Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja



SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

6 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Tassazzjoni diretta – Taxxa fuq id-dħul – Possibbiltà ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lil organu professjonali ta’ previdenza u lil assigurazzjoni għall-pensjoni privata – Esklużjoni għall-persuni mhux residenti”

Fil-Kawża C-480/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Frank Montag

vs

Finanzamt Köln-Mitte,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tat-Tmien Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, E. Levits (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F. Montag, minn S. Eilers u S. Lehmann, Rechtsanwälte,

–        għall-Finanzamt Köln-Mitte, minn M. Plützer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels, M. Wasmeier u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Frank Montag u l-Finanzamt Köln-Mitte (l-Amministrazzjoni tal-Finanzi ta’ Cologne-Mitte, il-Ġermanja) dwar ir-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lil organu professjonali ta’ previdenza u lil assigurazzjoni għall-pensjoni privata, bħala spejjeż straordinarji, sabiex titnaqqas it-taxxa fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/100/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 363, p. 141) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/5”) tipprevedi, fil-premessa 12 tagħha, li l-avukat irreġistrat taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu fl-Istat Membru ospitanti għandu jibqa’ rreġistrat mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu sabiex ikun jista’ jżomm l-istatus tiegħu ta’ avukat u jkun kopert b’din id-direttiva.

4        L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 98/5 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Avukat li jixtieq jipprattika fi Stat Membru minbarra dak li fih kiseb il-kwalifika professjonali għandu jirreġistra ma’ l-awtorità kompetenti f’dak l-Istat.

2.      L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tirreġistra lill-avukat mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu. Tista’ teħtieġ li, meta jkun ippreżentat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu, iċ-ċertifikat ma jkunx eqdem minn tliet xhur. Għandha tinforma bir-reġistrazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu l-pajjiż ta’ l-avukat.”

 Id-dritt Ġermaniż

5        L-Artikolu 1 tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi fiskali għas-sena 2008, tal-20 ta’ Diċembru 2007 (BGBl. 2007 I, p. 3150) (iktar ’il quddiem l-“EStG tal-2008”), jipprevedi:

“(1)      Il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma suġġetti għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul [...]

[...]

(3)      Fuq talba tagħhom, il-persuni fiżiċi li ma għandhomx id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja, jistgħu jiġu wkoll suġġetti għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul sa fejn huma jirċievu dħul nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 49. Dan japplika biss meta, fis-sena kalendarja, mill-inqas 90 % tad-dħul tagħhom ikun suġġett għat-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża jew meta d-dħul tagħhom mhux suġġett għat-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża ma jaqbisx il-parti mhux taxxabbli taħt il-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 32a(1); [...]

(4)      Bla ħsara għall-paragrafi (2) u (3) u għall-Artikolu 1a, il-persuni fiżiċi li la għandhom id-domiċilju u lanqas ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma suġġetti b’mod limitat għat-taxxa fuq id-dħul jekk huma jirċievu dħul nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 49.”

6        L-Artikolu 10 tal-EStG tal-2008, intitolat “Spejjeż straordinarji”, jipprovdi:

“(1)      L-ispejjeż li ġejjin huma spejjeż straordinarji, meta la jkunu spejjeż operatorji u lanqas spejjeż tan-negozju jew meta ma humiex ittrattati bħala spejjeż operatorji jew spejjeż tan-negozju:

[...]

2.      a)      kontribuzzjonijiet [...] lill-organi professjonali ta’ previdenza li jwettqu servizzi paragunabbli għal dawk tal-iskemi legali ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni;

b)      kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna taxxabbli sabiex jikkostitwixxu huma stess il-pensjoni ffinanzjata tagħhom [...]

[...]

(3)      L-ispejjeż ta’ previdenza msemmija fit-tieni sentenza tal-punt 2 tal-paragrafu (1) jittieħdu inkunsiderazzjoni sa ammont ta’ EUR 20 000 [...]”

7        L-Artikolu 50 tal-EStG tal-2008, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-persuni taxxabbli parzjalment”, jistipula, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Il-persuni li huma parzjalment suġġetti għat-taxxa jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-operat (il-paragrafi (4) sa (8) tal-Artikolu 4) jew l-ispejjeż tan-negozju (l-Artikolu 9) biss sa fejn dawn l-ispejjeż ikollhom rabta ekonomika mad-dħul imwettaq fit-territorju nazzjonali [...] l-Artikoli [...] 10 [...] ma humiex applikabbli. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Matul is-sena 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, kellu d-domiċilju tiegħu fil-Belġju fejn huwa kien jipprattika l-professjoni tiegħu fil-kwalità ta’ avukat fi ħdan uffiċċju internazzjonali li għandu l-forma ġuridika ta’ Limited Liability Partnership (LLP, sħubija taħt id-dritt Ingliż) u kellu sehem fiha fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji.

9        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien idaħħal mill-attività tiegħu bħala “Equity Partner” xi dħul li huwa attribwit għal diversi Stati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ffissar u ta’ tqassim, mhux kontenzjuża, bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. Dwar il-profitt nett globali, li ġie attribwit lir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-LLP u tal-attività tiegħu għaliha, madwar 54 % minn dan il-profitt kien ġej mill-Ġermanja, madwar 6,3 % tiegħu kien ġej mill-Belġju u l-kumplament kien ġej minn Stati oħrajn. Matul is-sena 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali rċieva barra minn hekk dħul ieħor. Il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies bħala li huwa suġġett għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja skont l-Artikolu 1(3) tal-EStG tal-2008, minħabba, minn naħa, iċ-ċirkustanza li ma hemmx mill-inqas 90 % tat-totalità tad-dħul tiegħu suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, tal-ammont tad-dħul tiegħu mhux suġġett għat-tassazzjoni fil-Ġermanja.

10      Matul is-sena 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien irreġistrat bħala “Avukat Ewropew” fil-Lista E tal-Kamra tal-Avukati Franċiża ta’ Brussell (il-Belġju) u kellu t-titolu ta’ “Rechtsanwalt (Köln) stabbilit fi Brussell”. Sabiex ikun jista’ jeżerċità din il-kwalità, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu jkun irreġistrat mar-Rechtsanwaltkammer Köln (il-Kamra tal-Avukati ta’ Köln, il-Ġermanja) u, għal dan l-għan, kellu jkun affiljat b’mod obbligatorju mal-Versorgungswerk der Rechtsanwälte Nordrhein-Westfalen (istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati ta’ Rhineland ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati”). Konformement mal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar l-iskema legali ta’ rtirar, fil-każ ta’ affiljazzjoni ma’ organu professjonali ta’ previdenza, l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom huma mneħħija mill-obbligu, li jeżisti għal ħaddieħor, ta’ affiljazzjoni mal-iskema legali ta’ pensjoni Ġermaniża.

11      Matul is-sena 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħallas lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati xi kontribuzzjonijiet f’ammont ta’ EUR 16 453,32, li jirrappreżenta l-kontribuzzjoni massima li tista’ titħallas. Dan l-ammont jinqasam bejn kontribuzzjonijiet obbligatorji, li jammontaw għal EUR 12 656,40, u ħlasijiet addizzjonali mħallsa volontarjament, f’ammont ta’ EUR 3 796,92. Barra minn hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħallas fil-Ġermanja xi primjums bħala assigurazzjoni għall-pensjoni privata f’ammont ta’ EUR 3 696.

12      Fil-Belġju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien suġġett għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul. Skont l-indikazzjonijiet tiegħu, aċċettati mill-qorti tar-rinviju, il-ħlasijiet magħmula lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati fil-Ġermanja ma kellhomx l-effett li jnaqqsu t-taxxa mħallsa fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-bażi taxxabbli fil-Belġju, il-ħlasijiet obbligatorji lill-iskema legali ta’ sigurtà soċjali setgħu jiġu mnaqqsa.

13      Fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul għas-sena 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali indirizza lill-konvenuta fil-kawża prinċipali dikjarazzjoni tat-taxxa bħala persuna taxxabbli suġġetta għal obbligu fiskali limitat u talab it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati kif ukoll lill-assiguratur għall-pensjoni privata fil-Ġermanja bħala spejjeż tan-negozju bil-quddiem fuq id-dħul skont it-tielet sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tal-EStG tal-2008 jew, sussidjarjament, bħala spejjeż straordinarji konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi.

14      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, il-konvenuta fil-kawża prinċipali rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni tal-imsemmija kontribuzzjonijiet sabiex tnaqqas it-taxxa, għar-raġuni li dawn kienu relatati mal-kategorija ta’ “spejjeż straordinarji”, prevista fl-Artikolu 10 tal-EStG tal-2008. Issa, tnaqqis tal-ispejjeż straordinarji jkun eskluż fil-każ ta’ obbligu fiskali limitat minħabba t-tielet sentenza tal-Artikolu 50(1) tal-EStG tal-2008. Skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, dawn l-ispejjeż ma jistgħux, barra minn hekk, jitnaqqsu bħala spejjeż tan-negozju, previsti fl-Artikolu 9 ta’ din il-liġi, jew bħala spejjeż tal-operat, previsti fl-Artikolu 4(4) tal-imsemmija liġi.

15      Peress li l-ilment magħmul mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra l-imsemmi rifjut ġie miċħud, dan tal-aħħar adixxa lill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja). Il-proċedura quddiem dik il-qorti ġiet sospiża sax-xahar ta’ Lulju 2016, minħabba l-proċedura għal deċiżjoni preliminari mibdija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald (C-559/13, EU:C:2015:109), u proċedura mibdija quddiem il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja).

16      Peress li l-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) qieset essenzjalment li l-klassifikazzjoni, mil-leġiżlatur Ġermaniż, tal-ispejjeż ta’ previdenza bħala li huma spejjeż straordinarji ma kinitx kritikabbli fuq il-livell kostituzzjonali, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jitlob issa li l-ispejjeż ta’ previdenza tiegħu jitnaqqsu bħala spejjeż straordinarji konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 10(1) tal-EStG tal-2008, fil-limiti previsti mill-paragrafu (3) ta’ dan l-artikolu, u li t-tielet sentenza tal-Artikolu 50(1) ta’ din il-liġi, li teskludi tali tnaqqis sa fejn jirrigwarda l-persuni taxxabbli mhux residenti, titħalla mhux applikata bħala kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

17      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li minkejja li huwa jagħmel il-parti l-kbira tad-dħul tiegħu fil-Ġermanja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu, fil-Belġju, dħul biżżejjed sabiex is-sitwazzjoni personali tiegħu tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan l-Istat.

18      Madankollu, dik il-qorti tistaqsi jekk l-ispejjeż ta’ previdenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati, fid-dritt tal-Unjoni, bħala spejjeż marbuta mas-sitwazzjoni personali jew familjali tal-persuna taxxabbli jew anki spejjeż marbuta mad-dħul imwettaq fil-Ġermanja.

19      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 49 TFUE, flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-kontribuzzjonijiet obbligatorji lil skema ta’ pensjoni professjonali minn persuna taxxabbli li ma hijiex residenti (li jsiru abbażi tal-appartenenza tagħha ma’ kamra tal-avukati fl-Istat Membru li, għal raġunijiet professjonali, hija mandatorja sabiex tkun tista’ teżerċita l-attività tagħha f’diversi Stati Membri), ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fit-tnaqqis mid-dħul, fil-kuntest tal-obbligu fiskali limitat, filwaqt li fil-każ ta’ persuni taxxabbli residenti, id-dritt nazzjonali jippermetti t-tnaqqis tagħhom mid-dħul sa limitu speċifiku fil-kuntest tal-obbligu fiskali illimitat?

2)      L-Artikolu 49 TFUE, flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jipprekludi d-dispożizzjoni deskritta fl-ewwel domanda meta, minbarra l-kontribuzzjonijiet obbligatorji, il-persuna taxxabbli tagħmel – volontarjament – kontribuzzjonijiet addizzjonali lil skema ta’ pensjoni professjonali, liema kontribuzzjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru fit-tnaqqis mid-dħul, minkejja li, skont id-dritt nazzjonali, il-pagamenti futuri ta’ pensjonijiet imħallsa f’dan l-Istat Membru jistgħu jkunu taxxabbli anki fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat?

3)      L-Artikolu 49 TFUE, flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jipprekludi l-leġiżlazzjoni deskritta fl-ewwel domanda, meta l-persuna taxxabbli, indipendentement mill-appartenenza tagħha mal-kamra tal-avukati u mill-kontribuzzjonijiet tagħha lil skema ta’ pensjoni professjonali, tħallas kontribuzzjonijiet lil assigurazzjoni ta’ pensjoni privata li affiljat ruħha magħha volontarjament, liema kontribuzzjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru fit-tnaqqis mid-dħul, minkejja li, skont id-dritt nazzjonali, il-pagamenti futuri ta’ pensjonijiet imħallsa f’dan l-Istat Membru jistgħu jkunu taxxabbli anki fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat?”

 Fuq id-domandi preliminari

20      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna taxxabbli mhux residenti, suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat, ma tistax tnaqqas mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul l-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji u addizzjonali mħallsa lil organu professjonali ta’ previdenza kif ukoll dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata, minkejja li persuna taxxabbli residenti, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali illimitat, tista’ tnaqqas tali kontribuzzjonijiet mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, fil-limiti previsti mid-dritt nazzjonali.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-Artikolu 49 TFUE

21      L-Artikolu 49 TFUE jimponi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment. Hija ġurisprudenza stabbilita li, minkejja li, skont il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu xorta waħda li l-Istat ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, EU:C:2000:205, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, C-9/02, EU:C:2004:138, punt 42, kif ukoll tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ispejjeż għall-pensjoni, ikklassifikati bħala spejjeż straordinarji minn din il-leġiżlazzjoni, jistgħu jitnaqqsu, sa ċertu limitu, mill-ammont totali tad-dħul ta’ persuna taxxabbli residenti, suġġetta għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul. Tali tnaqqis jippermetti li jitnaqqas id-dħul taxxabbli tal-imsemmija persuna taxxabbli u jikkostitwixxi għalhekk vantaġġ fiskali.

24      Min-naħa l-oħra, il-persuni taxxabbli mhux residenti li jaqgħu taħt obbligu fiskali limitat ma jistgħux jagħmlu tali tnaqqis fil-Ġermanja u għalhekk ma jistgħux igawdu minn dan il-vantaġġ fiskali.

25      Peress li t-trattament fiskali rriżervat b’dan il-mod lill-persuni mhux residenti huwa inqas vantaġġjuż, dan jista’ jiddisswadi lil persuna taxxabbli residenti milli tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u jikkostitwixxi, konsegwentement, restrizzjoni bħala prinċipju pprojbita mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

26      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali restrizzjoni tista’ tiġi ammessa biss jekk din tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Nordea Bank Danmark, C-48/13, EU:C:2014:2087, punt 23). Huwa neċessarju wkoll, f’dan l-aħħar każ, li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan li hija tfittex li tilħaq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Deister Holding u Juhler Holding, C-504/16 u C-613/16, EU:C:2017:1009, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

 Dwar il-paragunabbiltà

27      Hija ġurisprudenza stabbilita li, fir-rigward ta’ taxxi diretti, is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti ma humiex, bħala regola ġenerali, paragunabbli sa fejn id-dħul imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna mhux residenti jikkostitwixxi biss, fil-biċċa l-kbira, parti mid-dħul globali tagħha, li jkun ikkonċentrat fil-post tar-residenza tagħha, u għaliex il-kapaċità personali tal-persuna mhux residenti li tħallas it-taxxa, li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjali tagħha, tista’ tiġi evalwata bl-iktar mod faċli fil-post fejn hija għandha ċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha, li normalment ikun il-post tar-residenza abitwali tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C-450/09, EU:C:2011:198, punt 37, u tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 25).

28      Barra minn hekk, il-fatt li Stat Membru ma jagħtix, lil persuna mhux residenti, ċerti vantaġġi fiskali li huwa jagħti lill-persuni residenti ma huwiex, bħala regola ġenerali, diskriminatorju, u dan fid-dawl tad-differenzi oġġettivi eżistenti bejn is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti, kemm mill-perspettiva tas-sors tad-dħul tagħhom, kif ukoll mill-aspett tal-kapaċità personali tagħhom li jħallsu t-taxxa jew mill-aspett tas-sitwazzjoni personali u familjali tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C-450/09, EU:C:2011:198, punt 38, u tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 26).

29      Madankollu, ikun differenti, minn naħa, fil-każ meta l-persuna mhux residenti ma tirċivix dħul sinjifikanti fl-Istat Membru tar-residenza tagħha u tikseb il-parti essenzjali tar-riżorsi taxxabbli tagħha minn attività eżerċitata fl-Istat Membru kkonċernat l-ieħor (sentenza tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 27), b’mod li l-Istat Membru ta’ residenza ma jkunx f’pożizzjoni li jagħtiha l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjali tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C-279/93, EU:C:1995:31, punt 36; tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg, C-527/06, EU:C:2008:566, punt 61, u tat-18 ta’ Ġunju 2015, Kieback, C-9/14, EU:C:2015:406, punt 25).

30      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż direttament marbuta ma’ attività li ġġenerat dħul taxxabbli fi Stat Membru, il-persuni residenti ta’ dan tal-aħħar u l-persuni mhux residenti jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C-450/09, EU:C:2011:198, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 29).

31      F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, minkejja li huwa jwettaq il-biċċa l-kbira tad-dħul tiegħu fil-Ġermanja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu, fil-Belġju, dħul biżżejjed sabiex is-sitwazzjoni personali u familjali tiegħu tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan l-Istat.

32      Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ previdenza fil-Ġermanja, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipli, persuna mhux residenti, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ikun jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ persuna residenti biss jekk, minkejja l-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt intern bħala spejjeż straordinarji, l-imsemmija spejjeż ta’ previdenza setgħu jitqiesu bħala spejjeż direttament marbuta ma’ attività li ġġenerat dħul taxxabbli fil-Ġermanja, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 31).

33      Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom rabta diretta mal-attività li ġġenerat dħul taxxabbli, l-ispejjeż maħluqa minn din l-attività u, għalhekk, neċessarji għall-eżerċizzju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse, C-234/01, EU:C:2003:340, punti 9 u 27; tal-15 ta’ Frar 2007, Centro Equestre da Lezíria Grande, C-345/04, EU:C:2007:96, punt 25, kif ukoll tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 30).

34      Għandu jitfakkar li finalment hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha l-ġurisdizzjoni biex tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża. Madankollu, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa biex tipprovdi risposti utli lill-qorti nazzjonali, għandha ġurisdizzjoni biex tagħti indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet li ngħatawlha, li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2013, Alakor Gabonatermelő és Forgalmazó, C-191/12, EU:C:2013:315, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 32).

35      F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien affiljat obbligatorjament ma’ din l-istituzzjoni u kellu jħallas dawn il-kontribuzzjonijiet minħabba r-reġistrazzjoni tiegħu mal-Kamra tal-Avukati ta’ Köln.

36      Issa, bħalma jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, din ir-reġistrazzjoni hija obligatorja sabiex ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun jista’ jipprattika, taħt it-titolu ta’ Rechtsanwalt, kemm fil-Ġermanja, fejn huwa jagħmel parti importanti mid-dħul professjonali tiegħu u fejn huwa ntaxxat fuq dan id-dħul b’mod limitat, kif ukoll, konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5, fil-Belġju, l-Istat Membru fejn huwa stabbilit u fejn għandu r-residenza tiegħu.

37      Għaldaqstant hemm lok jitqies li l-ispejjeż relatati mal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati saru għaliex ir-reġistrazzjoni mal-Kamra tal-Avukati kienet neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività li ġġenerat id-dħul taxxabbli. Dawn l-ispejjeż għandhom jitqiesu bħala li ġew ikkaġunati minn din l-attività u għalhekk bħala li huma neċessarji għall-eżerċizzju tagħha.

38      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi mminata mill-argumenti invokati f’dan ir-rigward mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż.

39      Qabelxejn, iċ-ċirkustanza, invokata kemm mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż, li tipprovdi, konformement mar-regoli li jirregolaw l-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, li teżisti l-possibbiltà li wieħed jiġi eżentat, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-affiljazzjoni obbligatorja ma’ din l-istituzzjoni, fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma fittixx li jagħmel, ma jimminax l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-ispejjeż u l-attività li ġġenerat id-dħul.

40      Fil-fatt, minn naħa, iċ-ċirkustanza li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu jieħu passi speċjali sabiex jevita l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet lill-imsemmija istituzzjoni, dejjem sakemm dan kien posisbbli, fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, pjuttost turi li l-attività ta’ avukat inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġġib normalment dan it-tip ta’ spejjeż.

41      Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li r-rikorrent fil-kawża prinċipali seta’ potenzjalment jevita l-imsemmija spejjeż ma tistax tinfluwenza l-klassifikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, l-eżistenza tar-rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, ma teħtieġx li l-ispiża tkun inevitabbli. Għaldaqstant, rabta diretta ġiet aċċettata fir-rigward ta’ spejjeż ta’ konsultazzjoni fiskali inkorsi sabiex tiġi stabbilita dikjarazzjoni fiskali, u l-obbligu li ssir tali dikjarazzjoni jirriżulta mill-fatt li jsir dħul fl-Istat Membru kkonċernat (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Conijn, C-346/04, EU:C:2006:445, punt 22).

42      L-eżistenza tar-rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, tirriżulta mill-fatt li l-ispiża hija inseparabbli mill-attività li tipproduċi dħul taxxabbli (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C-450/09, EU:C:2011:198, punt 43, u tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 36). Issa, bħalma ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati sar neċessarju minħabba l-appartenenza għall-Kamra tal-Avukati li min-naħa tagħha hija neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività li ġġenerat id-dħul taxxabbli.

43      Sussegwentement, iċ-ċirkustanza invokata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż, skont liema l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx bħala għan prinċipali l-attività ta’ avukat fil-Ġermanja, iżda fil-fatt l-akkwist ta’ drittijiet sabiex jiġu żgurati mezzi ta’ għajxien matul ix-xjuħija, fatt li jipprova r-rabta tagħhom mas-sitwazzjoni personali u familjali tal-persuna taxxabbli, lanqas ma twassal għal klassifikazzjoni differenti mir-rabta eżistenti bejn l-ispejjeż inkorsi u d-dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn, oġġettivament, l-imsemmija spejjeż huma neċessarji sabiex isir dan id-dħul.

44      Fl-aħħar nett, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Bechtel (C-20/16, EU:C:2017:488), u l-kunsiderazzjonijiet magħmula f’dik is-sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda r-rifjut li l-persuna taxxabbli residenti tingħata l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjali tagħha fil-forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-mard u għall-assigurazzjoni għax-xjuħija addizzjonali, imħallsa fl-Istat Membru ta’ impjieg tiegħu, ma jistgħux jiġu trasposti għall-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni, fl-Istat Membru fejn hija eżerċitata l-attività, tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji għal organu professjonali ta’ previdenza. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-kwistjoni tar-rabta diretta, bejn l-ispejjeż fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet ta’ previdenza u l-attività li ġġenerat id-dħul taxxabbli, ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata.

45      Għandu, għaldaqstant, jiġi kkonstatat li l-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati għandhom rabta diretta mal-attività li ġġenerat dħul taxxabbli fil-Ġermanja.

46      Għandu, madankollu, jitfakkar, f’dan ir-rigward, bħalma ntqal fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li r-reġistrazzjoni mal-Kamra tal-Avukati ta’ Köln kienet neċessarja sabiex ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun jista’ jipprattika, taħt it-titolu ta’ Rechtsanwalt, mhux biss fil-Ġermanja, iżda wkoll fil-Belġju. Barra minn hekk, mit-talba għal deċizjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali pprattika wkoll fi Stati oħrajn, mingħajr ma ġie ppreċiżat jekk dawn kinux Stati Membri oħrajn u jekk huwa pprattikax taħt it-titolu ta’ Rechtsanwalt.

47      Konsegwentement, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati għandhom rabta diretta wkoll mal-attività li ġġenerat dħul taxxabbli fil-Belġju u, eventwalment, fi Stati Membri oħrajn.

48      Issa, b’differenza għad-dħul ta’ persuna taxxabbli residenti, suġġetta fil-Ġermanja għall-obbligu fiskali illimitat, persuna taxxabbli mhux residenti hija suġġetta f’dan l-Istat Membru għal obbligu fiskali limitat għad-dħul iġġenerat fl-imsemmi Stat biss.

49      Minn dan isegwi li, f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli mhux residenti, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, għandha titqies bħala li hija paragunabbli ma’ dik ta’ persuna taxxabbli residenti f’dak li jirrigwarda l-parti tal-kontribuzzjonijiet imħallsa li jikkorrispondu, proporzjonalment, mal-parti li d-dħul suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja jirrappreżenta fit-totalità tad-dħul iġġenerat mill-attività inkwistjoni.

50      Konsegwentement, differenza bejn is-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli residenti u dik tal-persuni taxxabbli mhux residenti ma tistax tiġi invokata validament fil-każ ta’ restrizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżulta mir-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, fi proporzjon xieraq tal-parti tad-dħul suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja.

51      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kontribuzzjonijiet volontarji lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dawn l-ispejjeż huma bbażati fuq deċiżjoni libera tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jżid id-drittijiet għall-pensjoni tiegħu fi proporzjon tal-ammont massimu awtorizzat ta’ kontribuzzjonijiet.

52      F’dan ir-rigward, filwaqt li huwa minnu li l-imsemmija spejjeż jirriżultaw ukoll mill-appartenenza mal-Kamra tal-Avukati, dawn ma humiex, b’differenza għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji, magħmula neċessarji b’tali appartenenza. Dawn ma humiex, konsegwentement, neċessarji għall-prattika tal-attività ta’ avukat fil-Ġermanja, u lanqas għall-ġbir ta’ dħul taxxabbli fil-Ġermanja.

53      Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet addizzjonali lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, persuna taxxabbli mhux residenti, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ma jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ persuna taxxabbli residenti.

54      Tali kunsiderazzjoni ma tistax tiġi mminata mill-argument li jipprovdi li l-pensjonijiet imħallsa mill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati se jkunu, meta jasal il-waqt, taxxabbli fil-Ġermanja. Minbarra n-natura inċerta ta’ tali tassazzjoni futura, huwa biżżejjed jitfakkar li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-tassazzjoni tad-dħul iġġenerat mill-prattika, fil-Ġermanja, tal-attività ta’ avukat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u li, sabiex dawn ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din it-tassazzjoni, l-ispejjeż għandu jkollhom rabta diretta mal-attività li tkun iġġenerat dan id-dħul. L-eventwali rabta ma’ dħul futur ieħor ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ tali rabta diretta.

55      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ammonti mħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata, hemm lok jitqies, bħall-qorti tar-rinviju, li rabta diretta bejn dawn l-ispejjeż u l-attività ta’ avukat li ġġenerat dħul taxxabbli ma hijiex notevoli.

56      Għal raġunijiet analogi għal dawk mogħtija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, eventwali rabta ma’ dħul futur ieħor ma hijiex rilevanti fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta diretta bejn ammonti mħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata u d-dħul iġġenerat fil-Ġermanja mill-attività tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

57      Għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda l-ammonti mħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata, persuna taxxabbli mhux residenti, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ma tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ persuna taxxabbli residenti.

58      Konsegwentement, differenza bejn is-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli residenti u dik tal-persuni taxxabbli mhux residenti tista’ validament tiġi invokata fil-każ ta’ restrizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżulta minn rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati u ta’ ammonti mħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata.

 Fuq il-ġustifikazzjoni

59      Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk ir-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment, li tirriżulta mir-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, fi proporzjon xieraq tal-parti tad-dħul suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja, tistax tiġi ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

60      F’dan ir-rigward, il-konvenuta fil-kawża prinċipali targumenta li r-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huwa ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet marbuta mar-riskju li dawn jiġu mnaqqsa wkoll fi Stati Membri oħrajn minbarra l-Ġermanja, li jagħti lill-persuna taxxabbli vantaġġ multiplu indebitu. Skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli għandha tipprova li l-imsemmija kontribuzzjonijiet ma wasslux għal vantaġġi fiskali żejda fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-imsemmija persuna taxxabbli.

61      Issa, billi tinvoka, mingħajr preċiżjoni ulterjuri, dan ir-riskju, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ma tpoġġix lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tevalwa l-portata ta’ dan l-argument, filwaqt li ma huwiex sostnut li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 363, p. 129), li kienu fis-seħħ dak iż-żmien, ma kinitx tevita dan ir-riskju (ara, ukoll, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C-559/13, EU:C:2015:109, punt 52).

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun kif ġej:

–        l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna taxxabbli mhux residenti, suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat, ma tistax tnaqqas mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul l-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lil organu professjonali ta’ previdenza, fi proporzjon xieraq tal-parti tad-dħul suġġett għat-taxxa f’dan l-Istat Membru, meta dawn ikollhom rabta diretta mal-attività li tkun iġġenerat dan id-dħul, filwaqt li persuna taxxabbli residenti, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali illimitat, tista’ tnaqqas tali kontribuzzjonijiet mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, fil-limiti previsti mid-dritt nazzjonali, u

–        l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna taxxabbli mhux residenti, suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat, ma tistax tnaqqas mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul l-ammont tal-kontribuzzjonijiet addizzjonali mħallsa lil organizzazzjoni professjonali ta’ previdenza kif ukoll dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata, minkejja li persuna taxxabbli residenti, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali illimitat, tista’ tnaqqas tali kontribuzzjonijiet mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, fil-limiti previsti mid-dritt nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna taxxabbli mhux residenti, suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat, ma tistax tnaqqas mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul l-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lil organu professjonali ta’ previdenza, fi proporzjon xieraq tal-parti tad-dħul suġġett għat-taxxa f’dan l-Istat Membru, meta dawn ikollhom rabta diretta mal-attività li tkun iġġenerat dan id-dħul, filwaqt li persuna taxxabbli residenti, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali illimitat, tista’ tnaqqas tali kontribuzzjonijiet mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, fil-limiti previsti mid-dritt nazzjonali.

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna taxxabbli mhux residenti, suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat, ma tistax tnaqqas mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul l-ammont tal-kontribuzzjonijiet addizzjonali mħallsa lil organizzazzjoni professjonali ta’ previdenza kif ukoll dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata, minkejja li persuna taxxabbli residenti, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali illimitat, tista’ tnaqqas tali kontribuzzjonijiet mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, fil-limiti previsti mid-dritt nazzjonali.

Firem



*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.