT?

5)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ bona fide fil-qasam tal-VAT jinkludi wkoll id-dritt tal-persuni għal eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni [abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT] f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiġifieri meta l-awtorità doganali tibbaża ruħha, sabiex tirrifjuta d-dritt tal-persuna suġġetta għat-taxxa għal eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni, fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ żamma tal-kunsinna tal-oġġetti ġewwa l-Unjoni Ewropea ma humiex issodisfatti (id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 138 tad-Direttiva tal-VAT)?

6)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi amministrattiva tal-Istati Membri skont liema l-preżunzjoni li (i) id-dritt ta’ dispożizzjoni ma ġiex ittrasferit lil parti kokontraenti speċifika u li (ii) il-persuna taxxabbli kienet taf jew setgħet kienet taf li l-parti kokontraenti kienet forsi wettqet frodi fil-qasam tal-VAT, minħabba li l-impriża kkomunikat mal-partijiet kokontraenti permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi u li matul riċerki mwettqa mill-amministrazzjoni fiskali ġie stabbilit li l-partijiet kokontraenti ma kinux jeżerċitaw attivitajiet fl-indirizzi indikati u ma kinux iddikkjaraw il-VAT relatata mat-tranżazzjonijiet imwettqa mal-persuna suġġetta għat-taxxa?

7)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li minkejja l-fatt li l-obbligu li jiġi ġġustifikat id-dritt għal eżenzjoni jaqa’ fuq il-persuna suġġetta għat-taxxa, huma ma jeskludux l-obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, meta jeżaminaw il-kwistjoni tat-trasferiment tad-dritt ta’ dispożizzjoni, li jiġbru informazzjoni li l-awtoritajiet pubbliċi biss jistgħu jaċċedu għalihom?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1).