Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

22 ta’ Frar 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(c), Artikolu 9 u Artikolu 13(1) – Nuqqas ta’ ssuġġettar – Kunċett ta’ ‘korp irregolat mid-dritt pubbliku’ – Kumpannija kummerċjali li hija miżmuma 100 % minn komun, inkarigat b’ċerti kompiti pubbliċi li għalihom dan il-komun huwa responsabbli – Determinazzjoni ta’ dawn il-kompiti u r-remunerazzjoni tagħhom f’kuntratt konkluż bejn din il-kumpannija u l-imsemmi komun”

Fil-Kawża C-182/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ April 2017, fil-proċedura

Nagyszénás Településszolgáltatási Nonprofit Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios, F. Clotuche-Duvieusart u L. Havas, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwima bejn Nagyszénás Településszolgáltatási Nonprofit Kft. (iktar ’il quddiem “NTN”) u Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatóság (id-Direttorat tal-Appelli tal-Uffiċċju Nazzjonali tat-Taxxi u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar l-issuġġettar ta’ din il-kumpannija għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), għal ċerti attivitajiet li hija responsabbli għalihom skont kuntratt konkluż mal-komun ta’ Nagyszénás (l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ikkonċernat”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[...]

ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4        Skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5        L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti.

2.      Stati Membri jistgħu jikkunsidraw attivitajiet eżentati skont l-Artikoli 132 [...] li jitwettqu minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku bħala attivitajiet li dawk il-korpi jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi.”

6        L-Artikolu 24(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

7        L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

 Id-dritt Ungeriż

8        L-általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. törvény (il-Liġi Nru CXXVII tal-2007 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), fl-Artikolu 7 tagħha, tipprevedi:

“(1)      Attività ta’ awtorità pubblika eżerċitata minn korp jew persuna awtorizzata sabiex teżerċita awtorità pubblika skont il-Liġi Fundamentali tal-Ungerija jew ta’ regola ta’ dritt adottata abbażi ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-imsemmija Liġi Fundamentali ma hijiex attività ekonomika u ma hijiex suġġetta għal ebda taxxa.

(2)      L-attivitajiet ta’ awtorità pubblika jinkludu b’mod partikolari l-attività leġiżlattiva, l-attività ġudizzjarja, l-attività ta’ awtorità pubblika, id-difiża, iż-żamma tal-ordni, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u tal-affarijiet barranin, l-attivitajiet tal-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt, il-kontroll amministrattiv u finanzjarju, is-sorveljanza u l-kontroll tal-legalità, l-attività deċiżjonali dwar it-tqassim tal-għajnuniet baġitarji, tal-għajnuniet tal-Unjoni Ewropea u ta’ għajnuniet oħra internazzjonali.”

9        Il-Magyarország helyi önkormányzatairól szóló 2011. évi CLXXXIX. törvény (il-Liġi Nru CLXXXIX tal-2011 dwar l-Awtoritajiet Lokali tal-Ungerija), tipprovdi, fl-Artikolu 13 tagħha:

“(1)      L-affarijiet pubbliċi lokali, kif ukoll il-kompiti tal-awtoritajiet lokali li għandhom jiġu mwettqa fil-kuntest ta’ kompiti pubbliċi li jistgħu jitwettqu fuq livell lokali, huma b’mod partikolari l-kompiti li jikkonsistu f’li jiżguraw:

[...]

2.      Il-ġestjoni ta’ qasam pubbliku (ġestjoni u manutenzjoni taċ-ċimiterji pubbliċi, ġestjoni tad-dawl pubbliku, provvista ta’ servizzi ta’ tindif, ġestjoni u manutenzjoni tat-toroq pubbliċi u l-aċċessorji tagħhom, ġestjoni u manutenzjoni tal-ġonna pubbliċi u spazji pubbliċi oħrajn, ġestjoni tal-parking tal-vetturi);

[...]

5.      L-iġene pubblika (l-iġene u l-indafa tal-ambjent lokali, id-diżinfezzjoni u l-kontroll tal-insetti u rodituri);

[...]

9.      Il-ġestjoni tal-abitazzjonijiet u postijiet oħra;

[...]

14.      Il-possibbiltà għall-produtturi żgħar u l-produtturi agrikoli, li jbigħu l-prodotti tagħhom direttament lill-konsumaturi, kif iddefinit f’regola tad-dritt, inkluż fl-aħħar jiem tal-ġimgħa;

(2)      Il-liġi tista’ tiddefinixxi wkoll kompiti oħra tal-awtoritajiet lokali li għandhom jiġu mwettqa fil-kuntest tal-affarijiet pubbliċi, kif ukoll kompiti pubbliċi li jistgħu jitwettqu fuq livell lokali.”

10      L-Artikolu 41(6) u (8) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“(6)      Għall-finijiet tal-implementazzjoni tas-servizzi pubbliċi li jaqgħu fil-kamp tal-kompetenzi tiegħu, il-kulleġġ tar-rappreżentanti jista’ joħloq, konformement mal-liġi, entitajiet baġitarji, korpi ta’ natura ekonomika, bħal dawk previsti mill-kodiċi ta’ proċedura ċivili, korpi mingħajr skop ta’ qligħ u korpi oħra [...] u jista’ jikkonkludi kuntratt ma’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, jew ma’ korpi mingħajr personalità ġuridika.

[...]

(8)      Il-liġi tista’ teżiġi li ċerti servizzi pubbliċi determinati ma jistgħux ikunu żgurati ħlief minn entità baġitarja maħluqa għal dan il-għan, permezz ta’ kumpannija kummerċjali li għandha personalità ġuridika, miżmuma mill-Istat jew tal-inqas fil-maġġoranza tagħha miżmuma minn awtorità lokali, li fiha l-Istat jew l-awtorità lokali jeżerċitaw tal-inqas influwenza maġġoritarja, jew minn kumpannija kummerċjali li għandha personalità ġuridika tal-inqas miżmuma fil-maġġoranza tagħha minn kumpannija kummerċjali bħal dik hawn fuq imsemmija, u li fiha kumpannija kummerċjali bħal dik hawn fuq imsemmija teżerċita tal-inqas influwenza maġġoritarja, jew ukoll minn sindakat komunali”.

11      Skont l-Artikolu 112(1) tal-Liġi Nru CLXXXIX tal-2011 dwar l-Awtoritajiet Lokali tal-Ungerija:

“L-awtorità lokali għandha tagħżel il-forom ta’ ġestjoni adattati għall-kompiti tagħha u, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet finanzjarji, tistabbilixxi b’mod awtonomu l-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni. L-awtorità lokali għandha toħloq il-kundizzjonijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħha mir-riżorsi tagħha stess, minn riżorsi ttrasferiti minn korpi ta’ ġestjoni oħrajn u minn għajnuniet ġejjin mill-baġit tal-Istat.”

12      L-Artikolu 3/A(1) u (2) tal-államháztartásról szóló 2011. évi CXCV. törvény (il-Liġi Nru CXCV tal-2011 dwar il-Finanzi Pubbliċi), huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Kompitu pubbliku huwa kompitu li huwa responsabbli għalih l-Istat jew l-awtoritajiet lokali, kif iddefinit mil-liġi.

(2)      It-twettiq tal-kompiti pubbliċi permezz tal-ħolqien u l-operazzjoni ta’ entitajiet baġitarji jew il-finanzjament neċessarju għat-twettiq tagħhom huwa żgurat, parzjalment jew fl-intier tiegħu, permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mezzi previsti f’din il-liġi. L-entitajiet extra baġitarji jistgħu jikkompetu għat-twettiq ta’ kompiti pubbliċi taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Fl-1 ta’ Lulju 2007, NTN, kumpannija b’responsabbiltà limitata mingħajr skop ta’ qligħ miżmuma 100 % mill-komun ta’ Nagyszénás, ikkonkludiet ma’ dan il-komun l-kuntratt ikkonċernat “dwar it-twettiq ta’ kompiti u l-użu tal-beni”, li bih hija impenjat ruħha, bil-korrispettiv ta’ kumpens dovut mill-imsemmija muniċipalità u permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti beni proprjetà ta’ din tal-aħħar, għat-twettiq ta’ ċerti kompiti pubbliċi elenkati f’anness ta’ dan il-kuntratt.

14      Dawn jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-ġestjoni ta’ abitazzjonijiet u ta’ postijiet oħra, il-ġestjoni tat-toroq pubbliċi lokali, il-kwarantina, id-distruzzjoni tat-tniġġis u l-kontroll tan-nemus, il-manutenzjoni tal-parks, tal-ispazji pubbliċi u ta’ żoni ħodor oħrajn, il-ġestjoni ta’ postijiet tal-biċċerija u servizzi ta’ biċċerija kif ukoll il-manutenzjoni tas-suq lokali.

15      Il-modalitajiet għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti huma speċifikati fl-annessi tal-imsemmi kuntratt. Għaldaqstant, NTN hija fl-obbligu li żżomm djarji dwar it-twettiq tal-kompiti differenti, sabiex tippermetti lill-komun li jikkontrolla li dawn ikunu twettqu fit-termini mogħtija u, fil-każ oppost, li jiffissa terminu sabiex dan isir. Jekk dawn il-kompiti ma jkunux għadhom twettqu fl-iskadenza tat-terminu stabbilit, huwa previst li l-NTN għandha tirrimborsa lill-komun ta’ Nagyszénás il-parti tal-kumpens li tikkorrispondi man-nuqqas ikkonstatat.

16      Fl-Anness Nru 6 tal-kuntratt ikkonċernat hemm elenkati l-mezzi sostantivi neċessarji għat-twettiq tal-kompiti li ġew ittrasferiti lil NTN.

17      Għas-sena 2014, dan il-komun ħallas lil NTN is-somma ta’ HUF 23 850 000 forint Ungeriż, madwar EUR 93 000, bħala kumpens għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti.

18      NTN ma ħarġitx fattura intiża għall-komun ta’ Nagyszénás fir-rigward tat-twettiq ta’ dawn il-kompiti u lanqas ma għaddiet il-VAT fuq is-somma rċevuta bħala korrispettiv għat-twettiq tal-imsemmija kompiti.

19      Wara l-kontrolli mwettqa, l-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Grad ħadet żewġ deċiżjonijiet li jistabbilixxu dejn ta’ VAT ta’ NTN għall-ewwel tliet trimestri tas-sena u imponiet fuq din il-kumpannija multa fiskali, flimkien ma’ penalitajiet moratorji.

20      L-Uffiċċju kkonferma dawn id-deċiżjonijiet abbażi, essenzjalment, tal-istess raġunijiet magħmula mill-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Grad.

21      NTN sostniet quddiem l-awtoritajiet fiskali li, skont il-kuntratt ikkonċernat, il-komun ta’ Nagyszénás kien fdalha l-implementazzjoni tal-kompiti pubbliċi permezz ta’ beni mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha u li dan il-kuntratt ma kienx jikkostitwixxi kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi. Barra minn hekk, hija tikkostitwixxi “entità baġitarja”, peress li hija twettaq il-kompiti tagħha bis-saħħa ta’ “għajnuniet”, jiġifieri mezzi finanzjarji mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha minn dan il-komun.

22      L-Uffiċċju qies, b’mod partikolari, li NTN kienet irċeviet il-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala korrispettiv għall-provvisti ta’ servizzi konkreti u li, għaldaqstant, kienet twettqet tranżazzjoni taxxabbli, b’tali mod li l-ammont ta’ dan il-kumpens kien taxxabbli. Il-fatt li l-komun ta’ Nagyszénás jista’ jitlob espressament lil NTN li taġġornaha u li tinformaha regolarment dwar l-implementazzjoni tal-kuntratt ikkonċernat jikkostitwixxi prova oħra li turi li din il-kumpannija ma rċevietx għajnuna, iżda ġiet irremunerata għall-provvista konkreta ta’ servizzi.

23      L-Uffiċċju qies ukoll li NTN setgħet tiġi meqjusa bħala li għandha l-kwalità ta’ persuna taxxabbli. Min-naħa l-oħra, din il-kumpannija ma għandhiex il-kwalità ta’ korp awtorizzat sabiex jeżerċita l-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, peress illi hija ma tikkostitwixxix entità li taqa’ taħt il-baġit tal-Istat, iżda kumpannija kummerċjali maħluqa mill-komun ta’ Nagyszénás u rreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji. Min-naħa l-oħra, l-attività eżerċitata minn NTN ma hijiex attività ta’ awtorità pubblika, iżda attività ekonomika, peress li din il-kumpannija kkontribwixxiet biss għat-twettiq ta’ kompiti komunali, mingħajr ma wettqithom direttament. F’dan il-kuntest, huwa wkoll rilevanti l-fatt li NTN għamlet provvisti ta’ servizzi mhux biss għall-komun ta’ Nagyszénás, iżda għal persuni oħra wkoll, provvisti li għalihom din il-kumpannija eżerċitat id-dritt tagħha għal tnaqqis.

24      Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet l-azzjoni mressqa minn NTN kontra d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju. Hija qieset li ma setax jiġi sostnut li NTN kienet twettaq kompiti ta’ awtorità pubblika skont il-kuntratt ikkonċernat, peress li din ma hijiex “entità baġitarja”, iżda kumpannija kummerċjali mingħajr skop ta’ qligħ, u l-komun ta’ Nagyszénás ikompli jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti.

25      Barra minn hekk, skont din il-qorti, il-kumpens imħallas bħala korrispettiv għas-servizzi kellhom ikunu mwettqa minn NTN skont dan il-kuntratt u ma jiffinanzjax b’mod ġenerali il-funzjonament ta’ din tal-aħħar, b’tali mod li hija tikkostitwixxi l-bażi taxxabbli tal-VAT. Il-fatt li NTN naqqset it-taxxa tal-input iffatturata fir-rigward tal-akkwisti relatati mal-eżekuzzjoni tal-imsemmija kompiti jappella wkoll favur in-natura taxxabbli tat-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett tal-imsemmi kuntratt.

26      Adita b’appell ta’ kassazzjoni mressaq minn NTN kontra d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) tqis li, f’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk kumpannija kummerċjali bħal ma hija NTN taqax taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, u jekk, konsegwentement, hija ma hijiex suġġetta għall-VAT.

27      Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tweġiba għal din il-kwistjoni timponi li jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk din il-kumpannija għandhiex tiġi kklassifikata bħala “korp ieħor tad-dritt pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, fit-tieni lok, jekk din, filwaqt li tiżgura s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, eżerċitatx attività bħala awtorità pubblika.

28      Il-qorti tar-rinviju tqis li t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tidher li hija issodisfatta, peress li, billi żgurat is-servizzi pubbliċi speċifikati fil-kuntratt ikkonċernat, NTM eżerċitat, bħala awtorità pubblika, attività msemmija fil-Liġi Nru CXXVII tal-2007 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud bħala attività li taqa’ taħt l-awtorità pubblika.

29      Min-naħa l-oħra, ma huwiex ċert li l-ewwel waħda mill-imsemmija kundizzjonijiet hija ssodisfatta f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha kumpannija kummerċjali mingħajr skop ta’ qligħ miżmuma 100 % minn komun hija inkarigata, skont kuntratt konkluż ma’ dan tal-aħħar, li twettaq ċerti kompiti komunali b’korrispettiv ta’ kumpens imħallas mill-imsemmi komun.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Kumpannija kummerċjali li hija miżmuma 100 % minn muniċipalità [komun] hija inkluża fil-kunċett ta’ ‘korp irregolat mid-dritt pubbliku’ fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [2006/112] [...]?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, jista’ jitqies li l-kumpannija kummerċjali tkun qiegħda taġixxi bħala awtorità pubblika meta twettaq kompiti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-muniċipalità li iżda din tal-aħħar tkun iddelegat lil din il-kumpannija?

3)      Fil-każ li r-risposta għal kull waħda miż-żewġ domandi preċedenti tkun fin-negattiv, jista’ jitqies li l-ammont imħallas mill-muniċipalità lill-kumpannija kummerċjali għat-twettiq tal-kompiti inkwistjoni jikkostitwixxi korrispettiv?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tielet domanda

31      Permezz tat-tielet domanda tagħha li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi pprovduta b’titolu oneruż, suġġetta għall-VAT skont din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li twettaq ċerti kompiti pubbliċi skont kuntratt konkluż bejn din il-kumpannija u komun.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-possibbiltà li tikklassifika provvista ta’ servizzi bħala “tranżazzjoni b’titolu oneruż” suġġetta, bħala regola ġenerali, għall-VAT, konformement mal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, tippreżupponi biss l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn din il-provvista u korrispettiv realment irċevut mill-persuna taxxabbli. Tali rabta diretta hija stabbilita meta jkun hemm relazzjoni legali bejn il-fornitur u l-benefiċjarju li fl-ambitu tagħha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-fornitur tkun il-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 32, u tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C-263/15, EU:C:2016:392, punt 26).

33      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li attività taqa’ taħt il-kunċett ta’ “attività ekonomika”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, jekk din titwettaq bl-għan li jiġi ġġenerat dħul li jkun ta’ natura permanenti (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C-263/15, EU:C:2016:392, punt 28).

34      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk mill-informazzjoni pprovduta fil-proċess u, b’mod partikolari, mill-kuntratt ikkonċernat jirriżultax li l-attivitajiet ta’ NTN twettqux b’titolu oneruż u, għaldaqstant, humiex ta’ natura ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, li tikkonferixxi fuq NTN il-kwalità ta’ persuna taxxabbli. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil din il-qorti, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jippermettulha li tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 34).

35      F’dan ir-rigward, huwa indikat fl-imsemmija deċiżjoni li, skont l-imsemmi kuntratt, NTN impenjat ruħha, “bil-korrispettiv ta’ kumpens offrut mill-komun [ta’ Nagyszénás]”, sabiex twettaq ċerti kompiti pubbliċi li għalihom huwa responsabbli, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, dan il-komun.

36      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tinvoka wkoll in-natura permanenti u kontinwa tas-servizzi pprovduti minn NTN lill-komun ta’ Nagyszénás u tal-kumpens imħallas bħala korrispettiv minn dan il-komun, li jintwera mill-fatt li s-servizzi msemmija mill-kuntratt ikkonċernat huma pprovduti minn NTN lill-imsemmi komun mis-sena 2007, bħala korrispettiv tal-kumpens previst mill-imsemmi kuntratt.

37      Jekk dan il-fatt jiġi kkonfermat, jirriżulta li ċ-ċirkustanza, li l-imsemmi kumpens huwa stabbilit, skont il-każ, mhux skont il-provvisti individwalizzati, iżda fil-forma ta’ somma f’daqqa u fuq bażi annwali, b’mod li jkopri l-ispejjeż operattivi ta’ din il-kumpannija, ma hijiex fiha nnifisha n-natura diretta tar-rabta eżistenti bejn il-provvista tas-servizzi effettwata u l-korrispettiv irċevut (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 36).

38      Barra minn hekk, in-natura diretta ta’ din ir-rabta ma tistax titpoġġa f’dubju minħabba l-fatt, li wieħed jassumi li huwa vverifikat, li l-kuntratt ikkonċernat fih klawżoli li jippermettu, f’ċerti ċirkustanzi, l-aġġustament tal-ammont tal-kumpens, lanqas minħabba l-fatt li dan l-ammont huwa stabbilit f’livell iktar baxx mill-prezz normali tas-suq, sakemm il-livell tal-kumpens huwa ddeterminat minn qabel, skont kriterji stabbiliti, li jiggarantixxi li dan huwa suffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż operattivi ta’ NTN (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 38, u tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C-263/15, EU:C:2016:392, punti 45 u 46).

39      Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tan-natura oneruża tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċirkustanza li t-twettiq tal-kompiti pubbliċi ikkonċernati huwa impost fuq il-komun ta’ Nagyszénás minn regola tad-dritt ma tistax tqiegħed f’dubju la l-klassifikazzjoni ta’ tali attività bħala “provvista ta’ servizzi” u lanqas ir-rabta diretta bejn din il-provvista u l-korrispettiv tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C-263/15, EU:C:2016:392, punt 41).

40      Fil-fatt, il-fatt li l-attività msemmija tikkonsisti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ikkonferiti u rregolati mil-liġi, fl-interess ġenerali, huwa mingħajr rilevanza għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk din l-attività tikkonsistix fil-provvista ta’ servizzi b’titolu oneruż. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-attività msemmija jkollha bħala suġġett l-eżekuzzjoni ta’ obbligu kostituzzjonali li jaqa’ esklużivament u direttament fuq l-Istat Membru kkonċernat, ir-rabta diretta eżistenti bejn il-provvista ta’ servizzi effettwata u l-korrispettiv irċevut ma tistax titqiegħed f’dubju minn dan il-fatt biss (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C-263/15, EU:C:2016:392, punt 42).

41      Barra minn hekk, minkejja li l-għan tal-interess ġenerali kopert minn ċerti servizzi pprovduti, b’mod partikolari, minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku huwa meħud inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sistema komuni tal-VAT, sa fejn, skont l-Artikolu 132(1) tad-Direttiva 2006/112, xi wħud minn dawn il-provvisti għandhom ikunu eżenti mill-VAT, huwa paċifiku li l-attività li għaliha hija responsabbli NTN skont il-kuntratt ikkonċernat ma taqax taħt waħda minn dawn id-derogi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 41).

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-fatti rilevanti, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi pprovduta b’titolu oneruż, suġġetta għall-VAT skont din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li twettaq ċerti kompiti pubbliċi skont kuntratt konkluż bejn din il-kumpannija u komun.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

43      Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt ir-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li twettaq ċerti kompiti pubbliċi komunali skont kuntratt konkluż bejn din il-kumpannija u komun, fil-każ fejn din l-attività tikkostitwixxi attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva.

44      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta minn analiżi tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva li żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti flimkien sabiex tista’ tiġi applikata r-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar prevista f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ attivitajiet minn korp pubbliku u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet magħmula fil-kwalità ta’ awtorità pubblika (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dik dwar il-kwalità ta’ korp pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li, għalkemm il-fatt li l-korp ikkunsidrat għandu, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma huwiex determinanti għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, dan jikkostitwixxi madankollu, sa fejn huwa karatteristika essenzjali speċifika għal kull awtorità pubblika, indikazzjoni ta’ ċertu importanza sabiex jiġi stabbilit li dan il-korp għandu jiġi kklassifikat bħala “korp irregolat mid-dritt pubbliku” (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 58).

46      Issa, f’dan il-każ, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li NTN ma għandhiex, għall-eżekuzzjoni tal-kompiti pubbliċi fdati lilha mill-kuntratt ikkonċernat, waħda mill-prerogattivi ta’ awtorità pubblika li l-komun ta’ Nagyszénás għandu.

47      Ċerti karatteristiċi oħra ta’ NTN jidhru wkoll li jargumentaw kontra klassifikazzjoni tagħha bħala “korp irregolat mid-dritt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, sa fejn huma jqiegħdu f’dubju l-fatt li din il-kumpannija tista’ tkun meqjusa bħala suffiċjentement integrata fl-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika ta’ dan il-komun.

48      Fil-fatt, NTN, sa fejn din hija kkostitwita mill-komun ta’ Nagyszénás fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata mingħajr skop ta’ qligħ, hija, qabel kollox, persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, li għandha, skont ir-regoli tad-dritt li huma applikabbli għaliha, ċerta awtonomija mill-imsemmi komun fil-kuntest tal-operat tagħha u tal-ġestjoni ta’ kuljum tagħha.

49      F’dan il-kuntest, ma jidhirx li teżisti rabta organika bejn NTN u l-komun ta’ Nagyszénás, sa fejn din il-kumpannija ma kinitx stabbilita minn att deċiżjonali adottat minn dan il-komun, li jiddefinixxi s-servizzi li għandhom jiġu pprovduti lil dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 67).

50      Jekk l-awtonomija ta’ NTN hija ċertament limitata mill-fatt li l-kapital tagħha, li mhux miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ individwi, huwa 100 % miżmum mill-komun ta’ Nagyszénás, elementi oħra huma ta’ natura li jindikaw li din tal-aħħar ma hijiex f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-attivitajiet tal-imsemmija kumpannija.

51      Għaldaqstant, huwa paċifiku li l-komun ta’ Nagyszénás ma huwiex l-uniku “klijent” ta’ NTN u li s-servizzi pprovduti minn din il-kumpannija lil terzi ma humiex ta’ importanza marġinali, huma taxxabbli u effettivament, ġew intaxxati.

52      Barra minn hekk, il-kuntratt ikkonċernat fih ċerti klawżoli li jippermettu lill-komun ta’ Nagyszénás jikkontrolla t-twettiq tal-kompiti fdati lil NTN, li għandu tendenza jindika l-assenza ta’ kontroll effettiv eżerċitat minn dan il-komun.

53      Fl-aħħar nett, ma jidhirx li dan il-kuntratt fih klawżoli li jippermettu lill-imsemmi komun jistabbilixxi linji gwida li jiġu imposti fuq NTN fit-twettiq tal-imsemmija kompiti.

54      Bla ħsara għall-verifika ta’ dawn id-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi nazzjonali mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ evalwazzjoni sħiħa li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-prinċipju li skontu l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, bħala deroga mir-regola ġenerali tal-issuġġettar għall-VAT ta’ kull attività ta’ natura ekonomika, għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), jidher li l-kumpannija kkonċernata ma tistax tiġi kklassifikata bħal “korp irregolat mid-dritt pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

55      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni magħmula mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, li biha huma eżentati mill-VAT biss l-attivitajiet imwettqa minn korp irregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi fil-kwalità ta’ awtorità pubblika, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C-174/14, EU:C:2015:733, punti 70 u 71 u l-ġurisprudenza ċċitata), jidher li lanqas din il-kundizzjoni ma hija ssodisfatta f’dan il-każ.

56      Fil-fatt, peress li NTN hija, skont l-punti ta’ fatt u ta’ liġi nazzjonali li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, irregolata b’dispożizzjonijiet tad-dritt privat u ma għandhiex, għat-twettiq tal-kompiti pubbliċi fdati lilha skont il-kuntratt ikkonċernat, waħda mill-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tal-komun ta’ Nagyszénás, kif ġie kkonstatat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi sostnut li din il-kumpannija teżerċita attività fil-kuntest ta’ skema tad-dritt pubbliku.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi nazzjonali rilevanti, ma taqax taħt ir-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għall-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li twettaq ċerti kompiti pubbliċi komunali skont kuntratt konkluż bejn din il-kumpannija u komun, fil-każ fejn din l-attività tikkostitwixxi attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-fatti rilevanti, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi pprovduta b’titolu oneruż, suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud skont din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li twettaq ċerti kompiti pubbliċi skont kuntratt konkluż bejn din il-kumpannija u komun.

2)      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi nazzjonali rilevanti, ma taqax taħt ir-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud prevista f’din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, f’li twettaq ċerti kompiti pubbliċi komunali skont kuntratt konkluż bejn din il-kumpannija u komun, fil-każ fejn din l-attività tikkostitwixxi attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.