Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Lulju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikoli 202 u 203 – Dazji doganali fuq l-importazzjoni – Tnissil ta’ dejn doganali minħabba nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(d) u Artikolu 30 – VAT fuq l-importazzjoni – Fatt taxxabbli – Kunċett ta’ ‘importazzjoni’ ta’ merkanzija – Rekwiżit ta’ dħul ta’ merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni Ewropea – Trasferiment ta’ din il-merkanzija lejn Stat Membru li mhux dak li fih tnissel id-dejn doganali”

Fil-Kawża C-26/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hessen, ilĠermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung

vs

Hauptzollamt Frankfurt am Main,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung, minn R. Welzel u U. Reimer, Steuerberater,

–        għall-Hauptzollamt Frankfurt am Main, minn U. Beck, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(d) u tal-Artikolu 30 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        It-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Federal Express Corporation u Deutsche Niederlassung (iktar ’il quddiem “FedEx”) u l-Hauptzollamt Frankfurt am Main (l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju prinċipali tad-dwana fil-Ġermanja”) dwar l-obbligu li titħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fil-Ġermanja wara t-tnissil ta’ dejn doganali fuq l-importazzjoni bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92

3        Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1; rettifika ĠU 2013, L 287, p. 90) ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU 1992, L 302, p. 1) mill-1 ta’ Mejju 2016. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 363, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jibqa’ applikabbli għal din il-kawża.

4        L-Artikolu 40 tal-Kodiċi Doganali kien jgħid:

“Il-merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha tkun preżentata lid-dwana mill-persuna li ġabitha f’dak it-territorju jew, jekk xieraq, mill-persuna li tassumi r-responsabbiltà għat-trasport tal-merkanzija wara li tkun hekk daħlet, ħlief merkanzija trasportata b'mezzi ta’ trasport li jkunu biss fi transitu fl-ilmijiet territorjali jew fl-ispazju ta’ l-arja tat-territorju doganali tal-Komunità mingħajr waqfien f’dan it-territorju. Il-persuna li tippreżenta l-merkanzija għandha tagħmel riferiment għad-dikjarazzjoni fil-qosor jew għad-dikjarazzjoni doganali li kienet ġiet preżentata qabel fir-rigward tal-merkanzija.”

5        L-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali kien jipprevedi:

“Sakemm tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, merkanzija preżentata lid-dwana għandha, wara dik il-preżentazzjoni, ikollha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja. Dik il-merkanzija ser tkun deskritta aktar ‘l isfel bħala ‘merkanzija f'ħażna temporanja’.”

6        L-Artikolu 91(1)(a) tal-Kodiċi Doganali kien jipprovdi:

“Il-proċess ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:

a)      merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali.”

7        L-Artikolu 202(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali kien redatt kif ġej:

“1.      Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:

a)      l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

b)      l-introduzzjoni kontra l-liġi f’parti oħra ta’ dak it-territorju ta’ dawk il-merkanziji li jkunu jinsabu f’żona ħielsa jew maħżen ħieles.

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177.

2      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi.”

8        L-Artikolu 203(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali kien jipprovdi li:

“1.      Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

–        tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

2      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.”

 Id-Direttiva tal-VAT

9        Skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[...]

l-importazzjoni ta’ oġġetti [merkanzija].”

10      L-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“’Importazzjoni ta’ merkanzija’ għandha tfisser id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li ma tinsabx f’ċirkolazzjoni ħielsa fit-tifsira ta’ l-Artikolu 24 tat-Trattat.

Minbarra t-transazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li tinsab f'ċirkolazzjoni ħielsa, li ġejja minn territorju terz li jifforma parti mit-territorju doganali tal-Komunità, għandu jitqies bħala l-importazzjoni ta’ merkanzija.”

11      L-Artikolu 60 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Il-post ta’ importazzjoni ta’ merkanzija għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-merkanzija meta tidħol fil-Komunità.”

12      L-Artikolu 61 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Bħala deroga mill-Artikolu 60, fejn, malli tidħol fil-Komunità, merkanzija li mhijiex f’ċirkolazzjoni ħielsa titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 156, jew taħt arranġamenti għal importazzjoni temporanja b’eżenzjoni totali minn dazju ta’ importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ transitu esterni, il-post ta’ importazzjoni ta’ tali merkanzija għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija ma tibqax koperta minn dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.

B’mod simili, meta, mad-dħul fil-Komunità, merkanzija li hija f’ċirkolazzjoni ħielsa titpoġġa taħt waħda mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 276 u 277, il-post ta’ l-importazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija ma tibqax koperta minn dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.”

13      L-Artikolu 70 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“L-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija tkun impurtata.”

14      L-Artikolu 71 ta’ din id-direttiva jgħid:

“1.      Meta, mad-dħul fil-Komunità, il-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikoli 156, 276 u 277, jew taħt arranġamenti ta’ importazzjoni temporanji b’eżenzjoni totali tad-dazju fuq l-importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ trażitu esterni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas iseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.

Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun soġġetta għad-dazji doganali, jew għal imposti agrikoli jew għal xi piżijiet li għandhom effett ekwivalenti li ġew stabbiliti skont politika komuni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas fir-rigward ta’ dawk id-dazji u dawk id-dazji jsiru dovuti.

2      Meta merkanzija impurtata ma tkunx soġġetta għall-ebda mid-dazji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, rigward l-avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-mument meta l-VAT issir dovuta, japplikaw id-dispożizzjonijiet li jkun hemm fis-seħħ li jirregolaw id-dazji doganali.”

 Id-dritt Ġermaniż

15      L-Artikolu 1 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa dwar id-Dħul mill-Bejgħ), tal-21 ta’ Frar 2005 (BGBl. 2005 I, p. 386), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”), jipprovdi, fl-inċiż 4 tal-paragrafu 1 tiegħu:

“It-tranżazzjonijiet li ġejjin huma suġġetti għat-taxxa:

[...]

4. l-importazzjonijiet ta’ merkanzija fil-Ġermanja [...] (taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fuq l-importazzjoni);

[...]”

16      L-Artikolu 13(2) tal-UStG, intitolat “Tnissil tat-taxxa”, jipprovdi:

“L-Artikolu 21(2) japplika għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ mill-importazzjonijiet.”

17      L-Artikolu 21(2) tal-UStG, intitolat “Regoli speċjali dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ mill-importazzjoni”, jipprevedi:

“Ir-regoli applikabbli għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ huma applikabbli, b’analoġija, għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ mill-importazzjoni”.

18      L-Artikolu 14 tal-Einfuhrumsatzsteuer-Befreiungsverordnung (ir-Regolament Federali dwar l-Eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ mill-importazzjoni), tal-11 ta’ Awwissu 1992 (BGBl. 1992 I, p. 1526), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, intitolat “Rimbors jew maħfra”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“It-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ mill-importazzjoni tiġi rrimborsata jew maħfura fil-każijiet previsti fl-Artikoli 235 sa 242 tal-Kodiċi Doganali, u dawn id-dispożizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom għandhom japplikaw b’analoġija.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      F’Jannar 2008, FedEx wasslet merkanzija li toriġina minn Iżrael, mill-Messiku u mill-Istati Uniti (iktar ’il quddiem il-“merkanzija inkwistjoni”), suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni, lejn varji destinazzjonijiet fil-Greċja, id-destinazzjoni finali tagħhom. Din il-merkanzija ġiet ittrasportata fi 18-il lott differenti (iktar ’il quddiem it-“18-il lott”), bl-ajruplan, sa Frankfurt am Main (il-Ġermanja), fejn tgħabbiet f’ajruplan ieħor sabiex tiġi ttrasportata lejn il-Greċja.

20      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 2008, l-Uffiċċju Doganali tal-Ajruport ta’ Ateni (il-Greċja) informa lill-Uffiċċju prinċipali tad-dwana fil-Ġermanja li t-18-il lott kienu ġew ittrasportati lejn il-Greċja bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.

21      Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, l-Uffiċċju prinċipali tad-dwana fil-Ġermanja rrileva li 14 mit-18-il lott ma kinux ġew ippreżentati lid-dwana fil-Ġermanja skont l-Artikolu 40 tal-Kodiċi Doganali u kkonkluda li dawn il-lottijiet kienu ddaħħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea b’mod irregolari. Huwa għaldaqstant qies li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali, l-importazzjoni irregolari ta’ dawn il-lottijiet kienet nisslet dejn doganali fuq l-importazzjoni.

22      Għal 3 mit-18-il lott, l-Uffiċċju prinċipali tad-dwana fil-Ġermanja qies li l-merkanzija kkonċernata kienet f’ħażna temporanja mal-wasla tagħha fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main, li kienet ġiet ittrasportata lejn Ateni mingħajr ma kienet tqiegħdet taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern Komunitarju u li, għalhekk, kienet tneħħiet mill-post tal-ħażna mingħajr awtorizzazzjoni. Fil-każ tal-aħħar lott, ġie kkonstatat li l-moviment tal-merkanzija lejn Ateni kienet saritlu preċedentement proċedura ta’ tranżitu estern debitament ikkomunikata minn Pariġi (Franza) lil Frankfurt am Main, iżda li din il-merkanzija kienet ukoll tneħħiet mill-post tal-ħażna mingħajr awtorizzazzjoni. Għal dawn l-erba’ lottijiet, l-Uffiċċju doganali ewlieni fil-Ġermanja qies li n-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali nissel dejn doganali fuq l-importazzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali.

23      B’riżultat ta’ dan, għat-18-il lott, l-Uffiċċju doganali prinċipali fil-Ġermanja adotta ħames avviżi ta’ ġbir tad-dazju fuq l-importazzjoni, fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2010, fil-konfront ta’ FedEx. L-istess uffiċċju qies li, għal dawn il-lottijiet, il-VAT fuq l-importazzjoni, ikklassifikata fil-Ġermanja bħala taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ mill-importazzjoni, kienet dovuta għar-raġuni li, taħt l-Artikolu 21(2) tal-UStG, ir-regoli applikabbli għad-dazji doganali huma applikabbli b’analoġija għal din it-taxxa.

24      FedEx ħallset id-dazji fuq l-importazzjoni u t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ mill-importazzjoni li rriżultaw minn dawn il-ħames avviżi. Madankollu, f’Novembru 2011, din il-kumpannija talbet ir-rimbors ta’ dawn id-dazji u ta’ din it-taxxa għar-raġuni, b’mod partikolari, li dawn kienu suġġetti għal taxxa doppja, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, FedEx allegat li l-merkanzija inkwistjoni, wara li waslet f’Ateni, ġiet irrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa u li d-dazji fuq l-importazzjoni, inkluża t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ mill-importazzjoni Griega, kienu nġabru. B’avviżi tad-9 u tal-10 ta’ April 2013, l-Uffiċċju prinċipali tad-dwana fil-Ġermanja ċaħad dawn it-talbiet għal rimbors.

25      Wara proċeduri ta’ kontestazzjoni mressqa minn FedEx kontra dawn l-avviżi, l-amministrazzjoni fiskali emendat ir-rati tat-taxxa li kienu ġew applikati fiż-żewġ avviżi tat-30 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2010 u wettqet rimbors parzjali tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ mill-importazzjoni relatata ma’ dawn iż-żewġ avviżi.

26      Fit-13 ta’ Ġunju 2014, FedEx ressqet rikors kontra dawn il-ħames avviżi quddiem il-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hessen, il-Ġermanja). Waqt is-seduta, FedEx irrinunzjat għall-atti għal dak li jirrigwarda d-dazji doganali fuq l-importazzjoni, iżda kompliet fit-talba tagħha fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ mill-importazzjoni. F’dan ir-rigward, hija sostniet li din it-taxxa hija taxxa fuq il-konsum li hija ta’ piż biss fuq merkanzija li fil-fatt tiġi kkunsmata fit-territorju nazzjonali. Billi l-merkanzija inkwistjoni ntbagħtet lejn il-Greċja mingħajr ma ddaħħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku Ġermaniż, ma setgħetx titqies li ġiet importata fil-Ġermanja u li b’hekk din kienet tranżazzjoni taxxabbli.

27      Il-Qorti tar-rinviju għandha għalhekk dubji dwar jekk, wara n-nuqqasijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali msemmija fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza, li nisslu dejn doganali fuq l-importazzjoni, il-VAT fuq l-importazzjoni tnisslitx fil-Ġermanja għal dak li jirrigwarda l-merkanzija inkwistjoni.

28      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-punt 65 tas-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Eurogate Distribution u DHL Hub Leipzig (C-226/14 u C-228/14, EU:C:2016:405), li tirreferi għall-kunċett ta’ “riskju” ta’ dħul fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Din il-qorti tirrileva li, jekk dak il-kunċett għandu jiġi applikat, f’każijiet fejn merkanzija mdaħħla fit-territorju tal-Unjoni ma tkunx tqiegħdet taħt proċedura doganali jew tkun tneħħiet mis-sistema li taħtha tkun tqiegħdet, għandu jiġi eżaminat biss jekk ikunx hemm riskju li dik il-merkanzija tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni fit-territorju fiskali tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-każ, għandu jitqies li riskju bħal dan kien jeżisti minħabba li l-merkanzija inkwistjoni, minħabba d-dħul irregolari jew it-tneħħija tagħha mis-superviżjoni doganali, ma kinitx jew ma baqgħetx taħt din is-sorveljanza. B’mod partikolari, il-merkanzija mdaħħla illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni setgħet tneħħiet bil-moħbi u tiġi kkunsmata mingħajr ma tiġi ntaxxata.

29      Madankollu, fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 2017, Wallenborn Transports (C-571/15, EU:C:2017:417) u tat-18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš (C-154/16, EU:C:2017:392), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-VAT fuq l-importazzjoni, fil-każ ta’ Stat Membru li fit-territorju fiskali tiegħu tkun iddaħħlet il-merkanzija fl-Unjoni, titnissilx biss meta l-merkanzija tidħol fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni anki fit-territorju fiskali tal-imsemmi Stat Membru. F’dan il-każ, ikun hemm dħul fiċ-ċirkwit ekonomiku biss meta l-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali jew meta nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali jwassal għal preżunzjoni li l-merkanzija tkun iddaħħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku u li tista’ tkun suġġetta għall-konsum jew għall-użu. Dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet biss jikkostitwixxu “importazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hessisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hessen, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) u tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud tippreżupponi li l-merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni tidħol fis-sistema ekonomika tal-Unjoni jew huwa suffiċjenti li jeżisti sempliċi riskju li din il-merkanzija tidħol f’din is-sistema?

2)      Fil-każ fejn importazzjoni tippreżupponi d-dħul tal-merkanzija fis-sistema ekonomika tal-Unjoni:

Merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni tidħol awtomatikament fis-sistema ekonomika tal-Unjoni fil-każ fejn, minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, din ma titqiegħed taħt l-ebda skema fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tad-Direttiva 2006/112 jew, għalkemm tkun ċertament inizjalment tqiegħdet taħt tali skema, minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, sussegwentement ma tibqax suġġetta għal din l-iskema, jew, fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, id-dħul fis-sistema ekonomika tal-Unjoni jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li jista’ jiġi preżunt li, minħabba dan il-ksur, il-merkanzija tkun daħlet fis-sistema ekonomika tal-Unjoni fit-territorju fiskali tal-Istat Membru li fih twettaq il-ksur u setgħet kienet is-suġġett ta’ konsum jew ta’ użu?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

31      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta merkanzija tiddaħħal fit-territorju tal-Unjoni, il-kunċett ta’ “importazzjoni ta’ merkanzija” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jirreferi biss għad-dħul fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni ta’ din il-merkanzija jew jekk dak il-kunċett ikoprix ukoll ir-riskju ta’ dħul ta’ din il-merkanzija f’dan iċ-ċirkwit.

32      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C-637/17, EU:C:2019:263, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT, l-importazzjonijiet ta’ merkanzija huma suġġetti għall-VAT. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva jgħid li “Importazzjoni ta’ merkanzija” għandha titqies li tkun id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li ma tinsabx f’ċirkolazzjoni ħielsa fis-sens tal-Artikolu 24 KE.

34      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-VAT hija taxxa fuq il-konsum, hija tapplika għall-merkanzija u għas-servizzi li jidħlu fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni u jkunu jistgħu jiġu kkunsmati (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš, C-154/16, EU:C:2017:392, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fil-każ preżenti, mill-kliem stess tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-merkanzija inkwistjoni ġiet ittrasportata lejn il-Greċja, id-destinazzjoni finali tagħha, fejn ġiet ikkunsmata. Konsegwentement, huwa paċifiku li din il-merkanzija daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT.

36      Għaldaqstant, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, il-kwistjoni, dwar jekk l-eżistenza ta’ “riskju” li merkanzija tiddaħħal fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-merkanzija tkun ġiet “importata” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) u tal-Artikolu 30 tad-Direttiva tal-VAT, kienet tidher li hija ta’ natura ipotetika.

37      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-ewwel domanda ma hijiex ammissibbli.

 Fuq it-tieni domanda

38      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta merkanzija tiddaħħal fit-territorju tal-Unjoni, ikun biżżejjed li l-merkanzija tkun il-kawża ta’ nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali fi Stat Membru partikolari, li tnissel dejn doganali fuq l-importazzjoni, sabiex jitqies li l-imsemmija merkanzija tkun daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni f’dan l-Istat Membru.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 60 tad-Direttiva tal-VAT, l-importazzjoni ta’ merkanzija titwettaq fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-merkanzija fil-mument li tiddaħħal fil-Komunità. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 ta’ din id-direttiva jipprevedi li, bħala deroga mill-Artikolu 60, fejn, malli tidħol fil-Komunità, merkanzija li ma tkunx f’ċirkolazzjoni ħielsa titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 156 tal-imsemmija direttiva jew taħt arranġamenti għal importazzjoni temporanja b’eżenzjoni totali minn dazju fuq l-importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ tranżitu estern, l-importazzjoni ta’ din il-merkanzija titwettaq fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija ma tibqax taħt dawn l-arranġamenti jew sitwazzjonijiet.

40      L-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-VAT jistabbilixxi l-prinċipju li l-fatt taxxabbli jseħħ u t-taxxa ssir dovuta malli l-merkanzija tiġi importata. L-Artikolu 71(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi, b’mod partikolari, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li meta l-merkanzija taqa’, wara d-dħul tagħha fl-Unjoni, taħt il-proċedura tal-ħażna doganali, il-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà tat-taxxa jseħħu biss fil-mument meta l-merkanzija toħroġ minn din il-proċedura. Madankollu, it-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu jirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari li fiha, għall-merkanzija importata li tkun suġġetta għal dazji doganali, għal taxxi agrikoli jew għal taxxi li jkollhom effett ekwivalenti fil-kuntest ta’ politika komuni, il-fatt taxxabbli jseħħ u t-taxxa ssir dovuta fil-mument meta jseħħu l-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà ta’ dawn id-dazji.

41      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-VAT fuq l-importazzjoni u d-dazji doganali juru karatteristiċi essenzjali simili inkwantu huma jitnisslu minħabba l-importazzjoni fl-Unjoni u l-importazzjoni sussegwenti tal-merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri. Dan ix-xebh, barra minn minn hekk, huwa kkonfermat mill-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva tal-VAT jawtorizza lill-Istati Membri jorbtu l-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà tal-VAT mal-importazzjoni ma’ dawn id-dazji doganali (sentenzi tat-28 ta’ Frar 1984, Einberger, 294/82, EU:C:1984:81, punt 18, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Harry Winston, C-273/12, EU:C:2013:466, punt 41).

42      Fil-każ preżenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li, matul is-sena 2008, kwantità ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi, li hija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni, ġiet ittrasportata sal-Ġermanja, sabiex imbagħad tiġi ttrasportata lejn il-Greċja, id-destinazzjoni finali tagħha. Parti minn din il-merkanzija ma ġietx ippreżentata lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi u għalhekk iddaħħlet b’mod irregolari fit-territorju doganali tal-Unjoni. Il-bqija tal-merkanzija ddaħħlet legalment f’dan it-territorju, fil-Ġermanja, iżda sussegwentement ġiet ittrasferita lejn il-Greċja billi tneħħiet mis-superviżjoni doganali, bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.

43      Ma huwiex ikkontestat li, fil-kawża prinċipali, dawn in-nuqqasijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali fil-Ġermanja nisslu dejn doganali fuq l-importazzjoni fil-konfront tal-kumpannija li daħħlet il-merkanzija inkwistjoni fit-territorju tal-Unjoni, fuq il-bażi, rispettivament, tal-Artikolu 202(1)(a) u tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali.

44      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dejn tal-VAT jista’ jiżdied mad-dejn doganali jekk l-aġir illegali li jkun ħoloq dan id-dejn tal-aħħar jippermetti li jiġi preżunt li l-merkanzija kkonċernata tkun iddaħħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni u tkun setgħet ġiet ikkunsmata, li jibda l-fatt taxxabbli tal-VAT (sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2016, Eurogate Distribution u DHL Hub Leipzig, C-226/14 u C-228/14, EU:C:2016:405, punt 65, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2017, Wallenborn Transports, C-571/15, EU:C:2017:417, punt 54).

45      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ fejn il-merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni titneħħa mis-superviżjoni doganali f’żona ħielsa u ma tibqax f’din iż-żona, bħala prinċipju hemm lok għall-preżunzjoni li din tkun iddaħħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017, Wallenborn Transports, C-571/15, EU:C:2017:417, punt 55).

46      F’dan il-każ, minn naħa, fir-rigward tal-merkanzija inkwistjoni li ma ddaħħlitx legalment fit-territorju doganali tal-Unjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, hemm lok, bħala prinċipju, li jiġi preżunt li din daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru li fih kienet iddaħħlet fl-Unjoni, jiġifieri fil-Ġermanja.

47      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-merkanzija inkwistjoni mneħħija mis-superviżjoni doganali, din tneħħiet, fil-Ġermanja, mill-proċedura doganali li taħtha kienet tqiegħdet. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, hemm ukoll lok li wieħed jippreżumi li hija daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni f’dan l-Istat Membru.

48      Madankollu, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, preżunzjoni bħal din tista’ tiġi kkonfutata jekk jiġi stabbilit li, minkejja n-nuqqasijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali, li jinvolvu t-tnissil ta’ dejn doganali fuq l-importazzjoni fl-Istat Membru fejn ikunu twettqu dawn in-nuqqasijiet, tkun iddaħħlet merkanzija fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih din il-merkanzija kienet maħsuba għall-konsum. F’dan il-każ, il-fatt taxxabbli għall-VAT fuq l-importazzjoni jseħħ f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

49      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li, jekk il-merkanzija inkwistjoni kienet il-kawża ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali fit-territorju Ġermaniż, din ġiet ittrasferita minn ajruplan għal ieħor f’dan it-territorju.

50      Ċertament, minħabba dawn in-nuqqasijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali, il-merkanzija inkwistjoni, li kienet materjalment tinsab fit-territorju tal-Unjoni, ma kinitx iktar taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, li kienu mċaħħda mill-possibbiltà li jikkontrollaw il-moviment ta’ din il-merkanzija.

51      Madankollu, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa stabbilit li l-merkanzija inkwistjoni ġiet ittrasportata lejn il-Greċja, id-destinazzjoni finali tagħha, fejn ġiet ikkunsmata.

52      Għalhekk, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, in-nuqqasijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali fit-territorju Ġermaniż ma jikkostitwixxux, fihom innifishom, element suffiċjenti sabiex jitqies li l-merkanzija inkwistjoni tkun daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni fil-Ġermanja.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, f’każ bħal dan, il-merkanzija daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni fl-Istat Membru tad-destinazzjoni finali tagħha u li, għalhekk, il-VAT fuq l-importazzjoni relatata mal-merkanzija tnisslet f’dak l-Istat Membru.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta tiddaħħal merkanzija fit-territorju tal-Unjoni, ma jkunx biżżejjed li l-merkanzija kienet is-suġġett ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali fi Stat Membru partikolari, li jkunu nisslu dejn doganali fuq l-importazzjoni f’dan l-Istat Membru, sabiex jitqies li l-merkanzija tkun daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni f’dak l-Istat Membru, meta jiġi stabbilit li l-istess merkanzija tkun ġiet ittrasferita lejn Stat Membru ieħor, id-destinazzjoni finali tagħha, fejn tkun ġiet ikkunsmata, u l-VAT fuq l-importazzjoni marbuta ma’ din il-merkanzija b’hekk tkun tnisslet fl-Istat Membru l-ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2006/112/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta tiddaħħal merkanzija fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, ma jkunx biżżejjed li l-merkanzija kienet is-suġġett ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali fi Stat Membru partikolari, li jkunu nisslu dejn doganali fuq l-importazzjoni f’dan l-Istat Membru, sabiex jitqies li l-merkanzija tkun daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni f’dak l-Istat Membru, meta jiġi stabbilit li l-istess merkanzija tkun ġiet ittrasferita lejn Stat Membru ieħor, id-destinazzjoni finali tagħha, fejn tkun ġiet ikkunsmata, u l-VAT fuq l-importazzjoni marbuta ma’ din il-merkanzija b’hekk tkun tnisslet fl-Istat Membru l-ieħor.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.