Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input – Rimbors tal-eċċess tal-VAT – Rimbors tardiv – Kalkolu tal-interessi – Modalitajiet tal-għoti ta’ interess dovut minħabba l-indisponibbiltà ta’ eċċess ta’ VAT deduċibbli kkunsidrat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u ta’ interessi dovuti minħabba dewmien tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tħallas somma dovuta – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza”

Fil-Kawżi magħquda C-13/18 u C-126/18,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija) (C-13/18) u mis-Szekszárdi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szekszárd, l-Ungerija) (C-126/18), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-2 ta’ Jannar 2018 u tat-3 ta’ Jannar 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fit-8 ta’ Jannar 2018 u fis-16 ta’ Frar 2018, fil-proċeduri

Sole-Mizo Zrt. (C-13/18)

Dalmandi Mezőgazdasági Zrt. (C-126/18)

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sole-Mizo Zrt., minn L. Maklári, ügyvéd,

għal Dalmandi Mezőgazdasági Zrt., minn L. Maklári, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt għar-rimbors ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn Sole-Mizo Zrt. (C-13/18) u Dalmandi Mezőgazdasági Zrt. (C-126/18) u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Uffiċċju Nazzjonali tat-Taxxi u tad-Dwana, l-Ungerija) dwar il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li fihom isir ir-rimbors, favur il-persuna taxxabbli, tal-eċċess tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li ma setax jiġi rkuprat f’terminu raġonevoli minħabba kundizzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li sussegwentement ġiet iddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) jipprevedi:

“Fejn, għal perijodu partikolari ta’ taxxa, l-ammont ta’ tnaqqis jeċċedi l-ammont tal-VAT dovuta, l-Istati Membri jistgħu, skont il-kondizzjonijet li huma għandhom jiddeterminaw, jew jagħmlu rifużjoni jew imexxu l-eċċess ’il quddiem għall-perijodu li jmiss.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu rifużjoni jew li jmexxu ’l quddiem jekk l-ammont ta’ l-eċċess hu insinifikanti.”

Id-dritt Ungeriż

Il-Liġi dwar il-VAT

4

L-Artikolu 186(2) tal-az általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. törvény (il-Liġi CXXVII tal-2007 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) (Magyar Közlöny 2007/155 (XI. 16), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”) kienet tissuġġetta r-rimbors tal-eċċess ta’ VAT li tista’ titnaqqas għall-ħlas sħiħ tal-korrispettiv dovut, VAT inkluża, għat-tranżazzjoni li minnha tirriżulta l-VAT li tista’ titnaqqas (kundizzjoni msejħa tal-“korrispettiv imħallas”). Fin-nuqqas ta’ ħlas, l-eċċess kellu jiġi ttrasferit għall-perijodu taxxabbli segwenti.

5

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, EU:C:2011:530), iddeċidiet li l-Artikolu 186(2) tal-Att dwar il-VAT kiser l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT.

6

L-az általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. törvény jogharmonizációs célú módosításáról és az adó-visszaigénylés különös eljárás szabályairól szóló 2011. évi CXXIII. törvény (il-Liġi CXXIII tal-2011 li Temenda bl-Għan ta’ Armonizzazzjoni l-Liġi CXXVII tal-2007 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u li Tistabbilixxi Regoli tal-Proċedura Speċjali għal Talbiet ta’ Rimbors tat-Taxxa, iktar ’il quddiem il-“Liġi li Temenda”) ħassret, b’effett mis-27 ta’ Settembru 2011, l-Artikolu 186(2) sa (4) tal-Liġi tal-VAT. Hija issa tippermetti r-rimbors tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas mingħajr ħtieġa li jiġi mistenni l-ħlas tal-korrispettiv dovut minħabba t-tranżazzjoni li minnha tirriżulta l-VAT li tista’ titnaqqas.

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali

7

L-Artikolu 37 tal-az adózás rendjéről szóló 2003. évi XCII. törvény (il-Liġi XCII tal-2003 li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali”) huwa fformulat kif ġej:

“4.   Id-data li fiha jkun dovut il-ħlas ta’ sussidju baġitarju dovut lill-persuna taxxabbli għandha tiġi rregolata mill-Annessi ta’ din il-liġi jew liġi speċifika. L-għoti baġitarju jew il-VAT li r-rimbors tagħha huwa mitlub għandhom jitħallsu fi 30 jum mill-irċevuta tat-talba (dikjarazzjoni), iżda mhux qabel id-data li fiha tkun dovuta, u fejn l-ammont ta’ VAT li jista’ jiġi rkuprat jeċċedi HUF 500000 dan il-perijodu jiġi estiż għal 45 jum. […]

[…]

6.   Fejn l-amministrazzjoni fiskali tagħmel ħlas tardiv, din għandha tħallas interessi b’rata ekwivalenti għal dik ta’ penali moratorja għal kull jum ta’ dewmien. […]”

8

Skont l-Artikolu 124 ta’ dan il-kodiċi:

“(1)   Fejn l-Alkotmánybíróság [il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija], il-Kúria [il-Qorti Suprema, l-Ungerija] jew il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jikkonstataw, b’effett retroattiv, li regola ta’ dritt li tippreskrivi obbligu fiskali tikser il-Liġi Fundamentali jew att obbligatorju tal-Unjoni Ewropea jew, fil-każ ta’ regolament muniċipali, kwalunkwe regola oħra ta’ dritt, u li din id-deċiżjoni ġudizzjarja tagħti lok għal dritt ta’ rimbors għall-persuna taxxabbli skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità fiskali inizjali għandha tipproċedi bir-rimbors fuq it-talba tal-persuna taxxabbli ‐ u skont il-proċeduri stabbiliti fid-deċiżjoni kkonċernata.

(2)   Il-persuna taxxabbli tista’ tressaq it-talba tagħha bil-miktub lill-awtorità fiskali f’180 jum mill-pubblikazzjoni jew notifika tad-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság [il-Qorti Kostituzzjonali], tal-Kúria [il-Qorti Suprema] jew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; l-ebda talba għal dikjarazzjoni ta’ dekadenza ma għandha tiġi aċċettata fi tmiem il-perijodu. L-awtorità fiskali għandha tiċħad it-talba f’każ li, fid-data tal-pubblikazzjoni jew notifika tad-deċiżjoni, id-dritt għal talba għal kumpens ikun skada.

[…]

(6)   Jekk id-dritt ta’ persuna taxxabbli għal rimbors huwa fondat sew, l-awtorità fiskali għandha tħallas ‐ fil-mument tar-rimbors ‐ l-interessi fuq it-taxxa li għandha tiġi rrimborsata, b’rata ekwivalenti għar-rata bażika tal-bank ċentrali u kkalkolata mid-data tal-ħlas tat-taxxa sal-jum li fih id-deċiżjoni tal-għoti tar-rimbors saret finali. Ir-rimbors huwa dovut fid-data li fiha d-deċiżjoni tal-għoti tiegħu saret finali u għandu jsir fi 30 jum mid-data li fiha sar dovut. Id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-ħlas ta’ sussidji baġitarji għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-rimbors irregolat minn dan il-paragrafu, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 37(6).”

9

L-Artikolu 124/D, (1) sa (3) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Sakemm mhux previst mod ieħor f’dan l-artikolu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 124/C għandhom japplikaw għal rikorsi ta’ rimbors ibbażati fuq id-dritt li titnaqqas il-VAT.

(2)   Il-persuna taxxabbli tista’ teżerċita d-dritt imsemmi fis-subparagrafu 1 hawn fuq permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni ‐ ippreżentata f’180 jum mill-pubblikazzjoni jew notifika tad-deċiżjoni tal-Alkotmánybíróság [il-Qorti Kostituzzjonali], tal-Kúria [il-Qorti Suprema] jew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ‐ tad-dikjarazzjoni jew dikjarazzjonijiet li jikkorrispondu għas-sena jew is-snin fiskali li fihom inħoloq id-dritt ta’ tnaqqis ikkonċernat. L-ebda talba għal dikjarazzjoni ta’ dekadenza ma għandha tiġi aċċettata fit-tmiem tat-terminu.

(3)   Jekk id-dikjarazzjoni, kif ikkoreġuta fid-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni, turi li l-persuna taxxabbli hija intitolata għal rimbors minħabba t-tnaqqis fit-taxxa li hija għandha tħallas jew minħabba ż-żieda fl-ammont li jista’ jiġi rkuprat […], l-awtorità fiskali għandha tapplika għall-ammont li għandu jiġi rrimborsat rata ta’ interessi ekwivalenti għar-rata bażika tal-bank ċentrali, ikkalkolata għall-perijodu bejn id-data stabbilita għall-ħlas fid-dikjarazzjoni jew fid-dikjarazzjonijiet ikkonċernati mid-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni, jew id-data dovuta - jew id-data tal-ħlas tat-taxxa jekk din tkun iktar tard – u d-data li fiha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni. Ir-rimbors - li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-ħlas ta’ sussidji baġitarji – għandu jiġi ppreżentat fi 30 jum mid-data tal-preżentata tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni.”

10

L-Artikolu 164(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali jipprevedi:

“Id-dritt għall-evalwazzjoni tat-taxxa jiskadi ħames snin wara l-aħħar jum tas-sena kalendarja li fiha kellha ssir id-dikjarazzjoni jew in-notifika li tirrelata ma’ din it-taxxa, jew fl-assenza ta’ tali dikjarazzjoni jew notifika, li fiha t-taxxa kellha titħallas. Sakemm mhux previst mod ieħor bil-liġi, id-dritt biex jintalab sussidju baġitarju kif ukoll id-dritt għar-rimbors ta’ ħlas indebitu jiskadi ħames snin wara l-aħħar jum tas-sena kalendarja li fiha d-dritt biex jintalab is-sussidju jew ir-rimbors ikun beda.”

11

L-Artikolu 165(2) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Ir-rata tal-penali moratorja għal kull jum kalendarju hija ekwivalenti għal 1/365 tad-doppju tar-rata bażika tal-bank ċentrali fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni tagħha. Penali għad-dewmien ma tistax minnha nnifisha tirriżulta fl-applikazzjoni ta’ penali moratorja. L-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa u tad-dwana ma tordnax il-ħlas tal-penali moratorji ta’ inqas minn [HUF] 2000.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C-13/18

12

F’digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, fil-kawża Delphi Hungary Autóalkatrész Gyártó (C-654/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2127, iktar ’il quddiem id-“Digriet Delphi”, punt 39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva dwar il-VAT, għandhom jiġu interpretati li jipprekludu l-leġiżlazzjoni u l-prassi ta’ Stat Membru li jeskludu l-ħlas ta’ interessi fuq l-ammont ta’ eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas li ma jistax jiġi rkuprat f’perijodu raġonevoli ta’ żmien minħabba dispożizzjoni nazzjonali kkunsidrata li tikser id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, id-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ ħlas ta’ tali interessi taqa’ fuq l-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

13

Wara dan id-digriet, l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża adottat prassi amministrattiva li fuq ir-regolarità tagħha ddeċidiet il-Kúria (il-Qorti Suprema) fis-sentenza tagħha Nru Kfv.I.35.472/2016/5 tal-24 ta’ Novembru 2016. Abbażi ta’ din is-sentenza, din il-qorti adottat deċiżjoni (Nru EBH2017.K18), intitolata “Eżami (fir-rigward tar-rata u tal-preskrizzjoni) tal-kwistjoni tal-interessi fuq il-VAT akkumulata b’mod obbligatorju minħabba l-kundizzjoni ta’ ħlas” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017”), li tippreċiża l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-interessi fuq l-ammont ta’ VAT li ma setax jiġi rkuprat minħabba l-kundizzjoni ta’ “korrispettiv imħallas”. Skont din id-deċiżjoni, hemm lok li ssir distinzjoni bejn żewġ perijodi:

għall-perijodu bejn il-jum ta’ wara l-aħħar jum tat-terminu għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-VAT u d-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni sussegwenti, l-Artikoli 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, li jirregolaw is-sitwazzjoni fejn l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) jew il-Kúria (il-Qorti Suprema) tikkonstata li regola tikser regola nazzjonali ogħla huma applikabbli b’analoġija.

għall-perijodu li jestendi mid-data tal-eżiġibbiltà tal-interessi dovuti mill-amministrazzjoni fiskali fid-data tal-ħlas effettiv tal-interessi minnha, għandu jiġi applikat l-Artikolu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali.

14

Fit-30 ta’ Diċembru 2016, Sole-Mizo, billi bbażat ruħha fuq id-digriet tas-17 ta’ Lulju 2014, Delphi Hungary Autóalkacsz Gyártó (C-654/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2127), ippreżentat quddiem l-amministrazzjoni fiskali talba għal ħlas ta’ interessi fuq l-eċċess ta’ VAT li tista’ titnaqqas li ma kinitx ġiet irrimborsata f’terminu raġonevoli minħabba l-kundizzjoni ta’ “korrispettiv imħallas”. Din it-talba kienet tirrigwarda interessi relatati ma’ perijodi differenti ta’ dikjarazzjoni li ddekorrew mix-xahar ta’ Diċembru 2005 sax-xahar ta’ Ġunju 2011. L-interessi moratorji minħabba l-ħlas tardiv ta’ dawn l-interessi wkoll ġew mitluba.

15

L-awtorità fiskali tal-ewwel grad, permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2017, laqgħet parzjalment it-talba ta’ Sole-Mizo u ordnat il-ħlas favur tagħha tal-interessi, ikkalkolati b’rata li tikkorrispondi għar-rata bażika sempliċi tal-bank ċentrali Ungeriż, fl-ammont ta’ HUF 99630000 (madwar EUR 321501), iżda ċaħditha sa fejn din kienet intiża għall-ħlas ta’ interessi moratorji kkalkolati b’rata ekwivalenti għad-doppju tar-rata bażika tal-bank ċentrali Ungeriż, minħabba d-dewmien fil-ħlas ta’ dawn l-interessi.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2017, adottata wara rikors amministrattiv ippreżentat minn Sole-Mizo, l-awtorità fiskali tat-tieni grad biddlet din id-deċiżjoni u ordnat il-ħlas ta’ interessi relatati mal-ammont tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas li ma kinitx irkuprabbli minħabba l-kundizzjoni ta’ “korrispettiv imħallas”, li jammontaw għal HUF 104165000 (madwar EUR 338891). Is-somma dovuta abbażi ta’ dawn l-interessi ġiet ikkalkolata abbażi tal-Artikoli 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, billi ġiet applikata rata li tikkorrispondi għar-rata bażika sempliċi tal-bank ċentrali Ungeriż.

17

Sole-Mizo ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-13/18 kontra d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tat-tieni grad, billi sostniet li s-somma dovuta għall-interessi relatati mal-ammont tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas li ma kinitx irkuprabbli minħabba l-kundizzjoni ta’ “korrispettiv imħallas” kellha wkoll tiġi kkalkolata billi tiġi applikata rata ugwali għad-doppju tar-rata bażika tal-bank ċentrali Ungeriż, skont l-Artikolu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali.

18

Din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-interessi fuq l-ammont tal-VAT, kif iddeterminati mid-deċiżjoni ta’ prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017 mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

19

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-regoli tad-dritt [tal-Unjoni] id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-[VAT] (fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 183 tagħha), u l-prinċipji ta’ effettività, ta’ effett dirett u ta’ ekwivalenza jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru fl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti fil-qasam ta’ interessi moratorji, li bis-saħħa tagħha l-awtorità fiskali nazzjonali ma wettqitx ksur (nuqqas), jiġifieri li ma kienx hemm min-naħa tagħha dewmien ta’ ħlas fir-rigward tal-parti li ma tistax tinġabar tal-VAT fuq l-akkwisti mhux irregolati tal-persuni taxxabbli, għaliex, fiż-żmien fejn l-awtorità fiskali nazzjonali ħadet deċiżjoni, il-kundizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-dritt [tal-Unjoni] kienet regola fis-seħħ u l-inkompatibbiltà ta’ din il-kundizzjoni mad-dritt [tal-Unjoni] ġiet ikkonstatata biss iktar tard mill-Qorti tal-Ġustizzja?

2)

Id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva VAT (fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 183 tagħha), il-prinċipju ta’ ekwivalenza, kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li, fl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti fil-qasam ta’ interessi moratorji, jagħmel distinzjoni li tipprovdi li n-nuqqas ta’ rimbors tat-taxxa mill-awtorità fiskali jseħħ fl-osservanza tar-regoli tad-dritt nazzjonali fis-seħħ li jirriżultaw li jkunu kuntrarji għad-dritt [tal-Unjoni] jew li jiksruh, billi jidentifika, fir-rigward tar-rata ta’ interessi fuq il-VAT li ma tistax tinġabar f’terminu raġonevoli minħabba kundizzjoni ta’ dritt nazzjonali ġġudikata li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, żewġ perijodi distinti kkaratterizzati minn dan li

għall-ewwel perijodu – peress li l-leġiżlazzjoni Ungeriża li tmur kontra d-dritt [tal-Unjoni] kienet għadha fis-seħħ fiż-żmien u li, għaldaqstant, l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi ma wettqux ksur billi ma awtorizzawx ir-rimbors f’terminu raġonevoli tal-VAT imsemmija fil-fatturi –, il-persuni taxxabbli setgħu jitolbu biss, abbażi ta’ interessi moratorji, interessi bir-rata bażika tal-Bank Ċentrali, filwaqt li,

għat-tieni perijodu, hemm lok li jitħallsu interessi bid-doppju tar-rata bażika tal-Bank Ċentrali meħuda bħala riferiment mid-dritt Ungeriż f’każ ta’ dewmien, iżda biss għall-ħlas tard tal-interessi moratorji kif huma kkalkolati għall-ewwel perijodu?

3)

L-Artikolu 183 tad-Direttiva VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprekludi prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħha n-nuqqas tar-rimbors tal-VAT jagħti lok għal ħlas ta’ interessi mill-awtorità fiskali bis-sempliċi rata bażika tal-Bank Ċentrali f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda bid-doppju ta’ dik ir-rata f’każ ta’ ksur tad-dritt intern?”

Il-Kawża C-126/18

20

Fit-30 ta’ Diċembru 2016, Dalmandi Mezőgazdasági ppreżentat lill-awtorità fiskali tal-ewwel istanza talba għal ħlas tal-interessi fuq l-ammonti tal-VAT li ma ġewx irrimborsati f’terminu raġonevoli bejn is-sena 2005 u s-sena 2011 minħabba l-applikazzjoni tal-kundizzjoni għall-“korrispettiv imħallas”. Is-somma mitluba ammontat għal HUF 74518800 (madwar EUR 240515). Għall-kalkolu tal-interessi fir-rigward ta’ kumpens għad-dannu sostnut direttament, it-talba ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu inkluż bejn id-data dovuta tal-ħlas għall-perijodu ta’ rappurtar ikkonċernat u d-data dovuta tar-rimbors għall-perijodu ta’ rappurtar li matulu ġiet adottata l-Liġi li Temenda, speċifikament, il-5 ta’ Diċembru 2011. Hija applikat ukoll, għall-għanijiet ta’ dan il-kalkolu, rata d-doppju ta’ dik bażika tal-bank ċentrali, skont l-Artikolu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali. Iktar minn hekk, Dalmandi Mezőgazdasági talbet ħlas tal-interessi addizzjonali għall-perijodu mill-5 ta’ Diċembru 2011 sad-data effettiva tal-ħlas, bl-applikazzjoni wkoll tar-rata li għaliha jirreferi l-Artikolu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2017, l-awtorità fiskali tal-ewwel grad laqgħet parzjalment din it-talba, billi tatha interessi li jammontaw għal HUF 34673000 (madwar EUR 111035) fir-rigward tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas indebitament għall-perijodu inkluż bejn ir-raba’ trimestru tal-2005 u t-tielet trimestru tal-2011, skont l-Artikolu 124/D(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali. Huwa ċaħad il-kumplament tat-talba.

22

Id-deċiżjoni tagħha kienet ibbażata fuq il-prinċipji stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017. L-ewwel nett, sabiex tiddetermina l-ammont tal-kreditu tal-interessi, l-awtorità fiskali applikat l-Artikoli 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, li jippreskrivu l-applikazzjoni ta’ rata ekwivalenti għar-rata bażika tal-bank ċentrali Ungeriż. Fit-tieni lok, hija ddeċidiet li t-talba ta’ Dalmandi Mezőgazdasági għall-ħlas tal-interessi komposti kienet infondata, minħabba li hija ma ppreżentatx talba għal rimbors speċjali u lanqas dikjarazzjoni tal-VAT li inkludiet it-talba għal rimbors. It-tielet nett, l-awtorità fiskali tal-ewwel istanza, għas-sena 2005, ċaħdet it-talba għal interessi ta’ Dalmandi Mezőgazdasági wara li kkonstatat li l-kreditu kien preskritt fir-rigward tal-ewwel tliet trimestri ta’ din is-sena.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2017, l-awtorità fiskali tat-tieni grad, li quddiemha Dalmandi Mezőgazdasági ppreżentat rikors amministrattiv, naqqset l-ammont allokat lilha bħala interessi relatati mal-ammont tal-eċċess tal-VAT deduċibbli li ma kienx rekuperabbli minħabba l-kundizzjoni tal-“korrispettiv imħallas” għal HUF 34259000 (madwar EUR 111527). Konformement mad-deċiżjoni ta’ prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017, dawn l-interessi kienu kkalkolati, skont l-Artikoli 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, bir-rata ekwivalenti għar-rata bażika sempliċi tal-bank ċentrali Ungeriż. Barra minn hekk, hija tat interessi moratorji li jammontaw għal HUF 7000 (madwar EUR 22) minħabba li nqabeż it-terminu għall-ipproċessar tat-talba tagħha, ikkalkolati mid-9 ta’ Marzu 2017, u laqgħet id-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tal-ewwel istanza rigward il-bqija tat-talba.

24

Dalmandi Mezőgazdasági ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, hija sostniet li d-deċiżjoni ta’ prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017 kienet tikser il-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ effett dirett tad-dritt tal-Unjoni.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Szekszárdi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szekszárd, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt [tal-Unjoni], id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva dwar il-VAT] (b’mod partikolari, l-Artikolu 183 tagħha), u l-prinċipji ta’ effettività, ta’ effett dirett u ta’ ekwivalenza jipprekludu prassi ġudizzjarja interna ta’ Stat Membru li skontha l-punt tat-tluq, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-interessi […], hija l-premessa li l-awtorità fiskali nazzjonali ma wettqet ebda ksur (omissjoni), jiġifieri li ma kienet responsabbli għal ebda dewmien fil-ħlas inkonnessjoni mal-parti mhux rekuperabbli tal-VAT fuq l-akkwisti mhux imħallsa tal-persuni taxxabbli, peress li, fil-mument li fih l-imsemmija awtorità tat id-deċiżjoni tagħha, il-liġi nazzjonali li kienet tikser id-dritt [tal-Unjoni] kienet fis-seħħ u li kien biss iktar tard li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inkompatibbiltà tar-rekwiżit inkluż fiha mad-dritt [tal-Unjoni]? B’dan il-mod, il-prassi nazzjonali aċċettat bħala kważi-konformi mad-dritt l-applikazzjoni ta’ tali rekwiżit stabbilit fil-liġi nazzjonali li kienet tikser id-dritt tal-Unjoni sa ma din ġiet formalment imħassra mil-leġiżlatur nazzjonali. B’dan il-mod, il-prassi nazzjonali aċċettat bħala kważi-konformi mad-dritt l-applikazzjoni ta’ tali rekwiżit stabbilit fil-liġi nazzjonali li kienet tikser id-dritt tal-Unjoni sa ma din ġiet formalment imħassra mil-leġiżlatur nazzjonali.

2)

Id-dritt [tal-Unjoni], partikolarment id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT (b’mod partikolari, l-Artikolu 183 tagħha), il-prinċipju ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, jipprekludi l-leġiżlazzjoni u l-prassi ta’ Stat Membru li skonthom, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-interessi […], għandha ssir distinzjoni skont jekk in-nuqqas ta’ rkupru tat-taxxa mill-awtorità fiskali sarx b’osservanza tad-dispożizzjoniijiet nazzjonali fis-seħħ — li rriżultaw li kienu jiksru d-dritt [tal-Unjoni] — jew jekk sarx bi ksur ta’ dan tal-aħħar, u li fir-rigward tar-rata tal-interessi fuq il-VAT mhux irkuprata f’terminu raġjonevoli minħabba rekwiżit tad-dritt nazzjonali li ġie ddikjarat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, jindikaw żewġ perijodi separati b’tali mod li,

għall-ewwel perijodu – peress li dakinhar il-leġiżlazzjoni Ungeriża kuntrarja għad-dritt [tal-Unjoni] kienet għadha fis-seħħ u li, għaldaqstant, l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi ma wettqu l-ebda ksur billi ma awtorizzawx ir-rimbors f’terminu raġjonevoli tal-VAT imsemmija fil-fatturi–, il-persuni taxxabbli jistgħu jitolbu biss, bħala interessi […], dawk l-interessi skont ir-rata bażika tal-bank ċentrali, filwaqt li,

għat-tieni perijodu, hemm lok li jitħallsu interessi ekwivalenti għad-doppju tar-rata bażika tal-bank ċentrali meħuda bħala riferiment mid-dritt Ungeriż f’każ ta’ dewmien, iżda unikament għall-ħlas tardiv tal-interessi […] kif ikkalkulati għall-ewwel perijodu?

3)

Id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li tistabbilixxi, bħala d-data tal-bidu tal-kalkolu tal-[interessi komposti] pagabbli, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, fuq l-ammont prinċipali li jikkonsisti fl-interessi moratorji (interessi fuq il-VAT) dovuti minħabba r-rimbors tardiv tat-taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, mhux id-data ta’ eżiġibbiltà inizjali tal-interessi fuq il-VAT (prinċipali), iżda data suċċessiva, b’kont meħud b’mod partikolari tal-fatt li d-dritt li jintalab ħlas tal-interessi fuq it-taxxi miġbura jew mhux rimborsati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa dritt suġġettiv li jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni stess?

4)

Id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li tobbliga lill-persuna taxxabbli tippreżenta talba speċjali meta hija titlob interessi minħabba ksur li jikkonsisti f’dewmien tal-awtorità fiskali, filwaqt li tali talba speċjali għall-ħlas ta’ interessi moratorji ma hijiex neċessarja f’każijiet oħra, meta dawn tal-aħħar għandhom jingħataw ex officio?

5)

F’każ li tingħata risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li skontha interessi komposti (interessi fuq l-interessi), dovuti minħabba l-ħlas tardiv ta’ ammont prinċipali konsistenti fl-interessi (interessi fuq il-VAT) dovuti fuq taxxa li l-ġbir tagħha ġie sussegwentement iddikjarat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jingħataw biss jekk il-persuna taxxabbli tressaq talba eċċezzjonali li l-kontenut tagħha ma jkunx jikkonċerna konkretament l-interessi iżda l-irkupru – fid-data tat-tħassir fid-dritt intern tad-dispożizzjoni li tipprevedi, bi ksur tad-dritt Komunitarju, il-ġbir tal-VAT minħabba nuqqas ta’ ħlas –tal-VAT relattiva, speċifikament, għall-akkwisti mhux imħallsa, peress li l-interessi fuq il-VAT li jikkostitwixxu l-bażi għall-interessi komposti mitluba – li la ġew imħallsa f’dak il-mument u lanqas wara – kienu diġà eżiġibbli għall-perijodi ta’ dikjarazzjoni preċedenti ta’ qabel it-talba eċċezzjonali?

6)

F’każ li tingħata risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li tipprevedi d-dekadenza ta’ dritt għall-interessi (interessi komposti), dovuti minħabba l-ħlas tardiv ta’ ammont prinċipali li jikkonsisti fl-interessi (interessi fuq il-VAT) dovuti fuq taxxa li l-ġbir tagħha ġie sussegwentement iddikjarat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ djun ta’ interessi fuq il-VAT li ma kinux suġġetti għall-perijodu ta’ rrapurtar tal-VAT affettwat mit-terminu ta’ preskrizzjoni previst għall-preżentata ta’ talba eċċezzjonali peress li dawn kienu eżiġibbli qabel?

7)

Id-dritt [tal-Unjoni], u b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ effettività kif ukoll tan-natura suġġettiva tad-dritt li jintalbu l-interessi fuq it-taxxi illegalment mhux irrimborsati jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li ċċaħħad b’mod definittiv lill-persuna taxxabbli mill-possibbiltà li jitlob interessi fuq taxxa, li nġabret abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-irkupru tal-VAT f’każ ta’ akkwisti mhux imħallsa u li sussegwentement ġiet iddikjarata kuntrarja għad-dritt [tal-Unjoni], u dan

billi tali prassi ma tqisx it-talba għall-interessi bħala fondata minħabba l-fatt li d-dispożizzjoni sussegwentement iddikjarata kuntrarja għad-dritt [tal-Unjoni] kienet fis-seħħ fil-mument meta t-taxxa kienet eżiġibbli (peress li ma kienx hemm dewmien u li l-awtorità tat-taxxa sempliċement aplikat il-liġi li kienet fis-seħħ),

u iktar tard – wara li tħassret id-dispożizzjoni li tirrestrinġi id-dritt għall-irkupru ddikjarata kuntrarju għad-dritt [tal-Unjoni] – b’effett tal-preskrizzjoni?

8)

Id-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru, li b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali interna sussegwentement iddikjarata kuntrarja għad-dritt [tal-Unjoni], tirrendi l-possibbiltà li jintablu, għall-perijodu kollu 2005-2011, interessi […] fuq l-ammont prinċipali, li jikkonsisti fl-interessi li l-persuna taxxabbli għandha dritt għalihom fuq it-taxxa mhux rimborsata fid-data ta’ eżiġibbiltà inizjali, dipendenti fuq il-punt dwar jekk il-persuna taxxabbli hijiex f’pożizzjoni li titlob l-irkupru tat-taxxa fid-dikjarazzjoni tagħha tal-VAT għall-perijodu (jiġifieri ix-xahar ta’ Settembru 2011) li matulu tħassret id-dispożizzjoni kuntrarja għad-dritt [tal-Unjoni] inkwistjoni, minkejja li l-ħlas tal-ammont prinċipali li jikkonsisti fl-interessi fuq il-VAT la sar f’dan il-mument u lanqas iktar tard, jiġifieri fid-data li fiha l-qorti nazzjonali ġiet adita bit-talba għall-interessi?”

26

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Marzu 2018, il-Kawżi C-13/18 u C-126/18 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

27

Il-Gvern Ungeriż jinvoka l-inammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Fil-fehma tiegħu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina d-domandi, imqajma fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, tal-ħlas tal-interessi, li r-rata, il-kalkolu u l-modalitajiet proċedurali tagħhom ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mid-dritt nazzjonali.

28

Permezz tal-argument tiegħu, il-Gvern Ungeriż fil-verità jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

29

Meta kawża titressaq quddiemha skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati, kif ukoll dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u lanqas li tinterpreta liġijiet jew regolamenti nazzjonali, hija madankollu għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qrati tar-rinviju bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulhom jevalwaw tali konformità għad-deċiżjoni tal-kawża li jkollhom quddiemhom (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C-189/18, EU:C:2019:861, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma obbligati jħallsu lura, bl-interessi, taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom għandhom jitħallsu tali interessi, b’mod partikolari r-rata u l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-interessi, dawn il-kundizzjonijiet għandhom madankollu josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ April 2013, Irimie, C-565/11, EU:C:2013:250, punti 22 u 23, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2018, Nidera, C-387/16, EU:C:2018:121, punti 22, 23 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Issa, permezz tad-domandi tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u b’mod iktar partikolari dwar dik tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sat-tielet domanda fil-Kawża C-13/18 kif ukoll fuq l-ewwel u t-tieni domanda u l-ewwel parti tas-seba’ domanda fil-Kawża C-126/18

33

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda fil-Kawża C-13/18 kif ukoll permezz tal-ewwel, it-tieni domanda u l-ewwel parti tas-seba’ domanda fil-Kawża C-126/18 kif ukoll li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, ta’ effett dirett u ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prattika ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fil-kalkolu tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas miżmum minn dan l-Istat lil hinn mit-terminu raġonevoli bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, billi tapplika rata li tikkorrispondi għar-rata bażika tal-bank ċentrali nazzjonali.

34

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għar-rimbors ta’ taxxi mħallsa fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, bħala prinċipju, l-Istati Membri huma obbligati li jirrimborsaw t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, EU:C:2012:478, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li meta Stat Membru jiġbor taxxi bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-individwi għandhom id-dritt mhux biss għar-rimbors tat-taxxa indebitament miġbura, iżda wkoll għall-ammonti mħallsa lil dan l-Istat jew miżmuma minnu b’relazzjoni diretta ma’ din it-taxxa. Dan jinkludi wkoll it-telf ikkostitwit mill-indisponibbiltà ta’ somom ta’ flus wara l-ġbir prematur tat-taxxa (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, EU:C:2012:478, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ obbligu tal-Istati Membri li jħallsu lura bl-interessi l-ammonti tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn dan id-dritt tal-aħħar (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, EU:C:2012:478, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jipprovdi għall-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jitħallsu tali interessi, b’mod partikolari r-rata u l-metodu tal-kalkolu ta’ dawn l-interessi (interessi sempliċi u interessi komposti). Dawn il-kundizzjonijiet għandhom iħarsu l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jiġifieri, huma la għandhom ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt intern u lanqas għandhom ikunu implimentati b’mod li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, EU:C:2012:478, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). L-imsemmija kundizzjonijiet għandhom, barra minn hekk, josservaw il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Nidera, C-387/16, EU:C:2018:121, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, fl-ewwel lok, dwar jekk il-prassi tal-amministrazzjoni fiskali, ibbażata fuq id-deċiżjoni ta’ prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017, hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, sa fejn din tipprevedi li interessi fuq l-ammonti tal-eċċess tal-VAT deduċibbli li ma setgħux jiġu rkuprati minħabba l-kundizzjoni ta’ “korrispettiv imħallas” humiex ikkalkolati skont l-Artikoli 124/C u 124/D tal-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali u mhux abbażi tal-Artikolu 37(4) u (6) ta’ dan il-kodiċi.

39

Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, l-Artikoli 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali jipprevedu li r-rata ta’ interessi applikabbli għas-somom li għandhom jiġu rrimborsati lill-persuna taxxabbli wara l-għoti ta’ deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali) jew mill-Kúria (il-Qorti Suprema), li tikkonstata li regola tad-dritt nazzjonali li tippreskrivi obbligu fiskali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni jew il-Liġi Fundamentali Ungeriża jew, fil-każ ta’ regolament komunali, għal kull regola oħra tad-dritt, huwa ugwali għar-rata bażika tal-bank ċentrali Ungeriż. Min-naħa l-oħra, skont dawn l-istess indikazzjonijiet, l-Artikolu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali jipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata li tikkorrispondi għad-doppju tar-rata bażika tal-bank ċentrali Ungeriż, fil-każ li l-amministrazzjoni ma tħallasx il-VAT li r-rimbors tagħha jintalab fi żmien 30 jew 45 jum minn meta tiġi rċevuta t-talba għal rimbors.

40

Fl-aħħar mill-aħħar, huma l-qrati tar-rinviju, li huma l-uniċi li għandhom għarfien dirett tal-modalitajiet ta’ dawn ir-rikorsi għal ħlas lura kontra l-Istat, li għandhom jivverifikaw jekk il-modalitajiet intiżi sabiex jiżguraw, fid-dritt intern, il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni humiex konformi mal-imsemmi prinċipju u li jeżaminaw kemm l-għan kif ukoll l-elementi essenzjali tar-rikorsi allegatament simili ta’ natura interna. F’dan ir-rigward, dawn il-qrati nazzjonali għandhom jivverifikaw ix-xebh tal-azzjonijiet ikkonċernati mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C-591/10, EU:C:2012:478, punt 31).

41

Mingħajr preġudizzju għal din il-verifika li hija imposta fuq il-qrati tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-interess previst fl-Artikoli 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali jidher li huwa kawża ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew ta’ qorti superjuri nazzjonali li tikkonstata, b’effett retroattiv, il-kuntrarjetà ta’ regola tad-dritt nazzjonali li timponi obbligu fiskali ma’ regola superjuri. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 37(4) u (6) ta’ dan il-kodiċi jidher li jikkonċerna sitwazzjoni li fiha l-amministrazzjoni ma laqgħetx talba għar-rimbors tal-VAT fit-terminu stabbilit. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza, mill-amministrazzjoni fiskali, tat-terminu li fih hija kienet obbligata tirrimborsa somma li kellha tħallas.

42

Għandu jingħad ukoll li, kif irrilevat essenzjalment il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, filwaqt li l-interessi moratorji previsti fl-Artikolu 37(6) tal-imsemmi kodiċi jidhru li japplikaw fuq perijodu sussegwenti għad-data tat-talba tal-persuna taxxabbli intiża għall-ħlas ta’ somma dovuta, l-interess previst fl-Artikoli 124/C u 124/D ta’ dan il-kodiċi jidher li japplika, b’mod partikolari, fuq perijodu qabel tali talba. B’hekk jidher li l-Artikoli 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali u l-Artikolu 37(4) u (6) ta’ dan il-kodiċi ma għandhomx suġġett u kawża simili, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qrati tar-rinviju.

43

Fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li r-regoli nazzjonali dwar il-kalkolu tal-interessi eventwalment dovuti fil-każ ta’ talba għar-rimbors tal-eċċess ta’ VAT deduċibbli adottat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni ma jwasslux sabiex iċaħħdu lill-persuna taxxabbli minn kumpens xieraq għat-telf ikkawżat mill-indisponibbiltà tas-somom ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Irimie, C-565/11, EU:C:2013:250, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-għan tal-ħlas tal-interessi fuq l-eċċess tal-VAT miżmuma minn Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li huma intiżi li jikkumpensaw it-telf finanzjarju ġġenerat, bi ħsara għall-persuna taxxabbli, għall-indisponibbiltà tas-somom ikkonċernati, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jeżiġi li l-modalitajiet tal-ħlas tal-interessi għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li l-piż ekonomiku tal-ammonti ta’ taxxa miżmuma indebitament jista’ jiġi kkumpensat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2013, Alakor Gababatermelġ és Forgalmazó, C-191/12, EU:C:2013:315, punti 24 u 27, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2018, Nidera, C-387/16, EU:C:2018:121, punti 24, 25 u 29).

45

F’dan il-każ, il-qrati tar-rinviju jistaqsu dwar il-kompatibbiltà tal-prattika tal-amministrazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipji mfakkra fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza, fid-dawl, minn naħa, tal-livell tar-rata ta’ interessi prevista mill-Artikoli 124/C u 124/D tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali u, min-naħa l-oħra, tal-perijodu kopert mill-applikazzjoni ta’ dawn l-interessi.

46

Fir-rigward ta’ din ir-rata ta’ interessi, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 124/C u 124/D ta’ dan il-kodiċi jippreskrivu l-applikazzjoni tal-interessi fuq il-VAT eċċessiva mħallsa b’rata ugwali għar-rata bażika tal-bank ċentrali Ungeriż, li tikkorrispondi għar-rata ta’ interessi li l-bank ċentrali nazzjonali japplika għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk persuna taxxabbli kellha tissellef somma ugwali għall-ammont tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas minn istituzzjoni ta’ kreditu sabiex tikkumpensa d-defiċit tal-flus li jirriżulta min-nuqqas ta’ rimbors tal-eċċess tal-VAT deduċibbli kkunsidrat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, hija jkollha tħallas rata ta’ interessi ogħla mir-rata bażika tal-bank ċentrali nazzjonali, li hija rriżervata biss għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

47

Fir-rigward tal-perijodu kopert mill-applikazzjoni ta’ dawn l-interessi, mill-proċessi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, konformement mal-prassi nazzjonali inkwistjoni, l-interessi fuq l-ammont tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas li ma setgħetx tiġi rkuprata minħabba l-kundizzjoni ta’ “korrispettiv imħallas” huma kkalkolati fuq il-perijodu ta’ rappurtar tal-VAT. Konformement mad-deċiżjoni ta’ prinċipju tal-Qorti Suprema Nru 18/2017, dawn l-interessi jiddekorru mill-jum ta’ wara dak tal-preżentata tal-formola tad-dikjarazzjoni tal-VAT li fuqha l-persuna taxxabbli indikat eċċess tal-VAT li kellu jiġi ttrasferit fuq il-perijodu ta’ rappurtar sussegwenti minħabba l-kundizzjoni ta’ “korrispettiv imħallas” sal-aħħar jum tal-preżentazzjoni tal-formola tad-dikjarazzjoni tal-VAT segwenti.

48

F’dan ir-rigward, mill-elementi ppreżentati minn Sole-Mizo u minn Dalmandi Mezőgazdasági lill-Qorti tal-Ġustizzja, elementi li l-verifika tagħhom għandha ssir mill-qrati tar-rinviju, jirriżulta li l-perijodu bejn id-data li fiha l-ammont tal-interessi fuq l-eċċess tal-VAT li ma jistax jiġi rkuprat minħabba l-kundizzjoni tal-“korrispettiv imħallas” ġie ddeterminat u d-data tal-ħlas effettiv ta’ dawn l-interessi għandha, għal dawn iż-żewġ impriżi, terminu li jvarja minn ħames snin sa kważi ħdax-il sena, liema terminu ma jidher l-ebda interess li jidher li jikkumpensa lill-persuna suġġetta għall-erożjoni monetarja kkawżata mid-dekors taż-żmien li taffettwa l-valur tal-ammont ikkonċernat.

49

Issa, prattika nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ rimbors fuq talba tal-persuna taxxabbli ta’ ammont ta’ eċċess ta’ VAT deduċibbli applikat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, l-interessi applikati fuq dan l-ammont, minn naħa, huma kkalkolati skont rata li hija inqas għolja minn dik li persuna taxxabbli li ma hijiex stabbiliment ta’ kreditu għandha tħallas sabiex tissellef somma ugwali għall-imsemmi ammont u, min-naħa l-oħra, jiddekorru matul perijodu ta’ rappurtar partikolari, mingħajr applikazzjoni ta’ interess sabiex tiġi kkumpensata l-persuna taxxabbli għall-erożjoni monetarja kkawżata mid-dekors taż-żmien wara dan il-perijodu ta’ rappurtar sal-ħlas effettiv ta’ dawn l-interessi, jista’ jċaħħad lill-persuna taxxabbli minn kumpens adegwat għat-telf ikkawżat mill-indisponibbiltà tas-somom ikkonċernati u, għalhekk, ma tosservax il-prinċipju tal-effettività. Barra minn hekk, tali prattika ma hijiex ta’ natura li tikkumpensa l-piż ekonomiku tal-ammonti ta’ taxxa miżmuma indebitament, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma huwiex neċessarju li dawn id-domandi jiġu eżaminati fid-dawl tal-prinċipji ta’ effett dirett u ta’ proporzjonalità.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda fil-Kawża C-13/18 u għall-ewwel u t-tieni domanda kif ukoll għall-ewwel parti tas-seba’ domanda fil-Kawża C-126/18 għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ newtralità fiskali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prattika ta’ Stat Membru li tikkonsisti fil-kalkolu tal-interessi fuq l-eċċess tal-VAT deduċibbli miżmuma minn dan l-Istat Membru lil hinn minn terminu raġonevoli bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, billi tapplika rata li tikkorrispondi għar-rata bażika tal-bank ċentrali nazzjonali, meta, minn naħa, din ir-rata tkun inqas minn dik li persuna taxxabbli li mhix istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas biex tissellef ammont ugwali l-imsemmi ammont u, min-naħa l-oħra, l-interessi fuq l-eċċess tal-VAT ikkonċernat jibqa’ għaddej matul perijodu ta’ rapportar partikolari, mingħajr applikazzjoni ta’ interess biex tikkumpensa lill-persuna taxxabbli għall-erożjoni monetarja kkawżata mid-dekors taż-żmien wara dan il-perijodu ta’ rappurtar sal-ħlas effettiv ta’ dawn l-interessi.

Fuq it-tieni parti tas-seba’ domanda fil-Kawża C-126/18

52

Permezz tat-tieni parti tas-seba’ domanda tagħha fil-Kawża C-126/18, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin it-talbiet għal ħlas tal-interessi fuq il-VAT eċċessiva mħallsa użata minħabba l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali meqjusa li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

53

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom għandhom jitħallsu l-interessi fuq l-ammonti tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, bla ħsara għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

54

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġjonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, anki jekk, bħala prinċipju, id-dekorriment ta’ dawn it-termini jagħti lok għaċ-ċaħda, totali jew parzjali, tal-azzjoni mibdija (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Compass Contract Services, C-38/16, EU:C:2017:454, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta, li l-possibbiltà li titressaq talba għar-rimbors tal-VAT imħallsa żejda mingħajr ebda limitu ratione temporis tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jeżiġi li s-sitwazzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli, fid-dawl tad-drittijiet u tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-amministrazzjoni fiskali, ma tkunx indefinittivament esposta għar-riskju li tiġi kkontestata (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Alstom Power Hydro, C-472/08, EU:C:2010:32, punt 16).

56

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li terminu nazzjonali ta’ dekadenza ta’ tliet snin li jiddekorri mid-data tal-ħlas ikkontestat jidher raġonevoli (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, EU:C:2002:435, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-126/18 jirriżulta li l-prattika nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażata fuq l-Artikolu 164(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, tippermetti lill-persuna taxxabbli titlob interessi sabiex tikkumpensa t-telf li tkun ġarrbet mill-aħħar perijodu ta’ rappurtar fl-2005 minħabba l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ “korrispettiv imħallas”. Konformement ma’ din il-prassi nazzjonali, talba għal ħlas ta’ interessi kellha titressaq mhux iktar tard mill-aħħar jum tal-ħames sena wara d-dħul fis-seħħ fis-27 ta’ Settembru 2011 tal-Liġi li Temenda — li fetħet proċedura għar-rimbors tal-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas minħabba l-kundizzjoni ta’ “korrispettiv imħallas” — jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2016.

58

Għalhekk jidher li l-imsemmija prassi nazzjonali tissuġġetta d-dritt li jintalbu interessi fuq eċċess ta’ VAT li jista’ jitnaqqas, adottat mill-Istat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċedura għar-rimbors ta’ dan l-eċċess. Għandu jiġi kkonstatat li tali prattika nazzjonali tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività.

59

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda element ta’ natura li joħloq dubju dwar il-konformità ma’ dan il-prinċipju tal-prattika nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn talba għall-ħlas tal-interessi hija suġġetta għall-istess terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, irrispettivament minn jekk it-talba tkunx ibbażata fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni jew fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali li jkollu suġġett u kawża simili.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni parti tas-seba’ domanda fil-Kawża C-126/18, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin it-talbiet għal ħlas tal-interessi fuq il-VAT eċċessiva mħallsa użata minħabba l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali meqjusa li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C-126/18

61

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C-126/18, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prattika ta’ Stat Membru li, l-ewwel nett, tissuġġetta l-ħlas ta’ interessi moratorji dovuti minħabba l-fatt li l-amministrazzjoni fiskali ma tkunx ipproċediet, fit-terminu stabbilit, għall-ħlas ta’ kreditu ta’ interessi dovut fir-rigward tar-rimbors ta’ eċċess tal-VAT bi ksur tad-dritt tal-Unjoni meta ssir talba speċifika, filwaqt li f’każijiet oħra tali interess jingħata ex officio u, fit-tieni lok, japplika dak l-interess mill-iskadenza ta’ perijodu ta’ 30 jew 45 jum allokati lill-amministrazzjoni għall-ipproċessar ta’ tali talba, u mhux mid-data li fiha dan l-eċċess ġie kkostitwit.

62

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li dawn id-domandi ma jirrigwardawx l-interessi li japplikaw għall-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas miżmuma bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda jirrigwardaw l-interessi moratorji previsti mill-Artikolu 37(4) u (6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, li huwa applikabbli fil-każ ta’ dewmien mill-amministrazzjoni fil-ħlas ta’ somma li r-rimbors tagħha huwa mitlub mill-persuna taxxabbli. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-126/18 jirriżulta li Dalmandi Mezőgazdasági ma ressqitx it-talba tagħha għall-irkupru tal-interessi fuq l-eċċess ta’ din il-kumpannija relatati ma’ perijodi differenti ta’ dikjarazzjoni li ddekorrew mix-xahar ta’ Diċembru 2005 sax-xahar ta’ Ġunju 2011 sa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi li Temenda li tistabbilixxi proċedura għar-rimbors tal-eċċess tal-VAT deduċibbli miżmum mill-Istat Ungeriż minħabba l-kundizzjoni ta’ “korrispettiv imħallas” matul is-sena 2011, iżda biss fit-30 ta’ Diċembru 2016. Issa, it-talba ta’ Dalmandi Mezőgazdasági intiża għall-ħlas, b’effett minn data preċedenti għat-tressiq ta’ din it-talba u fl-iskadenza tat-terminu għat-trattament mill-amministrazzjoni, ta’ interessi moratorji, skont l-Artikolu 37(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, ġiet irrifjutata mill-amministrazzjoni fiskali, minħabba li, fl-assenza ta’ talba, ebda dewmien ma jista’ jiġi attribwit lill-amministrazzjoni.

63

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-interessi moratorji previsti fl-Artikolu 37(4) u (6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali huma dovuti minħabba l-ħlas tardiv mill-amministrazzjoni fiskali ta’ kreditu fuq talba tal-persuna taxxabbli, il-ħlas ta’ tali interess ma jirriżultax direttament mill-obbligu, skont id-dritt tal-Unjoni, li jiġi kkumpensat it-telf ikkawżat mill-indisponibbiltà tal-VAT eċċessiva mħallsa miżmuma bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda mill-iskadenza mill-amministrazzjoni fiskali prevista minn terminu proċedurali, li għalih hija suġġetta din id-dispożizzjoni, previst mid-dritt nazzjonali.

64

Xorta jibqa’ l-fatt li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, id-dejn ikollu bħala kawża l-ksur minn Stat Membru tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġih li jħallas interessi moratorji fil-każ ta’ ħlas tardiv ta’ dan il-kreditu mill-amministrazzjoni, li fin-nuqqas ta’ dan l-Istati Membri ma jkunux imħeġġa jikkumpensaw fl-iqsar żmien l-effetti ta’ dan il-ksur subit mill-persuni taxxabbli.

65

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom tali interessi jitħallsu, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jipprevedi dawn il-kundizzjonijiet, bla ħsara għall-osservanza b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

66

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku wieħed imsemmi mit-tielet u mir-raba’ domanda fil-Kawża C-126/18, ir-rekwiżit dwar it-tressiq mill-persuna taxxabbli ta’ talba għall-ħlas tal-interessi moratorji dovuti fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas mill-amministrazzjoni ta’ kreditu li jirriżulta mill-ksur mill-Istat tad-dritt tal-Unjoni ma jistax, fih innifsu, jirrendi prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors ta’ eċċess tal-VAT stabbilit bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Kif osserva l-Gvern Ungeriż, huwa permezz tat-tressiq ta’ tali talba li l-persuna taxxabbli tinforma lill-amministrazzjoni fiskali dwar il-kreditu tagħha u hija din it-talba li tippermetti lill-amministrazzjoni tiżgura ruħha mill-ammont u mill-bażi legali tad-dejn ikkonċernat.

67

Fid-dawl tal-awtonomija proċedurali li għandhom l-Istati Membri sabiex jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-kundizzjonijiet proċedurali tal-ħlas ta’ interessi fuq l-ammonti tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, ir-rekwiżit dwar it-tressiq mill-persuna taxxabbli ta’ talba għall-ħlas tal-interessi moratorji dovuti f’każ ta’ dewmien fil-ħlas mill-amministrazzjoni ta’ kreditu li jirriżulta mill-ksur mill-Istat tad-dritt tal-Unjoni ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività.

68

Konsegwentement, prattika nazzjonali li tapplika l-interessi moratorji previsti mid-dritt nazzjonali fil-każ ta’ ħlas tardiv mill-amministrazzjoni fiskali ta’ kreditu dovut fuq talba tal-persuna taxxabbli, mill-iskadenza ta’ terminu ta’ 30 jew ta’ 45 jum impost fuq l-amministrazzjoni fiskali għall-ipproċessar ta’ din it-talba lanqas ma tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività, indipendentement mill-fatt li l-kreditu deher fil-kuntest tar-rimbors tal-VAT eċċessiva mħallsa miżmuma bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C-126/18, li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prattika ta’ Stat Membru li, l-ewwel nett, tissuġġetta l-ħlas ta’ interessi moratorji dovuti minħabba l-fatt li l-amministrazzjoni fiskali ma tkunx ipproċediet, fit-terminu stabbilit, għall-ħlas ta’ kreditu ta’ interessi dovut fir-rigward tar-rimbors ta’ eċċess tal-VAT bi ksur tad-dritt tal-Unjoni meta ssir talba speċifika, filwaqt li f’każijiet oħra tali interess jingħata ex officio u, fit-tieni lok, japplika dak l-interess mill-iskadenza ta’ perijodu ta’ 30 jew 45 jum allokati lill-amministrazzjoni għall-ipproċessar ta’ tali talba, u mhux mid-data li fiha dan l-eċċess ġie kkostitwit.

Fuq il-ħames u s-sitt domanda fil-Kawża C-126/18

70

Peress li, minn naħa, il-ħames domanda fil-Kawża C-126/18 saret fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għar-raba’ domanda u, min-naħa l-oħra, is-sitt domanda f’din il-kawża hija magħmula fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ħames domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal dawn id-domandi.

Fuq it-tmien domanda fil-Kawża C-126/18

71

Permezz tat-tmien domanda tagħha fil-Kawża C-126/18, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prattika ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-ħlas ta’ interessi moratorji dovut minħabba l-fatt li l-amministrazzjoni fiskali ma tkunx ipproċediet, fit-terminu stabbilit, għall-ħlas ta’ kreditu ta’ interessi dovut fir-rigward tar-rimbors ta’ eċċess tal-VAT miżmum, jista’ jkun biss bi ksur tad-dritt tal-Unjoni tista’ tingħata biss, għall-perijodu li matulu dan l-ammont żejjed ġie akkumulat, sakemm id-dikjarazzjoni mill-persuna taxxabbli relatata mal-perijodu li fih dak l-Istat Membru jtemm dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni juri eċċess ta’ VAT li tista’ titnaqqas.

72

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-126/18 jirriżulta li Dalmandi Mezőgazdasági kisbet il-ħlas ta’ interessi moratorji li jammontaw għal HUF 7000 (madwar EUR 22) minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-ipproċessar tat-talba tagħha tat-30 ta’ Settembru 2016 intiża għall-ħlas tal-interessi fuq l-eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, għal perijodu sussegwenti għat-talba tagħha, filwaqt li l-amministrazzjoni fiskali rrifjutat li tħallasha tali interessi għall-perijodu qabel it-talba tagħha. Barra minn hekk, huwa paċifiku li d-dikjarazzjoni ta’ din il-kumpannija dwar il-perijodu li matulu l-Istat Ungeriż temm dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni ma kienx wera eċċess tal-VAT li tista’ titnaqqas.

73

Issa, kif jirriżulta mill-punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza, l-amministrazzjoni fiskali setgħet, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ effettività, tirrifjuta li tħallas tali interessi moratorji fir-rigward tal-perijodu preċedenti għat-tressiq tat-talba.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan il-prinċipju, l-amministrazzjoni setgħetx tirrifjuta l-ħlas ta’ tali interess fir-rigward ta’ dan l-istess perijodu għal raġuni differenti mid-dewmien fit-tressiq tat-talba, marbuta mal-assenza ta’ eċċess tal-VAT li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-persuna taxxabbli dwar il-perijodu li matulu l-Istat Ungeriż temm l-imsemmi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ newtralità fiskali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prattika ta’ Stat Membru li tikkonsisti fil-kalkolu tal-interessi fuq l-eċċess tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li tista’ titnaqqas miżmuma minn dan l-Istat Membru lil hinn minn terminu raġonevoli bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, billi tapplika rata li tikkorrispondi għar-rata bażika tal-bank ċentrali nazzjonali, meta, minn naħa, din ir-rata tkun inqas minn dik li persuna taxxabbli li mhix istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas biex tissellef ammont ugwali l-imsemmi ammont u, min-naħa l-oħra, l-interessi fuq l-eċċess tal-VAT ikkonċernat jibqa’ għaddej matul perijodu ta’ rapportar partikolari, mingħajr applikazzjoni ta’ interess biex tikkumpensa lill-persuna taxxabbli għall-erożjoni monetarja kkawżata mid-dekors taż-żmien wara dan il-perijodu ta’ rappurtar sal-ħlas effettiv ta’ dawn l-interessi.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prattika ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin it-talbiet għal ħlas tal-interessi fuq l-eċċess tat-taxxa fuq il-valur miżjud miżmum minħabba l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali meqjusa li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

 

3)

Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prattika ta’ Stat Membru li, l-ewwel nett, tissuġġetta l-ħlas ta’ interessi moratorji dovuti minħabba l-fatt li l-amministrazzjoni fiskali ma tkunx ipproċediet, fit-terminu stabbilit, għall-ħlas ta’ kreditu ta’ interessi dovut fir-rigward tar-rimbors tal-eċċess tat-taxxa fuq il-valur miżjud bi ksur tad-dritt tal-Unjoni meta ssir talba speċifika, filwaqt li f’każijiet oħra tali interess jingħata ex officio u, fit-tieni lok, japplika dak l-interess mill-iskadenza ta’ perijodu ta’ 30 jew 45 jum allokati lill-amministrazzjoni għall-ipproċessar ta’ tali talba, u mhux mid-data li fiha dan l-eċċess ġie kkostitwit.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.