Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Kunsinna ta’ proprjetà immobbli mwettqa qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea – Nullità tal-kuntratt ta’ bejgħ ikkonstatata wara l-adeżjoni – Obbligu ta’ aġġustament tat-tnaqqis inizjali – Interpretazzjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C-364/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

“Varna Holideis” EOOD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “Varna Holideis” EOOD, minn M. Popov, advokat,

–        għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, minn S. Petkov, bħala aġent,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u T. Mitova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios, P. Mihaylova u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 90 u 185 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Varna Holideis” EOOD u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite (id-Direttur tad-Direttorat “Appell u Prassi fil-Qasam ta’ Tassazzjoni u ta’ Sigurtà Soċjali” għall-belt ta’ Varna, fi ħdan l-amministrazzjoni ċentrali tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija) dwar l-aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li din il-kumpannija kienet ħallset meta xtrat proprjetà immobbli sabiex tintuża bħala lukanda.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 63 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“Għandu jkun hemm avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija jew is-servizzi huma pprovduti.”

4        L-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT jiddisponi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali, jew fejn il-prezz hu mnaqqas wara li l-provvista tkun saret, l-ammont taxxabbli għandu jiġi ridott għaldaqstant skond kondizzjonijet li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1.”

5        L-Artikolu 179 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Il-persuna taxxabbli għandha teffettwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tal-VAT dovuta għal perijodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali ta’ VAT li fir-rigward tagħha, matul l-istess perijodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u hu eżerċitat skond l-Artikolu 178.

[…]”

6        L-Artikolu 184 tal-imsemmija direttiva jinqara kif ġej:

“It-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.”

7        L-Artikolu 185 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.      L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1, m’għandu jsir l-ebda aġġustament fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ distruzzjoni, telf jew serq tal-proprjetà li ġie ppruvat jew ikkonfermat kif imiss, jew fil-każ ta’ merkanzija riżervata għall-iskop ta’ għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir jew ta’ l-għoti ta’ kampjuni, kif speċifikat fl-Artikolu 16.

Madanakollu, fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ serq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jsir aġġustament.”

8        Skont l-Artikolu 186 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 184 u 185.”

 Id-dritt Bulgaru

9        L-Artikolu 78 taż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) (DV Nru 63, tal-4 ta’ Awwissu 2006, iktar ’il quddiem, iż-“ZDDS”), fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2007, jiddisponi:

“1)      Fil-każ ta’ bidla fil-valur taxxabbli, ta’ riżoluzzjoni ta’ kunsinna jew ta’ bidla fin-natura ta’ kunsinna, il-persuna taxxabbli għandha l-obbligu li taġġusta l-ammont tal-VAT imnaqqsa.

2)      Dan l-aġġustament għandu jsir fil-perijodu li matulu jseħħ l-avveniment imsemmi fil-paragrafu 1, permezz tal-inklużjoni tal-aġġustament imwettaq, skont id-dokument imsemmi fl-Artikolu 115 jew skont id-dokument il-ġdid imsemmi fl-Artikolu 116, fir-reġistru tal-akkwiżizzjonijiet u fid-dikjarazzjoni fiskali għall-perijodu korrispondenti.”

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Varna Holideis, kumpannija stabbilita f’Varna (il-Bulgarija), akkwistat, matul ix-xahar ta’ Diċembru 2004, proprjetà immobbli sabiex tintuża bħala lukanda fl-istess belt. Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Frar 2015 (Nru 201), li saret definittiva fl-istess ġurnata, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) iddikjarat in-nullità tal-bejgħ ta’ din il-proprjetà. Konsegwentement, din il-qorti ordnat lil Varna Holideis twettaq ir-restituzzjoni tal-imsemmija proprjetà lill-bejjiegħ u tħallas lura lil dan tal-aħħar il-prezz ta’ dan il-bejgħ.

11      Sabiex jeżegwixxi din is-sentenza, il-bejjiegħ bagħat noti ta’ kreditu lil Varna Holideis. Din tal-aħħar informat li hija kienet irrifjutathom u, fid-data tas-sentenza tar-rinviju tal-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), fis-7 ta’ Ġunju 2017, hija kienet għadha ma neħħietx il-proprjetà kkonċernata mir-reġistru katastali.

12      Fid-dawl tas-sentenza tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tat-12 ta’ Frar 2015 (Nru 201), it-Teritorialna direktsia na Natsionalnata agentsia za prihodite Varna (id-Direttorat Territorjali tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku ta’ Varna, il-Bulgarija) ħareġ avviż ta’ rkupru fir-rigward tax-xahar ta’ Frar 2015, sabiex il-VAT imnaqqsa minn Varna Holideis tiġi aġġustata skont il-VAT li kien suġġett għaliha l-akkwist ta’ din il-proprjetà matul is-sena 2004. Dan l-avviż ta’ rkupru ġie kkonfermat permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur tad-Direttorat “Appell u Prassi fil-Qasam ta’ Tassazzjoni u ta’ Sigurtà Soċjali”, għall-belt ta’ Varna, fi ħdan l-amministrazzjoni ċentrali tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li, għalkemm, ċertament, l-aġġustament tal-VAT wara dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ tranżazzjoni ma huwiex każ espressament previst mil-liġi Bulgara, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar li jirregolaw is-sitwazzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jiġu applikati b’analoġija, b’konformità mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

13      Fil-kuntest tar-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, Varna Holideis tikkontesta l-obbligu impost fuqha li taġġusta l-VAT inkwistjoni. Hija tqis li d-dritt Bulgaru jipprevedi aġġustament tal-VAT fil-każ ta’ riżoluzzjoni, iżda mhux fil-każ ta’ kanċellazzjoni. L-ewwel wieħed minn dawn il-kunċetti jikkorrispondi għas-sitwazzjoni fejn kreditur jittermina kunsinna retroattivament, filwaqt li t-tieni waħda minn dawn tikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom tranżazzjoni qatt ma setgħet tipproduċi effetti legali, u dan mill-bidu nett. Issa, id-dritt fiskali Bulgaru ma jirregolax dan l-aħħar każ.

14      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li d-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ tranżazzjoni permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tista’ tiġi kkwalifikata bħala modifika tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis, fis-sens tal-Artikolu 185 tad-Direttiva dwar il-VAT. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li n-nullità ta’ tranżazzjoni tista’ tindika wkoll li ma kienx hemm kunsinna, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, u li, konsegwentement, il-VAT qatt ma kienet dovuta. F’dan il-każ, ma għandux isir aġġustament, iżda d-dritt għal tnaqqis tal-VAT għandu jiġi rrifjutat.

15      Fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa fid-dritt Bulgaru, hemm lok, sabiex jiġu eżaminati l-konsegwenzi tan-nullità tal-bejgħ, minn perspettiva fiskali, li tiġi applikata direttament id-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, fil-każ fejn din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li n-nullità ta’ tranżazzjoni twassal għall-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, għandu jiġi eżaminat il-punt dwar jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva japplikawx direttament. Fil-fatt, jekk l-aġġustament ma sarx, jeżisti riskju ta’ telf ta’ VAT, peress li l-bejjiegħ ikun ħallas lura lix-xerrej il-prezz tal-proprjetà mibjugħa kif ukoll il-VAT li kien ħallas dan tal-aħħar, filwaqt li dan l-istess xerrej jista’ jżomm il-benefiċċju tal-ħlas tal-VAT li huwa stess kien naqqas.

16      Huwa f’dan il-kuntest li l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(1) u tal-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li l-aġġustament tal-kreditu fiskali applikat għat-tranżazzjoni jitwettaq anki f’każijiet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn it-tranżazzjoni li fir-rigward tagħha kien eżerċitat id-dritt għal tnaqqis kienet ġiet iddikjarata nulla bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet il-forza ta’ res judicata, jew fil-kuntest tad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jitqies li f’dan il-każ ma jistax jingħad li kien hemm tranżazzjoni u għalhekk a priori ma kien hemm ebda impożizzjoni ta’ taxxa?

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 185(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali dwar it-twettiq tal-aġġustament tal-kreditu fiskali applikat għal tranżazzjoni li kienet ġiet iddikjarata nulla bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, huwa possibbli li l-aġġustament jitwettaq direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva [dwar il-VAT]?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

17      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tieħu fi Stat Membru ġdid mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea (digriet tal-11 ta’ Mejju 2017, Exmitiani, C-286/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:368, punt 12).

18      Dan jimplika, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-direttivi tal-UE dwar il-VAT meta l-perijodu ta’ rkupru tat-taxxi inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-Unjoni (digriet tal-11 ta’ Mejju 2017, Exmitiani, C-286/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:368, punt 13).

19      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, matul ix-xahar ta’ Diċembru 2004, u għalhekk qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2007, Varna Holideis xtrat proprjetà sabiex tintuża bħala lukanda f’Varna.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 63 tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jkun hemm avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-VAT għandha tiġi imposta fil-mument tal-kunsinna ta’ oġġetti jew tal-provvista ta’ servizzi (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Efir, C-19/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:148, punt 31).

21      Għaldaqstant, anki kieku l-kunsinna tal-proprjetà immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet irregolata b’regoli bħal dawk previsti mid-Direttiva dwar il-VAT, din il-kunsinna tkun seħħet u l-VAT tkun saret dovuta qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni.

22      Fir-rigward tad-dritt għal tnaqqis previst mid-Direttiva dwar il-VAT, dan huwa, mill-perspettiva kemm materjali kif ukoll ratione temporis, marbut direttament mal-eżiġibbiltà tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa għal oġġetti u servizzi.

23      Fil-fatt, id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu mill-VAT li huma responsabbli għall-ħlas tagħha l-VAT dovuta jew imħallsa għal oġġetti akkwistati u għal servizzi riċevuti minnhom bil-quddiem jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ripetutament, id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq. tad-Direttiva dwar il-VAT jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u, bħala prinċipju, ma jistax jiġi llimitat. B’mod partikolari, dan id-dritt jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha li kienu suġġetti għalihom it-tranżazzjonijiet tal-input (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C-533/16, EU:C:2018:204, punti 37 u 39).

24      Skont l-Artikolu 167 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 179 tad-Direttiva dwar il-VAT, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT jiġi eżerċitat, bħala prinċipju, fl-istess perijodu bħal dak li fih inħoloq, jiġifieri fil-mument meta t-taxxa ssir dovuta (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C-533/16, EU:C:2018:204, punt 44).

25      Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 17 u 18 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula, sa fejn dawn jirrigwardaw l-eżiġibbiltà tal-VAT u l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis.

26      Fir-rigward tal-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT, l-Artikoli 184 sa 186 tad-Direttiva dwar il-VAT jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom l-amministrazzjoni fiskali tista’ teżiġi aġġustament min-naħa tal-persuna taxxabbli. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament previst f’ dawn l-artikoli huwa parti integrali mis-sistema ta’ tnaqqis tal-VAT stabbilita mid-Direttiva dwar il-VAT. Dan il-mekkaniżmu huwa maħsub sabiex tittejjeb il-preċiżjoni tat-tnaqqis b’mod li tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT (sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, T-2, C-396/16, EU:C:2018:109, punt 23).

27      Għalkemm, ċertament, l-aġġustament ma jistax, de facto, jibdel it-tnaqqis inizjali, iżda jwassal għal żieda jew għal tnaqqis tal-ammont tal-VAT dovuta mill-persuna taxxabbli għal perijodu ta’ taxxa sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2018, SEB bankas, C-532/16, EU:C:2018:228, punt 53), xorta jibqa’ l-fatt li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament għandu l-għan li jirrettifika t-tnaqqis li jkun sar fil-passat.

28      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 184 tad-Direttiva dwar il-VAT, it-tnaqqis tal-VAT inizjali bħala taxxa tal-input imħallsa għandu jiġi aġġustat meta jkun inqas jew ogħla minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.

29      Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-Artikoli 184 u 185(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li meta jkun neċessarju aġġustament minħabba l-modifika ta’ wieħed mill-fatturi inizjalment meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tnaqqis, il-kalkolu tal-ammont ta’ dan l-aġġustament għandu jwassal sabiex l-ammont finali tat-tnaqqis ikun jikkorrispondi għal dak li l-persuna taxxabbli kienet tkun intitolata għalih kieku dik il-modifika kienet ġiet inizjalment meħuda inkunsiderazzjoni (sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, T-2, C-396/16, EU:C:2018:109, punt 27).

30      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżistenza biss ta’ xi fattur wara d-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-Unjoni, li jkun relatat ma’ ċirkustanzi qabel dik id-data u li huwa konsegwenza tagħhom, ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ direttiva (digriet tal-11 ta’ Mejju 2011, Semerdzhiev, C-32/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:288, punt 26).

31      Għaldaqstant, peress li l-obbligu ta’ aġġustament huwa marbut inseparabbilment mal-eżiġibbiltà tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa u mad-dritt għal tnaqqis li jirriżulta minnha, id-dehra, wara l-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni, ta’ ċirkustanzi li, bħala prinċipju, jistgħu jkunu l-bażi ta’ dan l-obbligu ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-Direttiva dwar il-VAT jekk il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi msemmija jkunu seħħew qabel din l-adeżjoni.

32      Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna).

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija).

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.